LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

Il-Knisja fl-Arġentina: “assolutament illegali”  li tippermetti żwieġ gay

 

Traduzzjoni ta’ Artiklu  (Aġenzija Zenit) 

Il-Knisja fl-Arġentina: “assolutament illegali”  tippermetti żwieġ gay

Il-Kardinal Bergoglio jikkritika lill-Gvern għax ma ħax passi kontra sentenza ġudizjarja.

 

 

25 ta’ Novembru 2009

Nieves San Martin

 

Buenos Aires, l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru 2009 ( Zenit.org):  Sentenza ta’ mħallef, li tat il-permess  biex isir żwieġ bejn żewġ irġiel, wasslet lill-Arċidjoċesi ta’ Buenos Aires, fl-Arġentina biex tippublika komunikat li fih   tkellmet dwar   din is-sentenza  bħala waħda  “assolutament illegali”.  Il-Kardinal Bergoglio ddikjara li  l-Awtorita’ Eżekuttiva “naqset b’mod gravi mid-dmir  tagħha” meta ma ħaditx  passi kontra din id-deċiżjoni.

 Fit-13 ta’ Novembru, l-Imħallef Gabriela Seijes tat sentenza li biha ordnat lir-Reġistru Ċivili  biex jagħmel żwieġ bejn żewġt irġiel li kienu ppreżentaw rikors, meta l-uffiċċju pubbliku  kien  ċaħħadhom mid-data biex iseħħ iż-żwieġ. Din is-sentenza  qajmet ħafna reazzjonijiet.

Wara l-kritika minn oqsma ekkleżjali minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ Buenos Aires naqsu  li jieħdu passi, nhar it-Tlieta l-Arċisqof tal-belt kapitali Arġentina, il-Kardinal Jorge Mario Bergoglio laqa’   lil Mauricio Macri, il-kap tal-Gvern lokali  f’udjenza privata fuq talba  ta’ Macri stess. 

Il-Kurja tal-Arċisqof ħarġet komunikat  fejn spjegat  li  din il-laqgħa kienet  saret fuq talba ta’ Macri u   qalet  li matulha “l-Kardinal Bergoglio saħaq li  meta dan  ma  kienx ħa passi kontra d-deċiżjoni tal-imħallef fil-mod kontroversjali amministrattiv taż-żwieġ  bejn persuni tal-istess  sess, huwa naqas b’mod gravi  milli jwettaq  dmiru fit-tmexxija  u l-ħarsien tal-liġi”.

Il-komunikat saħaq ukoll li “l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi nazzjonali ma jistgħux ikunu  modifikati minn imħallef tal-prima istanza.  F’dan il-każ huwa d-dmir tar-rappreżentant  tal-Awtorita’ Eżekuttiva li  jieħu l-miżuri kollha biex ikun ċert mil-legalita’ tal-att;   f’dal-każ dan  kien assenti, u allura  kien hemm id-dmir li jittieħdu passi”.

Qabel ma saret din il-laqgħa,   fis-16 ta’ Novembru , il-Kurja ta’ Buenos Aires  kienet ħarġet dikjarazzjoni  ffirmata  mill-Kardinal Bergoglio  u mill-isqfijiet awżiljarji,  li fiha   qalu li s-sentenza tal-imħallef “tirrifletti distakk serju mil-liġijiet li jiggvernawna”.

Huma kkritikaw il-fatt li l-membru tal-Awtorita’ Eżekuttiva  “ma kienx ta permess  biex jittieħdu passi kontra din is-sentenza assolutament illegali, ħalli  jippromwovi dibattitu aktar fit-tul u aktar fil-fond dwar kwestjoni hekk importanti. Dan juri b’mod ċar  nuqqas gravi ta’ serjeta’  u preċedent leġiżlattiv serju għal pajjiżna u għall-Amerika Latina kollha”. 

“Il-kriżi tal-valuri  li qed taħkem lis-soċjeta’ tagħna  tnissi   l-oriġni stess tal-kelma ‘żwieġ’ li  tmur lura  lejn   is-sistemazzjoni  tal-qedem  fid-Dritt Ruman, fejn it-terminu “matrimonium” kien marbut mad-dritt ta’ kull mara li jkollha wlied rikonoxxuti  mil-liġi”.

 Spjegaw li “l-kelma  ‘żwieġ’ (matrimonio)  talludi  għal dik il-kwalita’ leġittima ta’ ‘omm’ (madre) li l-mara takkwista bl-għaqda fiż-żwieġ.  Spiss ikun hemm min,  b’mod żbaljat,  jassoċja  t-terminu ‘żwieġ’  mas-sagrament kattoliku li jġib l-istess isem, mingħajr ma jikkunsidra l-fatt li  din l-kelma u r-realta’  li trid tesprimi tbierku mid-Dritt Ruman żmien sew qabel ma l-Kristjaneżmu deher fl-istorja tal-umanita’”.

 Affermaw  li “din id-deċiżjoni tista’ tkun kunsidrata  kontra  diversi trattati internazzjonali b’ġerarkija kostituzzjonali sa mill-1994,  bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (art.16), il-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi (art.23) u l-Konvinzjoni Amerikana tad-Drittijiet Umani  (art.17), li jwasslu biex wieħed jikkonkludi  li huwa biss  żwieġ bejn persuni ta’ sess differenti li huwa kostituzzjonali”.

“Li tisħaq dwar l-eterosesswalita’ taż-żwieġ ma jfissirx li tkun qed tiddiskrimina, imma jfisser li tkun qed tassumi  element oġġettiv taż-żwieġ”.

Fit-18 ta’ Novembru, is-Segretarjat Nazzjonali għall-Familja ppublika komunikat li fih qal “li ż-żwieġ   dejjem jinbena  fuq is-sisien tar-rabta bejn raġel u mara, imma li huwa  wkoll vera istituzzjoni msejħa biex twettaq funzjoni soċjali  li  xejn ma jista’ jieħu postha:  tiffaċilita u tippromwovi l-komunita’  fil-ħajja magħżula mir-raġel u martu, tikkostitwixxi ambitu  adegwat għall-prokreazzjoni u għall-edukazzjoni tal-ulied u allura hi l-qalb tal-familja, li hi ċellula fundamentali tas-soċjeta’.  Għalhekk, iż-żwieġ imur ‘l hemm mill-interess partikulari tar-raġel u martu u  jinteressa wkoll b’mod ġenerali.  U minn dan joħroġ il-fatt, li minn meta l-bniedem  beda  jara l-affarijiet  hekk, hu sar  oġġett ta’ regolamentazzjoni soċjali”.

Wieħed jistaqsi: “Hi ħaġa loġika li tpoġġi fuq l-istess keffa l-kundizzjonijiet  li l-koppja magħmula minn raġel u mara tista’ toffri lill-ulied ma’ dawk li toffri dik magħmula minn żewġ persuni tal-istess sess?”

“Żgur li ma tistax tirraġuna hekk.  Hi  l-ewwel koppja biss u mhux it-tieni waħda  li tista’ ġġibhom fid-dinja frott tar-rabta personali ta’ bejniethom.  Hi l-ewwel koppja biss u mhux it-tieni waħda li tista’ tagħti lit-tfal il-figura tal-missier u tal-omm u mudelli awtentikament maskili u femminili, li ma jistgħux jgħaddu mingħajrhom għall-iżvilupp sħiħ tagħhom”. 

Is-Segretarjat saħaq fuq il-ħtieġa li “wieħed ma jissimplifikax  dan  is-suġġett fuq il-bażi  li tista’ tinħoloq diskriminazzjoni.  Mhux il-modi kollha ta’ kif jiġi ttrattat argument huma  negattivi, imma  dawk li jirriżultaw arbitrarji u li jagħmlu ħsara lill-garanzija tal-ugwaljanza u allura lill-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali. Il-Kostituzzjoni tagħna u l-liġijiet huma mimlija distinzjonijiet ġusti u raġonevoli li bl-ebda mod ma jbaxxu  lil min ma jidħolx fihom.”

 Anki l-Kummissjoni Nazzjonali Ġustizzja u Paċi saħqet li “din id-deċiżjoni turi nuqqas kbir ta’ serjeta’ politika li qed tippreżenta preċedent leġiżlattiv serju” “f’suġġett ta’ importanza fundamentali bħalma hi l-istituzzjoni tal-familja  li tibni s-soċjeta’ tagħna.

 U kompliet iżżid li “d-difiża ta’ sitwazzjonijiet partikulari tista’ tintlaħaq  b’modi oħra, mingħajr ma jkun  hemm il-ħtieġa  li ċċaqlaq mis-sisien  l-ordni ġuridiku familjari tas-soċjeta’ tagħna  ”.

“ Fi żmien ta’ inċertezza  li qed tinħass  minn ħafna fl-Arġentina frott ta’  problemi serji ta’ vjolenza u nuqqas ta’ sigurta’, ta’ abbuż mid-droga, ta’ solitudni u diqa ta’ qalb, nappellaw  li   l-istituzzjoni tal-familja u r-rabtiet insostitwibbli li tiġġenera    bħala fattur  fl-edukazzjoni u fil-qasam affettiv,  jiġu msaħħin”.   

 

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.

 

Ara aktar riżorsi minn jew dwar il-Papa Franġisku.

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link