L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Dwar il-ħobż u l-inbid għall-Ewkaristija

 

 

KONGREGAZZJONI GĦALL-KULT DIVIN

U D-DIXXIPLINA TAS-SAGRAMENTI

Prot. N. 320/17

 

Ittra ċirkulari lill-Isqfijiet dwar il-ħobż u l-inbid għall-Ewkaristija

 

1. Il-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, fuq talba tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, qed tindirizza lill-Isqfijiet djoċesani u lil dawk ekwivalenti għalihom skont il-liġi, biex tfakkar li fuq kollox huwa dmir tagħhom li jipprovdu b’mod xieraq dak li hu meħtieġ biex titħejja ċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla tal-Mulej (ara Lq 22:8,13). L-Isqof, li hu l-ewwel responsabbli mit-tqassim tal-misteri ta’ Alla, moderatur, promutur u ħarries tal-ħajja liturġika fil-Knisja fdata lilu (ara CIC kan. 835 §1), għandu jkun ċert mill-kwalità tal-ħobż u l-inbid li jintużaw waqt l-Ewkaristija u, għaldaqstant, minn min jippreparahom. Sabiex inkunu ta’ għajnuna, qed infakkru fir-regoli li diġà jeżistu u qed noffru xi suġġerimenti prattiċi.

 

2. Filwaqt li sa issa, ġeneralment, kienu ċerti komunitajiet ta’ reliġjużi li jieħdu ħsieb il-preparazzjoni tal-ħobż u l-inbid għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, illum dawn jinbiegħu anki fis-supermarkets, fi ħwienet oħra u permezz tal-internet. Biex ma jidħlux dubji dwar il-validità tal-materja Ewkaristika, dan id-Dikasteru jagħti parir lill-Ordinarji biex jagħtu indikazzjonijiet ċari, ngħidu aħna, billi joffru garanzija fuq il-materja Ewkaristika permezz ta’ ċertifikazzjoni apposta.

 

L-Ordinarju għandu jfakkar lis-saċerdoti, b’mod partikolari lill-kappillani u r-retturi tal-knejjes, fir-responsabbiltà li għandhom li jkunu ċerti minn min jipprovdi l-ħobż u l-inbid għaċ-ċelebrazzjoni u minn kemm il-materja tkun idonja.

 

Hu fid-dmir tal-Ordinarju wkoll li jara li min jipprepara l-inbid u l-ħobż għall-Ewkaristija jkun infurmat u jirrispetta n-normi b’mod sħiħ.

 

3. In-normi li għandhom x’jaqsmu mal-materja Ewkaristika, kif indikati f’kan. 924 tal-CIC u fin-numri 319-323 tal-Istitutio generalis Missalis Romani, diġà ġew spjegati fl-Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum ta’ din il-Kongregazzjoni (25 ta’ Marzu 2004):

 

a) “Il-ħobż użat fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Qaddis għandu jkun dak ażżmu, esklussivament magħmul mid-dqiq tal-qamħ u mħejji reċentement, b’mod li ma jkun hemm ebda riskju ta’ taħsir. Minn dan jidher li dak imħejji minn materja oħra, anki jekk ikun ġej miċ-ċereali, jew li miegħu tħalltet materja oħra li mhix qamħ, fi kwantità tali li ma jistax jibqa’ jissejjaħ, skont il-valutazzjoni komuni, ħobż tal-qamħ, ma hux materja valida għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju u tas-Sagrament Ewkaristiku. Huwa abbuż gravi li jiġu mdaħħla fl-għaġna tal-ħobż għall-Ewkaristija sustanzi oħra, bħalma huma frott, zokkor u għasel. Huwa importanti li l-ostji jinħadmu minn persuni li mhux biss jiddistingwu ruħhom għall-onestà, iżda jkunu wkoll esperti fit-tħejjija tal-istess ostji u mgħammra b’għodod adegwati” (n. 48).

 

b) “L-inbid użat fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku qaddis għandu jkun naturali, mill-frott tad-dielja, ġenwin, mhux mibdul, lanqas imħallat ma’ sustanzi barranin. […] Għandu jiġi mħares b’attenzjoni kbira li l-inbid iddestinat għall-Ewkaristija, jiġi kkonservat fi stat perfett u ma jitħalla qatt isir ħall. Huwa assolutament ipprojbit l-użu ta’ nbid li jkun hemm xi dubju dwar il-ġenwinità u l-provenjenza tiegħu: il-Knisja tesiġi, fil-fatt, iċ-ċertezza dwar il-kundizzjoni meħtieġa għall-validità tas-sagramenti. Imbagħad, m’għandha qatt tiġi permessa l-ebda skuża favur xi xorb ieħor, hu x’inhu, li ma jikkostitwix materja valida” (n. 50).

 

4. Il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fl-Ittra Ċirkulari lill-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali dwar l-użu tal-ħobż bi kwantità żgħira ta’ glutina u tal-għeneb magħsur bħala materja Ewkaristika (24 ta’ Lulju 2003, Prot. N. 89/78 – 17498), għarrfet liema huma n-normi fejn jidħlu persuni li, għal raġunijiet differenti u gravi, ma jistgħux jieħdu ħobż maħdum bil-mod normali jew inbid b’fermentazzjoni normali:

 

a) “L-ostji li ma fihom xejn glutina mhumiex materja valida għall-Ewkaristija. Jitqiesu materja valida l-ostji li fihom ammont imnaqqas ta’ glutina u għalhekk li fihom ikun hemm preżenti kwantità biżżejjed ta’ glutina biex dan jitqies ħobż, mingħajr il-bżonn ta’ sustanzi oħra u mingħajr ma jgħaddi minn proċeduri li bihom tintilef in-natura tiegħu ta’ ħobż” (A. 1-2).

 

b) “L-għeneb magħsur, kemm dak frisk u kemm dak ippreservat qabel il-fermentazzjoni permezz ta’ metodi li ma jbiddlux in-natura tiegħu (ngħidu aħna, l-iffriżar), huwa materja valida għall-Ewkaristija” (A. 3).

 

ċ) “L-Ordinarji għandhom il-kompetenza li jagħtu l-permess lil persuna jew lil saċerdot biex jintuża ħobż b’ammont imnaqqas ta’ glutina jew l-għeneb magħsur bħala materja Ewkaristika. Il-permess jista’ jibqa’ jingħata, sakemm iddum għaddejja s-sitwazzjoni li minħabba fiha jingħata dan il-permess” (C. 1).

 

5. Din il-Kongregazzjoni ddeċidiet ukoll li l-materja Ewkaristika ppreparata b’organiżmi ġenetikament modifikati tista’ tiġi kkunsidrata materja valida (ara Ittra lill-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, 9 ta’ Diċembru 2013, Prot. N. 89/78 – 44897).

 

6. Min jipprepara l-ħobż u jipproduċi l-inbid għaċ-ċelebrazzjoni għandu jkun konxju li xogħlu se jkun parti mis-Sagrifiċċju Ewkaristiku u dan jitlob minnu onestà, responsabbiltà u kompetenza.

 

7. Biex jiġu mħarsa n-normi ġenerali, jista’ jkun hemm ftehim bejn l-Ordinarji fuq livell ta’ Konferenza Episkopali, li fih jingħataw indikazzjonijiet ċari. Xħin naraw il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi eżistenti, bħalma hu n-nuqqas ta’ rispett lejn dak li hu sagru, qed jinħass il-bżonn prattiku li l-Awtorità kompetenti tagħti l-inkarigu biex b’mod effettiv ikun hemm min jiggarantixxi l-ġenwinità tal-materja Ewkaristika min-naħa tal-produtturi, ta’ min iqassamha, kif ukoll ta’ min ibigħha.

 

Nagħtu parir, ngħidu aħna, li Konferenza Episkopali tagħti l-inkarigu lil Kongregazzjoni Reliġjuża jew lil iktar minn waħda, jew lil Istituzzjoni valida oħra, biex dawn jivverifikaw tajjeb il-produzzjoni, il-konservazzjoni u l-bejgħ tal-ħobż u tal-inbid għall-Ewkaristija f’pajjiż partikulari u f’pajjiżi oħra fejn jiġu esportati. Nirrikkmandaw ukoll li l-ħobż u l-inbid li se jintużaw għall-Ewkaristija jingħataw trattament xieraq fil-postijiet fejn jinbiegħu.

 

Mis-sede tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, 15 ta’ Ġunju 2017, Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu.

 

Kardinal Robert Sarah

Prefett

+ Arthur Roche

 Arċisqof Segretarju

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona.