Diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II

KUNU BENNEJJA TAL-KOMUNITAJIET! 

ħajr lis-Sur Alfred Mallia għall-għajnuna tiegħu fit-typing.

 

     Segretarjat għal-Lajċi                                                                                                                    www.laikos.org

 

 

Għeżież ħuti,

 

1.            Insellem lilkom ilkoll minn qalbi.  Ġejtu minn kull naħa tad-dinja biex tagħtu ħajja lill-Ewwel Kungress Internazzjonali tal-“Moviment tal-Parroċċi.”  Merħba bikom!  Inħossni ferħan li ninsab magħkom.  Fikom insellem lill-Moviment tal-Fokolarini kollu għax intom fergħa minnu.  Insellem lil dan il-Moviment u nuri l-apprezzament tieghi għall-impenn biex dejjem aktar iqanqal il-ħajja tal-Vanġelu fis-soċjeta’ tal-lum.  Nixtieq infakkar ukoll b’mod speċjali lis-sinjorina Chiara Lubich, fundatriċi u president ta’ dan il-Moviment imżewwaq, li jissejjah ukoll “Opra ta’ Marija”, kif ukoll lil dawk kollha li huma mseħbin magħha biex ixerrdu fid-dinja l-imħabba ta’ Kristu.

 

Is-suġġett li fuqu se taħsbu  f’dawn il-ġranet huwa mportanti ħafna għall-ħajja pastorali tal-knisja.  Intom qed tistaqsu lilkom infuskom x’inhu meħtieġ  biex tibnu “Parroċċa li hi komunita'!”  M’ghandniex xi ngħidu, dan qed tagħmluh għax intom konvinti li l-parroċċa bħala espressjoni mill-aktar  antika fil-ħajja  tal-Knisja, għad għandha valur.  Madankollu fl-aħħar snin ma naqsux dawk li ġiehom  dubju dwar  il-bżonn tal-parroċċa.  Kien hemm min staqsa jekk il-parroċċa tistax tibqa’ taħdem fis-sitwazzjoni tal-bliet moderni, biex b’hekk tkun tista’ tilqa’ l-isfida ta’ dinja li sar fiha minn kollox.   L-aktar li ġie dubju huwa dwar jekk il-parroċċa għandhiex il-mezzi, u ħajja biżżejjed biex l-Aħbar it-Tajba tkun preżenti u tħalli effett, biex tidħol fil-ħajja tat-tfal, taż-żgħażagħ u ta’ l-anzjani, tal-bniedem li rnexxa u ta’ dak li ma rnexxiex, tal-bniedem imwarrab, bla skop, indifferenti.

 

2.            Ix-xogħol li għandha tagħmel il-Knijsa llum jidher enormi u żgur li mhix se tkun il-parroċċa weħidha li se ssolvi dan kollu.  Madankollu l-parroċċa llum wkoll jista’ jkollha staġun ġdid.  Minħabba li ħafna drabi jsib ruħu mħawwad u mitluf, il-bniedem tal-lum ifittex l-għaqda ma’ l-oħrajn.   Wara li jkun ilu jara l-valuri soċjali ta’ madwaru jitfarrku, hu jipprova jingħaqad ma’ esperjenza ta’ għaqda vera u awtentika.  Mhux din hi s-sejħa tal-parroċċa, “li tkun dar tal-familja, fejn hemm l-aħwa u fejn issib ruħek milqugħ,” “għaqda ta’ l-aħwa fl-ispirtu ta’ l-unita’, il-familja ta’ Alla f’post partikulari?”.

 

       Il-paroċċa mhix prinċipalment  organizzazzjoni, biċċa art, jew bini.  Il-Parroċċa hija l-ewwelnet komunita’ tal-fidili.   Fil-fatt hekk ifissirha l-Kodiċi  (Can 515,1).  Dan hu x-xogħol tal-parroċċa llum:  “li tkun komunita’, terġa ssib li hi komunita’.”   Ma nistgħux inkunu nsara kull wieħed għalih waħdu.  Li nkunu nsara jfisser li nemmnu u ngħixu l-fidi tagħna flimkien ma’ l-oħrajn, li nkunu knisja komunita ‘.

 

     Il-Komunita’ titwieled mill-Kelma t’Alla li ngħixu

 

      3.   Imma kif titwieled il-komunita’?   Intom tafu li l-komunita’ mhix sempliċiment  xi ħaġa li tista' torganizzaha.  Il-komunita’ hija komunjoni.  Biex titwieled il-komunita’ mhux bizzejjed  li jkun hemm is-saċerdot, anke jekk, bħala rappreżantant ta’ l-Isqof, huwa jwettaq biċċa xogħol  ta’ siwi.   Hemm bżonn l-impenn tal-parruċċani kollha,  ghax is-sehem tagħhom jiswa ħafna.  Il-Konċilju Vatikan II saħaq b’ħiltu kollha fuq dan  (Lumen Gentium, 32-33) (Appostolat tal-Lajċi, 2-3; Saċerdoti 2).   Għalhekk ninsab kuntent narakom hekk impenjati, għax tafu bis-sejħa tal-Mulej biex, flimkien mas-saċerdoti tagħkom, jagħmilkom bennejja ta’ kumunitajiet ħajjin.

       Żgur li din mhix biċċa xogħol ħafifa.   Din mhix biss komunita’ ta’ bniedem.   Il-komunita’ nisranija hija rejalta’ umana u divina.  Għalhekk il-mistoqsija tagħna dwar kif titwieled komunita’ ssib risposta preċiża u sabiħa:  fuq kollox ma titwelidx mill-isforzi taghna.  Huwa  Kristu nnifsu li jqanqalha.  Hija t-tħabbira ta’ l-Aħbar it-Tajba tieghu li jlaqqa’ flimkien lill-insara.  (L.G. 26, P.O.4).  L-origini u l-bidu tal-komunita’ tal-Knijsa hija l-Kelma ta’ Alla imxandra, mismugħa, immeditata u mbagħad imqegħda fil-prattika fil-ħafna sitwazzjonijiet ta’ kull jum, biex nistgħu   "napplikaw il-veritajiet ta’ dejjem fiċ-ċirkostranzi konkreti tal-ħajja." (P.O. 4).   Mela mhux biżżejjed tisma’ l-Kelma mhux biżżejjed titħabbar, jeħtieġ ngħixuha.

 

Naf li intom tiltaqghu fi gruppi żgħar  fil-parroċċi tagħkom fejn intom taħsbu fuq il-Kelma ta’ Alla, u anke taqsmu ma’ xulxin l-esperjenzi li tkuni għextu.  Dan igħinkom biex tiskopru l-effett ta’ l-Aħbar it-Tajba fil-komunita’.  Sewwa, issa qiegħdu din l-iesperjenza ghas-servizz ta’ ħutkom irġiel u nisa.  Siru bennejja ta’ komunitajiiet fejn, fuq l-eżempju ta’ l-ewwel komunita’ nisranija, tgħix u taġixxi l-Kelma  (Atti 6,7; 12-24)

 

           Ngħixu l-ħajja bħala Għid li ma jintemmx

 

3.            Il-komunita’  nisranija  tgħix  permezz tal-Kelma, imma bħala ċentru u qofol tagħha għandha l-Ewkaristija (Christus Dominus, 30).  Permezz ta’ l-Ewkaristija hija tniżżel l-għeruq fil-misteru ta’ Kristu Rxuxtat u permezz Tiegħu,  fil-għaqda tat-tliet Persuni tat-Trinita’ nnifsha.  Din hi l-profondita’ nisranija!  Din hi t-tifsira taċ-Ċelebrazzjoni tal-Liturġija:  huma jdaħluna fil-qalba tal-ħajja ta’ Alla; fihom aħna niltaqgħu ma’ Kristu li miet u rxoxta, u qed igħix fostna.  

 

Imma dak li niċċelebraw irid jibdel lil  ħajjietna.  L-Ewkaristija turina xi jfisser it-taħbit tagħna, id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja, it-tifsira ta’ kull tbatija.  Dan  kollu, magħqud  mas-sagrifiċċju  ta’ Kristu jista’ jinbidel f’offerta lil Alla u f’għajn ta’ ħajja.   Xejn ma jista’ jżomm il-mixja tal-komunita’ li tgħallmet tgħix  il-ħajja bħala Ghid li ma jintemmx:  bħala mewt u ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu (Rum 6,4-8)

 

Sewwa, dan mhuwiex wieħed mill-punti ewlenin li intom tippruvaw tgħixu fl-ispiritwalita’ tal-Moviment  tal-Folkolari:  l-imħabba lejn Ġesu’ Msallab  u abbandunat?  Ghaldaqstant, l-impenn tagħkom mhux imsejjes fuq xi motiv uman biss, fuq sentiment ta’ estużjażmu  li jgħaddi.  Fih imsallab u rxuxtat, intom issibu l-għerq li jagħti l-ħajja lill-komunitatjiet tagħkom u fl-istess ħin it-triq biex jikbru dejjem aktar.  Fih issibu l-mod kif tgħixu s-saċerdozju tagħkom bħala mgħammdin.

 

          Ħajja soċjali mogħtija l-ħajja bl-imħabba

 

4.            Kif rajna l-komunita’ nisranija titwieled mill-kelma, u tniżżel l-għeruq fil-misteru ta’  l-Għid.  Imma hemm it-tielet ħaġa li tagħmel il-komunita’:  din hi l-imħabba mnissla f’qalbna mill-Ispirtu s-Santu (Rum 5,5).    Fil-fatt x’tiswa komunita’ mingħajr l-imħabba?  X’tiswa jekk ma twettaqx dak li l-Konċilju jsejjaħ “Liġi” tal-poplu ġdid ta’ Alla:  il-preċett biex inħobbu bħalma Ġesu’ nnifsu ħabb lilna? (L.G.9)  X’tiswa mingħajr l-għaqda sħiħa ma’ l-Isqof, mal-Knisja universali?

 

Imma din l-imħabba trid tkun tidher.  L-imħabba trid tippenetra u ġġib l-ordni fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-bnedmin, trid tnissel ħajja soċjali tassew nisranija.  Dan huwa importanti – bħalma diġa sħaqt drabi oħra “li l-parroċċa ssir dejjem aktar ċentru ta’ ġemgħa ta’ bnedmin insara jiġifieri l-parroċċa ssir komunita’ sħiħa.”  (Diskors 24/1/’82)

Fil-komunitajiet tagħna huma msejħin biex juru minn qabel iċ-Ċivilta’ ta’ l-imħabba.  U dan ifisser li, fuq il-mudell ta’ l-ewwel komunitajiet insara, huma għandhom jibnu strutturi soċjali maħsubin għall-ħtiġijiet ta’ l-għaqda ta’ bejn l-aħwa.  Dan ifisser li jibnu rabtiet  mimlijin  bl-ispirtu tal-paċi u ta’ l-għotja  lil xulxin, solidarjeta’ li tfejjaq is-soċjeta’, ħajja spiritwali komunitarja li  tista’ tgħaqqad l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu.

 

Naf li f’din il-laqgħa  qegħdin  tirriflettu  fuq  dawn l-aspetti kollha.  Dawn huma meħtieġa  biex il-komunita’ ssir aktar matura u biex ix-xhieda tagħha  tagħti l-frott mixtieq.  Id-dinja tal-lum, li ħafna drabi hi ‘l boghod minn Alla, tagħti aktar każ tal-fatti milli  tal-kliem.  Kien Ġesu’ stess li qabbadna fuq din it-triq; “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35).   Il-parroċċa  hija  post privileġġjat biex tingħata din ix-xhieda, billi tirrepti fi żmienna dawk il-ħwejjeġ ta’ l-għaġeb li kien fihom l-ewwel komunitajiet, dik il-meravilja ta’ ħajja ġdida li mhux biss hi spiritwali imma soċjali u storika.

 

Ħajja flimkien imfassla fuq ix-xhieda tat-Trinita’

 

     6.  L-ispiritwalita’ tagħkom hija mibnija madwar l-unita’.  Bil-ħajja u bl-impenn tagħkom tixtiequ tagħtu sehem ħalli jitwettaq it-Testment ta’ Ġesu’:   “Biex ilkoll inkunu ħaġa waħda.  Bħalma int, Missier, inti fija u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.” (Ġw 7,21).  B’dan il-kliem il-Mulej qed jissuġġerilna – bħalma qal il-Konċilju Vatikan II --  Ċertu xebh bejn l-għaqda  tal-persuni  divini u l-għaqda bejn ulied Alla fil-veirta’ u fl-imħabba” (G.S. 24).  Mela l-aqwa mudell ta’ kif għandha tkun il-ħajja tal-bnedmin flimkien:  it-Trinita!  Minn dan il-mudell kbir joħorġu ħafna konsegwenzi anke għall-parroċċa.   Il-vokazzjoni sabiħa tal-Komunita’ tal-knisja hi li tagħmel minn kollox biex issir,  f’ċertu sens, xbieha tat-Trinita’ Qaddisa,  “billi tgħaqqad flimkien id-differenzi  umani (A.A.10)  fl-unita’ bejn ix-xjuħ u żgħażagħ, nisa u rġiel, intelletwali u ħaddiema, sinjuri u faqr.

 

          Mibnija bl-imħabba skond dan il-mudell, il-parroċċi tagħkom jistgħu jwettqu ħidma siewja ma’ dawk li jeħtieġu li xi ħadd iressaqhom lejn Kristu.

 

Fedelta’ lejn din l-ispiritwalita’ biex tkun tista’ ssir ħmira  tajba.

 

7.               Minn  qalbi  nawguralkom,  egħżież ħuti,  li  tkomplu  fl-impenn tagħkom.  Jekk tħabirku  biex “titrawmu bil-qalb fl-ispiritwalita’ karateristika” tal-Moviment tagħkom  -  bħalma jistedinkom biex tagħmlu l-Konċilju (A.A. 4)  -  u fl-istess ħin tibqgħu magħqudin sewwa mas-saċerdoti u l-isqfijiet tagħkom, intom issiru ħmira tajba fil-parroċċi tagħkom.  Hekk tkunu tistgħu tgħinuhom jiskopru u jkabbru dejjem aktar il-vokazzjoni tagħhom li jsiru komunita’.

 

Taqtgħux qalbkom mid-diffikultajiet.  Kunu mezzi ta’ għaqda fost il-gruppi, movimenti u għaqdiet tal-komunitajiet tagħkom!

 

Maria,  Omm  il-Knisja,  tħariskom  fil-mixja  tagħkom u  fil-ħidma tagħkom.  Ħadd bħalha, li tat ‘il Ġesu’ lid-dinja ma jista’ jgħinkom biex fil-parroċċi taghkom jiddi d-dawl  ta’ Kristu.  Jekk jiġri hekk il-parroċċi  tagħkom  iwettqu  dejjem aktar il-vokazzjoni tagħhom:  li jkunu l-preżenza ta’ Kristu fost il-bnedmin (diskors ta’ Ġwanni Pawlu II 18/2/1979)

 

          Nagħtikom il-Barka Apostolika tieghi!

         

         Ġwanni Pawlu II