
ROSARIUM VIRGINIS MARIAE
ITTRA APPOSTOLIKA
dwar
IR-RUŻARJU MQADDES
mibgħuta lill-Isqfijiet,
lill-Kleru u lill-Fidili.
16 Ottubru 2002
INTRODUZZJONI
1. Ir-Rużarju tal-Verġni Marija,
li ssawwar bil-mod il-mod matul
it-tieni millennju taħt
il-ħarsien ta’ l-Ispirtu ta’
Alla, huwa talba li ħafna
Qaddisin għożżewha u li
l-Maġisteru tal-Knisja
jinkoraġġiha. Fis-sempliċità u
l-profondità tagħha, din
tibqa’ talba b’tifsira kbira,
anki f’dan it-tielet millennju
li għadu kemm beda, u għandha
twassal għal ħafna frott ta’
qdusija. Tinkwadra tajjeb
fil-mixja spiritwali
tal-kristjaneżmu, li wara elfejn
sena ma tilef xejn mis-safa
tiegħu tal-bidu, u jħoss
l-Ispirtu ta’ Alla jqanqlu biex
«jaqdef ‘il barra fil-fond» («
duc in altum! ») ħalli
mill-ġdid jxandar quddiem
id-dinja, anzi ‘jgħajjat’
b’leħen għoli, li Kristu huwa
l-Mulej u l-Feddej, «it-triq,
is-sewwa u l-ħajja » (Ġw
14, 6), li huwa « l-iskop ta’
l-istorja tal-bniedem, il-punt
li lejh jieħdu x-xewqat ta’
l-istorja u taċ-ċiviltà ».(1)
Fil-fatt, għalkemm ir-Rużarju hu
ta’ xejra marjana ċara ħafna,
imma fil-qalba tiegħu hu
kristuċentriku. Fis-sobrjetà ta’
l-elementi tiegħu, insibu
miġbura l-profondità tal-messaġġ
ta’ l-Evanġelju kollu kemm hu;
kważi nistgħu ngħidu li hu
kompendju tiegħu.(2)
Fih tidwi t-talba ta’ Marija,
il-Magnificat dejjiemi
tagħha għall-opra fejjieda ta’
l-Inkarnazzjoni li bdiet fil-ġuf
verġinali tagħha. Bir-Rużarju,
il-poplu nisrani jpoġġi ruħu fl-iskola
ta’ Marija, u jasal biex
jikkontempla l-ġmiel tal-wiċċ ta’
Kristu u jagħmel esperjenza
tal-kobor bla qies ta’ l-imħabba
tiegħu. Bir-Rużarju, il-fidili
jistgħu jirċievu kotra kbira ta’
grazzja, bħal qishom jirċevuha
mill-idejn stess ta’ Omm
il-Feddej.
Il-Papiet u r-Rużarju
2. Bosta predeċessuri tiegħi
taw importanza kbira lil din
it-talba. Ta’ min isemmi b’mod
partikulari lill-Papa Ljun XIII
li fl-1 ta’ Settembru 1883 nieda
l-Enċiklika
Supremi apostolatus officio,(3).
Dan id-dokument ta’ siwi kbir
kien l-ewwel wieħed fost
il-ħafna stqarrijiet tiegħu
fejn hu wera din it-talba bħala
arma spiritwali siewja kontra
l-ħażen li jaħkem lis-soċjetà.
Fost il-Papiet l-aktar reċenti,
li minn żmien il-Konċilju ‘l
hawn ħadmu biex ixerrdu
d-devozzjoni lejn ir-Rużarju,
nixtieq insemmi lill-Beatu
Ġwanni XXIII(4)
u fuq kollox lil Pawlu VI, li
fl-Eżortazzjoni appostolika
Marialis cultus saħaq fuq
il-karattru evanġeliku
tar-Rużarju u fuq l-orjentament
kristoloġiku tiegħu, bi qbil
ma’ l-ispirtu tal-Konċilju
EkumenikuVatikan II.
Jien stess ma ħallejt ebda
okkażjoni taħrab biex inħeġġeġ
ħalli wieħed jgħid ir-Rużarju
ta’ spiss. Sa minn meta kont
għadni żagħżugħ, din it-talba
kellha post importanti ħafna
fil-ħajja spiritwali tiegħi.
Ftakart ħafna f’dan matul
il-vjaġġ li għamilt dan l-aħħar
fil-Polonja, l-aktar meta mort
inżur is-Santwarju ta’ Kalwaria.
Ir-Rużarju akkompanjani
fil-waqtiet ta’ ferħ u anki
f’dawk ta’ prova. Fih fdajt
il-ħafna preokkupazzjonijiet
tiegħi u dejjem sibt il-faraġ.
Erbgħa u għoxrin sena ilu,
fid-29 ta’ Ottubru 1978,
ġimgħatejn wara li ġejt elett
fuq is-Siġġu ta’ Pietru, kont
għidt: «Il-Rużarju huwa talba
preferita tiegħi. Huwa talba
meraviljuża! Meraviljuża
fis-sempliċità u l-profondità
tagħha. [...] Nistgħu ngħidu li
r-Rużarju huwa, f’ċertu sens,
kumment-talba fuq l-aħħar
kapitlu tal-Kostituzzjoni
Lumen
gentium
tal-Konċilju Vatikan II, kapitlu
li jitkellem dwar il-preżenza
ta’ Omm Alla fil-misteru ta’
Kristu u tal-Knisja. Waqt li
ngħidu l-kliem tal-Ave Maria
jiġu quddiem l-għajnejn
tar-ruħ tagħna l-episodji
ewlenin tal-ħajja ta’ Kristu.
Dawn l-episodji flimkien
jagħmlu l-misteri tal-ferħ,
tat-tbatija u tal-glorja, u
nistgħu ngħidu li jpoġġuna
f’komunjoni ħajja ma’ Kristu
permezz tal-Qalb ta’ Ommu.
Fl-istess waqt, f’dawn il-posti
tar-Rużarju qalbna tista’
tħaddan il-ġrajjiet kollha li
jsawru l-ħajja ta’ l-individwu,
tal-familja, tan-nazzjon,
tal-Knisja u tal-umanità;
il-ġrajjiet personali tagħna u
dawk tal-proxxmu, l-aktar ta’
dawk li huma qrib tagħna, li
huma l-aktar għeżież għalina.
B’hekk it-talba sempliċi
tar-Rużarju timmarka r-ritmu
tal-ħajja umana ».(5)
Għeżież ħuti, b’dan il-kliem
poġġejt l-ewwel sena
tal-Pontifikat tiegħi fir-ritmu
ta’ kuljum tar-Rużarju. Illum,
waqt li qed nibda l-ħamsa u
għoxrin sena tas-servizz tiegħi
bħala suċċessur ta’ Pietru,
nixtieq li nagħmel l-istess.
Kemm grazzji qlajt f’dawn
is-snin mingħand il-Verġni
Mbierka permezz tar-Rużarju:
Magnificat anima mea Dominum!
Nixtieq inrodd ħajr lill-Mulej
bil-kliem tal-Omm Qaddisa
tiegħu, li taħt il-ħarsien
tagħha qgħedt il-ministeru
Petrin tiegħi: Totus tuus!
Ottubru 2002 – Ottubru 2003:
is-Sena tar-Rużarju
3. F’kontinwità mar-riflessjoni
dwar l-Ittra appostolika
Novo millennio ineunte
li fiha, wara l-esperjenza
tal-Ġublew, stedint lill-Poplu
ta’ Alla biex «jerġa’ jibda
mill-ġdid minn Kristu»,(6)
ħassejt il-ħtieġa li noffri
riflessjoni fuq ir-Rużarju,
kważi bħala kuruna marjana ta’
l-istess Ittra appostolika, u
biex inħeġġeġ ħalli
nikkontemplaw il-Wiċċ ta’ Kristu
flimkien ma’ Ommu Marija u
fl-iskola tagħha. Fil-fatt, li
titlob ir-Rużarju mhuwiex ħaġa
oħra ħlief li tikkontempla
l-Wiċċ ta’ Kristu ma’ Marija.
Biex din l-istedina tingħata
aktar importanza, fl-okkażjoni
tal-120 anniversarju
tal-enċiklika ta’ Ljun XIII li
ġa semmejt, nixtieq li matul
din is-sena l-komunitajiet
insara kollha jitolbu u jagħtu
valur lit-talba tar-Rużarju.
Għalhekk inniedi bħala sena
tar-Rużarju minn Ottubru 2002
sa Ottubru 2003.
Nafda din il-proposta pastorali
f’idejn l-inizjattiva
tal-komunitajiet ekkleżjali
individwali. Mhux l-intenzjoni
tiegħi li din tfixkel, imma li
tintegra u ssaħħaħ il-pjani
pastorali tal-Knejjes
partikulari. Jien fiduċjuż li
tkun milqugħa mill-ewwel u
b’ġenerożità. Jekk niskopru
mill-ġdid it-tifsira sħiħa
tiegħu, ir-Rużarju jwassalna
għall-qalba tal-ħajja nisranija
u joffrilna opportunità
spiritwali u pedagoġika,
ordinarja u siewja
għall-kontemplazzjoni personali,
għall-formazzjoni tal-Poplu ta’
Alla u għall-evanġelizazzjoni
ġdida. Għandi l-pjaċir nisħaq
dwar dan anki waqt li qed
infakkru anniversarju ieħor:
il-11 ta’ Ottubru 1962, meta
beda l-Konċilju Ekumeniku
Vatikan II, «il-grazzja kbira»
mogħtija mill-Ispirtu ta’ Alla
lill-Knisja ta’ żmienna.(7)
Oġġezzjonijiet dwar ir-Rużarju
4. Inizjattiva ta’ din ix-xorta
toħroġ minn diversi
kunsiderazzjonijiet. L-ewwel
waħda hi li naffrontaw b’urġenza
l-kriżi dwar din it-talba, li
fil-kuntest preżenti, storiku u
teoloġiku, hemm ir-risjku li
wieħed jaqa’ fl-iżball li
jnaqqas il-valur tagħha, u
allura ma jgħaddihiex
lill-ġenerazzjonijiet ġodda.
Hemm min jaħseb li ċ-ċentralità
tal-Liturġija, li bir-raġun
kollu l-Konċilju Ekumeniku
Vatikan II saħaq fuqha, tnaqqas
neċessarjament l-importanza
tar-Rużarju. Fir-realtà, kif
fiehem tant tajjeb il-Papa
Pawlu VI, din it-talba mhux biss
ma tmurx kontra l-Liturġija,
imma ssaħħaħha, għax isservi ta’
daħla eċċellenti għaliha u għax
fiha hemm tidwi l-Liturġija,
fil-waqt li tgħin biex wieħed
jieħu sehem sħiħ fiha u
jikseb il-frott minnha fil-ħajja
tiegħu ta’ kuljum.
Hemm ukoll min jibża’ li din
it-talba ma tantx hi ekumenika
minħabba fix-xejra Marjana
tagħha. Iżda fir-realtà,
bir-Rużarju nkunu qed nagħtu
lil Omm Alla dik il-qima li
jiddiskrivi l-Konċilju: qima li
tpoġġi lil Kristu fiċ-ċentru
tal-fidi nisranija, b’mod li
«waqt li tingħata qima lill-Omm,
l-Iben [...] ikun magħruf,
maħbub, igglorifikat ».(8)
Jekk wieħed jiskopri mill-ġdid
ir-Rużarju b’mod xieraq, isib
li huwa ta’ għajnuna
għall-ekumeniżmu, u żgur li ma
jxekklux!
Triq ta’ kontemplazzjoni
5. Qed nagħtu importanza kbira u
nipproponu li mill-ġdid jerġa’
jibda jingħad ir-Rużarju, għax
dan huwa mezz validu ħafna biex
jgħin lill-fidili jimpenjaw
ruħhom fil-kontemplazzjoni
tal-misteru nisrani li tkellimt
dwaru fl-Ittra appostolika Novo
millennio ineunte
bħala vera 'taħriġ fil-qdusija':
« Dan it-taħriġ fil-qdusija
jitlob ħajja nisranija li fiha
tispikka fuq kollox l-arti
tat-talb ».(9)
Waqt li fil-kultura ta’ llum,
anki fost tant
kontradizzjonijiet, qed twarrad
sejħa ġdida għal spiritwalità,
li ġejja wkoll minn dak li
joffru reliġjonijiet oħra, illum
aktar minn qabel, hu meħtieġ li
l-komunitajiet insara tagħna
jkunu «skejjel ġenwini ta’
talb».(10)
Ir-Rużarju hu waħda mill-isbaħ
tradizzjonijiet
tal-kontemplazzjoni nisranija,
tradizzjoni tassew ta’ min
ifaħħarha. Żviluppat fil-Punent
u hija talba ta’ meditazzjoni li
b’xi mod taqbel «mat-talba
tal-qalb» jew «it-talba ta’
Ġesù» li rabbiet l-għeruq
tagħha fil-Lvant nisrani.
Talba għall-paċi u għall-familja
6. Hemm ċirkustanzi storiċi li
jkomplu juruna kemm hu meħtieġ
li ngħidu r-Rużarju. L-ewwel
waħda fosthom hi l-ħtieġa kbira
li nitolbu lil Alla għad-don
tal-paċi. Kien hemm diversi
drabi meta il-Predeċessuri
tiegħi u jien ipproponejna
r-Rużarju bħala talba
għall-paċi. F’dan il-millennju
li beda bl-attakk ikrah tal-11
ta’ Settembru 2001 u li fih
kuljum nisimgħu
b’sitwazzjonijiet ġodda mdemma u
vjolenti f’tant postijiet
fid-dinja, li niskopru mill-ġdid
ir-Rużarju jfisser li
nikkontemplaw il-misteru ta’ Dak
li hu «s-sliem tagħna», li minn
«tnejn għamel poplu wieħed,
billi ġarraf il-ħajt li kien
jifridna, il-mibegħda ta’
bejnietna» (Efes 2, 14).
Ma nistgħux nitolbu r-Rużarju
mingħajr ma nħossu l-impenn
preċiż li nagħtu s-sehem tagħna
għall-paċi, b’ħarsa speċjali
lejn l-art fejn għex Ġesù, li
hi daqshekk imġarrba u tant
għażiża għal qalb tan-nisrani.
L-istess ħtieġa kbira għal
impenn u talb tinħass ukoll
f’qasam kritiku ieħor ta’
żmienna: il-qasam tal-familja,
ċellula tas-soċjetà, li qed tkun
dejjem aktar mhedda minn
qawwiet li jridu jeqirduha fuq
livell ideoloġiku u prattiku, u
li jwassluk biex titħasseb dwar
il-ġejjieni ta’ din
l-istituzzjoni fundamentali u
importanti, li magħha hemm
marbut il-ġejjieni tas-soċjetà
kollha kemm hi. Fil-kuntest
wiesa’ tal-pastorali
tal-familja, il-ħeġġa biex
il-familji nsara jgħidu
r-Rużarju, nistgħu nipproponuha
bħala għajnuna biex wieħed
jilqa’ kontra l-effetti koroh
ta’ din il-kriżi ta’ żmienna.
« Hemm hi ommok! » (Gw
19, 27)
7. Ħafna huma s-sinjali li juru
kemm anki llum, permezz ta’ din
it-talba, il-Verġni Qaddisa trid
turi l-imħabba tagħha ta’ omm
ma’ wlied il-Knisja, li l-Feddej
qed imut fuq is-Salib fdalha
f’idejha meta qal lid-dixxiplu
l-maħbub: «Mara, hawn hu
ibnek!» (Ġw 19, 26). Nafu
kemm kien hemm ċirkustanzi
differenti matul id-dsatax u
l-għoxrin seklu meta Omm Kristu
wriet il-preżenza tagħha u
semmgħet leħinha biex tqanqal
il-poplu ta’ Alla għal din talba
kontemplattiva. Nixtieq insemmi
b’mod speċjali d-dehriet ta’
Lourdes u ta’ Fatima,(11)
minħabba l-effett kbir tagħhom
fuq il-ħajja ta’ l-insara u
r-rikonoxximent awtorevoli li
kellhom mill-Knisja. Għadd kbir
ta’ pellegrini jżuru dawn
is-santwarji biex ifittxu faraġ
u tama.
Fuq il-passi ta’ dawk li taw
xhieda
8. Mhux possibbli nsemmi
l-Qaddisin kollha li sabu
fir-Rużarju t-triq vera biex
jitqaddsu. Biżżejjed insemmu
lil San Alwiġi Maria Grignion
de Montfort, awtur ta’ kitba
prezzjuża fuq ir-Rużarju,(12)
u, ieħor aktar qrib tagħna,
Patri Pio ta’ Pietrelcina, li
dan l-aħħar kelli x-xorti
nipproklamah qaddis. Imbagħad
kien hemm il-Beatu Bartolo
Longo, li kellu kariżma
speċjali. Kien veru appostlu
tar-Rużarju u l-mixja tiegħu
tal-qdusija kienet isserraħ fuq
ispirazzjoni li ħass: «Minn
ixerred l-imħabba lejn
ir-Rużarju jsalva!».(13)
Kien għalhekk li ħassu msejjaħ
biex jibni tempju ddedikat lil
Verġni tar-Rużarju f’Pompei,
fuq il-fdajiet tal-Belt Antika,
li nqerdet fis-sena 79 meta
żbroffa l-Vessuvju, u kienet
għadha bil-kemm semgħet l-aħbar
ta’ Kristu. Sekli wara, din
il-belt ħarġet mill-irmied
bħala xhieda tad-dwal u
d-dlamijiet taċ-ċiviltà
klassika.
Bl-opra kollha tiegħu, u
l-aktar bil-«Ħmistax-il Sibt»,
Bartolo Longo, mexxa ‘l quddiem
ir-ruħ kristuċentrika u
kontemplattiva tar-Rużarju. Sab
għajnuna kbira minn Ljun XIII,
« il-Papa tar-Rużarju».
KAP I
Nikkontemplaw lil Kristu
flimkien ma’ Marija
Wiċċu jiddi bħax-xemx
9. «Hu tbiddel quddiemhom; wiċċu
sar jiddi bħax-xemx» Mt
17, 2). Ix-xena
tat-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu
li fiha fl-Evanġelju naraw
it-tliet appostli Pietru, Ġakbu
u Ġwanni msaħħrin mill-ġmiel
tal-Feddej, nistgħu nqisuha
bħala ikona
tal-kontemplazzjoni nisranija.
Kull dixxiplu ta’ Kristu għandu
jiffissa ħarstu fuq il-wiċċ ta’
Kristu u jara fih il-misteru
tal-mixja ordinarja u ta’
tbatija li l-bniedem jagħmel,
biex imbagħad jasal ħa jifhem
il-ġmiel divin li jidher f’Ġesù
li qam mill-mewt u li qiegħed
fil-glorja fuq il-lemin
tal-Missier. U jekk dan hu li
jrid jagħmel kull dixxiplu,
allura hekk irridu nagħmlu aħna
wkoll. Waqt li nikkontemplaw dan
il-wiċċ, aħna ninfetħu
għall-misteru tal-ħajja
trinitarja u nagħmlu esperjenza
dejjem ġdida ta’ l-imħabba
tal-Missier u nithennew bil-ferħ
ta’ l-Ispirtu s-Santu. B’hekk
iseħħ fina dak li jgħid San
Pawl: «Aħna lkoll, li b’wiċċna
mikxuf nirrifettu l-glorja
tal-Mulej, qegħdin ninbidlu
fl-istess xbieha minn glorja
għal glorja skont ma jagħtina
l-Mulej, li hu Spirtu » (2
Kor 3, 18).
Marija mudell ta’
kontemplazzjoni
10. F’Marija għandna l-aqwa
mudell biex nikkontemplaw lil
Kristu. Il-wiċċ ta’ Kristu
huwa b’mod waħdieni ta’
Marija. Hu ssawwar f’ġufha, ħa
mingħandha xebh uman li juri
intimità spiritwali ħafna
akbar. Ħadd ma ddedika ruħu
għall-kontemplazzjoni tal-wiċċ
ta’ Kristu bħalma ddedikat ruħha
hi. Hi tefgħet l-ħarsa ta’
ruħha fuqu sa mit-tħabbira,
meta hu tnissel fiha bil-ħidma
ta’ l-Ispirtu s-Santu. Fix-xhur
ta’ wara ħasset il-preżenza
tiegħu fiha u ġabet quddiem
għajnejha l-fattizzi tiegħu.
Meta wasal iż-żmien u wellditu
f’Betlem, hi tefgħet l-ħarsa
tenera tagħha fuq wiċċ Binha,
waqt li “fisqietu u medditu
f’maxtura” (ara Lq 2, 7).
Minn dak inhar, il-ħarsa tagħha,
dejjem aktar mimlija mħabba, ma
nqalgħet qatt minn fuqu. Xi
drabi ħarsitha kienet marbuta
ma’ mistoqsija bħal meta tilfitu
fit-tempju: «Ibni, dan għaliex
għamiltilna hekk?» (Lk 2,
48). Imma dejjem kienet ħarsa li
tinfed, kapaċi tifhem il-qalb
ta’ Ġesù, tħoss is-sentimenti
moħbija tiegħu u tobsor x’ser
ikunu d-deċiżjonijiet tiegħu
kif ġara f’Kana (ara Ġw
2, 5). Drabi oħra kienet ħarsa
ta’ niket, l-aktar fejn
is-salib, meta għal darb’oħra,
f’ċertu sens, kienet il-ħarsa
ta’ omm waqt il-ħlas, għax
Marija ma għexitx biss
il-passjoni u l-mewt ta’ l-Iben
Waħdieni tagħha, imma laqgħet
ukoll l-iben il-ġdid li ġie
mogħti lilha fid-dixxipli
l-maħbub (ara Ġw 19,
26-27). Fl-għodwa tal-Għid
ħarsitha kienet waħda tiddi
bil-ferħ tal-Qawmien, u
fl-aħħar, f’Għid il-Ħamsin,
ħarsitha kienet mimlija ħeġġa
bil-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu
(ara At 1, 14).
It-tifkiriet ta’ Marija
11. Marija għexet b’għajnejha
fuq Kristu u kienet tgħożż kull
kelma tiegħu: «Baqgħet tgħożż
f’qalbha dawn il-ħwejjeġ u
taħseb fuqhom bejnha u bejn
ruħha» (Lq 2, 19; Lq 2,
51). It-tifkiriet ta’ Ġesù
minquxa f’qalbha baqgħu dejjem
magħha u wassluha biex tgħix
il-mumenti differenti ta’
ħajjitha qrib Binha. Kienu dawn
it-tifkiriet li, f’ċertu sens,
sawru ‘r-rużarju’, li Hi stess
kienet tgħid matul il-ġranet
ta’ ħajjitha fuq din l-art.
U llum ukoll, fost l-għana
ferrieħi ta’ Ġerusalemm
tas-sema, baqgħu xorta
l-għanijiet tagħha ta’ radd
il-ħajr u tifħir. Dan juri
l-imħabba tagħha ta’ omm
għall-Knisja pellegrina, fejn
hi għadha qed twassal
l-esperjenza personali tagħha
tal-Bxara t-Tajba. Mingħajr
ebda waqfien, hi tpoġġi
‘l-misteri’ ta’ Binha quddiem
għajnejn dawk li jemmnu u
tixtieq li dawn ikunu
kontemplati ħalli minnhom toħroġ
il-qawwa kollha tas-salvazzjoni.
Meta l-komunità nisranija titlob
ir-Rużarju, hi ssir ħaġa waħda
mat-tifkiriet u l-ħarsa
kontemplattiva ta’ Marija.
Ir-Rużarju, talba kontemplattiva
12. Il-fatt li tibda
mill-esperjenza ta’ Marija,
it-talba tar-Rużarju hi waħda
tabilħaqq kontemplattiva.
Mingħajr il-kontemplazzjoni, din
it-talba ma tibqax dak li tassew
hi. Kif saħaq Pawlu VI: «
Mingħajr kontemplazzjoni,
ir-Rużarju hu bħal ġisem bla ruħ
u hemm ir-riskju li jsir
ripetizzjoni mekkanika li tmur
kontra dak li wissa Ġesù meta
qal: 'Intom u titolbu toqogħdux
tlabalbu bħall-pagani; dawn minn
għalihom li iktar ma jgħidu
iktar jinstemgħu' (Mt 6,
7). Min-natura tiegħu stess,
ir-Rużarju jitlob ritmu kalm u
bil-mod li jgħin biex wieħed
jimmedita fuq il-misteri
tal-ħajja ta’ Kristu bl-għajnejn
ta’ Dik li kienet l-aktar qrib
tiegħu. B’hekk naraw il-kobor
u l-ġmiel bla tarf ta’ dawn
il-misteri ».(14)
Tajjeb niefqu fuq dan il-ħsieb
profond ta’ Pawlu VI biex naraw
xi aspetti tar-Rużarju bħala
talba ta’ kontemplazzjoni
kristoloġika.
Niftakru fi Kristu ma’ Marija
13. Il-kontemplazzjoni ta’
Marija hi qabel kollox
tifkira. Jeħtieġ nifhmu din
il-kelma fis-sens bibliku ta’
tifkira (zakar) li
ġġedded u tagħmel preżenti
l-għemejjel ta’ Alla
fl-istorja tas-salvazzjoni.
Il-Bibbja hi rakkont ta’
ġrajjiet ta’ fidwa, li l-quċċata
tagħhom huwa Kristu stess. Dawn
il-ġrajjiet mhumiex biss xi ħaġa
tal-bieraħ; huma wkoll
is-salvazzjoni llum. Dan iseħħ
b’mod speċjali fil-Liturġija:
dak li Alla wettaq sekli ilu ma
jirrigwardax biss lil dawk li
kellhom sehem dirett f’dawn
il-ġrajjiet, imma, bid-don
tal-grazzja tiegħu, dan għadu
jolqot lill-bniedem ta’ kull
żmien. B’xi mod, dan jgħodd
ukoll għal kull devozzjoni oħra
li tressqek lejn dawn
il-ġrajjiet. Li «nagħmlu tifkira
tagħhom» bil-fidi u l-imħabba
jfisser li ninfetħu
għall-grazzja li Kristu rebaħ
għalina bil-misteri ta’ ħajja,
il-mewt u l-qawmien tiegħu.
Mela, jekk flimkien mal-Konċilju
Vatikan II nisħqu li
l-liturġija, bħala l-ħidma ta’
l-uffiċċju saċerdotali ta’
Kristu u għemil ta’ qima
pubblika, hi « l-quċċata li
lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u
fl-istess waqt l-għajn li minnha
toħroġ kull qawwa tagħha»(15),
jeħtieġ ukoll niftakru li
l-ħajja spiritwali «ma tinsabx
biss fis-sehem tal-liturġija
mqaddsa. In-nisrani, barra milli
hu msejjaħ biex jitlob flimkien
ma’ l-oħrajn, għandu wkoll
jidħol f’kamartu biex fil-moħbi
jitlob lill-Missier» (ara Mt
6, 6), u skont it-tagħlim
ta’ l-Appostlu, għandu jitlob
bla heda ( ara 1 Tes.5,17)
(16)
Ir-Rużarju, fis-sura
partikulari tiegħu, jagħmel
sehem minn din il-varjetà ta’
talb ‘ bla heda’. U jekk
il-Liturġija, bħala ħidma ta’
Kristu u tal-Knisja hi l-ogħla
għemil ta’ fidwa, ir-Rużarju,
bħala meditazzjoni fuq Kristu
flimkien ma’ Marija, hu
kontemplazzjoni li ssaħħaħna.
Fil-waqt li jdaħħalna
fil-misteri tal-ħajja
tal-Feddej, aħna nassimilaw fina
b’mod profond dak li Hu wettaq u
li l-Liturġija tattwalizza, u
dan jiffurmana.
Nitgħallmu lil Kristu ma’ Marija
14. Kristu huwa l-aqwa Għalliem;
hu dak li rrivela u hu dak li
ġie rrivelat. Hawnhekk mhux
il-każ li nitgħallmu biss dak
li jgħallem Hu, imma li
“nitgħallmu lilu”. U minn aktar
minn Marija hu espert f’dan?
Jekk mil-lat divin, l-Ispirtu
s-Santu huwa dak li jgħallimna
kollox dwar Kristu, (ara Gw
14, 26; 15, 26; 16, 13),
fost il-bnedmin ma hemm ħadd
aqwa minn Marija li jaf lil
Kristu. Ħadd aktar minn Ommu ma
jista’ jwassalna biex insiru
nafu b’mod profond il-misteru
tiegħu.
L-ewwel fost is-sinjali li
għamel Ġesu’ – meta bidel
l-ilma fl-inbid fit-tieġ ta’
Kana – jurina lil Marija
bil-libsa ta’ għalliema. Hi
tgħid lill-qaddejja biex jagħmlu
dak li kien ser jgħidilhom
Kristu (ara Ġw 2, 5). U
nimmaġinaw li għamlet l-istess
ħaġa mad-dixxipli wara li Ġesù
tela’ s-sema, meta hija baqgħet
magħhom tistenna l-Ispirtu
s-Santu u kienet ta’ sostenn
għalihom fl-ewwel missjoni
tagħhom. Meta nkunu ma’ Marija
fir-Rużarju, inkunu bħal qisna
qegħdin fl-‘iskola’ tagħha biex
minnha nitgħallmu lil Kristu,
biex nidħlu fil-fond fl-aktar
affarijiet intimi tiegħu u
nifhmu l-messaġġ tiegħu.
Nagħrfu kemm tiswa din l-iskola
ta’ Marija, jekk inqisu l-kotra
tad-doni ta’ l-Ispirtu li Hi
tiksbilna permezz tagħha,
fil-waqt li tagħtina eżempju
ta’ dik l-«mixja ta’ fidi»,(17)
li tagħha hi l-aqwa għalliema.
Quddiem kull misteru ta’ Binha,
hi tistedinna biex nagħmlu kif
għamlet hi waqt it-Tħabbira:
inressqu l-mistoqsijiet tagħna
b’umilta’ ħalli jkollna d-dawl
u naslu dejjem
għall-ubbidjenza tal-fidi: «Hawn
hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir
minni skond kelmtek» (Lk
1, 38).
Nixbhu lil Kristu ma’ Marija
15. L-ispiritwalità nisranija
tingħaraf mill-impenn
tan-nisrani li jsir dejjem aktar
jixbaħ lill-Imgħallem tiegħu
(ara Rm 8, 29; Fil
3, 10. 21). L-Ispirtu s-Santu
li jinżel fih fil-Magħmudija
jagħmel lin-nisrani bħal fergħa
fid-dielja, li hu Kristu (ara
Ġw 15, 5), jagħmlu membru
tal-Ġisem mistiku (ara 1Kor
12, 12; Rm 12,5).
Iżda jeħtieġ li n-nisrani
jkompli din il-mixja li beda
billi jsir dejjem aktar jixbah
lil Kristu fl-imġieba tiegħu, li
għandha tkun skont “il-ħsieb”
ta’ Kristu: « Aħsbu bħalma kien
jaħseb Kristu Ġesù » (Fil
2, 5). Skont il-kliem ta’
l-Appostlu, jeħtieġ li «nilbsu
lil Kristu » (ara Rm 13,
14; Gal 3, 27).
Fil-mixja spiritwali
tar-Rużarju, li fiha
nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu
flimkien ma’ Marija, aħna
nistgħu nimmiraw lejn l-ideal
li nsiru nixbhuH, billi nimxu
fi triq li tista’ tissejjaħ
“tal-ħbieb”. Din tpoġġina b’mod
naturali fil-ħajja ta’ Kristu u
“nixorbu” mis-sentimenti
tiegħu. Il-beatu Bartolo Longo
kien jgħid: «Bħal żewġt iħbieb
li ta’ spiss ikunu flimkien u
jiddakkru mid-drawwiet ta’
xulxin, l-istess jiġri lilna
meta nitkellmu b’mod familjari
ma’ Ġesù u mal-Verġni Marija
waqt li nimmeditaw il-Misteri
tar-Rużarju u ngħixu l-istess
ħajja fit-Tqarbin Imqaddes.
Aħna nistgħu nsiru nixbhuhom
– skont sa fejn tasal
id-dgħufija tagħna - u
mill-eżempju kbir tagħhom
nitgħallmu ngħixu l-umiltà,
il-faqar, is-sabar u
l-perfezzjoni ».(18)
F’dan il-proċess li fih insiru
nixbhu lil Kristu permezz
tar-Rużarju, aħna nintelqu b’mod
partikulari f’idejn Ommna
Marija. Hi dik li nisslet lil
Kristu, u fl-istess waqt hi
parti mill-Knisja, «membru
għoli u singulari tagħha »,(19)
hi “Omm il-Knisja”. U
bħala tali hi “tnissel” bla
heda wlied għall-Ġisem mistiku
ta’ Binha. Tagħmel dan billi
tidħol għalina u titlob li
jfawwar fina l-Ispirtu s-Santu.
Hi l-ikona perfetta
tal-Knisja Omm.
Ir-Rużarju jpoġġina b’mod
mistiku qrib ta’ Marija, li
ħadet ħsieb Ġesù huwa u jikber
fid-dar ta’ Nażaret. U hi tieħu
ħsiebna bl-istess mod, tedukana
u tiffurmana sakemm Kristu
«jissawwar» fina b’mod sħiħ
(ara Gal 4, 19). Din
il-ħidma ta’ Marija, li
għandha l-għeruq tagħha fi
Kristu u li toqgħod għar-rieda
tiegħu b’mod radikali, « bl-ebda
mod ma tfixkel l-għaqda ta’ dawk
li jemmnu ma’ Kristu, anzi
tħaffifha ».(20)
Dan id-dawl ħareġ
mill-Konċilju Vatikan II u jien
tant ħassejtu b’mod qawwi
fil-ħajja tiegħi li għamiltu
l-bażi tal-motto episkopali
tiegħi: Totus tuus.(21)
Kif tafu, dan il-motto hu
ispirat mid-duttrina ta’ San
Alwiġi Maria Grignion de
Montfort, li kien jispjega
r-rwol ta’ Marija fil-proċess
tax-xebh tagħna ma’ Kristu billi
kien jgħid hekk: «Il-perfezzjoni
tagħna tikkonsisti filli nkunu
nixbhu lil Ġesù, li
nkunu magħqudin miegħu u
konsagrati Lilu. Mela,
m’hemmx dubju li l-aktar
devozzjoni perfetta hija dik li
tagħmilna nixbhu lil Kristu, li
tgħaqqadna miegħu u li
tikkonsagrana Lilu b’ mod
l-aktar perfett. Issa, la Marija
hi l-kreatura li l-aktar tixbah
lil Ġesù, mela, id-devozzjoni
lejn Marija, l-Omm qaddisa
tiegħu, hi dik fost
id-devozzjonijiet kollha li
permezz tagħha l-aktar nistgħu
nikkonsagraw ruħna u nagħmluha
tixbah lill-Mulej. Aktar mar-ruħ
tkun ikkonsagrata lilha, aktar
tkun konsagrata lil Ġesù Kristu
».(22)
M’hemmx aqwa mir-Rużarju fejn
nistgħu naraw ir-rabta profonda
li hemm bejn it-triq ta’ Ġesù u
dik ta’ Marija. Marija tgħix
biss fi Kristu u għal Kristu!
Nitolbu lil Kristu ma’ Marija
16.Kristu jistedinna biex induru
lejn Alla l-ħin kollu u
b’fiduċja ħalli Hu jismagħna:
«Itolbu u jingħatalkom; fittxu
u ssibu; ħabtu u jiftħulkom » (Mt
7, 7). Il-qawwa ta’ dan
it-talb ġejja mit-tjieba
tal-Missier, kif ukoll għax
Kristu stess jidħol għalina
quddiemu (ara 1Gw 2, 1)
u għax l-Ispirtu s-Santu
«jidħol għalina» skont il-pjan
ta’ Alla (ara Rm 8,
26-27). Fil-fatt « aħna anqas
biss nafu nitolbu kif imiss » (Rm
8, 26) u xi drabi t-talb tagħna
ma jinstemax għax « nitolbu
ħażin » (ara Ġak 4, 2-3).
It-talb li Ġesù u l-Ispirtu
s-Santu jqanqlu fi qlubna hu
sostnut minn Marija li tidħol
għalina bħal omm. « It-talb
tal-Knisja qisu merfugħ mit-talb
ta’ Marija ».(23)
Fil-fatt, jekk Ġesù, il-Medjatur
waħdieni hu t-Triq tat-talb
tagħna, Marija, trasparenza
safja tiegħU turina t-Triq. «
Hi minn din il-kooperazzjoni
singulari ta’ Marija mal-ħidma
ta’ l-Ispirtu s-Santu, li
l-Knejjes żviluppaw it-talb
tagħhom lill-Verġni Omm Alla,
talb li l-qofol tiegħu huwa
l-Persuna ta’ Kristu li tidher
fil-misteri tiegħu».(24)
Fit-tieġ ta’ Kana, l-Evanġelju
jurina kemm hi qawwija
l-interċessjoni ta’ Marija, li
twassal il-ħtiġijiet
tal-bnedmin għand Ġesù: «Ma
għandhomx inbid » (Ġw 2,
3).
Ir-Rużarju huwa meditazzjoni u
talba ta’ supplika fl-istess
ħin. Nitolbu bla heda lill-Omm
Alla għax għandna fiduċja li
bl-interċessjoni tagħha ta’ Omm
hi kollox tista’ taqla mingħand
Binha. Hi “tista’ kollox
bil-grazzja”, biex nużaw
l-istess kliem li l-Beatu
Bartolo Longo juża fit-talba
tas-Supplika; kliem li rridu
nifhmuhom sew. Din
il-konvinzjoni li bdiet
mill-Evanġelju, kompliet
tissaħħaħ fl-esperjenza
tal-poplu nisrani. Il-poeta
magħruf Dante jfissirha b’mod
tal-għaġeb bil-versi ta’ San
Bernard: « Mara, int kbira u
setgħana wisq,/ min jixtieq
il-grazzja u ma jdurx
lejk/xewqatu tkun qed ittir bla
ġwienaħ ».(26)
Meta fir-Rużarju nitolbu lil
Marija, hi, santwarju ta’
l-Ispirtu s-Santu (ara Lk
1, 35) tidħol għalina quddiem
il-Missier, li fawwarha
bil-grazzja u quddiem Binha, li
twieled minn ġufha, u hi titlob
magħna u għalina.
Inħabbru lil Kristu ma’ Marija
17. Ir-Rużarju huwa wkoll
passaġġ ta’ tħabbira u ta’
approfondiment, li fih
il-misteru ta’ Kristu hu
ppreżentat il-ħin kollu
fid-diversi livelli
tal-esperjenza nisranija.
Il-forma tiegħu ta’ talb u
meditazzjoni kapaċi tifforma
lid-dixxipli skont il-qalb ta’
Kristu. Fil-fatt, meta
fir-Rużarju jkun hemm dak kollu
meħtieġ biex isir meditazzjoni
li tagħti l-frott, minnu
titwieled opportunita’
sinifikattiva kateketika, li
r-Ragħajja għandhom jagħrfu
s-siwi tagħha u dan speċjalment
fiċ-ċelebrazzjonijiet
komunitarji fil-parroċċi u
fis-santwarji. Anki b’dan
il-mod, il-Verġni tar-Rużarju
tkompli l-ħidma tagħha
tat-tħabbira ta’ Kristu.
L-istorja dwar ir-Rużarju turina
kif, speċjalment id-Dumnikani,
għamlu użu minn din it-talba fi
żmien diffiċli għall-Knisja
minħabba fit-tixrid tal-ereżija.
Illum ninsabu quddiem sfidi
ġodda. Għaliex ma noħdux
il-Kuruna f’idejna bl-istess
fidi ta’ dawk li ġew qabilna?
Ir-Rużarju għad għandu l-qawwa
kollha tiegħu u jibqa’ riżorsa
ta’ valur pastorali għal kull
evanġelizzatur tajjeb.
KAP II
MISTERI TA’ KRISTU -
MISTERI TA’ L-OMM TIEGĦU
Ir-Rużarju « kompendju
tal-Evanġelju »
18. Ma nistgħux nikkontemplaw
il-wiċċ ta’ Kristu mingħajr ma
nisimgħu leħen il-Missier
permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu,
għax «ħadd ma jagħraf
lill-Iben jekk mhux il-Missier »
(Mt 11, 27). Meta
fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’
Filippu, Pietru stqarr min hu
Ġesù, Ġesù qal mnejn kienet
ġejja dik l-istqarrija ċara
dwaru: «Mhux bniedem tad-demm u
l-laħam uriek dan, imma Missieri
li hu fis-smewwiet » (Mt
16, 17). Kienet meħtieġa
rivelazzjoni mis-Sema. U
biex tkun milqugħa, kien hemm
bżonn is-smigħ: « Hija biss
l-esperjenza tas-skiet u
tat-talb li toffrilna l-ambjent
xieraq biex nikbru fl-għarfien
veru, fidil u sod ta’ dak
il-misteru ».(27)
Il-Rużarju huwa talba
tradizzjonali nisranija li fiha
nikkontemplaw il-wiċċ ta’
Kristu. Il-Papa Pawlu VI
iddeskriviha hekk: « Ir-Rużarju
huwa talba evanġelika li
tiċċentra fuq il-misteru
tal-inkarnazzjoni u tal-fidwa, u
għalhekk żgur li hu talba li
twassalna lejn Kristu. Fil-fatt,
anki meta ntennu, l-Ave Maria,
aħna nkunu qed nagħmlu att
kontinwu ta’ tifħir lil Kristu,
li huwa l-għan aħħari kemm
tat-Tħabbira tal-Anġlu kif
ukoll tat-tislima li għamlet
omm il-Battista: “Imbierek
il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lk
1, 42). U hemm xi ħaġa aktar
minn hekk: fir-ripetizzjoni ta’
l-Ave Maria hemm mistura
dik ix-xiħaġa li fuqha tintiseġ
il-kontemplazzjoni
tal-misteri: Ġesù li jissemma
f’kull Ave Maria huwa
l-istess Ġesù li l-misteri
jpoġġu quddiemna, xi drabi
bħala Iben Alla u drabi oħra
bħala Iben il-Verġni Marija ».(28)
Żieda f’waqtha
19. Fir-Rużarju, kif ġie
stabbilit bl-approvazzjoni
tal-awtorità tal-Knisja, insibu
biss xi wħud mill-misteri
tal-ħajja ta’ Kristu. L-għażla
ġiet determinata mill-oriġini
ta’ din it-talba li tfasslet fuq
in-numru 150, l-għadd tas-Salmi.
Imma nħoss li biex tissaħħaħ
il-qawwa kristoloġika
tar-Rużarju, tkun ħaġa f’waqtha
li ssir żieda, li fil-waqt li
titħalla għal-liberta’
tal-individwi u
tal-komunitajiet, twassal biex
inkunu nistgħu nħaddnu anki
l-misteri tal-ħajja pubblika
ta’ Kristu mill-Magħmudija
sal-Passjoni tiegħu.
F’dawn
il-misteri aħna nikkontemplaw
aspetti importanti tal-persuna
ta’ Kristu, li jirrivelalna lil
Alla. Dak li kien dikjarat
l-Iben il-maħbub tal-Missier
fil-Magħmudija fil-Ġordan,
ħabbar il-miġja tas-Saltna, ta
xhieda tagħha bl-għemejjel
tiegħu, xandar dak li titlob
is-Saltna. Matul il-ħajja
pubblika tiegħu, il-misteru
ta’ Kristu jidher b’mod ċar
misteru ta’ dawl: « Sakemm
għadni fid-dinja, jiena hu
d-dawl tad-dinja » (Ġw 9, 5).
Għalhekk, biex inkunu nistgħu
ngħidu bis-sħiħ li r-Rużarju hu
‘kompendju tal-Evanġelju’, tkun
ħaġa tajba li, wara li niftakru
fl-inkarnazzjoni u l-ħajja
moħbija ta’ Kristu (il-misteri
tal-ferħ), u qabel ma niefqu fuq
it-tbatija tal-passjoni (
il-misteri tat-tbatija), u fuq
ir-rebħa tal-qawmien (
il-misteri tal-glorja), niefqu
naħsbu wkoll fuq waqtiet
importanti tal-ħajja pubblika
tiegħu (il-misteri tad-dawl).
Iż-żieda ta’ dawn il-misteri
ġodda, mingħajr ma tippreġudika
l-aspett essenzjali tal-mod kif
inhi magħmula din it-talba
tradizzjonali, għandha tagħti
ħajja ġdida lir-Rużarju u
tkebbes ħerqa ġdida biex
l-għajxien ta’ din it-talba
fl-ispiritwalità nisranija ikun
bħal bieb miftuħ li jwassal
lejn il-Qalb ta’ Kristu, abbiss
ta’ ferħ u ta’ dawl, ta’ tbatija
u ta’ glorja.
Il-Misteri tal-ferħ
20. Il-karatteristika ta’
l-ewwel ħames misteri,
“il-misteri tal-ferħ” huwa
l-ferħ li ġġib magħha l-ġrajja
ta’ l-Inkarnazzjoni. Dan
jidher b’mod ċar sa
mit-Tħabbira fejn fit-tislima
ta’ Gabriel lill-Verġni ta’
Nażaret naraw l-istedina
għall-ferħ messjaniku: «Ifraħ,
Marija». Ma’ din it-tħabbira
hemm marbuta l-istorja kollha
tas-salvazzjoni, anzi b’ċertu
mod, l-istorja stess tad-dinja.
Jekk il-pjan tal-Missier huwa
li kollox jinġabar taħt ras
waħda li hu Kristu (ara Ef
1, 10), mela, b’xi mod,
id-don divin tal-Missier li
permezz tiegħu Marija ssir
omm Ibnu, jolqot lill-univers
kollu. U min-naħa tagħha,
l-umanità kollha tinġabar fil-fiat
li permezz tagħha Marija
wieġbet iva għar-rieda ta’ Alla.
Imbagħad naraw tiddi n-nota
ta’ ferħ fil-laqgħa ta’ Marija
ma’ Eliżabetta, meta l-leħen
ta’ Marija u l-preżenza ta’
Kristu f’ġufha wasslu lil Ġwanni
biex «jaqbeż bil-ferħ» (ara
Lk 1, 44). Mimlija bil-ferħ
hi wkoll ix-xena ta’ Betlemm,
meta l-anġli jilqgħu bil-kant
it-twelid tat-Tarbija Divina,
tal-Feddej tad-dinja u jxandruha
lir-rgħajja propju bħala «aħbar
ta’ ferħ kbir » (Lk 2,
10).
Għalkemm il-ferħ ma jonqosx
anki fl-aħħar żewġ misteri,
imma fihom ġa jidher is-sinjal
tal-ġrajjiet drammatiċi li
kellhom iseħħu. Waqt
il-preżentazzjoni fit-tempju
hemm l-ferħ tal-konsagrazzjoni
tat-tarbija u l-estasi
tax-xwejjaħ Xmun, imma hemm
wkoll il-profezija li Ġesù
kellu jkun «sinjal li jmeruh»
f’Israel u li sejf kellu jinfed
qalb Ommu (ara Lk 2,
34-35). L-episodju ta’ Ġesù
fit-tempju meta kellu tnax-il
sena, hu wkoll mimli ferħ u
fl-istess ħin drammatiku.
Hawnhekk naraw l-għerf divin
ta’ Ġesù li jisma’ u jistaqsi u
jidher bħal wieħed li
‘jgħallem’. Ir-rivelazzjoni
tal-misteru tiegħu ta’ Iben
iddedikat għal dak li hu
tal-Missier hi tħabbira
radikali evanġelika li tpoġġi
sfida anki għar-rabtiet l-aktar
għeżież tal-bniedem quddiem dak
li titlob is-Saltna. Ġużeppi
u Marija stess li kienu
inkwetati u b’qalbhom maqsuma «
kliemu ma fehmuhx » (Lq
2, 50).
Mela, li timmedita l-misteri
‘tal-ferħ’ ifisser li tidħol
fil-fond f’dak li jwassal
għall-ferħ nisrani u fit-tifsira
profonda tiegħu. Ifisser li
tiffissa ħarstek fuq il-misteru
konkret tal-Inkarnazzjoni u
fuq dak li qed ikun imħabbar
minn qabel dwar il-misteru
tat-tbatija li fdietna. Marija
twassalna biex nifhmu s-sigriet
tal-ferħ nisrani fil-waqt li
tfakkarna li l-kristjaneżmu hu
qabel kollox euanghelion,
'aħbar tajba', li għandha
ċ-ċentru tagħha, anzi l-kontenut
stess tagħha, fil-persuna ta’
Kristu, il-Kelma li ħadet
il-ġisem, il-Feddej waħdieni
tad-dinja.
Il-Misteri tad-Dawl
21. Meta mit-tfulija u l-ħajja
f’Nażaret ngħaddu għall-ħajja
pubblika ta’ Ġesù,
il-kontemplazzjoni twassalna
għal dawk il-misteri li nistgħu
nsejħulhom b’titlu speċjali,
“il-misteri tad-dawl”.
Fir-realtà, il-misteru kollu
ta’ Kristu huwa dawl. Huwa
« d-dawl tad-dinja» (Ġw
8, 12). Imma dan narawh b’mod
partikulari fis-snin tal-ħajja
pubblika tiegħu, meta Hu ħabbar
l-evanġelju tas-Saltna. Xtaqt
nuri lill-komunità nisranija
ħames waqtiet sinifikattivi –
misteri “mdawlin” – f’din
il-fażi tal-ħajja ta’ Kristu. U
naħseb li dawn jistgħu jkunu: 1.
il-magħmudija tiegħu fil-Ġordan,
2. meta wera min hu fit-tieġ ta’
Kana, 3. it-tħabbira tas-Saltna
ta’ Alla u l-istedina
għall-indiema, 4.
it-Trasfigurazzjoni u 5.
it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija,
espressjoni sagramentali
tal-misteru tal-Għid.
Kull wieħed minn dawn il-misteri
hu rivelazzjoni tas-Saltna li
waslet fil-persuna stess ta’
Ġesù. L-ewwelnett, hi
misteru ta’ dawl il-Magħmudija
fil-Ġordan. Hawnhekk, meta
Kristu, il-persuna innoċenti li
saret ‘dnub’ għalina(ara 2Kor
5, 21), niżel fl-ilma
tax-xmara, is-smewwiet infetħu u
leħen il-Missier ipproklamah
“Ibnu l-għażiż” (ara Mt
3, 17 ), fil-waqt li l-Ispirtu
s-Santu niżel fuqu biex jagħtih
il-missjoni li kienet qed
tistennih. Hu misteru ta’ dawl
l-ewwel wieħed fost is-sinjali
li wettaq (ara Ġw 2, 1-12),
meta f’Kana Kristu bidel
l-ilma f’inbid u meta d-dixxipli
emmnu fih, grazzi
għall-interċessjoni ta’ Marija,
l-ewwel waħda fost dawk li
emmnu. Misteru ta’ dawl hi
l-predikazzjoni li biha Ġesù
ħabbar il-miġja tas-Saltna u
stieden għall-indiema (ara Mk
1, 15). Hu ħafer id-dnubiet ta’
dawk li resqu lejh b’fiduċja u
b’umlità (ara Mk 2, 3-13;
Lk 7, 47-48). U b’hekk
ta bidu għall-ministeru
tal-ħniena li Hu jkompli jwettaq
sa l-aħħar taż-żmien, l-aktar
permezz tas-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni, li Hu
ħalla f’idejn il-Knisja tiegħu
(ara Ġw 20, 22-23). Hi misteru
ta’ dawl mill-aqwa
it-Trasfigurazzjoni tiegħu, li
skont it-tradizzjoni seħħet fuq
il-muntanja Tabor. Il-glorja
tad-Divinità iddiet fuq wiċċ
Kristu, fil-waqt li l-Missier
qal lill-Appostli mistagħġba
b’dak li raw, biex jisimgħu lilu
(ara Lk 9, 35). U huma
kienu lesti li jgħixu miegħu
l-mument iebes tal-Passjoni
sabiex jaslu miegħu għall-ferħ
tal-Qawmien u għall-ħajja
mibdula mill-Ispirtu s-Santu.
Misteru ta’ dawl huwa wkoll
it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, li
fiha Kristu jsir ikel għalina
bil-Ġisem u d-Demm tiegħu taħt
ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid.
B’hekk Hu jagħti xhieda li
jħobb “sa l-aħħar” (Ġw 13, 1),
lill-umanita’ li għaliha offra
lilu nnifsu b’sagrifiċċju.
F’dawn il-misteri, barra minn
dak ta’ Kana, Marija tibqa’
fl-isfond. Ftit li nisimgħu
dwarha fl-Evanġelji; tissemma’
ftit f’xi waqt jew ieħor waqt
il-predikazzjoni ta’ Ġesù (ara
Mk 3, 31-35; Ġw 2,
12). Ma jgħidulniex li kienet
preżenti fiċ-Ċenaklu meta
waqqaf l-Ewkaristija. Imma dak
li wettqet f’Kana, kien b’xi mod
dak li għamlet matul il-mixja
ta’ Kristu. Ir-rivelazzjoni li
l-Missier għamel b’mod dirett
meta Ġesù tgħammed fil-Ġordan u
li mbagħad reġa’ għamilha
l-Battista, kienet fuq fomm
Marija f’Kana. U din saret
it-twissija tagħha ta’ Omm
lill-Knisja ta’ kull żmien:
«Agħmlu dak li jgħidikom hu »
(Ġw 2, 5). Din
it-twissija tagħha introduċiet
il-kliem u s-sinjali li għamel
Kristu matul il-ħajja pubblika
tiegħu u fiha hemm l-isfond
marjan tal-misteri kollha
tad-dawl.
Il-misteri tat-tbatija
22. L-Evanġelju jagħti ħafna
importanza lill-misteri
tat-tbatija ta’ Kristu. Sa minn
dejjem, speċjalment matul
ir-Randan, il-qima nisranija
waqfet fuq id-diversi mumenti
tal-Passjoni permezz tal-Via
Crucis, u għarfet li f’dawn
il-mumenti hemm il-quċċata
tar-rivelazzjoni ta’ l-imħabba
u l-għajn tal-fidwa. Fir-Rużarju
għandna ċertu waqtiet
tal-Passjoni li jgħinu lil min
jitlob biex iħares lejhom
bl-għajnejn ta’ ruħu u jerġa’
jgħixhom. Dawn il-misteri
jibdew bil-meditazzjoni dwar
Kristu fil-ġnien tal-Ġetsemani
meta Hu għex mument iebes
quddiem ir-rieda tal-Missier,
fejn il-ġisem dgħajjef jħoss
it-tentazzjoni li jirribella.
Hawnhekk, Kristu jpoġġi lilu
nnifsu fit-tentazzjonijiet
kollha ta’ l-umanità u quddiem
id-dnubiet kollha ta’ l-umanità,
biex jgħid lill-Missier: «Tkun
magħmula r-rieda tiegħek u mhux
tiegħi» (Lk 22, 42 ).
Din “ l-iva” ta’ Ġesu’ hi
tweġiba għal dik “il-le”
tal-ewwel ġenituri tal-bniedem
fl-Eden. Dak li ġabet magħha din
l-iva għar-rieda tal-Missier
jidher fil-misteri ta’ wara:
it-telgħa tal-Kalvarju,
il-flaġellazzjoni, il-kuruna
tax-xewk, il-mewt tas-salib. Hu
bata l-akbar umiljazzjoni:
Ecce homo!
F’din l-umiljazzjoni li hu bata
għalina tidher mhux biss
l-imħabba ta’ Alla, imma wkoll
is-sens tal-ħajja tal-bniedem.
Ecce homo:
it-tifsira, il-bidu u t-twettiq
tal-ħajja tal-bniedem jinsabu fi
Kristu, Alla, li għall-imħabba
ċekken lilu innifsu “sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib”
(Fil2,8). Il-misteri tat-tbatija
jwasslu lil min jemmen biex
jerġa’ jgħix il-mewt ta’ Ġesù
billi jpoġġi lilu nnifsu taħt
is-salib flimkien ma’ Marija,
biex flimkien magħha jidħol
fil-fond ta’ l-imħabba bla tarf
li Alla għandu għall-bniedem, u
jħoss il-qawwa li mill-ġdid
tagħtih ħajja.
Il-misteri tal-glorja
23.«Il-kontemplazzjoni tal-wiċċ
ta’ Kristu ma tistax tieqaf fuq
ix-xbieha tal-Imsallab għax
Kristu qam mill-mewt! ».(29)
Ir-Rużarju dejjem esprima din
il-fidi, u jistieden lil dawk li
jemmnu biex ma jiefqux fuq
id-dlam tal-Passjoni, imma biex
iħarsu lejn Kristu fil-glorja
tal-Qawmien u tat-Tlugħ tiegħu
fis-Sema. Meta n-nisrani
jikkontempla lil Kristu Rxoxt hu
jiskopri r-raġuni tal-fidi
tiegħu (ara 1 Kor 15,
14), u jgħix mhux biss il-ferħ
li ġarrbu l-Appostli,
il-Maddalena u d-dixxipli ta’
Emmaus, imma wkoll il-ferħ ta’
Marija, li żgur għamlet l-istess
esperjenza ta’ Binha glorifikat.
Bit-tlugħ fis-Sema,
Kristu ġie gglorifikat u
jinsab fuq il-lemin tal-Missier,
fil-waqt li Marija tgħolliet
għal din il-glorja meta ġiet
imtellgħa s-sema bir-ruħ u
l-ġisem. U hekk, bi privileġġ
uniku, hi gawdiet minn qabel dak
li huma ddestinati li jgawdu
l-ġusti fil-qawmien mill-imwiet.
Inkurunata Reġina - kif narawha
fl-aħħar misteru tal-glorja -
Marija tiddi bħala Sultana ta’
l-Anġli u l-Qaddisin,
antiċipazzjoni u milja
eskatoloġika tal-Knisja.
Fiċ-ċentru ta’dawn il-misteri
tal-glorja tal-Iben u tal-Omm,
ir-Rużarju jpoġġilna l-ġrajja
ta’ Għid il-Ħamsin. Fit-tielet
misteru tal-glorja naraw
il-Knisja bħala familja miġbura
madwar Marija, mogħtija ħajja
ġdida bil-qawwa ta’ l-Ispirtu,
lesta biex tibda twettaq
il-missjoni tagħha ta’
l-evanġelizazzjoni.
Il-kontemplazzjoni ta’ dan
il-misteru, bħall-misteri
glorjużi l-oħra, għandha twassal
lil dawk li jemmnu biex jagħrfu
dejjem aktar il-ħajja ġdida
tagħhom fi Kristu, bħala parti
mir-realta’ tal-Knisja,
eżistenza li tagħha x-xena
tal-Għid il-Ħamsin hi ikona
kbira. B’hekk il-misteri
glorjużi jsaħħu f’dawk li jemmnu
t-tama ta’ ħajja eskatoloġika li
lejha huma mixjin bħala membri
tal-Poplu ta’ Alla
fil-pellegrinaġġ tiegħu
fl-istorja. Dan ma jistax ma
jqanqalhomx biex b’kuraġġ jagħtu
xhieda ta’ «dik l-aħbar ta’
ferħ» li tagħti sens lil
ħajjithom kollha kemm hi.
Mill-‘misteri’ għall-‘Misteru’:
it-triq ta’ Marija
24. Fil-meditazzjonijiet li
jipproponilna r-Rużarju Mqaddes
żgur li ma hemmx kollox, imma
fihom hemm l-essenzjal u jwasslu
lir-ruħ tagħna biex tiggosta
dejjem aktar lil Kristu permezz
ta’ dak li nsibu fl-għajn safja
tat-testi evanġeliċi. F’kull
parti tal-ħajja ta’ Kristu, kif
jirrakkontawhielna
l-Evanġelisti, jiddi l-Misteru
li jibsoq kull għerf (ara Ef
3, 19). Dan hu l-Misteru
tal-Kelma li ħadet il-ġisem li
fiha « hemm tgħammar il-milja
sħiħa tad-divinità» (Kol
2, 9). Hu għalhekk li l-Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika
jinsisti ħafna fuq il-misteri
ta’ Kristu u jfakkarna li «
kollox fil-ħajja ta’ Ġesù hu
sinjal tal-Misteru tiegħu ».(30)
Id- « duc in altum »
tal-Knisja fit-tielet millennju
jitkejjel fuq kemm l-insara huma
kapaċi « jaslu għall-għana
tal-fehma sħiħa u l-għarfien
tal-misteru ta’ Alla li hu
Kristu u li fih hemm moħbija
t-teżori kollha tal-għerf u
tax-xjenza » (Kol 2,
2-3). Lill-imgħammdin kollha
jaslilhom l-awgurju sabiħ li
nsibu fl-Ittra lill-Efesin: «li
Kristu jgħammar f’qalbkom
permezz tal-fidi, biex tniżżlu
l-għeruq tagħkom fl-imħabba u
fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk
tkunu tistgħu tifhmu (...)
l-imħabba ta’ Kristu u tagħrfu
kemm din l-imħabba tisboq kull
għerf, biex timtlew bil-milja
kollha ta’ Alla » (Ef 3,
17-19).
Ir-Rużarju jservi għal dan
l-ideal, fil-waqt li
joffrilna‘s-sigriet’ biex
ninfetħu b’aktar faċilità u
b’mod aktar profond għal Kristu.
Nistgħu ngħidu li din hi
t-triq ta’ Marija. Hi
t-triq fuq l-eżempju ta’ Marija,
il-mara tal-fidi, il-mara
tas-skiet, dik li taf tisma’.
Hi t-triq ta’ devozzjoni
marjana mogħtija l-ħajja minn
dik r-rabta li ma tistax ma
tkunx hemm u li tgħaqqad lil
Kristu ma’ l-Omm Qaddisa tiegħu:
il-misteri ta’ Kristu huma
f’ċertu sens il-misteri ta’
l-Omm tiegħu, wkoll meta din ma
tkunx fihom direttament, għax Hi
tgħix biH u għaliH. Meta fl-Ave
Maria nagħmlu tagħna l-kliem
ta’ l-anġlu Gabriel u ta’ Santa
Eliżabetta, aħna dejjem
inħossuna mqanqlin mill-ġdid
biex infittxu “il-frott imbierek
tal-ġuf» (ara Lq 1, 42)
f’Marija, f’dirgħajja u
f’qalbha.
Misteru ta’ Kristu, 'misteru'
tal-bniedem
25. Fix-xhieda tiegħi tal-1978
li ġa semmejt qabel, fejn
tkellimt dwar ir-Rużarju bħala
t-talba preferita tiegħi, kont
semmejt kunċett li rrid nerġa’
nieqaf fuqu.
Kont għidt li «t-talba sempliċi
tar-Rużarju timmarka r-ritmu
tal-ħajja tal-bniedem ».(31)
Fid-dawl tar-riflessjonijiet li
għamilna s’issa fuq il-misteri
ta’ Kristu, mhuwiex diffiċli
nidħlu fil-fond dwar din l-implikazzjoni
antropoloġika tar-Rużarju,
li hi aktar profonda minn dak li
jidher ma’ l-ewwel daqqa
t’għajn. Min jikkontempla lil
Kristu billi jħares lejn
il-grajjiet tal-ħajja tiegħu, ma
jistax ma jarax fiH anki l-verità
dwar il-bniedem. Din hi
stqarrija importanti
tal-Konċilju Vatikan II, li
ħafna drabi tkellimt dwarha
fit-tagħlim tiegħi, ibda
mill-Ittra enċiklika
Redemptor hominis
: « Huwa biss fil-Misteru
tal-Kelma li sar bniedem li
l-misteru tal-bniedem jintwera
fid-dawl veru tiegħu ».(32)
Ir-Rużarju jgħinna ninfetħu għal
dan id-dawl. Meta jimxi fuq
il-passi ta’ Kristu, li fih
hemm «miġbura»,(33)
murija u mifdija l-passi kollha
tal-mixja tal-bniedem,
in-nisrani jiġi wiċċ’imb wiċċ
max-xbieha tal-bniedem veru.
Meta jikkontempla t-twelid
tiegħu, jitgħallem il-qdusija
tal-ħajja; meta jħares lejn
id-dar ta’ Nazaret jitgħallem
l-verità ewlenija dwar il-ħsieb
ta’ Alla fuq il-familja, meta
jisma’ l-Imgħallem fil-misteru
tal-ħajja pubblika tiegħu, huwa
jikseb id-dawl biex jidħol
fis-Saltna ta’ Alla, u meta
jimxi warajh fit-triq
tal-Kalvarju hu jitgħallem
it-tifsira tat-tbatija li tifdi.
Fl-aħħar, meta jikkontempla lil
Kristu u l-Omm tiegħu
fil-glorja, hu jara l-għan li
għalih kull wieħed minna hu
msejjaħ, jekk nħallu l-Ispirtu
s-Santu jfejjaqna u jibdilna.
Hekk nistgħu ngħidu li kull
misteru tar-Rużarju, meditat
tajjeb, jitfa’ dawl fuq
il-misteru tal-bniedem.
Fl-istess ħin, issir ħaġa
naturali li ngħaqqdu l-ħafna
problemi tagħna, il-qtigħ
il-qalb, il-ħidma u pjanijiet
tal-ħajja tagħna ma’ l-umanita’
qaddisa tal-Feddej. “Ħalli
xortik f’idejn il-Mulej, u hu
jgħinek u jwieżnek » (Sal
55, 23). Li nimmeditaw
bir-Rużarju jfisser li nitfgħu
t-toqol tal-ħajja tagħna
fil-qalb ħanina ta’ Kristu u dik
ta’ Ommu Marija. Wara ħamsa u
għoxrin sena, fejn ma naqsux
id-diffikultajiet lanqas waqt
il-qadi tal-ministeru petrin
tiegħi, inħoss li mill-ġdid
għandi nistieden lil kulħadd
b’ħafna mħabba biex jagħmel
esperjenza personali ta’ dan.
Iva! Ir-Rużarju tassew li
“jimmarka r-ritmu tal-ħajja
tal-bniedem”, jarmonizzah
mar-ritmu ta’ l-istess ħajja ta’
Alla, fil-komunjoni tat-Trinita’
Qaddisa, li aħna maħluqa għaliha
u li ruħna tixxennaq għaliha.
KAP III
“GĦALIJA, LI NGĦIX HUWA KRISTU”
Ir-Rużarju, triq li tagħmilna
ħaġa waħda mal-misteru
26. Il-meditazzjoni tal-misteri
ta’ Kristu fir-Rużarju hi
mogħtija b’metodu li min-natura
tiegħu stess jgħinna biex insiru
ħaġa waħda magħhom. Huwa metodu
ta’ ripetizzjoni. Dan jgħodd
l-ewwelnett għall-Ave Maria,
li ngħiduha għaxar darbiet
f’kull misteru. Jekk inħarsu
b’mod superfiċjali lejn din
ir-ripetizzjoni, nistgħu naqgħu
fit-tentazzjoni li nħarsu lejn
ir-Rużarju bħala xi ħaġa
monotona, li ddejqek. Imma
l-affarijiet jistgħu jkunu ferm
differenti jekk inħarsu lejn
il-Kuruna bħala espressjoni ta’
dik l-imħabba li ma ngħejjew
qatt nagħtuha lura lill-persuna
maħbuba bi kliem imqanqal, li
għalkemm dejjem l-istess, imma
dejjem ġodda bis-sentiment li
jkun hemm fihom.
Fi Kristu, Alla ħa tassew « qalb
tal-laħam ». Hu m’għandux biss
qalb divina, mogħnija
bil-ħniena u l-maħfra, imma
għandu wkoll qalb umana, li
kapaċi tħabbat bl-imħabba. Jekk
irridu xhieda ta’ dan, faċli
nsibuha fl-Evanġelju fid-djalogu
sabiħ bejn Kristu u Pietru, wara
l-Qawmien ta’ Ġesu: « Xmun, bin
Ġona, tħobbni int? ». Din
il-mistoqsija saritlu tliet
darbiet u għal tliet darbiet
Pietru wieġeb: « Mulej, inti taf
li jien inħobbok » (ara Ġw
21, 15-17). Barra
mit-tifsira speċifika ta’ din
is-silta, hekk importanti
għall-missjoni ta’ Pietru, ma
nistgħux ma nintlaqtux
mir-ripettizzjoni għal tliet
darbiet, fejn il-mistoqsija
insistenti u t-tweġiba għaliha
jesprimu ruħhom bi kliem
magħrufa sew fl-esperjenza ta’
l-imħabba umana. Biex nifhmu
r-Rużarju, jeħtieġ nidħlu
fid-dinamika psikoloġika ta’
l-imħabba.
Ħaġa waħda hi ċara: għalkemm
ir-ripetizzjoni ta’ l-Ave
Maria ssir direttament lil
Marija, imma magħha u permezz
tagħha, l-att ta’ mħabba li
nagħmlu, nagħmluh
definittivament lil Ġesù.
Ir-ripetizzjoni hi msaħħa
mix-xewqa li nsiru dejjem aktar
nixbhu lil Kristu, il-veru
programm tal-ħajja nisranija.
San Pawl tkellem dwar dan
il-‘programm’ bi kliem imħeġġa:
« Għalija l-ħajja hi Kristu u
l-mewt hi rebħ» (Fil 1,
21). U jgħid ukoll: «Ngħix,
imma mhux iżjed jien, imma jgħix
fija Kristu » (Gal 2,
20). Ir-rużarju jgħinna nsiru
dejjem aktar nixbħu lil Kristu
sakemm naslu għall-qdusija.
Metodu validu...
27. M’għandniex għalfejn
nistagħġbu li fir-rabta tagħna
ma’ Kristu nużaw ukoll dan
il-metodu.
Alla jikkomunika mal-bniedem
billi jirrispetta n-natura
tagħna ta’ bnedmin u r-ritmu
tal-ħajja tagħna. Għalhekk,
għalkemm l-ispirtwalità
nisranija hi midħla sew
tas-silenzju mistiku fejn, biex
ngħid hekk, ir-rabta qawwija
tal-bniedem ma’ Alla tegħleb
ix-xbihat, il-kliem u l-ġesti,
imma din normalment tikkonvolġi
l-persuna sħiħa fir-realtà
psikika, fiżika u relazzjonali
kollha tagħha.
Dan jidher b’mod ċar fil-Liturġija.
Is-saġramenti u s-sagramentali
huma strutturati b’riti, li
fihom jidħlu d-diversi aspetti
tal-persuna. It-talb li mhux
liturġiku wkoll jesprimi din
l-istess esiġenza. Dan
jikkonfermah il-fatt li,
fil-Lvant, it- talba l-aktar
karatteristika tal-meditazzjoni
kristoloġika li tiċċentra fuq
il-kliem: « Ġesù Kristu, Bin
Alla, Mulej, ikollok ħniena
minni, midneb »,(34)
hi tradizzjonalment marbuta
mar-ritmu tan-nifs. Fil-waqt li
din it-talba tgħin biex wieħed
jippersevera fit-talb, kważi
tiżgura li anki fiżikament
wieħed jħoss fih ix-xewqa li
Kristu jsir in-nifs, ir-ruħ u
l-‘kollox’ ta’ ħajtu.
... imma li jista’ jitjieb
28. Fl-Ittra appostolika
Novo millennio ineunte,
għidt li llum anki fil-Punent
qed tinħass mill-ġdid il-ħtieġa
tal-meditazzjoni, ħtieġa li
xi drabi qed issib tweġiba
f’reliġjonijiet oħra bil-mod li
jiġbduk lejhom.(35)
Xi nsara li jafu ftit dwar
it-tradizzjoni kontemplattiva
nisranija, jitkaxkru minn dak li
jipproponu dawn ir-reliġjonijet.
Minkejja l-aspetti pożittivi
tagħhom, li xi drabi jkunu
jaqblu mal-esperjenza nisranija,
dawn spiss jaħbu bażi ideoloġika
li wieħed ma jistax jaċċettaha.
F’dawk l-esperjenzi tintuża
metodoloġija li hi popolari
ħafna għax waqt li timmira għal
livell għoli ta’
konċentrazzjoni, tagħmel użu
minn teknika ta’ natura
psiko-fiżika, ripettitiva u
simbolika. Ir-Rużarju jidħol
f’dan il-kwadru universali ta’
dan il-fenomenu reliġjuż, imma
għandu l-karatteristiċi tiegħu,
li jwieġbu għall-ħtiġijiet
speċifikament insara.
Fil-fatt mhuwiex ħlief metodu
biex tikkontempla. U dan
il-metodu rridu nużawh bħala
mezz għal skop u mhux bħala skop
fih innifsu. Imma la dan
il-metodu hu frott ta’ sekli
ta’ esperjenza, ma nistgħux
innaqqsu l-valur tiegħu. Hemm
favur tiegħu l-esperjenza ta’
ħafna qaddisin. Iżda dan ma
jfissirx li ma jistax ikun
aħjar. U dan hu l-iskop li
maċ-ċiklu kollu tal-misteri qed
inżidu l-mysteria lucis
li qed nipproponi f’din
l-Ittra, flimkien ma’ xi
suġġerimenti dwar il-mod kif
jingħad. Fil-waqt li
nirrispettaw l-istruttura
stabbilita ta’ din it-talba,
nixtiequ ngħinu lill-insara
jifhmuha fir-rikkezza
tas-simboliżmu tagħha, fi qbil
ma’ dak li titlob il-ħajja ta’
kuljum. Mingħajr dan, hemm
ir-riskju li r-Rużarju mhux biss
ma ħallix l-effett spiritwali
mixtieq, imma jispiċċa biex
saħansitra l-kuruna li ngħiduh
biha ssir ornament jew
oġġett maġiku, u b’hekk
ngħawġu s-sens u l-funzjoni
tagħha.
It-tħabbira tal-misteru
29. Meta nkunu qed nħabbru
l-misteru, u forsi nħarsu wkoll
lejn xi ikona xbieha tiegħu,
inkunu qisna qed niftħu xenarju
li fuqu nitfgħu l-attenzjoni
kollha tagħna. Il-kliem
jiggwidaw l-immaġinazzjoni u
r-ruħ lejn dak l-episodju jew
mument fil-ħajja ta’ Kristu.
Fl-ispiritwalità li żviluppat
fil-Knisja, kemm il-qima
tal-ikoni u l-ħafna
devozzjonijiet li jappellaw
għas-sensi, kif ukoll il-metodu
li San Injazju ta’ Loyola
jipproponi fl-Eżerċizzi
Spiritwali, jagħmlu użu
mill-element viżiv u
immaġinattiv (compositio loci),
għax jingħad li dan jgħin ħafna
biex wieħed jikkonċentra fuq
il-misteru. Barra minn hekk,
din hi metodoloġija li taqbel
mal-loġika stess ta’
l-Inkarnazzjoni: f’Ġesu’, Alla
ried li jieħu l-fattizzi
tal-bniedem. Huwa permezz
tar-realtà tal-ġisem tiegħu li
aħna naslu f’kuntatt
mal-misteru divin tiegħu.
It-tħabbira tal-misteri
differenti tar-Rużarju twieġeb
ukoll għal din il-ħtieġa
konkreta. Imma dawn ma
jieħdux il-post ta’ l-Evanġelju
u lanqas ma jġibu quddiemna dak
kollu li hemm fih. Għalhekk,
ir-Rużarju ma jissostitwix il-lectio
divina, imma
għall-kuntrarju jissupponiha u
jippromoviha. Għalkemm
il-misteri li nimmeditaw
fir-Rużarju, inklużi dawk tal-mysteria
lucis, jillimitaw ruħhom
għal-linji fundamentali
tal-ħajja ta’ Kristu, imma
faċli li permezz tagħhom ir-ruħ
timraħ fuq il-bqija ta’
l-Evanġelju, l-aktar meta
r-Rużarju jingħad f’waqtiet
partikulari ta’ ġabra fit-tul.
Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla
30. Biex il-meditazzjoni jkollha
bażi biblika u ssir b’mod aktar
profond, ikun tajjeb li wara li
jitħabbar il-misteru tar-Rużarju
tinqara silta biblika dwaru,
qasira jew twila, skont kif
jitolbu ċ-ċirkustanzi. Il-kliem
l-ieħor qatt ma jasal biex
iħalli l-istess effett li tħalli
l-kelma ispirata. Irridu
nisimgħuha, ċerti li din hi
Kelma ta’ Alla, li qed titħabbar
għal-lum u « għalija ».
Jekk nilqgħuha b’dan il-mod, hi
tidħol fil-metodu ta’
ripetizzjoni tar-Rużarju
mingħajr ma wieħed jiddejjaq
għax jaħseb li jkun qed jerġa’
jisma’ l-istess affarijiet.
Hawnhekk mhux il-każ li
niftakru affarijiet li ġa
nafuhom, imma li nħallu lil Alla
jkellimna. F’xi ċelebrazzjoni
solenni komunitarja, il-Kelma
tista’ tkun imfissra b’xi
kumment qasir.
Is-silenzju
31. Is-silenżju jgħajjex
is-smigħ u
l-meditazzjoni. Wara li
jitħabbar il-misteru u tkun
imxandra l-Kelma, tkun ħaġa
f’waqtha li qabel ma tibda
t-talba vokali ssir waqfa qasira
biex wieħed jiffissa ħarstu fuq
il-misteru li ser ikun
immeditat. Li niskopru mill-ġdid
il-valur tas-silenzju hu wieħed
mis-sigrieti biex nipprattikaw
il-kontemplazzjoni u
l-meditazzjoni. F’soċjetà
maħkuma mit-teknoloġija u
mill-mezzi ta’ komunikazzjoni,
insibu li s-silenzju qed isir
dejjem aktar diffiċli. Kif
fil-Liturġija huma mitluba
mumenti ta’ skiet, l-istess
fir-Rużarju. Tkun ħaġa f’waqtha
li wara s-smigħ tal-Kelma ta’
Alla ssir waqfa qasira biex
niffissaw l-għajnejn ta’ ruħna
fuq dak li hemm fil- misteru li
nimmeditaw.
Il- «Missierna »
32. Wara li nisimgħu l-Kelma u
nikkonċentraw fuq il-misteru, hi
ħaġa naturali li ruħna
tintrefa’ lejn il-Missier.
F’kull wieħed mill-misteri,
Ġesù joħodna għand il-Missier,
li jdur lejh il-ħin kollu waqt
li jistrieħ fi ‘ħdanu’ (ara
Ġw 1, 18). Hu jrid
idaħħalna fl-intimità
tal-Missier biex flimkien
miegħu ngħidu: « Abbà, Missier
» (Rm 8, 15; Gal
4, 6). F’din ir-rabta
mal-Missier Ġesù jagħmilna
aħwa miegħu u bejnietna
fil-waqt li jagħtina l-Ispirtu
li hu tiegħu kif ukoll
tal-Missier. Il-Missierna,
li hi bħala
l-bażi tal-meditazzjoni
kristoloġika-marjana, li sseħħ
meta nirripetu tal-Ave Maria,
twassal biex il-meditazzjoni
tal-misteru tkun esperjenza
ekkleżjali, anki meta din issir
minn persuna waħidha.
L-Għaxar « Ave Maria »
33. Il-parti l-kbira tar-Rużarju
tikkonsisti f’dan l-element, li
jagħmlu l-aqwa talba marjana.
Iżda meta nifhmu sew l-Ave
Maria nindunaw li
l-karattru marjan mhux biss ma
jmurx kontra dak kristoloġiku,
imma jisħaq fuqu u jgħollih.
Fil-fatt, l-ewwel parti ta’ l-Ave
Maria, li hi magħmula
mill-kliem ta’ l-anġlu Ġabriel
u ta’ Santa Eliżabetta, hi
kontemplazzjoni li tqim
il-misteru li seħħ fil-Verġni
ta’ Nażaret. Nistgħu ngħidu li
din tesprimi l-ammirazzjoni
tas-sema u ta’ l-art, u f’ċertu
sens, nilmħu fiha l-għaxqa ta’
Alla li jikkontempla l-kapolavur
tiegħu - l-inkarnazzjoni ta’
Ibnu fil-ġuf verġinali ta’
Marija. Jekk niftakru kif
fir-rakkont tal-Ġenesi “ Alla
ħares lejn dak kollu li kien
għamel” (Ġn1,31), hawnhekk
insibu jidwi «dak it-tqanqil
il-qalb (pathos) li bih Alla
ħares lejn l-opra ta’ idejh
fil-bidu tal-ħoħqien».(36))
Ir-ripetizzjoni ta’ l-Ave
Maria fir-Rużarju twassal
biex aħna wkoll ikollna sehem
mill-għaxqa ta’ Alla: nithennew,
nistagħġbu u nistqarru l-akbar
miraklu ta’ l-istorja. Isseħħ
l-profezija ta’ Marija: « Minn
issa ‘l quddiem kull nisel
isejjaħli hienja » (Lq 1,
48).
Iċ-ċentru ta’ l-Ave Maria,
kważi bħal ħolqa li tgħaqqad
l-ewwel u t-tieni parti tagħha
huwa l-isem ta’ Ġesù.
Xi drabi, meta ngħidu din
it-talba bil-għaġġla, dan
iċ-ċentru jaħirbilna u miegħu
taħrab ukoll ir-rabta
mal-misteru ta’ Kristu li nkunu
qed nikkontemplaw. Talba
tar-Rużarju li ssir bis-sens u
tħalli l-frott tingħaraf mill-
importanza li wieħed jagħti
lill-isem ta’ Ġesù u l-misteru
tiegħu. Fl-Eżortazzjoni
Marialis cultus, Pawlu VI ġa
kien ġibed l-attenzjoni fuq
drawwa li hemm f’ċerti
postijiet, li biex jagħtu
importanza lill-isem ta’ Kristu
żiedu frażi li għandha x’taqsam
mal-misteru meditat.(37)
Hi drawwa ta’ min ifaħħarha,
speċjalment meta r-Rużarju
jingħad fil-pubbliku. Issaħħaħ
il-mod kif nesprimu l-fidi
tagħna fi Kristu fil-mumenti
differenti tal-ħajja tiegħu. Hi
stqarrija ta’ fidi u
fl-istess ħin tgħin biex
il-meditazzjoni tagħna tkun
ħajja għax ngħixu dak li
nirrepetu fl-Ave Maria
dwar il-misteru ta’ Kristu.
Meta nirrepetu l-isem ta’ Ġesù
– l-isem waħdieni li fih
irċevejna t-tama
tal-salvazzjoni (ara At
4, 12)– u flimkien miegħu dak
ta’ l-Omm Mqaddsa, billi nħallu
lilha stess tissuġġerihulna,
aħna nkunu qed nimxu fit-triq
ta’ xebh, li timmira lejn
daħla dejjem aktar profonda
fil-ħajja ta’ Kristu.
Imbagħad, mir-rabta speċjali
ta’ Marija ma’ Kristu,
mir-rabta li tagħmilha Omm
Alla, Theotòkos, toħroġ
il-qawwa tat-talba li nagħmlulha
fit-tieni parti meta nafdaw
ħajjitna u siegħa tal-mewt
tagħna fl-interċessjoni tagħha
ta’ omm.
Il -«Glorja »
34. Id-dossoloġija trinitarja
hija l-mira tal-kontemplazzjoni
nisranija. Fil-fatt, Kristu
huwa t-triq li jwassalna għand
il-Missier fl-Ispirtu. Jekk
nimxu sa l-aħħar f’din it-triq,
insibu ruħna kontinwament
quddiem il-misteru tat-Tliet
Persuni divini li lilhom
jistħoqq tifħir, qima u radd
il-ħajr. Jeħtieġ li l-Glorja,
quċċata tal-kontemplazzjoni,
tkun mogħtija importanza
fir-Rużarju. Meta jsir
pubblikament, din tista’
titkanta biex nagħtu
importanza xierqa lil din
l-istruttura essenzjalment
trinitarja u li minnha
tingħaraf kull talba nisranija.
Jekk waqt li ngħidu l-Ave
Maria, waħda wara l-oħra,
il-meditazzjoni dwar il-misteru
tkun waħda attenta, profonda u
animata mill-imħabba lejn Kristu
u lejn Maria, il-glorja
lit-Trinita’ fl-aħħar ta’ kull
posta ma tkunx tmiem imgħaġġel,
imma tikseb it-ton kontemplattiv
xieraq, li jgħolli r-ruħ lejn
is-Sema u jwassalna b’xi mod
biex ngħixu l-esperjenza
tat-Tabor; induqu xi ftit
mill-kontemplazzjoni
tal-ġejjieni: «Kemm hu sew li
aħna hawn » (Lk 9, 33).
Il-ġakulatorja ta’ l-aħħar
35. Hemm id-drawwa li
fir-Rużarju wara d-dossoloġija
trinitarja tingħad ġakolatorja
li tvarja skont il-post.
Mingħajr ma nnaqsu l-valur ta’
dawn l-invokazzjonijiet, naħseb
tajjeb ngħidu li
l-kontemplazzjoni tal-misteri
tista’ tħalli aktar frott jekk
kull misteru jintemm b’talba
biex niksbu l-frott speċifiku
mill-meditazzjoni dwar dak
il-misteru. B’dan il-mod, tidher
aktar ir-rabta tar-Rużarju
mal-ħajja nisranija. Dan
tissuġġerih talba sabiħa
liturġika li tistedinna biex
waqt li nimmeditaw il-misteri
tar-Rużarju nitolbu li naslu «
biex nimitaw dak li fihom u
biex naqilgħu dak li jwiegħdu ».(38)
Din it-talba ta’ l-aħħar
jista’ jkollha għamliet
leġittimi differenti, kif ġa qed
jiġri. B’hekk ir-Rużarju jista’
jkun aktar adattat
għat-tradizzjonijiet spiritwali
u għall-komunitajiet insara
differenti. F’dan id-dawl,
nittamaw li l-proposti l-aktar
sinifikattivi, li jkun sar
dixxerniment pastorali dwarhom u
li forsi tkun saret esperjenza
tagħhom fiċ-ċentri u
fis-santwarji marjani fejn hemm
attenzjoni speċjali
għar-Rużarju, jixterdu kemm
jista’ jkun, ħalli l-Poplu ta’
Alla jkun jista’ jibbenefika
minn kull ġid spiritwali
awtentiku li jsostnih
fil-kontemplazzjoni personali.
Il-'kuruna'
36. Il-kuruna hi l-għodda
tradizzjonali biex ngħidu
r-Rużarju. Meta nużawha b’mod
superfiċjali, din ta’ spiss
tispiċċa l-mezz biex ngħoddu l-Ave
Maria, waħda wara l-oħra.
Imma f’din nistgħu naraw ukoll
simboliżmu, li jgħinna aktar
fil-kontemplazzjoni.
L-ewwel ħaġa li għandna
ninnottaw hi li ż-żibeġ
tal-kuruna jwasslu għall-Kurċifiss,
li hu l-bidu u t-tmiem
tat-talba nnifisha. Il-ħajja u
t-talb ta’ min jemmen għandhom
iċ-ċentru tagħhom fi Kristu.
Kollox jibda minnu, kollox
iwassal għaliH, kollox jasal
għand il-Missier permezz tiegħU,
fl-Ispirtu s-Santu.
Bħala għodda biex ngħoddu u li
turina fejn wasalna fit-talba
tagħna, il-kuruna tfakkarna
fil-mixja bla waqfien
tal-kontemplazzjoni u
tal-perfezzjoni nisranija.
Il-Beatu Bartolo Longo kien
iħares lejha bħala ‘katina’ li
torbotna ma’ Alla. Katina iva,
imma katina ħelwa; bħalma dejjem
tirrivela ruħha r-rabta ma’ Alla
li hu Missier. Katina “ta’
wlied”, li tpoġġina f’sintonija
ma’ Marija «l-qaddejja tal-Mulej
» (Lq 1, 38), u ma’
Kristu stess, li għad li kien
Alla, għamel lilu nnifsu «
qaddej » għall-imħabba tagħna (Fil
2, 7).
Ħaġa sabiħa wkoll li fit-tifsira
simbolika tal-kuruna naraw
ir-rabta ta’ bejnietna u
niftakru fir-rabta ta’
komunjoni u ta’ mħabba ta’ aħwa
li tgħaqqadna lkoll fi Kristu.
Il-bidu u l-għeluq
37. Illum, f’kuntesti
ekklezjali differenti, insibu li
hemm diversi modi kif wieħed
jibda t-talba tar-Rużarju.
F’ċerti postijiet ir-Rużarju
jibda bl-invokazzjoni ta’ Salm
69: « O Alla, ejja eħlisni;
Mulej fittex għinni ». Dan qisu
biex jgħin lil min jitlob
jagħraf b’umiltà l-faqar tiegħu.
F’postijiet oħra, fil-bidu
jingħad il-Kredu; min jitlob
jagħmel stqarrija tal-fidi qisu
bħala s-sisien li fuqha ser
jibni l-mixja kontemplattiva
tiegħu. Dawn u għamliet oħra
bħalhom li jhejju lir-ruħ
għall-kontemplazzjoni, kollha
jistgħu jintużaw. Imbagħad,
ir-Rużarju nispiċċawh bit-talba
skont l-intenzjoni tal-Papa,
biex il-ħarsa ta’ min qed jitlob
titwessa’ fuq il-ħtiġijiet
kollha tal-Knisja. Huwa propju
biex tħeġġeġ din id-dimensjoni
ekkleżjali tar-Rużarju li
l-Knisja għanitu bl-indulġenzi
għal min jgħidu kif jixraq.
Jekk ngħixuh b’dan il-mod,
ir-Rużarju jsir tassew mixja
spiritwali, li fiha Marija tkun
omm, għalliema, gwida u ssaħħaħ
lill-fidili bl-interċessjoni
setgħana tagħha. Għalfejn
niskantaw li fl-aħħar ta’ din
it-talba, wara esperjenza
intima tal-maternita’ ta’
Marija, ir-ruħ tħoss il-bżonn li
tfaħħar lill-Verġni Qaddisa
bit-talba sabiħa tas-Salve
Reġina u dik tal-Litanja?
Dan hu l-inkurunament ta’ mixja
interjuri, li twassal biex
ikollna kuntatt ħaj mal-misteru
ta’ Krsitu u ta’ l-Omm Qaddisa
tiegħu.
It-tqassim tal-ġranet
38. Ir-Rużarju nistgħu ngħiduh
kollu kuljum, u ma jonqsux dawk
li jagħmlu din il-ħaġa
tassew ta’ min ifaħħarha.
B’hekk ir-Rużarju jimla
bit-talb il-ġurnata ta’ ħafna
kontemplattivi jew inkella
jżomm kumpannija lill-morda u
lill-anzjani li jkollhom ħafna
ħin biex jitolbu. Imma hi ħaġa
ovvja li ħafna jgħidu biss
parti minnu, skont xi jkun imiss
f’dik il-ġurnata - u dan jgħodd
aktar issa li ser jiżdiedu
l-misteri tad-dawl. Dan
it-tqassim tal-partijiet
tar-Rużarju għal matul
il-ġimgħa jagħti ċertu ‘kulur
spiritwali’ lil kull ġurnata,
l-istess kif tagħmel
il-liturġija liż-żminijiet
differenti tas-sena liturġika.
Sa issa, it-Tnejn u l-Ħamis
huma ddedikati għall-«misteri
tal-ferħ», it-Tlieta u l-Ġimgħa
għall-«misteri tat-tbatija»,
l-Erbgħa, is-Sibt u l-Ħadd
għall-misteri tal-«glorja».
Fejn ser jidħlu l-«misteri
tad-dawl»? Jekk niefqu naħsbu
ftit naraw li l-misteri
tal-glorja ngħiduhom jumejn wara
xulxin, is-Sibt u l-Ħadd, u nafu
wkoll li tradizzjonalment
il-ġurnata tas-Sibt għandha
timbru marjan. Għalhekk, ta’
min jagħti parir li l-misteri
tal-ferħ nibdew ngħiduhom
fil-ġurnata tas-Sibt, fejn
il-preżenza ta’ Marija tinħass
aktar. B’hekk il-ġurnta
tal-Ħamis tkun battala u fiha
nkunu nistgħu nimmeditaw
il-misteri tad-dawl.
B’danakollu, dan li għadni kemm
għidt m’għandux jillimita
l-liberta’ fil-meditazzjoni
personali u komunitarja, skont
kif jitolbu l-ħtiġijiet
spiritwali u pastorali, u fuq
kollox skont dak li ż-żmien
liturġiku jista’ jissuġġerixxi.
Imma importanti ħafna li
r-Rużarju jkun dejjem meqjus u
sperimentat bħala itinerarju
kontemplattiv. Bir-Rużarju,
flimkien ma’ dak li ngħixu
fil-Liturġija, il-ġimgħa
tan-nisrani, li ċ-ċentru tagħha
huwa l-jum tal-Ħadd, Jum
il-Qawmien, issir mixja permezz
tal-misteri ta’ Kristu. U
b’hekk hu juri ruħu bħala
s-Sid taż-żmien u ta’ l-istorja
fil-ħajja tad-dixxipli tiegħu.
KONKLUŻJONI
« Rużarju mbierek minn
Marija, katina ħelwa li
tgħaqqadna ma’ Alla »
39. Dak li għidna s’issa, juri
bis-sħiħ ir-rikkezza ta’ din
it-talba tradizzjonali, li
għandha s-sempliċità ta’ talba
popolari, u fl-istess ħin
il-profondità teoloġika ta’
talba għal minn iħoss il-bżonn
ta’ kontemplazzjoni aktar
matura.
Il-Knisja dejjem għarfet kemm
tiswa din it-talba, u afdat
il-problemi l-aktar diffiċli lil
din it-talba korali, li tingħad
b’mod kostanti. F’waqtiet meta
l-kristjanità kienet mhedda,
il-ħelsien mill-periklu kien
attribwit lill-qawwa ta’ din
it-talba u l-insara sellmu
lill-Verġni tar-Rużarju bħala
dik li daħlet għalihom biex
jiksbu l-fidwa.
Ilum inħoss li għandi nafda
fil-qawwa ta’ din it-talba dak
li ġa semmejt fil-bidu: il-paċi
fid-dinja u l-familja.
Il-paċi
40. Id-diffikultajiet li
fil-bidu ta’ dan il-millennju
jidhru fuq ix-xefaq tad-dinja
jwassluk biex tgħid li
intervent mill-Għoli biss -
kapaċi jorjenta l-qlub ta’ min
qiegħed f’sitwazzjonijiet ta’
konflitt u ta’ min imexxi
d-destin tal-ġnus - jista’
jwassalna biex nittamaw
f’ġejjieni aħjar.
Min-natura tiegħu stess,
ir-Rużarju huwa talba
għall-paċi għax jikkonsisti
fil-kontemplazzjoni ta’ Kristu,
il-Prinċep tal-paċi u «l-paċi
tagħna » (Ef 2,14).
Kull min jixxiebah mal-misteru
ta’ Kristu – u r-Rużarju jimmira
propju lejn dan – jitgħallem
is-sigriet tal-paċi u jagħmel
dan il-pjan ta’ ħajtu. Barra
minn hekk, bil-karattru
meditattiv tiegħu waqt li wieħed
jirrepeti bil-kalma tal-Ave
Maria , ir-Rużarju jnissel
f’min jitlob ċerta paċi, li
twasslu biex jirċievi,
jisperimenta b’mod profond u
jxerred madwaru dik il-paċi vera
li hi rigal speċjali ta’ Kristu
li qam mill-mewt (ara Ġw
14, 27; 20, 21).
Huwa wkoll talba għall-paċi
minħabba l-frott ta’ mħabba li
jġib miegħu. Jekk jingħad sew
bħala talba ta’ meditazzjoni,
fil-waqt li jlaqqagħna ma’
Kristu fil-misteri tiegħu,
ir-Rużarju ma jistax ma
jwassalniex biex naraw ukoll
il-wiċċ ta’ Kristu f’ħutna
l-bnedmin, l-aktar f’dawk li qed
ibatu. Kif nistgħu niffissaw
ħarsitna fuq il-misteru
tat-Tarbija li twieldet f’Betlem
fil-misteri tal-ferħ, mingħajr
ma nħossu li għandna nilqgħu,
niddefendu u nippromwovu l-ħajja
u nħossu l-piż tat-tbatija li
qed iġarrbu tfal fid-dinja
kollha? Kif nistgħu nimxu wara
l-passi ta’ Kristu fil-misteri
tad-dawl, mingħajr ma niddeċidu
li nkunu xhieda
tal-beatitudnijiet tiegħu
fil-ħajja tagħna ta’ kuljum? U
kif nistgħu nikkontemplaw lil
Kristu mgħobbi bis-salib u
msallab, mingħajr ma nħossu
l-ħtieġa li nkunu ċ-“Ċirinew”
għal kull wieħed minn ħutna
mtaqqal bit-tbatija u mifluġ
bid-disperazzjoni? U fl-aħħar,
kif nistgħu niffissaw ħarsitna
fuq il-glorja ta’ Kristu Rxoxt u
fuq Marija nkurunata Reġina,
mingħajr ma nħossu x-xewqa li
nagħtu sehemna għal dinja aktar
sabiħa, aktar ġusta, aktar qrib
il-pjan ta’ Alla?
Fil-waqt li jwassalna biex
niffissaw ħarsitna fuq Kristu,
ir-Rużarju jagħmilna bennejja
tal-paċi. Bix-xejra tiegħu ta’
talba insistenti u korali, kif
jistedinna biex nagħmlu Kristu
meta jgħidilna biex nitolbu
«dejjem, bla ma naqtgħu» (Lq
18,1), ir-Rużarju
jwassalna biex nittamaw li
l-battalja diffiċli għall-paċi
tista’ tintrebaħ. Ir-Rużarju
mhuwiex ħarba mill-problemi
tad-dinja, imma jqanqalna biex
inħarsu lejhom b’responsabbilta
u b’ġenerożita. Jagħtina l-forza
biex naffaċċawhom żguri
mill-għajnuna ta’ Alla u sodi
fil-fehma li f’kull ċirkustanza
nkunu xhieda tal-«imħabba, li hi
qofol tal-perfezzjoni » (Kol
3, 14).
Il-familja: il-ġenituri...
41. Ir-Rużarju, talba
għall-paċi, huwa wkoll, kif
kien minn dejjem, talba
tal-familja u
għall-familja. Kien hemm
żmien meta din it-talba kienet
tassew għażiża għall-familji
nsara u żgur li kienet tgħinhom
fil-komunjoni. Jeħtieġ li dan
il-wirt ma jintilifx. Jeħtieġ li
l-familja terġa’ tibda titlob
flimkien u titlob għall-familji,
billi tagħmel użu minn din
it-talba.
Jekk fl-Ittra appostolika
Novo
millennio ineunte
ħeġġiġt biex il-Liturġija
tas-Sigħat issir parti
mill-ħajja tal-lajċi
fil-komunitajiet parrokkjali u
fid-diversi gruppi nsara(39),
l-istess ħaġa nixtieq nagħmel
għar-Rużarju. Dawn huma żewġ
triqat fil-kontemplazzjoni
nisranija li waħda ma
tissostitwix lill-oħra, imma
huma komplimentari. Għalhekk
nitlob lil dawk li jiddedikaw
ruħhom għall-pastorali
tal-familja biex jirrikmandaw
b’konvinzjoni t-talba
tar-Rużarju.
Il-familja li titlob flimkien
tibqa’ flimkien.
Bi tradizzjoni antika, naraw
li r-Rużarju Mqaddes huwa
talba li tiġbor flimkien
il-familja. Waqt li jitfgħu
ħarsithom fuq Kristu, il-membri
tagħha jiksbu mill-ġdid il-ħila
li jħarsu f’għajnejn xulxin, li
jikkomunikaw bejniethom, li
jissaħħu, li jaħfru lil xulxin u
li jerġgħu jibdew mill-ġdid
b’patt ta’ mħabba mġedded
mill-Ispirtu ta’ Alla.
Illum, ħafna mill-problemi
tal-familji, l-aktar fejn
is-soċjeta hi ekonomikament
żviluppata, ġejjin mill-fatt li
l-komunikazzjoni qed issir
dejjem aktar diffiċli. Mhux qed
jinstab ħin biex il-familja tkun
flimkien, u forsi l-ftit ħin
ta’ flimkien jittieħed
mill-istampa tat-televiżjoni.
Li ngħidu flimkien it-talba
tar-Rużarju fil-familja, ifisser
li fil-ħajja tagħna qed ikun
hemm stampa oħra, dik
tal-misteru li jsalva: ix-xbieha
tar-Redentur u tal-Omm Qaddisa
tiegħu. Il-familja li tgħid
ir-Rużarju flimkien toħloq xi
ftit minn dik il-klima li kien
hemm fid-dar ta’ Nażaret: tpoġġi
lil Ġesu fiċ-ċentru, taqsam
miegħu l-ferħ u t-tbatijiet,
tpoġġi f’idejh il-ħtiġijiet u
l-pjanijiet tagħha, u tieħu
minnu t-tama u l-qawwa biex
tibqa’ miexja.
... u l-uliedi
42. Ħaġa sabiħa u ta’ ġid hi
li nafdaw f’din it-talba anki
l-mixja tal-ħajja ta’ wliedna u
l-iżvilupp tagħhom.
Ir-Rużarju mhuwiex il-mixja
tal-ħajja ta’ Kristu,
mit-tnissil sal-mewt tiegħu,
sal-qawmien u l-glorja tiegħu?
Illum, il-ġenituri qed isibuha
dejjem aktar iebsa biex isegwu
lil uliedhom matul il-fażijiet
differenti ta’ ħajjithom.
F’soċjetà tat-teknoloġija
avanzata, tal-mass media
u tal-globalizazzjoni, kollox
sar mgħaġġel ħafna, u d-distanza
kulturali bejn
il-ġenerazzjonijiet kull ma tmur
dejjem qed tikber. Messaġġi
l-aktar differenti u esperjenzi
li ma tobsorhomx malajr qed
isibu post fil-ħajja tat-tfal u
tal-adolexxenti, u l-ġenituri
jinkwetaw quddiem tant perikli
li wliedhom ikollhom jaffaċċaw.
Xi drabi jħossuhom delużi
għall-aħħar meta jaraw
il-fallimenti ta’ wliedhom
quddiem il-qerq tad-droga,
il-ġibda għall-edoniżmu
sfrenat, it-tentazzjonijiet
għall-vjolenza, u għal tant
espressjonijiet bla sens u ta’
disperazzjoni.
Li nitolbu r-Rużarju għal
uliedna, jew aħjar li ngħidu din
it-talba ma’ wliedna, billi
nedukawhom sa minn meta jkun
żgħar li kuljum ikun hemm dan
il-ftit ħin fejn il-familja
tieqaf biex titlob flimkien, dan
żgur li mhux is-soluzzjoni għal
kull problema, imma hu għajnuna
spiritwali li m’għandniex
innaqsu mill-valur tagħha.
Wieħed jista’ joġġezzjona li
din it-talba ma tantx tgħodd
għall-gosti tat-tfal u
ż-żgħażagħ ta’ llum. Imma jista’
jkun li din l-oġġezzjoni tkun
ġejja minħabba l-mod xejn tajjeb
li spiss bih jingħad
ir-Rużarju. Barra minn hekk,
sakemm tinżamm l-istuttura
fundamentali tiegħu, xejn ma
għandu jwaqqafna milli ngħinu
lit-tfal u liż-żgħażagħ jgħidu
r-Rużarju - kemm fil-familji
kif ukoll fi gruppi – permezz
ta’għajnuniet simboliċi u
prattiċi adattati għalihom ħalli
jifhmuh u japprezzawh aktar.
Għaliex ma nippruvawx?
Pastorali taż-żgħażagħ,
pożittiva, imħeġġa u kreattiva,
bil-għajnuna ta’ Alla tista’
tagħti ħafna frott - kif rajna
fl-okkażjonijiet tal-Ġurnata
Dinjija taż-Żgħażagħ. Jekk
ir-Rużarju jkun ippreżentat
tajjeb, jiena ċert li għal
dar’oħra ż-żgħażagħ stess ikunu
kapaċi jgħaġġbuna bil-mod kif
din it-talba jagħmluha tagħhom u
jgħiduha bl-entużjażmu tipiku
ta’ l-età tagħhom.
Ir-Rużarju, teżor li rridu
niskopruh mill-ġdid
43. Għeżież ħuti! Talba hekk
faċli u fl-istess ħin hekk rikka
jistħoqqilha tassew li
l-komunità nisranija terġa
tiskopriha mill-ġdid. Ejjew
nagħmluh dan, l-aktar matul din
is-sena biex insaħħu
d-direzzjoni li hemm fl-Ittra
appostolika
Novo millennio ineunte,
li minnha ħadu l-ispirazzjoni
tagħhom ħafna Knejjes huma hu
jhejju l-programm tagħhom ta’
impenn għall- ġejjieni.
Għeżież ħuti fl-Episkopat,
saċedoti u djakni, u intom
operaturi pastorali fid-diversi
ministeri, indur lejkom b’mod
partikulari, biex waqt li
tagħmlu esperjenza personali
tal-ġmiel tar-Rużarju, issiru
ħabbara ħerqana tiegħu.
Inqiegħed ukoll it-tama tiegħi
fikom teoloġi, biex
b’riflessjoni soda u għarfa,
b’għeruqha fil-Kelma ta’ Alla u
b’sensittivita għal dak li jgħix
il-poplu nisrani, twassluh biex
jiskopri is-sisien bibliċi,
l-għana spiritwali u s-siwi
pastorali ta’ din it-talba
tradizzjonali.
Inserraħ fuqkom, rġiel u nisa
konsagrati, imsejħa b’mod
partikulari biex tikkontemplaw
il-wiċċ ta’ Kristu fl-iskola ta’
Marija.
Inħares lejkom ilkoll, għeżież
ħuti minn kull stat tal-ħajja,
lejkom familji insara, lejkom
morda u anzjani, lejkom
żgħażagħ: erġgħu ħudu f’idejkom
b’fiduċja l-kuruna tar-Rużarju
fil-waqt li tiskopruh mill-ġdid
fid-dawl ta’ l-Iskrittura,
f’armonija mal-Liturġija,
fil-kuntest tal-ħajja ta’
kuljum.
Jalla dan l-appell tiegħi ma
jaqax fuq widnejn torox!
Fil-bidu tal-ħamsa u għoxrin
sena tal-Pontifikat tiegħi,
nħalli din l-Ittra appostolika
f’idejn il-Verġni, Omm tal-Għerf
fil-waqt li ninxeħet
spiritwalment quddiem ix-xbieha
tagħha fis-santwarju sabiħ li
bnielha l-Beatu Bartolo Longo,
appostlu tar-Rużarju. Nuża
kliemu stess li jmissu l-qalb u
li bihom jagħlaq it-talba
magħrufa tas-Supplika
lis-Sultana tar-Rużarju Mqaddes:
« O Rużarju mbierek ta’ Marija,
katina ħelwa li tgħaqqadna ma’
Alla, rabta ta’ mħabba li
sseħibna ma’ l-anġli, qawwa
għall-ħelsien meta jaħbat
għalina l-infern, port żgur
mit-tempesti tal-ħajja, aħna ma
nħalluk qatt. Int tkun l-hena
tagħna fis-siegħa tal-agunija u
lilek nagħtu l-aħħar bewsa
tal-ħajja li tintemm. U l-aħħar
kelma li toħroġ minn fommna,
ikun l-isem tiegħek, o Sultana
tar-Rużarju, o Madonna ta’
Pompej, o Omm għażiża tagħna, o
Kenn tal-midinbin, o Faraġ
tal-imnikktin. Tkun imbierka,
illum u għal dejjem fl-art u
fis-sema ».
Mill-Vatikan, 16 ta’ Ottubru
tas-sena 2002, fil-bidu
tal-ħamsa u għoxrin sena
tal-Pontifikat.
ĠWANNI PAWLU II
(1)
Konċilju. Vat. II Gaudium et
spes, 45.
(2)
Ara Paolo VI, Esort. ap.
Marialis cultus (2 Frar
1974), 42: AAS 66 (1974),
153.
(3)
Ara Acta Leonis XIII, 3
(1884), 280-289.
(4)
Ta’ min jinnota b’mod
partikulari l-Ittra Appostolika
tiegħu fuq ir-Rużarju Il
religioso convegno (29 ta’
Settembru 1961): AAS 53
(1961), 641-647.
(5)
Angelus: Insegnamenti I
(1978), 75-76.
(6)
AAS 93 (2001), 285.
(7)
Fis-snin ta’ tħejjija
għall-Konċilju, Ġwanni XXIII ma
naqasx li jistieden il-komunita
nisranija biex tgħid ir-Rużarju
biex din il-ġrajja tal-Knisja
tirnexxi: ara Lettera al
Cardinale Vicario tat-28 ta’
Settembru 1960: AAS 52
(1960), 814-817.
(8)
Kon. Vatikan II; Lumen
gentium, 66.
(9)
N. 32: AAS 93 (2001),
288.
(10)
Ibid., 33, l.c.,
289.
(11)
Nafu u nisħqu li
r-rivelazzjonijiet privati
m’għandhoms l-istess natura
tar-rivelazzjoni publika. Huwa
x-xogħol tal-Maġisteru li
jiddixxerni u jagħraf
l-awtentiċità u l-valur
tar-rivelazzjonijiet privati.
(12)
Il segreto meraviglioso del
Santo Rosario per convertirsi e
salvarsi: Opere, 1,
Scritti Spirituali, Ruma
1990, pp. 729-843.
(13)
B. Bartolo Longo, Storia del
Santuario di Pompei, Pompei
1990, p.59.
(14)
Eżort. ap. Marialis cultus
(2 ta’ Frar 1974), 47:
AAS 66 (1974), 156.
(15)
Kon. Vatikan II; Sacrosanctum
Concilium, 10.
(16)
Ibid., 12.
(17)
Kon. Vatikan II; Lumen
gentium, 58.
(18)
I Quindici Sabati del
Santissimo Rosario, 27ª
ed., Pompej 1916, p. 27.
(19)
Kon. Vatikan II; Lumen
gentium, 53.
(20)
Ibid., 60.
(21)
Ara l-ewwel messaġġ bir-radju
Urbi et orbi (17 ta’ Ottubru
1978): AAS 70 (1978),
927.
(22)
Trattato della vera devozione
a Maria, 120: Opere,
1, Scritti spirituali,
Ruma 1990, p. 430.
(23)
Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,
n. 2679.
(24)
Ibid., n.2675.
(25
Is-supplika lis-Sultana
tar-Rużarju Mqaddes li tingħad
b’mod solenni darbtejn fis-sena,
f’Mejju u f’Ottubru, inkitbet
fl-1883 mill-beatu Bartolo Longo
bħala tweġiba għall-istedina li
l-Papa Ljun XIII għamel
lill-kattoliċi fl-ewwel
enċiklika tiegħu dwar
ir-Rużarju, bħala impenn
spiritwali biex wieħed
jaffronta l-mard tas-soċjetà.
(26)
Divina Commedia, Par.
XXXIII, 13-15.
(27)
Ġwann Pawlu II, ittra ap.
Novo millennio ineunte (6
ta’ Jannar 2001), 20: AAS
93 (2001), 279.
(28)
Eżort. ap. Marialis cultus
(2 ta’ Frar 1974), 46:
AAS 66 (1974), 155.
(29)
Ġwanni Pawlu II, ittra ap.
Novo millennio ineunte ( 6
ta’ Jannar 2001), 28: AAS
93 (2001), 284.
(30)
N. 515.
(31)
Angelus tad- 29 ta’
Ottubru 1978: Insegnamenti
I (1978), 76.
(32)
Konċilju Vatikan II; Gaudium
et spes, n.22.
(33)
S. Irinew ta’ Lione, Contro
le eresie, III, 18, 1: PG
7, 932.
(34)
Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,
n.2616.
(35)
Ara n. 33: AAS 93 (2001),
289.
(36)
Ġwanni Pawlu II, Ittra
lill-artisti (4 ta’April
1999), 1: AAS 91 (1999),
1155.
(37)
Ara n. 46: AAS 66 (1974),
155. Anki dan l-aħħar, dan l-użu
ġie mfaħħar mill-Kongregazzjoni
għall-Kult Divin u d-Dixxiplina
dwar is-Sagramenti fid-Direttorio
su pietà popolare e liturgia.
Principi e orientamenti
(17 dicembre 2001), 201, Città
del Vaticano, 2002, p. 165.
(38)
« ... concede, quaesumus, ut
haec mysteria sacratissimo
beatae Mariae Virginis Rosario
recolentes, et imitemur quod
continent, et quod promittunt
assequamur »: Missale
Romanum 1960, In festo
B.M. Virginis a Rosario.
(39)
Ara n. 34: AAS 93 (2001),
290.
Miġjuba għall-Malti minn
Vivienne Attard
|