L-OMELIJA
TAL-PAPA SAN ĠWANNI PAWLU II
FIL-QUDDIESA TAL-KANONIZZAZZJONI
TA’ SAN MASSIMILJANU MARIJA
KOLBE
FI PJAZZA SAN PIETRU,
FIL-VATIKAN,
NHAR IL-ĦADD 10 TA’ OTTUBRU
1982.
1.
“Ħadd m’għandu mħabba akbar minn
din: li wieħed jagħti ħajtu għal
ħbiebu” (Ġw. 15,13).
Mil-lum, il-Knisja tixtieq
issejjaħ “qaddis” lil raġel li
lilu ngħatat l-opportunità li
jwettaq b’mod assolutament
litterali l-kliem li semmejna
hawn fuq tal-Feddej.
Ekku, infatti, lejn l-aħħar ta’
Lulju 1941, meta, skont l-ordni
tal-Kap tal-Kamp, il-priġunieri
li kellhom imutu bil-ġuħ qagħdu
f’ringiela wara xulxin, dan
ir-raġel, Massimiljanu Marija
Kolbe, ippreżenta ruħu
spontanjament quddiem il-Kap u
ddikjara li hu kien lest li jmut
minflok wieħed minn dawk
il-priġunieri.
Din id-disponibbiltà ġiet
milqugħa u lil Patri
Massimiljanu, wara ġimagħtejn
ta’ tortura li sofra minħabba
l-ġuħ, fl-aħħar ġie maqtul
b’injezzjoni li ġġib il-mewt,
fl-14 ta’ Awwissu 1941.
Dan kollu seħħ fil-Kamp
tal-Konċentrament ta’ Auschwitz
fejn, matul l-aħħar Gwerra
Dinija, inqatlu madwar erba’
miljun persuna, fosthom anke
s-Serva ta’ Alla (illum Santa)
Edtih Stein (li bħala
Karmelitana kien jisimha Swor
Tereża Benedetta tas-Salib).
Id-diżubbidjenza tal-bniedem
lejn Alla, il-Ħallieq tal-ħajja,
li qalilna “la toqtolx”, f’dan
il-post ikkawżat il-mewt ta’
numru immens ta’ persuni
innoċenti.
Għalhekk, fl-istess ħin, żmienna
baqa’ b’mod tant terribbli,
marbut mal-qtil tal-bniedem
innoċenti.
2.
Patri Massimiljanu Kolbe, li hu
stess kien priġunier f’dan
il-Kamp tal-Konċentrament,
afferma u kkonferma d-dritt
tal-bniedem innoċenti
għall-ħajja. Huwa għamel dan
f’dan il-post tal-mewt u kien
wieħed mill-erba’ miljun persuna
li ġew maqtulin f’dak il-post.
Dan ir-raġel (li fis-seklu,
jiġifieri mhux fil-ħajja
reliġjuża, kien jismu Franciszek
Gajomniczek) għadu ħaj u hu
preżenti fostna. Patri Kolbe
afferma d-dritt tal-bniedem
għall-ħajja meta ddikjara li
kien lest imut minflok priġunier
ieħor għax dan kien missier ta’
familja, u għax ħajtu kienet
meħtieġa għall-għeżież tiegħu.
Patri Massimiljanu Marija Kolbe,
għalhekk, afferma wkoll id-dritt
li Alla l-Ħallieq biss għandu
fuq il-ħajja tal-bniedem
innoċenti u ta xhieda għal
Kristu u għall-imħabba.
Infatti, l-Appostlu San Ġwann
jikteb: “Minn dan nafu x’inhi
l-imħabba: li Hu (jiġifieri Ġesù
Kristu) ta ħajtu għalina;
għalhekk, anke aħna għandna
nagħtu ħajjitna għal ħutna” (1
Ġw. 3, 16).
Meta ta ħajtu għal wieħed minn
ħutu, Patri Massimiljanu, li
l-Knisja diġà ilha tqimu bħala
“Beatu” sa mill-1971, sar jixbah
lil Kristu b’mod partikulari.
3.
Għalhekk, aħna li llum, il-Ħadd
10 t’Ottubru, ninsabu miġburin
flimkien quddiem il-Bażilika ta’
San Pietru f’Ruma, nixtiequ
nfissru l-valur speċjali li
għandha quddiem Alla, il-mewt
permezz tal-martirju ta’ Patri
Massimiljanu Kolbe. “Għażiża
f’għajnejn il-Mulej / hi l-mewt
tal-qaddejja tiegħu” (Salm 115
(116), 15). Kif irrepetejna
fis-Salm Responsorjali [ta’ din
il-Quddiesa]. Tassew hi għażiża,
prezzjuża u ta’ valur li ħadd ma
jista’ jkejlu! Permezz tal-mewt
tiegħu li Ġesù Kristu bata fuq
is-salib, twettqet il-fidwa
tad-dinja, u dan sabiex din
il-mewt ikollha l-valur tal-aqwa
mħabba. Permezz tal-mewt li
sofra Patri Massimiljanu Kolbe,
ingħata u ġġedded sinjal
mill-aktar ċar ta’ din l-imħabba
fis-seklu tagħna, imħabba li
b’mod qawwi u b’bosta modi, qed
tiġi mhedda mid-dnub u
mill-mewt.
Ekku li, f’din il-liturġija
Solenni tal-Kanonizzazzjoni,
donnu jidher fostna dak li
(l-Betu) Papa Pawlu VI sejjaħ
“il-martri tal-imħabba” ta’
Oswiecim [isem ieħor għal
Auschwitz], u qed jgħidilna
“Jien il-qaddej tiegħek, Mulej /
jien, il-qaddej tiegħek, iben
il-qaddejja tiegħek; int kissirt
il-ktajjen li kienu jorbtuni”
(Salm 115 (116), 16).
U hu, waqt li kważi jiġbor
f’ħaġa waħda s-sagrifiċċju ta’
ħajtu kollha, hu saċerdot u iben
spiritwali ta’ San Franġisk,
donnu qed jgħidilna: “X’se
nagħti lill-Mulej / għal dak li
tani? / Ngħolli l-kalci
tas-salvazzjoni u nsejjaħ isem
il-Mulej” (Salm 115 (116), 12s).
Dawn il-kelmiet huma kelmiet ta’
gratitudni. Il-mewt li wieħed
iġarrab minħabba l-imħabba,
minflok wieħed minn ħutu, hu
għemil erojku tal-bniedem, li
għalih, flimkien mal-Qaddis
il-Ġdid, għandna nagħtu glorja u
nfaħħru lil Alla. Minnu
(jiġifieri minn Alla), infatti,
tiġi l-grazzja ta’ eroiżmu bħal
dan, ta’ martitrju bħal dan.
4.
Ejjew, mela, infaħħru lil Alla
llum għall-opra tiegħu
fil-bniedem. Quddiemna lkoll,
miġburin hawnhekk, Patri
Massimiljanu Kolbe jgħolli
“l-Kalċi tiegħu tas-salvazzjoni”
li fih hemm miġbur
is-sagrifiċċju kollu ta’ ħajtu,
sagrifiċċju ssiġillat b’mewta
ta’ martri “għal wieħed minn
ħutu”.
Għal dan is-sagrifiċċju
definittiv, Massimiljanu
pprepara ruħu billi mexa wara
Ġesù Kristu sa mill-ewwel snin
ta’ ħajtu fil-Polonja. Minn
dawk is-snin ġejja l-ħolma tant
sinifikanti taż-żewġ kuruni li
huwa kellu: waħda bajda u l-oħra
ħamra, li l-qaddis m’għażilx xi
waħda minnhom, iżda ħadhom
it-tnejn. Infatti, sa mis-snin
taż-żgħożija tiegħu kien mimli
b’imħabba kbira lejn Kristu u
x-xewqa tal-martirju.
Din l-imħabba u din ix-xewqa
akkumpanjawh tul it-triq
tal-vokazzjoni Franġiskana u
saċerdotali tiegħu, vokazzjoni
li pprepara ruħu għaliha kemm
fil-Polonjakf ukoll f’Ruma. Din
l-imħabba lejn Kristu u din
ix-xewqa għall-martirju, għexhom
u segwiehom kullimkien, permezz
tas-servizz saċerdotali u
Franġiskan tiegħu fil-Polonja, u
anke permezz tas-servizz
missjunarju tiegħu fil-Ġappun.
5.
L-ispirazzjoni ta’ ħajtu kollha
kienet Marija Immakulata, lil
lilha afda l-imħabba tiegħu lejn
Kristu, u x-xewqa tiegħu
għall-martirju. Fil-misteru
tal-Immakulata Kunċizzjoni kien
jara bl-għajn tar-ruħ tiegħu,
dik id-dinja meraviljuża u
soprannaturali tal-grazzja li
Alla joffri lill-bniedem.
Il-fidi u l-opri tal-ħajja
kollha ta’ Patri Massimiljanu
juru li hu kien jara
l-kollaborazzjoni tiegħu
mal-grazzja ta’ Alla bħala
milizzja (armata) mmexxjija
mill-Immakulata Kunċizzjoni.
Il-karatteristika Marjana
tispikka u tintwera b’mod tassew
partikulari fil-ħajja u
fil-qdusija ta’ Patri Kolbe. Din
il-karatteristika mmarkat ukoll
l-appostolat kollu tiegħu, kemm
f’art twelidu, kif ukoll
fl-artijiet tal-missjoni. Kemm
fil-Polonja kif ukoll
fil-Ġappun, iċ-ċentri
tal-appostolat ùtiegħu kienu
l-ibliet tal-Immakulata li huwa
waqqaf: “Niepokalnow”
fil-Polonja u “Mugenzai no Sono”
fil-Ġappun.
6.
X’ġara fil-“bunker” tal-ġuħ
tal-Kamp tal-Konċentrament ta’
Oswiecim (Auschwitz) fl-14 ta’
Awwissu 1941?
Għal din il-mistoqsija
tirrispondi l-Liturġija tallum
[jiġifieri
tal-Quddiesa ta’ din
il-kanonizzazzjoni]. Ekku “Alla
għadda mill-prova” lil
Massimiljanu Marija “u sabu
xieraq li jaqdih” (ara Għerf
3,5). Għaddieh mill-prova
“bħalma d-deheb jgħadduh
mill-forġa tan-nar / u għoġob
lil Alla bħal vittma maħruqa”
(ara Għerf 3, 6).
Anke jekk “għal għajnejn
il-bnedmin qisu sofra xi kastig,
madanakollu t-tama tiegħu kienet
fil-ħajja li ma tintemmx” għax
“l-erwieħ tal-ġusti qegħdin
f’idejn Alla / u l-ebda turment
ma jmisshom”. U meta, jekk
nitkellmu ta’ bnedmin, imissuhom
it-turmenti u l-mewt, meta ”għal
għajnejn il-bnedmin jidhru li
mietu”, meta “it-tluq tagħhom
minn magħna tiġi meqjusa minna
bħala diżgrazzja, “huma jinsabu
fil-paċi’, huma qegħdin jgħixu
l-ħajja vera u l-glorja “f’idejn
Alla” (ara Għerf 3, 1-4).
Din il-ħajja hija frott tal-mewt
u tax-xebh mal-mewt ta’ Kristu.
Il-glorja tagħna (ta’ din
il-ħajja) fil-ħajja ta’ wara
din, hija sehem fil-Qawmien ta’
Kristu mill-mewt.
Mela x’ġara fil-“bunker” tal-ġuħ
fil-jum tal-14 ta’ Awwissu 1941?
Twettqu l-kliem ta’ Kristu
lill-Appostli li qalilhom biex
“imorru u jagħmlu l-frott u
l-frott tagħhom jibqa’” (ara Ġw.
15, 16).
B’mod tassew tal-għaġeb, għadu
ħaj fil-Knisja u fid-dinja,
il-frott tal-mewt erojka ta’
Massimiljanu Kolbe.
7.
Il-bnedmin kienu qed iħarsu lejn
dak li kien qed jiġri fil-Kamp
ta’ “Auschwitz” u anke jekk
għalihom kien qed “imut” wieħed
li kien seħibhom li kien qed
iġarrab l-istess turmenti
tagħhom, anke jekk, umanament
setgħu jħarsu lejn “it-tluq
tiegħu” bħala “rovina”,
madanakollu fil-kuxjenza tagħhom
ma kinux qed iħossu li din
kienet “mewt” sempliċi.
Massimiljanu ma mietx imma “ta
ħajtu ... għal ħuh”.
F’din il-mewt, terribbli mil-lat
uman, naraw il-kobor definittiv
tal-att uman u tal-għażla umana
li għamel: huwa liberament offra
ruħu li jmut għax kien iħobb.
U f’din il-mewt umana tinsab u
naraw b’mod l-aktar ċar u
trasparenti x-xhieda li hu ta
għal Kristu: ix-xhieda mogħtija
fi Kristu għad-dinjità
tal-bniedem, għall-qdusija
tal-ħajja tal-bniedem u
għall-qawwa salvifika tal-mewt,
qawwa li fiha tintwera l-qawwa
tal-imħabba.
Propju għalhekk, il-mewt ta’
Massimiljanu Kolbe saret sinjal
ta’ rebħa. Din kienet ir-rebħa
fuq is-sistema kolla
tad-disprezz u tal-mibegħda lejn
il-bniedem u lejn dak kollu li
hu divin fil-bniedem, rebħa li
tixbah lil dik li ġabilna
l-Mulej tagħna Ġesù Kristu fuq
il-Kalvarju.
“intom ħbieb tiegħi jekk tagħmlu
dak li nikkmandakom jien” (Ġw.
15, 14).
8.
Il-Knisja taċċetta dan is-sinjal
ta’ rebħa, rebħa miksuba permezz
tal-qawwa tal-Fidwa ta’ Kristu,
b’qima u bi gratitudni. Ifittex
it-tifsira tagħha bl-umiltà u
bl-imħabba kollha.
Bħal dejjem, il-Knisja, meta
tipproklama l-qdusija ta’
wliedha, anke f’dan il-każ, hija
tkun qiegħda tfittex li taġixxi
bil-preċiżjoni u
bir-responsabbiltajiet kollha li
suppost, waqt li tistudja f’kull
aspett, il-ħajja u l-mewt
tal-Qaddej jew tal-Qaddejja ta’
Alla partikulari.
Madanakollu, Il-Knisja,
fl-istess ħin, għandha toqgħod
attenta biex taqra s-sinjal
tal-qdusija li Alla jkun ta
fil-ħajja tal-qaddej jew
tal-qaddejja tiegħu f’din l-art,
waqt li ma tħalli barra l-ebda
parti minn dak li din il-qdusija
tkun trid tgħidilna u
s-sinifikat definittiv tagħha.
Kien għalhekk li waqt li kien
qed isir il-ġudizzju meħtieġ
fil-kawża (tal-qdusija)
tal-Beatu Massimiljanu Kolbe,
kienet meħtieġa xi ħaġa li
kienet teżisti diġà wara
l-beatifikazzjoni tiegħu – li
wieħed jikkonsidra l-bosta ilħna
tal-Poplu t’Alla, u fuq kollox,
ta’ ħutna fl-Episkopat, kemm
tal-Polonja, kif ukoll
tal-Ġermanja, li talbu li
Massimiljanu Kolbe jiġi
pproklamat bħala “qaddis
martri”.
Quddiem il-bosta affarijiet li
qalilna l-Beatu Massimiljanu
bil-ħajja u bil-mewt tiegħu, ma
nistgħux ma nirrikonoxxux dak li
jidher li jikkostitwixxi
l-kontenut prinċipali u
essenzjali tas-sinjal li Alla
jagħti lill-Knisja u lid-dinja
permezz tal-mewt tiegħu
(tal-Beatu).
F’din il-mewt, iffaċċjata
liberament għall-imħabba
tal-bniedem, ma narawx
it-twettiq b’mod partikulari
tal-kliem ta’ Kristu?
Din il-mewt ma tagħmilx lil
Massimlijanu jixbah b’mod
partikulari lil Kristu, li hu
l-mudell tal-Martri kolla peress
li ta ħajtu fuq is-salib għal
ħutu?
Mewt bħal din ma tgħidilniex
bosta affarijiet ta’ sinifikat
kbir u tassew penetranti fi
żmienna?
Mhijiex xhieda partikularment
awtentika tal-Knisja fid-dinja
ta’ żmienna?
9.
U għalhekk, bis-saħħa
tal-awtorità appostolika tiegħi,
jien, permezz ta’ digriet
apposta, ordnajt li Massimiljanu
Marija Kolbe, wara
l-Beatifikazzjoni tiegħu kellu
jiġi meqjum bħala “Konfessur”,
jibda minn issa ‘l quddiem jiġi
meqjum “ukoll bħala Martri”!
“Għażiża f’għajnejn il-Mulej /
hi l-mewt tal-qaddejja tiegħu”.
Ammen.
Miġjub mit-Taljan ghall-Malti
minn Kathleen Bonello.
|