BEATIFIKAZZJONI TA’ MADRE TERESA
TA’ CALCUTTA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Jum Dinji tal-Missjonijiet
Il-Ħadd 19 ta’ Ottubru
2003
1. “Min
irid ikun l-ewwel fostkom,
għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd”
(Mk 10:44). Dan il-kliem ta’
Ġesù lid-dixxipli, li għadna
kemm erġajna smajna jidwi f’din
il-pjazza, jurina x’inhi l-mixja
li twassal għall-“kobor”
Evanġeliku. Hi t-triq li Kristu
nnifsu mexa sa fuq is-Salib;
mixja ta’ mħabba u ta’ qadi, li
taqleb ta’ taħt fuq kull loġika
tal-bniedem.
Sar
il-qaddej ta’ kulħadd!
Din hi l-loġika li ħalliet
tmexxiha Madre Teresa ta’
Calcutta, Fundatriċi
tal-Missjunarji tal-Karità, li
llum bil-ferħ kollu qed inniżżel
fil-Ktieb tal-Beati.
Personalment għandi gratitudni
kbira lejn din il-mara qalbiena,
li dejjem ħassejtha qrib tiegħi.
Ikona tas-Samaritan it-Tajjeb,
hi ġriet ma’ kullimkien taqdi
lil Kristu fl-ifqar fost
il-fqar. Lanqas il-ġlied u
l-gwerer ma seħħilhom iwaqqfuha.
Kultant kienet tiġi tkellimni
fuq l-esperjenzi tagħha ta’ qadi
b’riżq il-valuri tal-Vaġelu.
Niftakar, ngħidu aħna,
l-interventi tagħha b’riżq
il-ħajja u kontra l-abort, anki
fl-okkażjoni tal-għoti
tal-Premju Nobel għall-Paċi
(Oslo, 10 ta’ Diċembru 1979).
Kienet tħobb tgħid: “Jekk
tisimgħu b’xi mara li ma tridx
iżżomm lit-tarbija tagħha u
għandha f’moħħha li tagħmel
abort, ippruvaw dawrulha ħsiebha
biex iġġibli dik it-tarbija, ħa
nħobbha jien, għax fiha nilmaħ
is-sinjal tal-imħabba ta’ Alla”.
2. Forsi
mhux sinjal kbir dan li
l-beatifikazzjoni tagħha qed
isseħħ sewwasew fil-jum li fih
il-Knisja qed tiċċelebra l-Jum
Dinji tal-Missjonijiet?
Bix-xhieda ta’ ħajjitha Madre
Teresa tfakkar lil kulħadd li
l-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni
li għandha l-Knisja trid tgħaddi
mit-triq tal-karità,
imqawwija mit-talb u mis-smigħ
tal-Kelma ta’ Alla. Dan l-istil
missjunarju joħroġ qawwi
fix-xbieha li turi lill-Beata
l-ġdida tħaddan f’idha tarbija
ċkejkna, waqt li bl-oħra żżebbeġ
il-kuruna tar-Rużarju.
Kontemplazzjoni u azzjoni,
evanġelizzazzjoni u promozzjoni
umana: Madre Teresa xxandar
il-Vanġelu b’ħajjitha
mogħtija kollha kemm hi
lill-foqra, imma, fl-istess
ħin, hi mgeżwra fit-talb.
3. “Min
irid ikun kbir fostkom, għandu
jkun qaddej tagħkom”
(Mk 10:43). B’emozzjoni kbira
nfakkru llum lil Madre Teresa,
qaddejja kbira tal-foqra,
tal-Knisja u tad-dinja kollha.
Ħajjitha hi xhieda tad-dinjità u
l-privileġġ tal-qadi umli. Hi
għażlet li tkun mhux biss
l-iżgħar imma l-qaddejja
tal-iżgħar. Ta’ vera omm
għall-foqra, hi mielet fuq dawk
li kienu jbatu minn kemm-il
xorta ta’ faqar. Il-kobor tagħha
qiegħed fil-ħila li kellha li
tagħti mingħajr ma toqgħod tqis
kemm jiswa, li tagħti “sa ma
tuġa’”. F’ħajjitha għexet b’mod
radikali u xandret bil-kuraġġ
il-Vanġelu.
Il-karba ta’ Ġesù fuq is-salib,
“Għandi l-għatx” (Ġw
19:28), li tesprimi kemm hi
kbira x-xenqa li għandu Alla
għall-bniedem, nifdet il-qalb
ta’ Madre Teresa u sabet art
fertili f’qalbha. Li taqta’
l-għatx ta’ Ġesù għall-imħabba u
għall-erwieħ f’għaqda ma’
Marija, Omm Ġesù, kien sar
l-għan waħdieni ta’ ħajjet Madre
Teresa u l-qawwa ġewwenija li
ġibditha barra minnha nfisha u
ġagħlitha “tħaffef” mgħaġġla
madwar il-globu biex tħabrek
għas-salvazzjoni u l-qdusija
tal-ifqar fost il-fqar.
4.
“Kulma
għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar
fost dawn ħuti, għamiltuh
miegħi”
(Mt
25:40). Din is-silta
tal-Vanġelu, hekk kruċjali biex
nistgħu nifhmu s-servizz ta’
Madre Teresa lill-foqra, kienet
il-pedament tal-konvinzjoni
kollha fidi tagħha li hi u
tmiss il-ġisem imfarrak
tal-foqra kienet qed tmiss
il-ġisem ta’ Kristu. Il-qadi
tagħha kien indirizzat lejn Ġesù
nnifsu, moħbi taħt il-ġisem
batut tal-ifqar fost il-fqar.
Madre Teresa turina x’inhi
t-tifsira l-aktar għolja
tal-qadi – għemil ta’ mħabba ma’
min hu bil-ġuħ, bil-għatx,
barrani, għeri, marid, ħabsi
(ara Mt 25:34-36) ikun isir ma’
Ġesù nnifsu.
Hi għarfitu, u qdietu bil-qima
kollha ta’ qalbha, bil-ħlewwa
tal-imħabba tagħha ta’ għarusa.
Hekk fl-għotja sħiħa tagħha
nfisha lil Alla u lill-proxxmu,
Madre Teresa sabet il-milja
tagħha u għexet l-aqwa
kwalitajiet tal-femminilità
tagħha. Riedet tkun sinjal
ta’ “l-imħabba ta’ Alla,
il-preżenza ta’ Alla,
il-mogħdrija ta’ Alla” u hekk
tfakkar lilna lkoll fil-valur u
d-dinjità ta’ kull wieħed u
waħda minn ulied Alla, “maħluqa
biex iħobbu u jiġu maħbuba”.
Hekk Madre Teresa “ressqet
l-erwieħ għand Ġesù u lil Ġesù
għand l-erwieħ” u qatgħet
l-għatx ta’ Kristu, speċjalment
għal min hu l-iktar fil-bżonn,
għal min il-viżjoni tiegħu ta’
Alla sfat imċajpra mit-tbatija u
l-uġigħ.
5. “Bin
il-bniedem
ġie
biex
jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”
(Mk 10:45). Madre Teresa qasmet
ma’ Kristu Msallab il-passjoni
tiegħu, speċjalment tul is-snin
twal ta’ “dalma interjuri”. Din
kienet prova li ġarrbitha mhux
ftit, imma hi laqgħetha bħala
“don u privileġġ” waħdieni.
Fl-iktar sigħat mudlama hi
kienet tiggranfa b’perseveranza
ikbar mat-talb quddiem
is-Santissmu Sagrament. Din
il-prova spiritwali iebsa
wasslitha biex titwaħħad
dejjem iżjed ma’ dawk li ta’
kuljum kienet taqdi, u hekk
mhux biss waslet biex daqet
l-uġigħ, imma anki xi jfisser
tkun miċħuda. Kienet tħobb
ittenni li l-ikbar faqar hu
li ħadd ma jridek, li ma
jkollok lil ħadd jieħu ħsiebek.
6. “Agħtina,
Mulej, il-grazzja tiegħek, aħna
fik nittamaw!”.
Kemm drabi, mas-Salmista, anki
Madre Teresa fil-mumenti ta’
deżolazzjoni fil-qalb tagħha
tenniet lill-Mulej tagħha: “Fik,
Mulej, jien nistkenn!”.
Ħa nagħtu ġieħ għal din il-mara
ċkejkna nnamrata ma’ Alla,
ħabbara umli tal-Vanġelu u
benefattriċi enerġetika
tal-bniedem. Fiha nweġġħu waħda
mill-personalitajiet l-aktar
rilevanti ta’ żmienna. Nilqgħu
l-messaġġ tagħha u nimxu fuq
l-eżempju tagħha.
Verġni Marija, Sultana
tal-Qaddisin kollha, għinna
nkunu ta’ qalb ħelwa u umli bħal
din il-ħabbara qalbiena
tal-Imħabba. Agħtina li naqdu
bil-ferħ u t-tbissima lil kull
persuna li magħha niltaqgħu.
Għinna nsiru missjunarji ta’
Kristu, is-sliem u t-tama
tagħna. Amen!
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|