Mons. Walter Michael Ebejer O.P. Isqof
Malti fil-Brażil
Għalaq 88 sena dan ix-xahar. L-aħħar
sittin sena għexhom f'ħidma missjunarja l-Brażil.
Minkejja li fiż-żona fejn jaħdem m'ghemmx
Maltin oħra, jitħaddet b'Malti tajjeb ħafna.
Erbgħin sena ilu nħatar Isqof ta' djoċesi
ġdida li isqfijiet oħra ma ridux, iżda hu
kattarha b'vokazzjonijiet u ġabha
finanzjarjament vijabbli. Fis-servizz li
jmiss insewgu siltiet minn intervista mal-Isqof
Malti, Monsinjur Walter Michael Ebejer, fix-xhur
li ghaddew waqt l-aħħar żjara li għamel
f'Malta.
"Jien wara dan kollu, wara
li ddedikajt ħajti għal Kristu, nixtieq narah.
Għalija biżżejjed ikolli daqsxejn ta' daħla
żgħira fil-bieb tas-sema."
Din hi x-xewqa li fadallu l-Isqof Walter
Michael Ebejer, wara 60 sena ħidma missjunarja
l-Brażil. Fl-aħħar erbgħin sena hu serva bħala
Isqof qabel ghaxar snin ilu rtira bl-eta'. Imwieled
Ħad-Dingli fl-1929, Monsinjur Ebejer jigi ħu l-kittieb
Francis Ebejer, u hu membru tal-Ordni tad-Dumnikani.
Jgħid li dejjem xtaq imur il-missjoni, anke
għaliex f'Malta kien jara ħafna saċerdoti.
"Jien għidt irrid immur
f'post fejn ma ssibx qassisin oħra. Ma nafx kif
għadni niftakar il-Malti! F'60 sena l-Brażil,
naħseb tkellimt massimu ta' ġurnata sħiħa
bil-Malti!"
Jistqarr li malli wasal il-Brażil ħa xokk
kbir bil-lingwa u bil-kobor tal-pajjiż. Kien
jaqdi l-missjoni tiegħu - jiċċelebra l-quddiesa,
iqarar u jipprietka billi jivvjaġġa b'debba
distanzi twal ħafna.
"Tintilef u ssaqsi. Ġieli
ddum sigħat fil-foresti għax ma tiltaqax ma' ruħ.
Torqod fejn issib. Ħajja primittiva u ta' faqar."
Maż-żmien intbagħat fin-nofsinhar tal-Brażil,
fejn kien hemm ħafna barranin fosthom Ġermaniżi,
Pollakki u Ukreni.
"Kien hemm ħafna xogħol.
Insemmilek biss li f'sena waħda għammidt 1,200
tarbija f'parroċċa waħda. Parroċċa waħda kienet
tliet darbiet id-daqs ta' Malta."
Fl-1977 ġie konsagrat Isqof u ngħata t-tmexxija
ta' djoċesi ġdida: Uniao da Vitoria, fl-istat ta'
Parana. Id-djoċesi kienet 26 darba d-daqs ta'
Malta bi knejjes iżda mingħajr saċerdoti.
Bagħtulu 18-il saċerdot, bl-Isqof jgħid li hu
stess kien jagħmel xogħol ta' kappillan.
"Ma stajtx inħalli dawk
in-nies kollha bla servizzi ta' xejn. Jien iżda
nemmen li jekk tiżra' tieħu l-frott. Wara seba'
snin Isqof kont diġa' qed nordna l-ewwel
patrijiet. L-isbaħ mument hu li rnexxieli
nagħmel jiffunzjona Seminarju maġġur, fejn
iż-żgħażagħ iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Dan
bdejtu mix-xejn. Ta' sodisfazzjn kien ukoll
il-fatt li ħallejt id-djoċesi finanzjarjament
vijabbli."
Issa li hu irtirat, staqsejtu jitħajjarx
jirritorna f'art twelidu.
"Lanqas noħlom li nirtira
Malta. Inħobb lil Malta. F'60 sena l-Brażil
m'għaddietx ġurnata li ma tlabtx għal Malta,
għall-knisja u għad-Dumnikani. Imma jien
bniedem li nħares 'il quddiem. Issa qed inħares
lejn is-seconda patria."
Jittama li Malta tibqa' tgħożż il-fidi u l-valuri
biex fi kliemu l-Maltin ma jiddispjaċihomx meta
jkun tard wisq għax mhux faċli li treġġa' lura
s-sitwazzjoni morali ta' pajjiż.