Il-Ħamis, 13 ta’ Lulju 2017
Il-Parlament Malti lbieraħ
approva l-Att tal-2017 li
jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u
Liġijiet oħrajn. Din il-liġi
tieħu t-tifsira taż-żwieġ u
tapplikaha wkoll għal
relazzjonijiet bejn persuni
tal-istess sess.
Minkejja dak li tgħid il‑liġi,
li tqis l‑istess dak li mhuwiex
l‑istess, iż‑żwieġ jibqa’ dejjem
ir‑rabta esklussiva bejn raġel u
mara, li hu miftuħ għat‑tnissil
tal‑ulied. Iż‑żwieġ bejn raġel u
mara hu l‑mudell li dejjem
ħaddnet l‑umanità u mhux biss il‑viżjoni
Nisranija taż‑żwieġ.
Billi tintroduċi kunċett
newtrali taż‑żwieġ ċivili miftuħ
għal kull tip ta' koppja, il‑liġi
twarrab id‑differenza u r‑reċiproċità
naturali bejn raġel u mara. Bit‑tneħħija
ta’ din id‑differenza, tqaċċtet
il‑bażi antropoloġika tal‑familja.
Is‑soċjetà tiftaqar meta, flok
taċċetta d‑diversità, timponi
uniformità fil‑mod kif ikunu
espressi r‑relazzjonijiet.
Fl‑istess waqt, il‑Knisja
tirrispetta bis‑sħiħ id‑dinjità
ta’ kull persuna, ikunu xi jkunu
l‑għażliet li tagħmel f’ħajjitha
u r‑relazzjonijiet li tħaddan.
Għall‑Knisja, kull persuna hi
għażiża u tibqa’ għażiża għax
hija maħluqa xbieha ta’ Alla.
Il‑Knisja impenjata wkoll li
tibqa’ tilqa’ fi ħdanha,
takkumpanja u tgħin lil dawk il‑persuni
li jagħżlu li jgħixu l‑ħajja
affettiva tagħhom f’kuntest
differenti minn dak taż‑żwieġ
Nisrani.
Il‑Knisja tittama li din il‑liġi
ma tkunx segwita b’miżuri oħra
li jnaqqsu mid‑dinjità tal‑ulied,
bħal pereżempju l‑kiri tal‑ġuf (surrogacy)
u d‑donazzjoni tal‑gameti (gamete
donation). Il‑Knisja
tappella lis‑soċjetà biex tibqa’
tagħraf li l‑ulied huma don li
għandu jkollhom dejjem l‑ambjent
adattat fejn jitnisslu,
jitwieldu u jikbru b’mod seren u
b’ħafna mħabba, u li l‑vuċi
tagħhom tinstema’ b’mod qawwi
fis‑soċjetà Maltija.
Quddiem din ir‑realtà, il‑Knisja,
kif għamlet dejjem, bl‑Evanġelju
ta’ Sidna Ġesù Kristu f’idejha,
se tkompli taħdem biex jissaħħu
ż‑żwiġijiet u l‑familji
f’pajjiżna, u tibqa’ turi l‑apprezzament
lejn tant ommijiet u missirijiet
li qed jitħabtu biex jgħixu
b’fedeltà l‑missjoni
insostitwibbli tagħhom u
jiddedikaw ħajjithom għal
uliedhom.
✠ Charles J. Scicluna
✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta
Isqof ta’ Għawdex
|