Aktar fuq is-Sinodu tal-Isqfijiet ...

Mill-Kardinal Mario Grech ...

 IT

Diskors tal-Kardinal Mario Grech

fil-ftuħ tas-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja

tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Awla Pawlu VI, il-Vatikan

L-Erbgħa 4 ta’ Ottubru 2023

 

 

Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!

Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras,

li jinżel mal-leħja tiegħu, li jinżel mal-leħja ta’ Aron,

sa fuq l-għonq ta’ ħwejġu. […]

Għax hemm il-Mulej jagħti l-barka,

hemm jagħti l-ħajja għal dejjem. (Salm 133, 1-3)

 

Bħalma t-tribujiet ta’ Iżrael li jitilgħu fuq l-għolja Sijon (ara Salm 121), aħna ġejna mill-Knejjes kollha mxerrdin mad-dinja, biex infaħħru isem il-Mulej.  Wara l-ewwel fażi tas-Sinodu, qegħdin niċċelebraw din l-Assemblea ġenerali biex noffru l-kontribut tagħna biex fil-Knisja kulħadd isir “dixxiplu missjunarju li jieħu l-inizjattiva, li jinvolvi lilu nnifsu, li jakkumpanja, li jagħti l-frott u li jiffestiġġja”. (EG24) Madwar ġimgħa ilu, ommi staqsietni għaliex “naħli” tant ħin fl-uffiċċji tas-Segreterija jekk dan ma jgħinix biex inxandar il-Vanġelu! Kellha raġun! U ma rridx ninsa din il-mistoqsija tagħha issa li ġejna msejħa insostnu lilna nfusna b’mod dinamiku fit-talb u biex nisimgħu għal xahar sħiħ.  Illum il-Knisja tinsab f’salb it-toroq u l-isfida urġenti li qegħdin nitkellmu dwarha, strettament mhix ta’ natura teoloġika jew ekkleżjoloġika, imma biex f’dan il- mument tal-istorja, il-Knisja tkun tista’ ssir sinjal u strument tal-imħabba ta’ Alla għal kull raġel u mara.  Santa Katerina minn Siena, fid-“Djalogu” tagħha fejn tesprimi x-xewqa tagħha għar-“riforma” tal-Knisja, tgħid dawn il-kelmiet li rċiviet mingħand il-Mulej: “Irrid li nkun moqdi minnkom permezz ta’ ħwejjeġ infiniti u m’għandkomx ħwejjeġ aktar infiniti jekk ma tħobbuhomx” (XCII). L-imħabba ta’ Alla hija l-pillola li tista’ tfejjaq l-umanità miġruħa tal-lum u f’din il-Knisja l-missjoni tagħna hi li nkunu sinjal ta’ din l-imħabba.

 

F’għeluq tal-ewwel fażi, nistgħu ngħidu li matul il-mixja kibret il-ħeġġa tagħna (ara Salm 84,8) mhux biss għaliex iltqajna ma’ poplu fidil, poplu ta’ Alla qaddis li tassew iħobb lil Ġesù u l-Knisja tiegħu, imma għaliex ukoll ħareġ li ħafna persuni, anke fost dawk “mgħammdin li ma jgħixux dak li titlob minnhom il-Magħmudija” (Benedittu XVI, Omelija, 28 ta’ Ottubru 2012), hemm dawk li jinsabu jfittxu s-sens tal-ħajja u tal-ferħ, u jitolbu lill-Knisja għaliex din turihom il-wiċċ sabiħ u mimli ħniena ta’ Ġesù. Il-ħeġġa tagħna kibret ukoll għaliex matul din il-mixja sinodali, għalkemm mhux dejjem kollox kien faċli u ma naqsux id-diffikultajiet u mhux dejjem fhimna lil xulxin, edukajna lilna nfusna fl-esperjenza sinodali li “nimxu flimkien”.

 

Matul dawn is-sentejn iltqajt ma’ Ragħajja u komunitajiet ekkleżjali li għall-ewwel ma kellhomx fiduċja f’din il-mixja imma wara li għamlu din l-esperjenza u ltaqgħu mal-preżenza ta’ Kristu fost l-aħwa li ħabbewhom (ara Mattew 18, 20), illum ifaħħru lill-Mulej għal dan ir-rigal tas-sinodalità. Iltqajt ma’ dan anke f’amjenti mbegħdin, bħall-poplu ta’ K’iche’.

 

Il-Knisja kollha u kull persuna fil-Knisja kellhom l-opportunità li jipparteċipaw fil-proċess sinodali, kulħadd “skont il-qjies tad-don ta’ Kristu,” (Ef 4,7). Illum nistgħu nixhdu kemm hi vera l-viżjoni tal-Knisja li l-Papa Franġisku ppropona fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni tal-50 anniversaru tas-Sinodu tal-Isqfijiet: “Knisja sinodali hija Knisja li tisma’ ...” (Franġisku, Id-Diskors tal-50 anniversarju tas-Sinodu, 17 ta’ Ottubru 2015)

 

Għandna f’idejna mazz ta’ testi li jgħarblu l-istadji tal-proċess sinodali sakemm kien komplet u juru kif kiber dan il-proċess, minn stadju għal ieħor fi stil u f’forma sinodali ta’ Knisja. Jekk id-dokumenti ppubblikati joħduna lura għall-mumenti li fihom il-Poplu ta’ Alla u r-Ragħajja tiegħu raw u ġarrbu esperjenza intensa tas-sinodalità, hemm raġuni kbira għaliex, biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla, fid-dawl tat-Tradizjoni, din l-Assemblea ġiet imsejħa llum biex tkun għall-Knisja sinjal qawwi ta’ sinodalità biex tifhem ir-rieda ta’ Alla għal-lum. Għall-fatt li l-Assemblea tagħna hija ċċelebrata f’Ruma, ħdejn “il-kattedra ta’ Pietru, li tmexxi l-komunjoni universali tal-imħabba” (LG 13), hija bħall-belt imqiegħda fuq muntanja, bħall-musbieħ imqiegħed fuq l-imnara u hekk idawlu lil kull min ikun fid-dar (ara Mattew 5, 14-15)

 

Hawnhekk nistgħu nżidu wkoll dak li jidher ċar minn dak li jsostni Ġwanni Kriżostmu: “Il-Knisja u s-Sinodu huma sinonimi għal xulxin” (Esplicatio in Ps. 149, PG 55, 494). Anke jekk din l-Assemblea ma tistax tkun meqjusa bħala li tirrappreżenta b’mod komplet lill-Knisja għaliex f’Sinodu ma tistax tlaqqa’ l-Kulleġġ kollu tal-Isqfijiet, imma hija wirja ċara tal-għaqda (communio) ekkleżjali li tassumi, kif insibu fil-Praedicate Evangelium, “il-wiċċ tas-sinodalità” (PE 4).

 

Hawn tidher l-għaqda tal-isqfijiet madwar l-Isqof ta’ Ruma, “il-prinċipju perpetwu u viżibbli tal-unità bejn l-isqfijiet u l-ġemgħa tal-fidili” (LG 23). San Pawlu VI waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet bħala organiżmu fuq livell li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tal-episkopat Kattoliku għall-interess tal-Knisja kollha. Hu propju fit-tieni fażi, fejn l-Episcopalis communio jikkwalifika bħala “ċelebrattiv” (EC, art. 4), li tidher il-funzjoni l-aktar diretta tal-pariri mogħtija, li fiha “l-Isqfijiet jaġixxu bħala ħarriesa, interpreti u xhieda awtentiċi tal-fidi tal-Knisja kollha, li għandhom ikunu jafu kif jiddistingwu l-influssi li jinbidlu ta’ spiss tal-opinjoni pubblika” (Franġisku, Id-Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu, 17 ta’ Ottubru 2015).

 

Hawnhekk il-Knisja tidher bħala communio Ecclesiarum. Anke jekk l-isqfijiet kollha ma kinux preżenti, li huma l-prinċipju viżibbli u fundamentali tal-unità fil-Knejjes tagħhom” (LG 23). Il-fatt li l-biċċa l-kbira tar-Ragħajja ġew imsejħa mill-Konferenza episkopali juri l-għaqda kbira ta’ din l-Assemblea mal-Knejjes partikulari u mal-għaqdiet tagħhom. Din l-għaqda tikkonferma li l-proċess sinodali hu msejjes fuq il-prinċipju tal-“interjorità miż-żewġ naħat lejn xulxin”, mill-Knisja universali u l-Knejjes partikulari. F’din il-loġika ta’ (ċirkolarità) għaqda kontinwa, id-dixxerniment meħtieġ għal din l-Assemblea mhux att iżolat mill-proċess sinodali, imma hu strettament marbut mal-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fil-Knejjes partikolari u mal-mumenti ta’ wara ta’ dixxerniment fil-Konferenzi epikopali, fl-istrutturi ġerarkiċi tal-Knejjes orjentali Kattoliċi sui iuris u fl-Assemblea kontinentali.  Fl-1973, Yves Congar kien diġà kiteb li t-teoloġija u d-dritt kanoniku “issa u mbagħad se jkollhom bżonn ikunu aktar ikkultivati mill-punt di vista tal-poplu ta’ Alla u aktar ‘il quddiem mill-isqfijiet u mill-Knejjes lokali” (Infallibilita' e indefettibilita', in: Ministeri e comunione ecclesiale, (L-infallibiltà u l-indefittibiltà, fi: Ministeri u għaqda ekkleżjali) Bologna 1973, 157).

 

Biex nifhmu din il-loġika ta’ ċirkolarità (għaqda), hu biżżejjed li niftakru li l-Instrumentum laboris li aħna nikkonfrontaw lil xulxin dwaru hu frott ta’ dan “id-dinamiżmu li nisimgħu l-livelli kollha tal-ħajja tal-Knisja” (Franġisku, Id-Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu, 17 ta’ Ottubru 2015); f’dan id-dinamiżmu hu evidenti li l-Knisja, waħda u unika teżisti fil-Knejjes partikulari u titlaq ukoll minnhom (ara LG 23). It-tieni fażi tas-Sinodu, li qiegħda tiftaħ b’din l-Assemblea, hi msejħa biex turi l-Knisja bħala waħda u unika, l-Ecclesia tota, li fiha l-għana u l-varjetà tad-doni, tal-kariżmi, tal-ministeri u tal-vokazzjonijiet tesprimi lilha nnifisha fi smigħ reċiproku, f’don mogħti u milqugħ, sal-punt li jkun jista’ jkun mgħajjex anke llum “qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4, 32). 

 

Hawnhekk tidher ukoll l-għaqda tal-Poplu ta’ Alla mar-Ragħajja tiegħu. Għall-ewwel darba, fil-fatt, hawn preżenti aħwa li ma kinux assenjati mill-munus episkopali: lajċi iu reliġjużi, irġiel u nisa, djakni u presbiteri li m’humiex aktar “eċċezzjoni min-norma”, imma membri b’titlu sħiħ biex jattendu l-Assemblea. Huma qegħdin hawn mhux għaliex qegħdin jirrappreżentaw il-Poplu ta’ Alla: għalkemm in-numru 70 lill-bniedem tal-Bibbja jfakkru fit-totalità tal-popli, l-ebda delegazzjoni ma tista’ qatt tirrappreżenta b’mod adegwat it-totalità tal-Poplu ta’ Alla, is-suġġett tas-sensus fidei. Imma dawn l-aħwa, irġiel u nisa, bil-preżenza stess tagħhom ifakkruna l-għaqda tal-proċess sinodali: għal din ir-raġuni l-parteċipazzjoni tagħhom hi sħiħa, u hekk huma membri effettivi tal-Assemblea. 

Jekk ngħixu dan, l-Assemblea tkun għall-Knisja kollha, xbieha eżemplari tal-“plebs adunata de unitate Patris et Filii et Spiritus Sancti(LG 4; “poplu li l-għaqda tiegħu ġejja mill-għaqda tal-Missir, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”), sinjal tal-għaqda li twassal lil dawk li jemmnu biex jerġgħu jkunu dik il-komunità deskritta fl-Atti tal-Appostli li, waqt li jiftakru fil-ġrajja tal-Għid, jiżirgħu l-Vanġelu flimkien u mingħajr ma jgħejjew.

 

B’analoġija għal dak li jgħid il-konċilju dwar il-Knisja bħala sagrament (ara LG 1), anke din l-Assemblea hija msejħa f’ċertu mod biex tkun sinjal u strument. L-Assemblea, fil-fiżjonomija sinodali tagħha, tista’ tkun sinjal viżibbli tal-communio, prinċipju li jirregola l-ħajja ekkleżjali fuq il-livelli kollha -  communio fidelium, communio Ecclesiarum, communio hierarchica. Għall-kuntrarju, kif ifakkarna l-Papa, “meta jiffurmaw skjeramenti [...], meta nwebbsu rasna fuq pożizzjonijiet li jeskludu, meta ningħalqu fil-partikulariżmi tagħna, forsi nħossuna l-aqwa [...] għalhekk nagħżlu l-parti, flok il-kollox” (Franġisku, L-Omelija, 4 ta’ Ġinju 2017). Nitolbu lill-Ispirtu biex id-differenzi fil-vokazzjonijiet, fil-ministeri u fl-istati tal-ħajja, l-għana tad-doni u l-kariżmi u d-diversità armonjuża jkunu għas-servizz tal-għaqda tal-Assemblea. B’dan il-mod, l-Assemblea tkun sinjal. U tkun anke strument aktar kapaċi li hu msejjaħ biex jaqdi lill-Knisja u lid-dinja.

 

Ħadd minna llum li jinsab hawnhekk – membri, Delegati tal-Aħwa, Mistiedna Speċjali, Esperti u Persuni li jgħinu, l-iStaff tas-Segreterija -  ma hu preżenti fuq bażi personali. Cum et sub Petro, qegħdin hawn biex inkomplu nisimgħu flimkien l-interrograzzjoni fil-fond li sostniet il-proċess kollu sinodali: “... liema passi l-Ispirtu jistedinna biex nilħqu bħala Knisja sinodali?” (DP 2). Hu f’idejn din l-Assemblea li tistaqsi – fuq livell universali – dwar “il-mixja flimkien” tal-Knsija, biċ-ċertezza li “l-mixja tas-sinodalità hija l-mixja li Alla jistenna mill-Knisja fit-tielet millenju” (Franġisku, Id-Diskors tal-50 anniversarju tas-Sinodu, 17 ta’ Ottubu 2015).

 

Għaldaqstant, nawgura mixja tajba u smigħ tajjeb! 

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Kathleen Bonello