
ID-DULURI TA'
MARIJA
TALB U KUMMENTARJU
GĦAL WAQT
IL-PELLEGRINAĠĠ F’JUM ID-DULURI
Kitba ta’ Dun Hector Scerri
Kif nagħmlu ta’ kull sena nġbarna hawn flimkien
biex nagħmlu din il-mixja ma’ Marija. Nimxu ma’
Marija fil-mumenti tad-dulur tagħha. Marija, Omm
Alla, hija bniedma bħalna, u bħalna għaddiet
minn bosta esperjenzi ta’ uġigħ, tbatija u
ansjeta’.
Din il-mixja tagħna ma’ Marija hija mixja ta’
fidi, kif ukoll mixja ta’ solidarjeta’. Illejla,
aħna nħossu ma’ Marija fit-tbatijiet tagħha.
Fl-istess ħin, aħna nafu, u konvinti li Marija
hija preżenti magħna. Hi, fl-imħabba tagħha ta’
omm, takkumpanjana fl-uġigħ tagħna: il-mard li
ngħaddu minnu aħna jew il-membri tal-familji
tagħna, il-mewt tal-għeżież tagħna, l-inkwiet li
ngħaddu minnu, l-ansjeta’ li tolqotna.
Marija tifhimna meta nduru lejha. Aħna spiss
nersqu lejha fit-talba tar-Rużarju, jew
fit-talba tal-Anġelus, fil-festi tagħha matul
is-sena. Insellmu
x-xbihat tagħha, u nitolbuha. Imma, llum, f’dan
il-jum li jinsab fuq l-għatba ta’ Ħadd il-Palm u
l-Ġimgħa Mqaddsa, nduru lejn Marija bħala poplu
wieħed. Malta kollha u Għawdex kollu, bħalissa
jinsabu fit-toroq tal-bliet u l-irħula biex
jagħmlu din il-mixja ma’ Marija. Wieħed
mill-poeti tagħna darba kiteb li dan tal-lum
huwa l-akbar mass meeting ta’ Malta. Iva,
Marija Addolorata tiġbidna għal warajha.
Flimkien magħha nimxu din it-triq. Lilha
nitolbu. Magħha nibku. Lilna hija ssabbar.
Ejjew, matul din il-mixja, inżommu l-ġabra billi
nitolbu u nkantaw bil-ħeġġa. Ejjew inħallu din
is-siegħa tkun siegħa ta’ talb, ta’ mħabba u ta’
interċessjoni.
Din is-sena, peress li qegħdin inħejju ruħna
għall-miġja tal-Papa Benedittu XVI fostna, minn
hawn u tliet ġimgħat oħra, se nkunu qed nisimgħu
xi siltiet mit-tagħlim li hu wassal lill-Knisja.
B’mod partikulari se nkunu qed nirriflettu dwar
dak li qal il-Papa dwar il-Verġni Marija, dwar
it-tbatija u temi oħra attwali.
Inkantaw l-innu (jew strofa mill-innu) ….
Fit-28 ta’ April 2009, il-Papa Benedittu għamel
talba sabiħa lill-Verġni Marija fil-mument
tat-tbatija. Din it-talba huwa għamilha meta żar
lil dawk li ġew milquta mit-terremot ġewwa
L’Aquila, fl-Italja. Nisimgħu bi spirtu ta’
ġabra din it-talba tal-Papa.
O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna,
int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna
bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ġesù,
qawwi l-fidi tagħna sabiex, anki jekk mifluġa bid-dulur,
inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’
Kristu
li fih, fit-tbatija estrema tas-salib,
dehret l-imħabba kbira u safja ta’ Alla.
Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek
biex,
lil hinn mit-tbatija u l-mewt, naraw id-dawl tal-qawmien;
agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu,
anki fil-mument tal-prova, inħobbu u naqdu.
O Marija Santissima,
Sidtna tas-Salib, itlob għalina.
I
L-EWWEL DULUR TA’ MARIJA:
IL-PROFEZIJA TA’ XMUN FIL-PREŻENTAZZJONI TA’
ĠESÙ
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:22-35)
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni
tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħadu lil Gesu’
Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej,
kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull
tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,'
u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew
żewġ bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun,
raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ
ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.
L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se
jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.
Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u
xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex
jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,
huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
"Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja
raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt
għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u
glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien
qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u
qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa
u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal
li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!
- biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta'
ħafna."
Riflessjoni tal-Papa Benedittu XVI
mill-Enċiklika tiegħu dwar it-Tama, Spe Salvi
(30 ta’ Novembru 2007):
“Għalhekk lejha nduru: Imqaddsa Marija, int kont
tagħmel ma’ dawk l-erwieħ umli u kbar f’Israel
li, bħal Xmun, kienu jistennew ‘il-faraġ ta’
Israel’ (Lq 2:25), u kienu jistennew, bħal Alla,
‘il-fidwa ta’ Ġerusalemm’ (Lq 2:38)... (Marija),
ix-xwejjaħ Xmun kellmek fuq is-sejf li kien se
jinfidlek qalbek (Lq 2:35), semmielek is-sinjal
li jmeruh, kif kien se jkun Ibnek f’din
id-dinja” (n.50).
Mill-enċiklika tal-Papa Benedittu XVI, Alla
huwa Mħabba (25 ta’ Diċembru 2005):
Meta l-insara “jiġu maħkuma bħal kull bniedem
ieħor fid-dubji drammatiċi tal-ġrajjiet storiċi,
jistgħu jibqgħu żguri bla ma jitħarrku li Alla
hu Missier tagħhom u jħobbhom, ukoll meta
is-skiet tiegħu ma jifhmuhx” (n.31).
Litanija
Verġni Marija, li ppreżentajt lil Ibnek Ġesù
fit-Tempju... idħol għalina.
Verġni Marija, li smajt il-profezija ta’ Xmun...
idħol għalina.
Verġni Marija, li bqajt taħseb fuq dawn
il-ġrajjiet u tikkontemplahom bejnek u bejn
ruħek... idħol għalina.
Verġni Marija, li qdejt lil Ġesù fit-trobbija li
tajtu... idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
II
IT-TIENI DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA, ĠUŻEPPI U T-TARBIJA ĠESÙ JAĦARBU
LEJN L-EĠITTU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (2:13-15)
Meta telqu l-Magi, deher anġlu tal-Mulej
f''ħolma lil Ġużeppi u qallu: "Qum, ħu miegħek
lit-tifel u 'l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa'
hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex
lit-tifel biex joqtlu. " Ġużeppi qam, ħa
miegħu lit-tifel u 'l ommu billejl u telaq lejn
l-Eġittu, u baqa' hemmhekk sal-mewt ta' Erodi,
biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz
tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil
ibni.’
Flimkien ma’ Binha Ġesù Tarbija, Marija u żewġha San Ġużepp
kellhom, għall-għarrieda, jaħarbu lejn l-Eġittu
minħabba l-qilla u l-kefrija tas-Sultan Erodi.
Il-Familja Mqaddsa tgħaddi mill-esperjenza ta’
refuġjati. Matul is-sekli, sal-ġurnata tal-lum,
eluf ta’ eluf għaddew minn din l-esperjenza
iebsa: li ma jkollokx saqaf fuq rasek, li
tgħaddi mill-insigurta’ u l-perikli tal-vjaġġi,
li taf li hemm min qed ifittixlek ħajtek, li
trid iġġorr biss il-meħtieġ għall-ħajja, li
tbati l-ġuħ u l-għatx, is-sħana u l-kesħa.
Il-Papa Benedittu XVI, kemm-il darba tkellem
dwar l-immigrazzjoni u r-refuġjati. Nisimgħu
lilu:
“Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed
mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi.”
(Mt 25:40,45). Kif nistgħu ma nagħtux kas
tal-immigrant u tar-refuġjat minuri bħala dawk
li huma fost ‘l-iżgħar’?
Bħala tfajjel Ġesù stess għamel esperjenza ta’
refuġjat, skont il-Vanġelu, biex jeħles mit-tħeddid
ta’ Erodi, hu kellu jaħrab lejn l-Eġittu ma
Ġużeppi u Marija
(Mt 2:14). (Messaġġ għall-94 Ġurnata Mondjali
tal-Immigranti u Refuġjati, 18 ta’ Ottubru 2007)
Fl-istess Messaġġ, il-Papa kien qal ukoll:
“Jien nistieden l-komunitajiet ekklezjali tal-lokal
biex jagħtu merħba u juru simpatija lejn (l-immigranti)
zgħażagħ u tfal mal-ġenituri tagħhom, u
jippruvaw jifhmu l-ħajja ħarxa tagħhom u jkunu
favur l-inklużjoni tagħhom”. (18 ta’ Ottubru
2007)
F’Ottubru li għadda (2009), Benedittu XVI saħaq
dwar id-dmir tagħna bħala nsara lejn l-immigranti:
“L-ospitalita’ u s-solidarjeta’ lill-barranin,
speċjalment jekk ikunu tfal, hija tħabbira tal-Vangelu
ta’ solidarjeta’”. (Messaġġ għall-96 Ġurnata
Mondjali tal- Immigranti u Refuġjati, 16 ta’
Ottubru 2009)
Litanija
Verġni Marija, li għaddejt mill-esperjenza iebsa
tal-ħarba lejn l-Eġittu... idħol għalina.
Verġni Marija, li batejt it-tbatija tal-eżilju, ‘il bogħod
minn art twelidek... idħol għalina.
Verġni Marija, li adattajt ruħek għall-kultura tal-pajjiż li
ta kenn lilek, lil Ġesù u lil San Ġużepp...
idħol għalina.
Verġni Marija, kun kenn għar-rifuġjati tad-dinja kollha...
idħol għalina.
Verġni Marija, miss il-qalb tagħna biex nuru ospitalita’ lil
dawk kollha li jfittxu kenn fostna... idħol
għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
III
IT-TIELET DULUR TA’ MARIJA:
META MARIJA TITLEF LIL BINHA ĠESÙ,
U WARA TLETT IJIEM TA’ DULUR, ISSIBU FIT-TEMPJU
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:41-52)
Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru
Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid. Meta
kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa
ta' dik il-festa. Wara li għaddew dawk
il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù
baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri
tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud
li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum
mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu
jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu
lura Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt
ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema,
jismagħhom u jistaqsihom; u kull min
semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet
tiegħu. Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu:
"Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara,
missierek u jiena konna qegħdin infittxuk
b'qalbna maqsuma?" U hu qalilhom: "U
għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li
jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?"
Iżda kliemu ma fehmuhx. Mbagħad niżel
magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom. U
ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ
kollha. U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf,
fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem
il-bnedmin.
Riflessjonijiet tal-Papa Benedittu XVI mill-enċiklika dwar
it-tama, Spe Salvi (30 ta’ Novembru
2007):
“Nistgħu nippruvaw innaqqsu t-tbatija, niġġieldu kontriha,
imma ma nistgħu qatt inwarrbuha għal kollox… Il-fejqan
iseħħ “bil-ħila tagħna li naċċettaw it-tbatija,
nimmaturaw permezz tagħha, u nfittxu sens fiha
permezz tal-għaqda tagħna ma’ Kristu Ġesù, li
bata b’imħabba bla qjies għalina” (n.37).
Fl-istess enċiklika, il-Papa jgħid ukoll:
“Soċjetà li ma għandhiex il-ħila taċċetta lill-membri tagħha
li qegħdin ibatu u li ma tistax taqsam fl-uġigħ
tagħhom u ġġorru minn ġewwa magħhom b’sens ta’
‘kompassjoni’ hija soċjetà krudila u inumana”. (Spe
Salvi, n.38)
Litanija
Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li qed ibatu
minħabba wliedhom... idħol għalina.
Verġni Marija, idħol għal dawk il-ġenituri
inkwetati minħabba l-imġieba tat-tfal tagħhom...
idħol għalina.
Verġni Marija, kun l-għajnuna u t-tama
tal-familji li għaddejjin minn problemi u
firda... idħol għalina.
Verġni Marija, wassal għand Ibnek Ġesù lil dawk
li tilfu t-triq u jinsabu jgħixu fid-dnub...
idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
IV
IR-RABA’ DULUR TA’ MARIJA:
META HIJA TILTAQA’ MA’ BINHA ĠESÙ JĠORR IS-SALIB
FIT-TRIQ LEJN IL-KALVARJU
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23:26-31)
Huma u sejrin b’Gesu’ lejn il-Kalvarju, qabdu wieħed, jismu
Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u
għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù.
Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh;
fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq
sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u
qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku,
iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom.
Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja
dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma
wiled u s-sider li qatt ma redda'!
Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu
fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!' Għax
jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta
għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"
Il-Papa Benedittu XVI jfakkarna li l-Fidi
nisranija wrietna dejjem li “Alla – Verità u
Mħabba nfushom – ried li jbati għalina u magħna
... Hu nnifsu sar bniedem biex ikun jista’ jbati
tassew mal-bnedmin, billi jbati fil-ġisem
magħhom, bħalma jixhdu r-rakkonti tal-Passjoni
ta’ Ġesù... Fit-tbatija umana kollha li ngħaddu
minnha jingħaqad magħna Wieħed li jgħaddi
mit-tbatija huwa stess u jġorr dik it-tbatija
magħna. F’kull tbatija hemm ukoll
il-konsolazzjoni tal-imħabba ta’ Alla li jħoss
mal-bniedem” (Mill-enċiklika dwar it-tama,
Spe Salvi, n.39).
Fl-ewwel enċiklika tiegħu dwar l-imħabba ta’
Alla, il-Papa li “l-għajta (il-karba) tagħna lil
Alla fit-tbatija, bħalma kienet għal Ġesù nnifsu
fuq is-salib, hija l-mod l-aktar profond u qawwi
li bih nistqarru l-fidi tagħna fil-qawwa sovrana
ta’ Alla”. Meta l-insara “jiġu maħkuma bħal kull
bniedem ieħor fid-dubji drammatiċi tal-ġrajjiet
storiċi, jistgħu jibqgħu żguri bla ma jitħarrku
li Alla hu Missier tagħhom u jħobbhom, ukoll
meta is-skiet tiegħu ma jifhmuhx”.
(Enċiklika Deus Caritas Est, n.31).
Litanija
Verġni Marija, għin lil dawk l-ommijiet li qed iduru
b’uliedhom morda... idħol għalina.
Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li ta’ kuljum jżuru
‘l uliedhom fl-isparijiet jew f’postijiet oħra
ta’ kura... idħol għalina.
Verġni Marija, sabbar dawk l-ommijiet li jakkumpanjaw lil
uliedhom fit-triq tal-Kalvarju llum, minħabba l-vizzji
tax-xorb, tad-droga u dnubiet oħra li jmorru
kontra d-dinjita’ tal-bniedem... idħol
għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
V
IL-ĦAMES DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TARA LIL BINHA ĠESÙ
JIĠI
MSALLAB MAS-SALIB
U WARA TLIET SIGĦAT
TA’ AGUNIJA JMUT
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:25-27)
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù ommu,
oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u Marija ta'
Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u
lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal
lil ommu: "Mara, hawn hu ibnek." Mbagħad
qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." U minn dak
il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
F’wieħed mid-diskorsi li jagħmel kull nhar ta’
Ħadd qabel it-talba tal-Anġelus, il-Papa
Benedittu qal dan il-kliem dwar it-tbatija:
“Ġesù bata u miet fuq is-salib bi mħabba kbira
għalina. B’hekk, jekk nifhmu dan il-misteru
sewwa, huwa ta sens lit-tbatija tagħna, sens li
rġiel u nisa ta’ kull żmien fehmuh u għamluh
tagħhom, u b’hekk ġarrbu paċi kbira ukoll
fid-djieqa ta’ provi ħarxa kemm fiżiċi u kemm
morali... Nistgħu nibqgħu żguri minn dan: l-ebda
demgħa, la ta’ dawk li jbatu u lanqas ta’ dawk
qrib tagħhom, ma hi mitlufa għal Alla”. (Diskors
ta’ qabel l-Angelus, 1 ta’ Frar 2009)
F’okkażjoni oħra, il-Papa qalilna li Marija
turina li “id-dawl, it-talb, it-tama u
l-konverżjoni, huma msejsa fuq il-blata
tal-imħabba ta’ Alla, li laħqet il-qofol
tar-rivelazzjoni tagħha fis-salib glorjuż ta’
Kristu.” Is-skiet quddiem it-tbatija “mhuwiex
skiet vojt, imma wieħed mimli bit-talba u
l-għarfien tal-preżenza tal-Mulej, li ħabbna
sal-punt li jiġi merfugħ fuq is-salib għalina”.
(Udjenza Ġenerali, 17 ta’ Settembru 2008)
Fl-enċiklika tiegħu dwar it-tama, il-Papa
Benedittu għandu silta mill-isbaħ dwar dak li
Marija għaddiet minnu meta kienet qed tassisti
lil Binha Ġesù fl-aħħar mumenti tiegħu:
“Marija, kellek tara s-Salvatur tad-dinja,
il-werriet ta’ David, l-Iben ta’ Alla jmut bħal
wieħed fallut, espost għaż-żebliħ, bejn
id-delinkwenti. Imbagħad ilqajt il-kelma: ‘Mara,
hawn hu ibnek!’ (Ġw 19:26). Mis-salib irċevejt
missjoni ġdida. Mis-salib int sirt omm b’mod
ġdid: omm dawk kollha li jridu jemmnu f’Ibnek
Ġesù u jimxu warajh. Sejf in-niket nifidlek
qalbek. Imma t-tama mietet? Id-dinja baqgħet
għal dejjem bla dawl, il-ħajja bla għan? F’dik
is-siegħa aktarx li fik innifsek erġajt smajt
il-kelma tal-anġlu, li biha kien wieġeb
għall-biża’ tiegħek fil-waqt tat-tħabbira: ‘La
tibżax, Marija!’ (Lq 1:30)
Litanija
Verġni Marija, idħol għalina meta fit-tbatija
naqtgħu qalbna... idħol għalina.
Verġni Marija, sabbarna meta t-tbatija nsibuha
wisq tqila u nogħtru taħtha... idħol għalina.
Verġni Marija, ieqaf magħna fil-Kalvarju tagħna
llum... idħol għalina.
Verġni Marija, meta maħkuma mit-toqol tal-mard u
l-problemi tagħna...
idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
VI
IS-SITT DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TIRĊIEVI L-ĠISEM MEJJET TA’ BINHA ĠESÙ
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (27:50-58)
Ġesù reġa' għajjat għajta kbira u radd ruħu. U
ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn
minn fuq s'isfel; l-art theżhżet, il-blat
inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma
ta' qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra
u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa
u dehru lil bosta nies. Iċ-ċenturjun u dawk li
kienu miegħu għassa ta' Ġesù, kif raw l-art
titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b'biża' li ma
bħalu u qalu: "Dan kien tassew Bin Alla!"
Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod,
dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh
sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom
kien hemm Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu u
Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar fil-għaxija,
ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi,
li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; mar
għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. Mbagħad
Pilatu ordna li jingħatalu.
Ipprova immaġina minn liema tbatija bla tarf
għaddiet Marija fuq l-għolja tal-Kalvarju.
Immaġinaw il-kobor tad-dulur li hija ġarrbet
meta rat lil Binha Ġesù jbati tant ħruxija.
Immaġinaha tara lil Ġesù jieħu l-aħħar nifs
tiegħu. Min jaf x’ħasset meta Nikodemu u Ġużeppi
minn Arimatea niżżlu b’devozzjoni l-ġisem mejjet
ta’ Ġesù minn fuq is-salib! Min jaf kemm bkiet,
kemm dmugħ jaħraq ġelben ma’ ħaddejha! Qalbha
maqsuma, hija tara lil Binha mejjet.
Fil-Messaġġ għall-Jum il-Morda ta’ din is-sena,
il-Papa Benedittu XVI kiteb hekk: “Fil-misteru
tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu,
it-tbatija tal-bniedem issib is-sens tagħha u
l-milja tad-dawl. Fl-Aħħar Ċena, qabel ma reġa’
lura għand il-Missier, il-Mulej Ġesù tbaxxa biex
jaħsel saqajn l-Appostli biex idewwaqhom minn
qabel mill-att kbir ta’ mħabba li kellu jagħmel
fuq is-salib. B’dan il-ġest, hu stieden
lid-dixxipli biex jimxu wara dan il-mod ta’
ħsieb ta’ mħabba li tagħti lilha nnifisha għal
dawk l-aktar dgħajfa u fil-bżonn”.
(Messaġġ għal Jum il-Morda, 11 ta’ Frar 2010)
Litanija
Verġni Marija, imsaħ id-dmugħ tal-ommijiet li
tilfu ‘l uliedhom bil-mard jew b’disgrazzja
għall-għarrieda...
idħol għalina.
Verġni Marija, għinna meta ngħaddu
mill-esperjenza tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż...
idħol għalina.
Verġni Marija, kun magħna fis-siegħa tal-mewt
tagħna... idħol għalina.
Verġni Marija, wassalna għand Ibnek Ġesù, u
idħol għalina biex huwa jkun imħallef ħanin
tagħna... idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
VII
IS-SEBA’ DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TASSISTI GĦAD-DIFNA TA’ BINHA ĠESÙ
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:38-42)
Wara l-mewt ta’ Gesu’, Ġużeppi minn Arimatija,
li kien dixxiplu ta' Ġesù bil-moħbi għax kien
jibża' mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex
jieħu l-ġisem ta' Ġesù. Pilatu
ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu.
Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand
Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta' morr u
sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn
ħadu l-ġisem ta' Ġesù u kebbewh bil-faxex ta' l-għażel
bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna.
Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien,
u f'dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih
kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm
qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud,
u għax il-qabar kien fil-qrib.
Il-Papa Benedittu XVI jirrifletti dwar dak li
Marija Addolorata għaddiet minnu fuq il-Golgota
u fid-difna ta’ Ġesù. Fl-enċiklika tiegħu dwar
it-tama, huwa jistqarr:
“’La tibżax, Marija!’ (Lq 1:30). Kemm drabi
l-Mulej, Ibnek, qal l-istess ħaġa lid-dixxipli
tiegħu: La tibżgħux! Fil-lejl tal-Golgota, int
erġajt smajt din il-kelma. Lid-dixxipli tiegħu,
qabel is-siegħa tat-tradiment, hu qalilhom:
‘Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!’ (Ġw
16:33) ‘Tħallux qalbkom titħawwad u anqas
titbeżża’’ (Ġw 14:27). ‘La tibżax, Marija!’
Fis-siegħa ta’ Nazaret l-anġlu kien qallek
ukoll: ‘Is-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem’ (Lq
1:33). Kienet forsi mitmuma qabel bdiet? Le,
ħdejn is-salib, fuq il-kelma nfisha ta’ Ġesù,
int sirt omm dawk li jemmnu. F’din il-fidi, li
anki fid-dlam tas-Sibt Qaddis tal-Għid kienet
ċertezza tat-tama, int mort tilqa’ l-għodwa
tal-Għid” (Spe Salvi, n.50).
Waqt il-vjaġġ pastorali tiegħu ġewwa l-Afrika,
is-sena li għaddiet, il-Papa Benedittu kien żar
sptar fil-Kamerun. Dakinhar huwa qal dan
il-kliem lill-morda, kliem li huwa qiegħed jgħid
lil kull wieħed u waħda minnha: “M’intomx
waħidkom fit-tbatija tagħkom, għax Kristu nnifsu
huwa qrib ħafna ta’ dawk li jbatu ... Quddiem
tant uġigħ, inħossuna bla ħila u aktarx ma
nsibux il-kliem li jixirqu. Quddiem ħuna jew
oħtna fil-misteru tat-tbatija, is-skiet
rispettuż u ta’ kompassjoni, il-preżenza
fit-talb, ġest li jħenn u jsabbar, ħarsa mimlija
tjieba, tbissima, ħafna drabi huma aktar
milqugħa minn kull kliem ieħor”.
(Diskors fiċ-Ċentru Kardinal
Paul-Emile Léger, f’Yaoundé, Kamerun, 19 ta’
Marzu 2009)
Litanija
Verġni Marija, kun magħna fit-toroq tal-ħajja...
idħol għalina.
Verġni Marija, tħalliniex waħedna meta t-tbatija taħkimna...
idħol għalina.
Verġni Marija, sabbarna f’dan il-wied ta’ dmugħ
... idħol għalina.
Verġni Marija, urina lil Ibnek Ġesu, il-frott
tal-ġuf tiegħek... idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
Nagħlqu din il-mixja bit-talba li biha bdejna
din is-siegħa ta’ talb. Huwa l-kliem tal-Papa
Benedittu lill-Verġni Marija meta sena ilu żar
lil dawk milquta minn terremot qawwi ġewwa
l-Italja:
O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna,
int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna
bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ġesù,
qawwi l-fidi tagħna sabiex, anki jekk mifluġa bid-dulur,
inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’
Kristu
li fih, fit-tbatija estrema tas-salib,
dehret l-imħabba kbira u safja ta’ Alla.
Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek
biex,
lil hinn mit-tbatija u l-mewt, naraw id-dawl tal-qawmien;
agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu,
anki fil-mument tal-prova, inħobbu u naqdu.
O Marija Santissima,
Sidtna tas-Salib, itlob għalina.
Inkantaw flimkien is-Salve Regina.
dhs/18.3.2010
|