IS-SIGRIET TA'
FATIMA
Ħajr
lil Harry Agius Ordway
Fatima huwa l-post fejn, fl-1917, Ommna, l-Imqaddsa
Verġni Marija, dehret lit-tlitt itfal, Luċija,
Ġjaċinta, u Franġisku, u tkellmet magħhom dwar
bosta affarijiet, fosthom dawk li ġew meqjusa
bħala ‘sigriet.’

L-ewwel żewġ partijiet tas-‘sigriet’ saru
pubbliċi fl-1941, hu kienu jitkellmu
prinċipalment dwar dehra tal-infern u dwar
persekuzzjonijiet lill-Knisja.
It-tielet u l-aħħar parti, li damet għal żmien
twil imħarsa mill-awtoritajiet
tal-Vatikan, kien hemm stennija u anzjetà kbira
għaliha meta kienet ġiet żvelata fis-sena 2000
fuq ordni tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Tant hu hekk
li, anki wara li ġiet mxandra, bosta sostnew, u
għadhom isostnu, li mhux kollox kien ġie mxandar
u għad hemm xi affarijiet moħbija.
Bħala Kardinal, Joseph Ratzinger, kellu sehem
mill-aktar importanti biex it-tielet parti tas-‘sigriet’
ta’ Fatima ġiet imxandra. Fil-fatt, kien hu,
li bħala Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina
tal-Fidi, ta t-tifsira uffiċjali tagħha f’kummentarju
teoloġiku li ġie mxandar flimkien
tal-pubblikazzjoni tat-test.
1. L-ewwel żewġ partijiet tas-‘sigriet’ magħrufa
fl-1917, ġew miktuba mis-soru Luċija fl-1941 u
mxandra fl-istess sena.
Is-‘sigriet’ hu magħmul minn tliet
partijiet distinti, tnejn minnhom ser ngħidhom
issa.
L-ewwel parti hi d-dehra tal-infern.
Il-Madonna urietna baħar kbir ta’ nar li deher
li kien taħt wiċċ l-art. Mgħaddsa ġo fih kien
hemm dimonji u erwieħ forma ta’ bnedmin, qishom
faħam trasparenti jaqbad bla rażan, kollox
imġemmed jew qisu bronż imbornat, jgħumu
fil-wiċċ ta’ dak in-nar tremend, daqqa mixħuta
fil-għoli minn dawk il-fjammi li kienu qed
joħorġu minn ġo fihom infushom flimkien ma’ sħab
kbir ta’ duħħan, wara jerġgħu jaqgħu lura qishom
xrar tan-nar ġo dak l-istess nar tremend, bla
piż jew ekwilibriju, fost twerżieq u krib ta’
uġigħ u ta’ disprament li jwaħħxu. Din id-dehra
werwrietna u bdejna nirtogħdu bil-biża’. Id-dimonji
kienu jintagħrfu mid-dehra tagħhom tal-biża’,
qishom annimali li qatt ma rajna bħalhom,
annimali li jwaħħxuk, dehra ta’ biża’ tremend,
kollha kemm huma suwed u trasparenti. Il-viżjoni
damet biss sekondi. Kif nistgħu qatt
nirringrazzjaw biżżejjed lil Ommna tas-Sema, li
ġa kienet wegħiditna, fl-ewwel Dehra, li ser
teħodna l-Ġenna. Li ma kenx hekk żgur li konna
mmutu bil-biża’ minn dak li rajna.
Imbagħad ħarisna ‘l fuq lejn il-Madonna, li
b’qalb tajba imma fl-istess waqt mnikkta,
qaltilna:

“Għadkom kif rajtu fejn imorru l-erwieħ
tal-imsejkna midinba. Biex isalvahom, Alla
jixtieq li fid-dinja jwaqqaf devozzjoni
għall-Qalb Immakulata tiegħi. Jekk dak li
ngħidilkom iseħħ, ħafna erwieħ isalvaw u jkun
hemm il-paċi. Il-gwerra ser tispiċċa; iżda jekk
in-nies mhux sejrin jieqfu milli joffendu lil
Alla, tibda waħda agħar matul il-Pontifikat ta’
Piju XI. Meta taraw lejl mdawwal minn dawl mhux
magħruf, kunu afu li dan hu s-sinjal il-kbir
mogħti lilkom minn Alla li hu ser jikkastiga
lid-dinja għall-imġibiet ħżiena tagħha, bi
gwerer, ġuħ, u persekuzzjonijiet lill-Knisja u
lill-Papa. Biex dan ma jsirx, jien ser nitlob
għall-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb
Immakulata tiegħi u ta’ Komunjoni ta’
riparazzjoni matul l-ewwel Sibtijiet.
"Jekk it-talbiet
tiegħi jiġu mismugħa, ir-Russja tikkonverti, u
jkun hemm il-paċi; jekk le, hi ixxerred l-iżbalji
tagħha madwar id-dinja kollha u dawn iqajmu
gwerer u persekuzzjonijiet kontra l-Knisja. It-twajba
jsofru l-martirju; il-Papa jsofri ħafna, bosta
nazzjonjiet jisparixxu minn fuq wiċċ l-art. Fl-aħħar
il-qalb Immakulata tiegħi toħroġ rebbieħa.
Il-Papa jikkonsagra r-Russja lili, u tikkonverti,
u żmien ta’ paċi jingħata lid-dinja kollha."
31 ta’ Awwissu, 1941.
2. It-tielet u l-aħħar parti tas-“sigriet’’ ġie
rrevelata fl-1917, miktuba mis-Soru Luċija
fl-1944 u ppubblikat fis-sena 2000.
It-tielet parti tas-sigriet ġiet irrivelata
f’Cova da Iria – Fatima, fit-13 ta’ Lulju,1917.
J.M.J.
Qed nikteb b’ubbidjenza lejk, Alla Tiegħi, li
qed tikkmandani nagħmel hekk permezz
tal-Eċċelenza tiegħu l-Isqof ta’ Leira u permezz
tal-għażiża Mqaddsa Ommok u Ommi.

Wara ż-żewġ partijiet li ġa fissirt, fuq in-naħa
tax-xellug tal-Madonna u ftit ‘l fuq ukoll,
rajna Anġlu b’xabla bin-nar ħiereġ minnha f’idu
x-xellugija; malli jxejjirha, bdew ħerġin ilsna
tan-nar li dehru li qishom ser jagħmlu lid-dinja
ħuġġieġa waħda; iżda dawn bdew jintfew hekk kif
bdew jaħbtu mad-dija qawwija li bdiet ħierġa
mill-id il-leminija tal-Madonna: waqt li pponta
idu l-leminija lejn id-dinja, l-Anġlu għajjat
b’leħen għoli: Penitenza, Penitenza,
Penitenza.
U aħna rajna ġo dawl qawwi li hu
Alla: ‘ xi ħaġa li kif jidhru n-nies meta
jgħaddu minn quddiem mera” Isqof liebes
bl-Abjad “deherilna li kien il-Papa.”
Isqfijiet
oħra, Qassisin, rġiel u nisa Reliġjużi kienu
telgħin muntanja wieqfa, li fuq il-quċċata
tagħha kien hemm Salib kbir magħmul minn zkuk
tal-balluta tas-sufra, bis-sufra għadha mwaħħla,
xkatlat goff, kollu xtur; qabel ma wasal hemm il-Papa,
nofsu jirtod u jzappap, miġruħ u mnikket, għadda
minn ġo belt kbira nofsha mġarrfa, jitlob
għall-erwieħ tal-iġsma li ltaqa’ magħhom fi
triqtu; darba li laħaq il-quċċata, għarkupptejh
f’sieq is-Salib il-Kbir ġie maqtul minn grupp ta’
suldati li sparawlu bulits u vleġeġ, u bl-istess
mod mietu wieħed wara l-ieħor, waħda wara l-oħra,
l-Isqfijiet, il-Qassisin, l-irġiel u n-nisa
Reliġjużi, u bosta lajċi ta’ pożizjonijiet u
karigi differenti. Taħt iż-żewġ dirgħajn
tas-Salib kien hemm żewġ Anġli kull wieħed
b’sassla tal-kristall f’idu, li fihom bdew
jiġbru d-dmija tal-Martri u, bl-asperġes, jbixxu
l-istess dmija fuq l-erwieħ li kienu fi triqthom
lejn Alla.
3 ta’ Jannar, 1944.
3. Stqarrija f’isem il-Papa Ġwanni Pawlu II
mill-Kardinal Angelo Sodano, ġewwa Fatima,
fit-13 ta’ Mejju, 2000.

Fl-okkażjoni solenni taż-żjara tiegħu ġewwa
Fatima, il-Qdusija Tiegħi talabni nagħmlilkom
din l-istqarrija. Bħalma tafu, l-għan taż-żjara
tiegħu ġewwa Fatima kienet biex jibbeatifika
liż-żewġ “rgħajja ċkejkna”. Madankollu hu
jixtieq ukoll illi l-pellegrinaġġ tiegħu jġedded
ir-ringrazzjament u l-gratitudni tiegħu
lill-Madonna għall-protezzjoni li tagħtu u
għadha tagħtih matul il-papat tiegħu. Din
il-protezzjoni tidher li għandha x’taqsam
mat-tielet parti tas-‘sigriet’ ta’
Fatima.
F’din il-parti fost dak li hemm miktub hemm
dehra profetika li tixbaħ lil dawk li nsibu
fil-Kotba Mqaddsa, imma li ma tagħtix dettalji
fotografiċi ta’ grajjiet li ser iseħħu
fil-futur, imma fil-qosor u fuq sfond uniku
tagħti fatti li jinfirxu maż-żmien imma mhux
neċessarjament wara xulxin u fuq l-istess tul
ta’ żmien. Għaldaqstant, din il-kitba trid tiġi
interpretata fuq tifsira ta’ simboli.
Id-dehra ta’ Fatima, fuq kollox, għandha
x’taqsam mal-gwerra missielta mis-sistemi
ateistiċi kontra l-Knisja u l-Kristjani, u
tagħti tifsira tat-tbatijiet kbar li sofrew dawk
li taw xhieda tal-Fidi tagħhom matul l-aħħar
seklu tat-tieni millenju. Hija Triq tas-Salib
bla tmiem immexxija mill-Papiet tas-seklu
għoxrin.
Skont l-interpretazzjoni tar-“rgħajja
ċkejknin”, li dan l-aħħar ġiet ukoll
ikkonfermata mis-Soru Luċija, “l-Isqof
b’ilbies abjad” li jitlob għall-fidili
kollha huwa l-Papa. Hekk kif iterraq bi tbatija
kbira qalb l-iġsma ta’ dawk li kienu ħadu
l-martirju (Isqfijiet, qassisin, rġiel u nisa
Reliġjużi, u bosta lajċi) lejn is-Salib, hu
wkoll jaqa’ mal-art, qisu mejjet, wara li
sparawlu bil-kbir.

Wara l-attentat ta’ qtil tat-13 ta’ Mejju, 1981,
deher ċar li kienet “id ta’ omm li mexxiet
il-bulit”, biex għenet “lill-Papa waqt
dak l-uġigħ kollu” biex jieqaf u “ma
jirfesx fuq l-għatba tal-mewt” (Papa Ġwanni
Pawlu II, Meditazzjoni mill-Policlinico Gemelli
s’għand l-Isqfijiet Taljani, 1994). Meta
l-Isqof ta’ Leiria,Fatima, għamel żjara ġewwa
Ruma, il-Papa ddeċieda li jagħtih il-bulit li
kienet baqgħet fl-art tal-ġip meta kien sar
l-attentat fuq ħajtu, biex tiġi miżmuma
fis-Santwarju ta’ Fatima. L-Isqof iddeċieda li
dik il-bulit tagħmel parti mill-istess kuruna li
hemm fuq ras l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima.
Il-ġrajjiet li seħħew wara xulxin matul l-1989,
għenu biex sfaxxaw kemm ir-reġimi tal-Unjoni
Sovjetika kif ukoll dawk ta’ numru ta’ pajjiżi
fl-Ewropa tal-Lvant, li lkoll kienu jħaddnu
l-Komuniżmu li kien imexxi ‘l quddiem l-ateiżmu.
Għal dan kollu, il-Q.T. Ġwanni Pawlu II minn
qiegħ qalbu jirringrazzja lill-Verġni Mqaddsa.
Madankollu, f’naħat oħra tad-dinja, il-Knisja u
l-Insara baqgħu jiġu attakkati bl-aħrax u
t-tbatija li dawn iġiebu magħhom kienet
tremenda. Anki jekk dawn l-ġrajjiet li
jissemmew fit-tielet parti tas-“sigriet”
ta’ Fatima jidhru li huma xi ħaġa tal-passat,
is-sejħiet tal-Madonna għall-konverżjoni u
tal-penitenza, li bdew fil-bidu tas-seklu
għoxrin, għadhom f’waqthom u urġenti
għall-aħħar. “Is-sinjura tal-messaġġ tidher
li taf taqra s-sinjali taż-żmenijiet –
is-sinjali ta’ żmienna – b’intuwizzjoni
speċjali… L-istedina bla waqfien tal-Imqaddsa
Marija biex nagħmlu l-penitenza m’hi xejn għajr
il-manifestazzjoni tat-tħassib tagħha bħala
ommna għal dak li jista’ jiġri lill-umanità, li
għandha l-bżonn kbir tal-konverżjoni u
tal-maħfra.”(Papa Ġwanni Pawlu II, Messaġġ
għall-Jum Dinji tal-Morda, 1997, Insegnamenti,
1996).
Biex il-fidili jirċievu u jifhmu aħjar
il-Messaġġ tal-Madonna ta’ Fatima, il-Papa
qabbad lill-Kongregazzjoni tad-Duttrina
tal-Fidi biex ixxandar it-tielet parti tas-“sigriet”,
wara li jkun ġie ppreparat u miktub
kummentarju xieraq.
Kummentarju Teoloġiku.

Meta wieħed jaqra b’attenzjoni kbira l-kitba ta’
dak li hu magħruf bħala t-tielet “sigriet” ta’
Fatima, li rajna ftit aktar ‘l fuq b’deċiżjoni
tal-Papa, żgur li jħossu ftit jew wisq
iddisappuntat jew sorpriż wara l-ispekulazzjoni
li kienet qamet. Ebda misteru ma hu mikxuf u
l-ebda futur ma hu magħruf. Naraw il-Knisja
tal-Martri tas-seklu li għadu kif għadda
rrappreżentata f’xena f’ilsien li hu simboliku u
mhux faċli biex tiddeċifrah. Dan hu li xtaqet
tgħaddi Omm Alla lill-Kristjaneżmu u
lill-umanità fi żmien ta’ tant diffikultajiet u
ta’ dwejjaq kbar? Huwa ta’ xi għajnuna għalina
fil-bidu ta’ millenju ġdid? Jew dawn huma biss
projezzjonijiet fid-dinja ġewwienijia tat-tfal,
mrobbijin fi klima ta’ pjetà profonda ‘mma li xi
kultant mheżża b’tempesti li heżżu l-istess
żmenijiet? Kif irridu nifhmuha d-dehra? X’inhi
għalina?
Rivelazzjonijiet Pubbliċi u rivelazzjonijiet
privati – l-istat teoloġiku tagħhom.
Qabel ma wieħed jipprova jagħti tifsira, li
l-linji prinċipali tagħha wieħed jista’ jsibha
fl-istqarrija moqrija mill-Kardinal Sodano
fit-13 ta’ Mejju ta’ din is-sena fi tmiem
il-Quddiesa ċċelebrata mill-Qdusija Tiegħu ġewwa
Fatima, u li tagħha għandna kopja aktar ‘l fuq,
hemm bżonn ta’ klarifikazzjoni bażika tal-mod li
bih, skont it-tagħlim tal-Knisja, fenominu bħal
ta’ Fatima għandu jiġi mifhum fid-dawl tal-Fidi.
It-tagħlim tal-Knisja jagħżel bejn “Rivelazzjoni
pubblika” u bejn “rivelazzjonijiet
privati.” Iż-żewġ realtajiet jintagħżlu
minn xulxin mhux biss fejn għandhom x’jaqsmu
l-kategorija u l-kwalità ‘mma wkoll fl-essenza.
It-terminu “Rivelazzjoni pubblika”
jirreferi għal dak li jirrivela Alla direttament
lill-umanità sħiħa u li ssib l-espressjoni
letterarja tagħha fiż-żewġ taqsimiet tal-Bibbja:
it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.
Tissejjaħ ‘Rivelazzjoni’ għaliex permezz
tagħha Alla juri lilu nnifsu lill-bnedmin
bil-mod il-mod, sal-punt li sar bniedem hu
nnifsu, biex jiġbed lejh id-dinja kollha u
jgħaqqadha miegħu bis-saħħa tal-inkarnazzjoni
ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. Mhiex xi ħaġa ta’
komunikazzjoni intelletwali, imma ta’ proċess li
jagħti l-ħajja li fih Alla jiġi biex jiltaqa’
mal-bniedem. Naturalment. fl-istess waqt, dan
il-proċess joħloq tagħrif li għandu x’jaqsam
mal-moħħ u għall-fehim tal-misteru ta’ Alla.
Huwa proċess li jimplika lill-bniedem
fit-totalità tiegħu u għaldaqstant bir-raġuni
wkoll, iżda mhux bir-raġuni biss. Għax Alla hu
wieħed, l-istorja, li hu jaqsam mal-umanità,
hija waħda wkoll. Tgħodd għaż-żmien kollu, u
laħqet il-milja tagħha fil-ħajja, fil-mewt, u
fil-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu. Fi
Kristu, Alla qal kollox, iġifieri irrivela lilu
nnifsu kompletament, u għaldaqstant
ir-Rivelazzjoni ġiet fi tmiemha fil-milja
tal-misteru ta’ Kristu kif hu muri ċar
fit-Testment il-Ġdid.
Biex wieħed ifisser l-għan sħiħ u aħħari
tar-Rivelazzjoni, il-Katekiżmu tal-Knisja
jikkwota il-kitba ta’ San Ġwann tas-Salib: “Miż-żmien
li tana ‘l Ibnu, li hu l-Kelma(il-Verb) tiegħu,
Alla ma għandux xi Kelma oħra x’jagħtina.
Qalilna kollox f’waqt wieħed, f’daqqa waħda
f’din il-Kelma waħda … għax dak li qal, biċċa
biċċa lill-profeti, qalu kollu f’Ibnu, huwa u
jagħtina dak kollu li hu Ibnu. Araw għaliex
issa, jekk xi ħadd irid jistaqsih xi ħaġa jew
jixtieq minn għandu xi dehra jew xi
rivelazzjoni, mhux biss ikun jagħmel xi bluha,
imma jkun ukoll joffendi lil Alla, għax ma jkunx
qed jitfa’ ħarstu biss fuq Kristu, imma jkun
ifittex xi ħaġ’oħra, jew xi ħaġa ġdida.” (numru
65; San Ġwann tas-Salib, It-Tlugħ fuq l-Għolja
tal-Karmelu, II, 22).
Minħabba li l-unika Rivelazzjoni ta’ Alla
ndirizzata lill-popli kollha laħqet il-milja
tagħha f’Ġesù u x-xhieda li ta u li nsibu
fil-kotba tat-Testment il-Ġdid, il-Knisja hi
marbuta ma’ din il-grajja unika fl-istorja
sagra u mal-kelma tal-Bibbja, li tiggarantiha u
li tagħtiha tifsira. Madankollu dan ma jfissirx
li l-Knisja issa tista’ tħares biss lejn
il-passat u li hi kkundannata li tirrepeti biss
bla ma tikseb riżultati. Il-Katekiżmu tal-Knisja
Kattolika f’dan ir-rigward jgħid hekk: “Iżda,
għalkemm ir-Rivelazzjoni ntemmet, għad ma ħariġx
beraħ għal kollox kull ma fiha, hi l-Fidi
Nisranija li trid tifhem u tara, bil-mod il-mod
tul iż-żmenijiet, kull ma fiha r-Rivelazzjoni.”
(numru 66). Il-mod ta’ kif il-Knisja hija
marbuta kemm mal-karatteristika unika tal-ġrajja
nfisha u kemm mal-progress biex din tiġi mifhuma
hu ċar fid-diskors tal-aħħar li l-Mulej għamel
lid-dixxipli Tiegħu meta qal: “Baqagħli ħafna
ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux
għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità,
iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma
jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li
jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini
glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u
jħabbru lilkom.” (Ġw 16: 12-14).
Fuq naħa waħda, l-Ispirtu jagħmilha ta’ gwida li
jitkellem dwar għerf li qabel ħadd ma seta’
jilħqu għaliex il-premessa kienet nieqsa – dan
hu il-wisa’ u l-fond profond tal-Fidi Nisranija.
Fuq in-naħa l-oħra, li tkun immexxi mill-Ispirtu
s-Santu ifisser ukoll li tkun qed tieħu
mill-għana ta’ Kristu nnifsu, il-fond bla tarf
li lejh ikun qed imexxina l-Ispirtu. Dwar dan,
il-Katekiżmu jagħtina kliem mimli għerf tal-Papa
Gregorju l-Kbir: “bl-intelliġenza intima
tal-veritajiet spiritwali li jkollhom dawk li
jemmnu”, “jikbru huma u jaqraw kliem Alla.”
(Numru 94; Gregorju il-Kbar , Omelija
f’Eżekjelem 1,7,8.)
Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar tliet modi
mill-aktar essenzjali li bihom l-Ispirtu jmexxi
lill-Knisja, u għaldaqstant tliet modi li fihom
u bihom ‘tikber il-kelma’: permezz
tal-meditazzjoni u l-istudju tal-fidili, “‘bil-fehma
profonda li l-Insara jakkwistaw tal-ħwejjeġ
spiritwali bil-predikazzjoni ta’ dawk li
flimkien mas-suċċessjoni tal-Isqfijiet
irċevew id-don ċert tal-verità divina
sakemm il-kliem ta’ Alla jintemm għal kollox
fiha.”
(Dei Verbum, 8).
F’dan il-kuntest, issa jsir aktar possibbli li
wieħed jifhem sew il-kunċett ta’ “rivelazzjoni
privata”, li tirreferi għad-dehriet u
rivellazzjonijiet kollha li twettqu mit-tmiem
tat-Testment il-Ġdid. Din hija l-kategorija li
fiha jidħol il-messaġġ ta’ Fatima. Dwar dan
tajjeb li nerġgħu naraw x’jgħid il-Katekiżmu
tal-Knijsa Kattolika: “Tul iż-żmenijiet kien
hemm rivelazzjonijiet, hekk imsejħa ‘privati’ u
xi wħud minnhom ġew magħrufa mill-awtorità
tal-Knisja iżda dawn m’humiex parti mid-depożitu
tal-Fidi. L-għan tagħhom mhux li ‘ jtejbu’ r-Rivelazzjoni
definittiva ta’ Kristu jew li din issir ‘sħiħa’
permezz tagħhom f’xi żmien tal-istorja
tal-bniedem. Il-fidili, immexxijin mill-Maġisteru
tal-Knisja, jafu jagħżlu, bis-sens tagħhom, u
jilqgħu dak li f’dawn ir-rivelazzjonijiet ikun
sejħa vera ta’ Kristu jew tal-Qaddisin tiegħu
lill-Knisja. Il-Fidi Nisranijia ma tistax
taċċetta xi ‘rivelazzjonijiet’ li jippretendu
jgħaddu jew jikkoreġu r-Rivelazzjoni li tagħha
l-qofol hu Kristu. Hu fil-każ ta’ xi
reliġjonijiet mhux Insara, u ukoll ta’ xi setet
ta’ żmienna li jibbażaw ruħhom fuq
rivelazzjonijiet bħal dawn.”(67). Dan kollu
jiċċara żewġ affarijiet:
1.
L-awtorità tar-rivelazzjonijiet privati hija
essenzjalment differenti minn dik ċara u tonda
tar-Rivelazzjoni pubblika. Din tal-aħħar titlob
il-Fidi; fil-fatt fiha jkellimna Alla nnifsu
bis-saħħa ta’ kliem uman u bil-medjazzjoni
tal-Knisja. Il-Fidi f’Alla u fil-kelma Tiegħu
hija differenti minn kull fidi oħra, fiduċja,
jew opinjoni umana. Iċ-ċertezza li huwa Alla li
qed jitkellem jagħtini l-konvinzjoni li jiena
qiegħed f’kuntatt mal-verità nnfisha. Tagħtini
dik il-konvinzjoni assoluta li hi ‘l fuq minn
kull verifikazzjoni li jista’ jagħraf il-bniedem.
Hija dik il-konvinzjoni assoluta li fuqha jien
nista’ nibni ħajti u li fiha nafda ruħi waqt li
nkun qed immut.
2.
Ir-rivelazzjoni privata hija għajnuna għal din
il-fidi, u turi l-kredibilità tagħha preċiżament
billi tmexxini lejn dik magħrufa bħala
Rivelazzjoni pubblika. F’dan ir-rigward,
il-Kardinal Prospero Lambertini, li wara sar
Papa Benedittu XIV, jgħid fit-teżi klassika
tiegħu, u li aktar tard saret normattiva
għall-beatifikazzjonijiet u
għall-kanonizzazzjonijiet: “L-approvazzjoni
tal-Fidi Kattolika mhiex minħabba r-rivelazzjonijiet
approvati b’dan il-mod; anqas hija biss
possibbli. Dawn ir-rivelazzjonijiet, sa ċertu
punt, aktar ifittxu approvazzjoni tal-fidi umana
li tħares lejhom b’ċerta prudenza li tqegħdhom
quddiemna bħala probabbli u kredibbli fejn
tidħol id-devozzjoni.” It-Teologu Olandiż
E. Dhanis, studjuż mill-aqwa f’dan il-qasam,
jgħid fi ftit kliem, li l-approvazzjoni
ekkleżjastika ta’ rivelazzjoni privata għandha
tliet elementi: il-messaġġ ma jkun fih xejn
kontra l-Fidi jew il-morali; huwa skont il-liġi
li tagħmilha pubblika; u li l-fidili huma
mitluba li jaċċettawha b’ċerta prudenza (E.
Dhanis, Sguardo su Fatima e bilancio di una
discussione, in La Civiltà Cattolica 104 (1953),
II, 392-406, partikularment 397). Messaġġ
tali jista’ jkun ta’ għajnuna ġenwina biex
wieħed jgħin lil dak li jkun jifhem il-Vanġelu u
jgħixu aħjar matul ċerti żmenijiet partikulari
tal-ħajja; għaldaqstant dan il-messaġġ m’għandux
jiġi mwarrab. Huwa għajnuna, imma m’hemm l-ebda
obbligu li wieħed jagħmel użu minnu.
Il-prinċipju għall-verità u l-valur ta’
rivelazzjoni privata hu għaldaqstant li hu
jqarrbek lejn Kristu nnifsu. Meta r-rivelazzjoni
tbegħdna minnu, meta ssir indipendenti minnu jew
turi lilha nfisha bħala mezz jew bħala mezz
aħjar għas-salvazzjoni, aktar importanti mill-Vanġelu,
allura din assultament mhijiex ġejja mill-Ispirtu
s-Santu, li jmexxina aktar lejn il-qalba
tal-Vanġelu u mhux il-bogħod minnu.
Dan ma jfissirx li r-rivelazzjoni privata ma
toffrix aktar enfasi jew li tkattar aktar forom
ta’ devozzjoni, jew li jsaħħaħ u tferrex forom
antiki ta’ devozzjoni. Imma f’dan kollu jrid
ikun hemm tkabbir ta’ Fidi, Tama, u
Mħabba li huma l-unika mogħdija
għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Nistgħu ngħidu
wkoll li r-rivelazzjoniet privati joħorġu minn
pjetà komuni u jħallu l-marka tagħhom,
jistimulawha mill-ġdid u jiftħu t-triq
għall-forom ġodda ta’ qima, ta’ rispett. Dan
lanqas iwarrab l-fatt li joħolqu effett anki
fil-liturġija, bħalma naraw fil-festi tal-Ġisem
ta’ Kristu u tal-Qalb Mqaddsa ta’ Ġesù. Min-naħa
ta’ kif wieħed jara l-ħaġa, ir-relazzjoni bejn
Rivelazzjoni u rivelazzjonijiet privati tidher
fir-relazzjoni bejn il-Liturġija u l-qima
popolari: il-Liturġija hija l-kriterju, hija
l-forma ħajja tal-Knisja sħiħa, mitmugħa
direttament mill-Vanġelu. Id-devozzjoni popolari
hija sinjal ta’ Fidi li qiegħda tifrex l-għeruq
tagħha fil-qalb ta’ poplu b’tali mod li tilħqu
fil-ħajja ta’ kuljum. Ir-reliġjożità popolari
hija l-ewwel u l-mod fundamentali ta’ ‘inkulturazzjoni’
tal-Fidi. Filwaqt li hi trid dejjem tieħu
t-tmexxija u d-direzzjoni tagħha mil-Liturġija,
hi, min-naħa tagħha tagħni l-Fidi billi tinvolvi
l-qalb.
B’hekk issa għaddejna minn klarifikazzjonijiet
ta’ aspetti x’aktarx negattivi, ħaġa importanti
li tibda biha, għal tifsira pożittiva
tar-rivelazzjonijiet privati. Kif nistgħu
nikklassifikawhom sew b’relazzjoni
mal-Iskrittura? Ta’ liema kategorija teoloġika
huma? L-eqdem ittra ta’ San Pawl li għadha
teżisti, x’aktarx l-eqdem waħda mill-kitbiet
tat-Testment il-Ġdid, L-Ewwel Ittra
lit-Tessalonkin, għalija turina lejn fejn
għandna nimxu. L-Appostlu jgħid: “Ixxekklux
l-Ispirtu, tmaqdrux il-profeziji. Ippruvaw
kollox; it-tajjeb żommuh.” (5:19-21). Matul
kull żmien il-Knisja rċeviet il-kariżma
tal-profezija, li għandha tiġi skrutinizzata
imma mhux ittrattata b’disprezz jew mistmella.
Dwar dan il-punt, wieħed għandu jżomm f’moħħu li
profezija fis-sens bibliku ma jfissirx li
tħabbar il-futur imma li tfisser ir-rieda ta’
Alla għall-preżent, u għaldaqstant turi t-triq
it-tajba li tieħdok lejn il-ġejjieni. Persuna li
tħabbar dak li għandu jiġri tkun qed taqta’
l-kurżita tal-moħħ, li min-naħa tiegħu jkun irid
jiġbed lura l-velu li jostor il-futur.
Il-profeta jkellem lill-għomija tar-rieda u
tar-raġuni, u jiddikjara r-rieda ta’ Alla bħala
ħjiel u ħtieġa tal-mument. F’dan il-każ, tbassir
tal-futur hu ta’ importanza sekondarja. Li hu
ta’ bżonn, ċar u tond, tar-Rivelazzjoni, li
tinteressani bis-sħiħ. Il-kelma profetika hija
twissija jew konsolazzjoni, jew it-tnejn
flimkien.
F’dan il-każ hemm rabta bejn il-kariżma
tal-profezija u l-kategorija tas- “sinjali
taż-żmenijiet”, li l-Konċilju Vatikan II
reġa’ dawwal mill-ġdid: “Uċuh b’oħra, tafu
taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela
ż-żmien ta’ issa ma tafux tfissruh?” (Lq 12:56).
F’dan il-qawl ta’ Ġesù, “is-sinjal
taż-żmenijiet’ irid ikun mifhum bħala
l-mogħdija li kien qed jieħu, naturalment irid
jiġi mifhum li l-mogħdija hija Kristu nnifsu.
Biex wieħed jinterpreta s-sinjali taż-żmenijiet
fid-dawl tal-Fidi jfisser li tagħraf il-preżenza
ta’ Kristu f’kull żmien. Fir-rivelazzjonijiet
privati approvati mill-Knisja – u għaldaqstant
anki ġewwa Fatima – dan hu l-essenzjal: huma
jgħinnuna nifhmu s-sinjali taż-żmenijiet u
nirreaġixxu għalihom bil-ħaqq permezz tal-Fidi.
L-istruttura antropoloġika tar-rivelazzjonijiet
privati
S’issa, f’dawn ir-riflessjonijiet li tkellimna
dwarhom ippruvajna nidentifikaw l-istat
teoloġiku tar-rivelazzjonijiet privati. Qabel
naċċettaw interpretazzjoni tal-messaġġ ta’
Fatima, irridu nippruvaw niċċaraw il-karattru
antropoloġiku(psikoloġiku) tagħhom. F’dan
il-qasam, l-antropoloġija teoloġika tiddistingwi
tliet forom ta’ perċezzjoni jew viżjoni/dehra:
dehra bis-sensi, u għaldaqstant perċezzjoni
barranija tal-ġisem, perċezzjoni ġewwienija, u
dehra spiritwali (visio sensibilis –
imaginativa – intellectualis). Huwa ċar li
fid-dehriet ta’ Lourdes, Fatima, u postijiet
oħra mhiex kwistjoni ta’ perċezzjoni esterjuri
normali tas-sensi: x-xbiehat u l-forom li jidhru
mhumiex xi ħaġa li qegħdin fi spazju, bħal
ngħidu aħna xi siġra jew xi dar. Dan hu
assultament ċar, per eżempju, nieħdu l-każ
tal-viżjoni tal-infern(li insibuha fl-ewwel
parti tas-‘sigriet’ ta’ Fatima) jew
il-viżjoni li hemm imfissra fit-tielet parti
tas-‘sigriet’. Imma l-istess jista’
jingħad għall-viżjonijiet/dehriet oħra,
speċjalment meta mhux kull min kien hemm rahom,
imma biss l-istess “viżjonarji”. Huwa wkoll ċar
li mhiex kwistjoni ta’ “dehra/viżjoni”
fil-moħħ, mingħajr immaġni/sura, bħalma jiġri
f’livelli għolja ta’ mistiċiżmu. Għaldaqstant
aħna qed nitkellmu dwar il-kategorija tan-nofs,
perċessjoni ġewwienija. Għall-viżjunarju, din
il-perċessjoni żgur li għandha l-qawwa ta’
preżenza, li għal dik il-persuna hija daqs
manifestazzjoni esterna għas-sensi.
Viżjoni interna ma tfissirx fantasija, li ma
tkunx xejn aktar minn espressjoni ta’
immaġinazzjoni suġġettiva. Tfisser, sa ċertu
punt, li r-ruħ tmisset minn xi ħaġa vera, reali,
ferm lil hemm mis-sensi, li ma tistax tidher –
li tara bis-saħħa tas-“sensi ġewwienija.
Fiha hemm “oġġetti’’ veri, li jmissu
lir-ruħ, anki jekk dawn l-“oġġetti” ma
jaqgħux taħt dawk li normalment jaqgħu taħt
is-sensi tagħna. U hu għalhekk li hemm il-bżonn
attenzjoni bir-reqqa għall-qalb, li normalment
hi mwarrba minħabba l-pressjoni kbira tar-realtà
esterna u tal-immaġini/xbiehat u ħsibijiet li
jimlew lir-ruħ. Il-persuna hija mmexxija lil
hinn minn dak li jidher minn barra u tkun
milquta minn dimensjoni mill-aktar profonda ta’
realtà, li għall-istess persuna ssir viżibbli.
Jista’ jkun li dan juri għaliex it-tfal huma
dawk li l-aktar li jkollhom dawn id-dehriet:
għax ir-ruħ tagħhom tkun għadha mqallba
mill-inqas, u l-qawwiet ġewwienija tagħhom ta’
perċessjoni għadhom ma ġewx imdgħajfa. “Int,
li s-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u
t-trabi tal-ħalib;” iwieġeb Ġesù bi frażi
minn Salm 8(v.3) għall-kritika tal-Qassisin
il-Kbar u x-xjuħ, li kienu qiesu l-għajat
tat-tfal ta’ “hosanna” bħala mhux xierqa
(ara Mattew 21:16).
“Viżjoni ġewwienija” mhiex fantasija
imma, kif ġa għedna, mod validu u veru ta’
verifikazzjoni. Imma għandha wkoll
il-limitazzjonijiet tagħha. Anki f’viżjoni
esterjuri l-element suġġettiv dejjem qiegħed
hemm. Ma narawx l-oġġett innifsu, imma jiġi
għandna minn ġol-filtri tas-sensi tagħna, li
għandhom ix-xogħol ta’ qlib f’mod aktar konkret.
Dan jidher aktar ċar fil-każ ta’ viżjoni
ġewwienija, speċjalment meta hemm realtajiet li
fihom infushom jisbqu l-orizzont tagħna.
Is-suġġett, il-viżjunarju, hu involut b’qawwa
kbira. Hu jara sa kemm hu kapaċi jara, bil-mezzi
ta’ rappreżentazzjoni u ta’ koxjenza li għandu.
Fil-każ ta’ viżjoni ġewwienija, il-proċess
tal-qalba hu aktar estensiv minn tal-viżjoni
esterjuri, għaliex is-suġġett jaqsam b’mod
essenzjali fil-formazzjoni tal-immaġni/xbieha li
tidher. Hu jista’ jasal lejn l-immaġni
fil-limiti tal-kapaċitajiet u
tal-possibbiltajiet tiegħu. Viżjonijiet/dehriet
tali qatt mhuma sempliċiment ‘ritratti’
tad-dinja l-oħra, imma huma influwenzati
bil-potenzjalijiet u l-limitajiet ta’ dak li sar
konxju minnhom.
Dan kollu jidher ċar fil-viżjonijiet il-kbar
tal-qaddisin kif ukoll fil-każ tad-dehriet li
kellhom it-tfal ġewwa Fatima. L-immaġini/xbiehat
kif tkellmu lkoll kemm huma dwarhom mhumiex
sempliċiment xi ħaġa tal-fantasija imma riżultat
ta’ perċessjoni reali ta’ oriġini interjuri
mill-ogħla. Imma dawn lanqas m’għandhom jitqiesu
li bħallikieku għall-mument il-purtiera
tad-dinja l-oħra ġiet miġbuda lura, bil-ġenna
tidher bil-kobor kollu tagħha, kif xi ġurnata
nittamaw li narawha meta niltaqgħu wiċċ imb wiċċ
ma’ Alla.
Sa ċertu punt l-immaġini/xbiehat huma, biex
ngħidu hekk, taħlita ta’ impuls ġej minn fuq u
l-kapaċità li wieħed għandu biex jirċievihom
bħal fil-każ tal-viżjonarji, f’dan il-każ,
it-tfal. Għal din ir-raġuni, il-lingwa
figurattiva tad-dehriet hi simbolika. F’dan
ir-rigward, il-Kardinal Sodano stqarr:
“(huma) ma jiddeskrivux id-dettalji dwar
il-futur qisek qed tara kollox f’ritratt, imma
jissentetizzaw u jgħaqqdu kollox fuq sfond
wieħed, fatti li jimirħu matul iż-żmien f’numru
ta’ drabi u ta’ tul ta’ żmien mhux speċifikat.”
L-għaqda sħiħa taż-żmien u l-post f’immaġini
waħda hija tipika ta’ tali dehra/viżjoni, li
fil-biċċa l-kbira tagħha tista’ tiġi ddeċifrata
biss meta wieħed iħares lura lejn dak li jkun
ġara. Mhux kull element tal-viżjoni għandu sens
storiku speċifiku. Hija l-viżjoni/dehra
fit-totalità tagħha li hi importanti, u
d-dettalji għandhom jiġu meqjusa fuq il-bażi li
l-immaġini/xbihat jitqiesu bħala ħaġa sħiħa.
L-element ċentrali tal-immaġini/xbieha hija
rrivelata fejn hi ssir identikà ma’ dak li hu
l-punt ċentrali tal-‘profezija’
Nisranija nnifisha fejn il-viżjoni/dehra ssir
ordni u gwida għar-rieda ta’ Alla.
Tentattiv biex tingħata tifsira tas-“sigriet”
ta’ Fatima.

L-ewwel u t-tieni parti tas-“sigriet” ta’
Fatima ġa saru ħafna diskussjonijiet fuqhom u
għaldastant m’hemmx għalfejn nerġgħu nitkellmu
dwarhom hawnhekk. Nixtieq imma nagħti daqqa
t’għajn ħafifa lejn punt interessanti.
Għall-mument wieħed terribbli, it-tfal kellhom
dehra tal-infern. Huma raw il-waqgħa “tal-erwieħ
tal-imsejkna midinbin”. U wara ġew mgħarrfa
għaliex kellhom dak il-mument terribbli: “biex
isalvaw l-erwieħ” - biex juru t-triq
tas-salvazzjoni. Hawnhekk jiġu f’moħħi l-ewwel
kelmiet ta’ L-Ewwel Ittra ta’ San Pietru: “Waqt
li tiksbu l-frott tal-Fidi tagħkom, li hu
s-salvazzjoni ta’ ruħkom”(1:9).
Biex
jintlaħaq dan l-għan, it-triq hija – b’sorpriża
għall-poplu Anglosassonu u tad-dinja ta’ kultura
Ġermaniża – devozzjoni lill-Qalb Immakulata ta’
Marija. Dan nistgħu nfissruh b’kumment qasir.
Fl-ilsien bibliku, il-“qalb” tfisser
iċ-ċentru tal-ħajja umana, il-punt fejn
ir-raġuni, it-temperament, u s-sensività
jiltaqgħu, fejn il-bniedem isib l-unità tiegħu,
il-‘ħaġa waħda’ tiegħu innifsu, u
l-orjentazzjoni ġewwienija tiegħu. Skont San
Mattew 5:8, il-“qalb immakulata” hija
qalb li, bil-grazzja ta’ Alla, ikun irnexxielha
tagħmel l-unità ġewwienija tagħha perfetta u
għaldaqstant “tara lil Alla”. Li tkun ‘devot’
lejn il-Qalb Immakulata ta’ Marija,
għaldaqstant, ifisser li tħaddan l-attitudni,
l-imġiba ta’ din il-qalb, qalb li tagħmel il- ‘fiat’
--- “ikun li trid int” --- il-qalba
tal-ħajja ta’ dak li jkun. Ikun hemm min ma
jaqbilx li npoġġu ‘mezz uman’ bejna u
bejn Alla. Imma mbagħad niftakru li Pawlu ma
qagħdx jaħsibha darbtejn biex jgħid
lill-komunitajiet tiegħu: “Bil-qawwa kollha
nitlobkom: ixbħu lili!” (1 Kor 4:16; Fil 3:17; 1
Tes 1:6; 2 Tes 3:7, 9). Fl-appostlu huma
setgħu jaraw konkretament xi tfisser timxi wara
Kristu. Imma, matul iż-żmenijiet, mingħand min
qatt aħna nistgħu nitgħallmu aħjar jekk mhux
mingħand Omm il-Mulej?
Issa niġu għat-tielet parti tas-‘sigriet’
ta’ Fatima li għall-ewwel darba qed jiġi
ppubblikat sħiħ. Kif inhu ċar mid-dokument
ippreżentat hawn, l-interpretazzjoni
tal-Kardinal Sodano ppreżentata fi stqarrija
tat-13 ta’ Mejju kienet ġiet mgħoddija, l-ewwel,
personalment lis-Soru Luċija, li min-naħa
tagħha, wieġbet li hi kellha d-dehra u mhux
l-interpretazzjoni tagħha. Għaliha,
l-interpretazzjoni ma kenitx tal-viżjonarju ‘mma
tal-Knisja. Madankollu, wara l- qrat dak li qal
il-Kardinal Sodano, hi tħoss li din
l-interpreatazzjoni taqbel ħafna mal-esperjenza
li ġarrbet hi u li min-naħa tagħha hi tħoss li
l-interpretazzjoni hija tajba. Min-naħa tagħna,
b’dan li qed niktbu ser nippruvaw nidħlu aktar
fil-fond fejn tidħol din l-interpretazzjoni, fuq
il-bażi tal-prinċipji li ġa ppreżentajna.
“Biex isalvaw l-erwieħ” huma t-tliet
kelmiet, li nistgħu nqisuhom bħala l-bażi
tal-ewwel u t-tieni parti tas-“sigriet”
filwaqt li għat-tielet parti hija l-għajta jew
karba li tinstema’ tliet darbiet: “Penitenza,
Penitenza, Penitenza!” Hawnhekk jiġi
f’moħħna il-bidu tal-Vanġelu: “u jgħid:
“Iż-żmien huwa mitmum, u s-saltna ta’ Alla
waslet: ‘Indmu u emmnu fil-Bxara t-tajba.”(Mk
1:15). Biex wieħed jifhem is-sinjali
taż-żmien wieħed irid jaċċetta l-urġenza
tal-penitenza – tal-konverżjoni – tal-Fidi. Din
hija r-risposta t-tajba għal dan il-mument
fl-istorja, karatterizzat bil-perikli kbar
imsemmija fl-immaġni/xbihat li ġew ippreżentati
waqt id-dehra. Nixtieq inżid xi ħaġa li qed
niftakar: f’laqgħa li kelli mas-Soru Lucia
qaltli li kienet qed tħoss aktar ċar li l-għan
tad-dehriet kollha kien biex jgħinu lin-nies
jikbru bis-sħiħ fil-fidi, fit-tama, u fl-imħabba
– dak kollu li għaddew minnu kien għal dan
il-għan.
Issa ejjew neżaminaw aktar mill-qrib biċċa biċċa
l-immaġini/xbihat. L-anġlu bix-xabla tħaġġeġ fuq
ix-xellug ta’ Omm Alla tfakkarna f’immaġni tali
fil-Ktieb tal-Apokalissi. Dan jirrappreżenta t-tehdida
tal-ġudizzju fuq id-dinja. Illum il-prospett li
d-dinja tista’ tispiċċa rmied minn baħar ta’ nar
mhiex xi ħaġa fantastika: il-bniedem innifsu,
bl-invenzjonijiet tiegħu, ħoloq din ix-xabla
tħaġġeġ. Il-viżjoni mbagħad turina l-qawwa li
teħodha kontra din il-qawwa qerrieda – id-dija
qawwija ta’ Omm Alla u, li minn dan b’ċertu mod
toħroġ, l-għajta għall-penitenza. F’dan il-mod,
l-importanza tal-ħelsien tal-bniedem joħroġ ċar:
fil-fatt il-futur jista’ jitbiddel, u l-immaġni
li raw it-tfal mhux bħal meta naraw xi silta
minn xi film li ser ikun għal wiri u jrid
jintwera kif ħareġ mingħand min ipproduċieh. Hu
żgur, li l-għan ewlieni tal-viżjoni hu biex
jippreżentalna l-ħelsien u biex imexxi
lill-istess ħelsien f’direzzjoni pożittiva. L-għan
tal-viżjoni mhuxiex biex jurina xi film ta’ xi
futur li bl-ebda mod ma jista’ jitbiddel. It-tifsira
hi kontra: l-għan hu biex jiġbor u jgħaqqad
il-qawwiet tal-bidla fid-direzzjoni t-tajba.
Għaldaqstant għandna nwarrbu kull tifsira
fatalistika( li qiesna ma nistgħu nagħmlu xejn
għax għalhekk iddestinati) tas-‘sigriet’,
bħal, meta smajna li dak li ried joqtol lill-Papa
fit-13 ta’ Mejju, 1981, kien sempliċiment
strument tal-pjan divin immexxi mill-Providenza
u ma kienx ħieles li ma jwettaqx dak li
fil-fatt għamel. Hemm ħafna affarijiet oħra, li
bosta jsemmu li huma ddestinati, li nisimgħu
dwarhom kuljum. Anzi, il-viżjoni/dehra titkellem
dwar perikli u kif nistgħu nsalvaw minnhom.
Il-frażijiet ta’ wara juru ċar ħafna l-karattru
simboliku tad-dehra/tal-viżjoni. Alla jibqa’ bla
qies, u huwa d-dawl li hu aqwa minn kull dehra
li jkollna. Persuni umani jidhru qishom qegħdin
ġo mera. Irridu dejjem inżommu f’moħħna l-limiti
tal-viżjoni nnfisha, li hawnhekk huma murija
viżwalment. Il-futur jidher sempliċiment “Bħalissa
naraw bħallikieku f’mera mċajpra” (1Kor 13:12).
Ejjew issa nitkellmu dwar l-immaġni/xbihat
oħra individwali fid-dokument dwar is-“sigriet’.
Il-post fejn niltaqgħu mal-azzjoni hu
mfisser bi tliet simboli: muntanja wieqfa, belt
kbira mġarrfa, u fl-aħħar nett salib kbir
xkatlat goff, kollu xtur. Il-muntanja u l-belt
jissimbolizzaw l-arena tal-ġrajja tal-bniedem:
ġrajja bħat- tlugħ mill-aktar iebes sal-quċċata
tal-muntanja, ġrajja bħal ta’ arena ta’
kreattività umana u armonija soċjali, imma fl-istess
waqt post ta’ qerda, fejn il-bniedem verament
jeqred il-frott ta’ ħidmietu. Il-belt tista’
tkun il-post ta’ komunjoni u progress, imma
wkoll ta’ periklu u tal-akbar theddid. Fuq
il-muntanja hemm is-salib - l-iskop, il-mira u
l-gwida tal-ġrajja tal-bniedem. Is-salib ibiddel
il-qerda f’salvazzjoni; hu qiegħed bħala sinjal
tal-miżerja fil-ġrajja tal-bniedem imma hu wkoll
qiegħed bħala wegħda għall-istess ġrajja.

F’din il-parti tad-dehra jitfaċċaw
il-bnedmin: l-Isqof liebes l-abjad (“kellna
l-impressjoni li kien il-Papa”), Isqfijiet
oħra, qassisin, rġiel u nisa Reliġjużi, u rġiel
u nisa ta’ kull kariga u ta’ kull livell
soċjali. Il-Papa jidher li qiegħed jimxi qabel
kulħadd, jirtogħod u batut minħabba l-waħx li
hemm madwaru. Mhux biss id-djar huma nofshom
imġarrfa, imma hu qed iterraq qalb l-iġsma
mejtin. Hekk hi mfissra l-mogħdija tal-Knisja
bħala Via Sagra, vjaġġ matul żmien ta’
vjolenza, qerda, u persekuzzjoni. Il-ġrajja ta’
seklu sħiħ hija ppreżentata f’din l-immaġni.
Hekk kif il-postijiet tad-dinja huma mfissra
b’mod sintetiku fiż-żewġ immaġni tal-muntanja u
tal-belt, u qed jagħtu lejn is-Salib, hekk ukoll
iż-żmiem hu ppreżentat b’mod ippressat.
Fil-viżjoni nistgħu nagħrfu l-aħħar seklu bħala
seklu tal-martri, seklu tat-tbatijia u
tal-persekuzzjoni għall-Knisja, seklu ta’ Gwerer
Dinjija u ta’ bosta gwerer tal-post, bħal ngħidu
aħna ċivili, etniċi, li ġew missielta bil-kbir
fl-ahħar ħamsin sena u li ħolqu ħruxijiet u
moħqrija kbira. Fil-‘mera’ ta’ din
il-viżjoni naraw għaddejjin quddiemna x-xhieda
tal-Fidi għaxar snin f’għaxar snin. Hawnhekk
tajjeb li nsemmu’ frażi mill-ittra li Soru
Luċija kitbet lill-Papa fit-12 ta’ Mejju 1982:
“It-tielet parti tas-‘sigriet’ tirreferi
għall-kliem tal-Madonna: “jekk
le, hi(ir-Russja) ixxerred l-iżbalji tagħha
madwar id-dinja kollha u dawn iqajmu gwerer u
persekuzzjonijiet kontra l-Knisja. It-twajba
jsofru l-martirju; il-Papa jsofri ħafna, bosta
nazzjonjiet jisparixxu minn fuq wiċċ l-art”.
Fil-Via Sagra ta’ seklu sħiħ, il-persuna
tal-Papa għandha rwol speċjali. Fit-tlugħ iebes
tiegħu tal-muntanja bla dubju ta’ xejn naraw xi
ħaġa li tgħodd għal bosta Papiet. Ibda minn Piju
X sal-Papa preżenti, ilkoll qasmu bejniethom
t-tbatijiet tas-seklu u għamlu minn kollox biex
jibqgħu mexjin ‘l quddiem, minkejja kull diqa
ta’ qalb, matul il-mogħdija li twassal
sas-Salib. Fil-viżjoni, il-Papa jisfa maqtul
flimkien mal-martri. Jista’ jkun li meta, wara
l-attentat ta’ qtil tat-13 ta’ Mejju 1981,
lill-Papa ġabulu l-kitba tat-tielet parti tas-‘sigriet’,
ma jarax li dak li kien hemm miktub kien
id-destintiegħu? Kien ferm qrib il-mewt, u hu
stess fisser il-fatt li baqa’ ħaj b’dawn
il-kelmiet: …
“kienet id ta’ omm li mexxiet il-bulit biex
għenet
lill-Papa waqt dak l-uġigħ kollu jieqaf
u ma jirfesx fuq l-għatba tal-mewt””
(13 ta’Mejju 1994).
Li hawnhekk “id ta’ omm” kienet dawret
id-direzzjoni ta’ dik il-bulit fatali juri għal
darb’oħra li m’hemmx destin li ma jistax
jitbiddel, li l-Fidi u t-talb huma qawwiet li
jistgħu jinfluenzaw l-istorja u li fl-aħħar
mill-aħħar it-talb hu ferm aktar qawwi minn kull
bulit u li l-Fidi hija ferm aktar qawwija
mill-armati.

Fl-aħħar parti tas-“sigriet” insibu
immaġni/xbihat li Luċija setgħet rat f’kotba
devozzjonali li ġew ispirati minn
intuwizzjonijiet ta’ Fidi li ilhom jeżistu żmien
twil. Hija viżjoni ta’ faraġ, li tipprova
twassal minn ġrajja ta’ dmija u dmugħ
għall-qawwa ta’ fejqan ta’ Alla. Taħt id-dirgħajn
tas-Salib l-anġli jiġbru id-demm tal-martri, u
bih jagħtu l-ħajja lill-erwieħ li qed iterrqu
lejn Alla. Hawnhekk, id-demm ta’ Kristu u d-demm
tal-martri huma meqjusa bħala demm wieħed: id-demm
tal-martri jinżel mid-dirgħajn tas-Salib. Il-martri
jmutu f’komunjoni mal-Passjoni ta’ Kristu, u l-mewt
tagħhom titwaħħad mal-mewt Tiegħu….”Jien issa
nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom,
għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos
mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li
hi l-Knisja” (Kol 1:24).
Il-ħajja
tagħhom stess saret Ewkaristija, parti mill-misteru
taż-żerriegħa tal-qamħ li bil-mewt tagħha tagħti
frott bil-bosta. Id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa
tal-Insara, qal Tertuljan. Hekk kif mill-mewt ta’
Kristu, mill-ferita ta’ ġenbu, twieldet
il-Knisja, hekk ukoll il-mewt tax-xhieda tagħti
l-frott għall-ħajja futura tal-Knisja. Għalhekk,
il-viżjoni tat-tielet parti tas-‘sigriet’,
tant ta’ diqa fil-bidu tagħha, tintemm
b’immaġni ta’ tama: l-ebda tbatija mhi għalxejn,
u hija l-Knisja li tbati, il-Knisja tal-martri,
li ssir il-plier għall-bniedem fit-tfittxija
tiegħu għall-Alla. Id-dirgħajn mimlija mħabba ta’
Alla jilqgħu mhux biss lil dawk li jbatu bħal
Lażżru, li sab faraġ kbir hemmhekk u
misterjożament jirrappreżenta lil Kristu, li
xtaq isir għalina l-imsejken Lażżru. Hemm xi
ħaġa oħra: mit-tbatija tax-xhieda toħroġ
il-purifikazzjoni u qawwa li ġġedded, għaliex
it-tbatija hija l-attwalizzazzjoni tat-tbatija
ta’ Kristu nnifsu u komunikazzjoni fl-hawnhekk u
issa tal-effett salvifiku tagħha.
U issa niġu għall-aħħar mistoqsija: X’inhi
tifsira tas- ‘sigriet’ ta’ Fatima fit-totalità
tiegħu(fit-tliet partijiet tiegħu)? X’jgħidilna?
L-ewwel nett irridu niddikjaraw mal-Kardinal
Soldano: “”il-ġrajjiet li t-tielet parti
tas-“sigriet” ta’ Fatima jirreferi għalihom huma
parti mill-passat”. Sa ċertu punt kif
il-ġrajjiet individwali huma ‘impinġija’
, huma tal-passat. Dawk li stennew xi
rivelazzjonijiet apokalittiċi u eċċitanti dwar
l-aħħar tad-dinja jew x’ser jiġri ‘l quddiem
mal-medda taż-żmien żgur li huma diżappuntati.
Fatima ma taqtagħlniex il-kurżità tagħna b’dan
il-mod, bħalma l-Fidi Nisranija kollha kemm hi
qatt ma tista’ ssir sempliċimrnt xi ħaġa ta’
kurżità.
Fl-aħħar nett nixtieq insemmi espressjoni oħra
ferm importanti tas-“sigriet” li
ġustament saret famuża ħafna: “il-Qalb
Immakulata tiegħi toħroġ rebbieħa”.
X’ifisser dan? Il-Qalb miftuħha għal Alla,
ippurifikata bil-kontemplazzjoni ta’ Alla, hija
aqwa minn kull kanun u minn kull tip ta’ arma.
Il-‘fiat’ , l-‘iva’, ta’ Marija,
il-kelma li ħarġet minn qalbha, biddlet l-istorja
tad-dinja, għax biha ġie s-Salvatur fid-dinja –
għaliex, grazzi għall- “Iva” tagħha, Alla
seta’ jsir bniedem fid-dinja tagħna u jibqa’
hekk għaż-żmenijiet kollha.
Ix-Xitan għandu s-setgħa f’din id-dinja, bħal ma
naraw u nesperjenzjaw il-ħin kollu; hu għandu s-setgħa
għax il-ħelsien tagħna ġġelgħna nimirħu l-bogħod
minn Alla. Imma ladarba Alla nnifsu ħa qalb bħal
tagħna u b’hekk mexxa l-ħelsien tagħna lejn dak
li hu tajjeb, il-ħelsien biex nagħżlu l-ħażin
m’għadx baqagħlu l-aħħar kelma. Minn dak il-ħin
‘l hawn, il-kelma li tisboq fuq kollox hija din:
“Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom ħalli bija
jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom.
Iżda agħmlu l-qalb: jien rbaħt id-dinja!” (Ġw
16:33).
Il-messaġġ ta’ Fatima jistedinna biex nafdaw
f’din il-wegħda.
Joseph Kardinal Ratzinger
Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina
tal-Fidi.
|