Bi Mħabba Liema Bħalha

Tagħrif storiku fil-150 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex

Home          |          Email          |          Blog

http://www.laikos.org

 

“Singulari Amore”, “Bi mħabba liema bħalha”… 

B’dawn il-kelmiet premurużi l-Papa Piju IX jiftaħ id-dokument tal-Bolla li biha, nhar is-16 ta’ Settembru 1864, għoġbu jaqta’ l-gżira ta’ Għawdex u Kemmuna bħala Djoċesi għal rasha, b’Isqof, Katidral u Seminarju tagħha.  Il-kleru u l-poplu Għawdxi kienu ilhom sitta u sittin sena sħaħ jaħdmu ħalli din il-ħolma sseħħ.

Din is-serje ta’ għaxar programmi, li tagħti ħarsa ħafifa lejn l-iżvilupp storiku li wassal biex mija u ħamsin sena ilu, il-gżira maħbuba tagħna tat-Tliet Għoljiet issir Djoċesi. 

Il-mistieden residenti f’kull programm hu Mons. Dr Joseph Bezzina, Assistent Arkivista Nazzjonali, Kap ta’ l-Arkivju tal-Kurja ta’ Għawdex, kif ukoll Professur ta’ l-Istorja tal-Knisja fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.  Flimkien mal-preżentatur Francesco Pio Attard, hu jagħmel dan il-vjaġġ ċkejken imma illustrattiv mal-medda tas-snin li fl-aħħar raw titwettaq il-ħolma ta’ l-Għawdxin li jkollhom Djoċesi tagħhom.

Ħafna mit-tagħrif hu meħud mill-ktieb tiegħu Religion and Politics in a Crown Colony. The Gozo Story. 1798-1864, li jdomm sewwa sew l-istorja ta’ Għawdex sal-wasla tad-Djoċesi.  Ġabra fil-qosor tinsab ukoll f’artikli ppubblikati fil-ħarġiet tar-rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex matul is-sena anniversarja 2014.

Il-programmi għandhom produzzjoni ta’ Radju Leħen il-Belt Victoria, ir-radju komunitarju tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria, Għawdex.

Din il-paġna tidher l-aħjar bil-Google Chrome jew inkella bil-Firefox.