ĠABRA FIL-QOSOR
TAL-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA
GAUDETE ET EXSULTATE
[“IFIRĦU
U THENNEW”]
TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
DWAR IS-SEJĦA GĦALL-QDUSIJA
FID-DINJA TAL-LUM
Dan mhuwiex xi test akkademiku
jew duttrinali, u l-għan tiegħu
hu dak li “terġa’ tidwi għal
darb’oħra s-sejħa għall-qdusija,
billi nfittxu li nlaħħmuha
fil-kuntest attwali”.
KAPITLU I: IS-SEJĦA
GĦALL-QDUSIJA
Jeżistu ħafna għamliet ta’
qaddisin. Barra mill-qaddisin
magħrufa uffiċjalment
mill-Knisja, ħafna iżjed persuni
komuni, li mhumiex imsemmija
fil-kotba tal-istorja,
fir-realtà kellhom rwol deċiżiv
biex bidlu d-dinja. Fost dawn,
hemm ħafna xhieda Nsara li
l-martirju tagħhom hu tipiku ta’
żminijietna. “Kull qaddis għandu
missjoni; hu pjan tal-Missier li
jirrifletti u jlaħħam fih,
f’mument determinat tal-istorja,
aspett jew ieħor tal-Vanġelu”.
Il-qdusija tfisser li wieħed
jgħix il-misteri tal-ħajja ta’
Kristu, li “jmut u jqum
kontinwament miegħu”, u jerġa’
jħaddan aspetti tal-ħajja tiegħu
fuq din l-art: il-qrubija tiegħu
għall-imwarrbin, il-faqar
tiegħu, l-imħabba sagrifikali
tiegħu. “Hi li tħallih
[lill-Ispirtu]
isawwar fik dak il-misteru
personali li jista’ jirrifletti
lil Ġesù Kristu fid-dinja
tal-lum”, f’missjoni biex tibni
s-saltna tal-imħabba,
tal-ġustizzja u tal-paċi
universali.
Il-qdusija hi varjata daqskemm
varjata hi l-umanità; il-Mulej
għandu fi ħsiebu mixja
partikulari għal kull min
jemmen, mhux biss għall-kleru,
l-ikkonsagrati, jew dawk li
jħaddnu ħajja kontemplattiva.
Ilkoll aħna msejħin
għall-qdusija, hu x’inhu r-rwol
tagħna, “ilkoll imsejħin inkunu
qaddisin billi ngħixu bi mħabba
u kull wieħed minna joffri
x-xhieda tiegħu”, waqt li ta’
kuljum induru lejn Alla. Fost
il-modi li bihom nistgħu noffru
x-xhieda tagħna hemm “stili
femminili ta’ qdusija”, ta’
qaddisin nisa ċelebri jew ta’
nisa “mhux magħrufa jew minsija”
li ħabirku fil-ħajja ta’ kuljum
tagħhom biex ġabu bidla
fil-komunitajiet tagħhom. Barra
l-isfidi l-kbar, il-qdusija
tikber permezz ta’ ġesti
ċkejkna: meta nirrifjutaw li
noqogħdu nlabalbu fuq l-oħrajn,
meta nisimgħu bis-sabar u
l-imħabba, meta llissnu kelma
ta’ ħlewwa lill-fqir.
Il-qdusija żżommok fidil lejn
l-essri l-iktar profond tiegħek,
ħieles minn kull xorta ta’
jasar, biex b’hekk tagħmel
il-frott fid-dinja tagħna.
Il-qdusija ma tagħmlekx inqas
bniedem, għax hi laqgħa bejn
id-dgħufija tiegħek u l-qawwa
tal-grazzja ta’ Alla. Imma
għandna bżonn ta’ mumenti
waħidna u ta’ skiet quddiem
Alla, biex nistgħu naffrontaw
dak li aħna tassew u nħallu lil
Alla jidħol.
KAPITLU II: ŻEWĠ GĦEDEWWA
SOTTILI TAL-QDUSIJA
In-Njostiċiżmu u l-Pelaġjaniżmu,
żewġ “falsifikazzjonijiet
tal-qdusija” li feġġu maż-żerniq
tal-istorja tal-Knisja, għadhom
sal-lum joħorġuna mir-rotta
tagħna. Dawn l-ereżiji
jipproponu “immanentiżmu
antropoċentriku mlibbes b’verità
Kattolika” li jesaġera
l-perfezzjoni umana, mingħajr
grazzja.
In-Njostiċi ma jintebħux li
l-perfezzjoni tagħna titkejjel
mill-grad tal-imħabba tagħna,
mhux mill-għadd ta’ tagħrif u
għarfien li għandna. Huma
jifirdu l-intellett mill-ġisem,
u hekk jirriduċu t-tagħlim ta’
Ġesù għal loġika kiesħa u iebsa
li tfittex taħkem kollox. Imma
d-duttrina mhijiex xi “sistema
magħluqa, sajma mid-dinamika li
kapaċi tnissel mistoqsijiet,
dubji, interrogattivi”.
L-esperjenza Nisranija mhijiex
ġabra ta’ tħaddimiet
intellettwali; l-għerf Nisrani
veru qatt ma nistgħu nifirduh
mill-ħniena għall-proxxmu
tagħna.
L-istess setgħa li n-Njostiċiżmu
kien jattribwixxi
lill-intelliġenza,
il-Pelaġjaniżmu attribwieha
lir-rieda umana, lill-isforz
personali. Għalkemm il-Pelaġjani
moderni jitkellmu b’diskorsi
ħelwin dwar il-grazzja ta’ Alla
u jissuġġerixxu li r-rieda umana
hi xi ħaġa pura, perfetta,
tista’ kollox, li mbagħad magħha
jżidu l-grazzja, huma ma jaslux
biex jagħrfu li, f’din il-ħajja,
id-dgħufijiet umani ma jitfejqux
għalkollox u darba għal dejjem
mill-grazzja.
Il-grazzja tibni fuq in-natura.
Ma tagħmilniex bnedmin b’poteri
speċjali, imma taħkimna u
tibdilna bil-mod il-mod. Jekk
nirrifjutaw din ir-realtà
storika u progressiva, nistgħu
naslu biex imbagħad nirrifjutaw
u nagħlqu l-bieb ta’ ħajjitna
għall-grazzja tal-Mulej.
Il-ħbiberija tiegħu dejjem se
tittraxxendina: ma nistgħux
nixtruha bl-opri tagħna, tista’
tkun biss don li jitnissel
mill-inizjattiva kollha mħabba
tiegħu. B’hekk biss bl-isforzi
tagħna nistgħu nikkollaboraw
fit-trasformazzjoni progressiva
tagħna nfusna.
Meta jagħtu importanza żejda
lir-rieda umana u lill-ħiliet
tagħhom infushom, ċerti Nsara
jistgħu jxaqilbu lejn ossessjoni
għal-liġi; jinġibdu lejn
il-vantaġġi soċjali u politiċi;
lejn tħassib riġidu żżejjed
għal-liturġija, għad-duttrina u
għall-prestiġju tal-Knisja; lejn
vanità dwar kemm għandhom ħila
jieħdu ħsieb kwistjonijiet
prattiċi, jew lejn interess
żejjed għal programmi li fihom
jgħinu lil xulxin jew jaslu
għar-realizzazzjoni personali,
kif ukoll lejn ċerti regoli,
drawwiet u modi ta’ kif jaġixxu.
Il-ħajja tal-Knisja tista’ ssir
oġġett ta’ mużew jew
il-proprjetà ta’ ftit magħżulin.
Dan jisraq lill-Vanġelu
mis-sempliċità, il-faxxinu u
l-gost tiegħu, u jirriduċih għal
proġett li ftit iħalli ftuħ
għat-tħaddim tal-grazzja.
KAPITLU III: GĦAD-DAWL
TAL-IMGĦALLEM
Il-Beatitudnijiet huma
t-tifsiriet li ħallielna Ġesù
ta’ xi jfisser tkun qaddis
fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
F’dan il-każ, “hienja” u
“mberkin” isiru sinonimi ta’
“qaddisin”. Niksbu l-ferħ veru
mill-prattika fidila
tal-Beatitudnijiet u nistgħu
nesprimuhom biss jekk l-Ispirtu
s-Santu jidħol fina bil-qawwa
tiegħu u jeħlisna mid-dgħufija,
mill-egoiżmu, mill-għażż u
mill-kburija.
Il-Papa Franġisku jfisser kull
waħda mill-Beatitudnijiet u
l-istedina tagħhom, u jagħlaq
hekk kull taqsima:
●
“Li nkunu foqra fl-ispirtu, din
hi l-qdusija”.
●
“Li nwieġbu b’qalb ħelwa u umli,
din hi l-qdusija”
●
“Li nagħrfu nibku mal-oħrajn,
din hi l-qdusija”.
●
“Li nkunu bil-ġuħ u l-għatx
għall-ġustizzja, din hi
l-qdusija”.
●
“Li nħarsu u naġixxu bil-ħniena,
din hi l-qdusija”.
●
“Li nżommu qalbna safja minn dak
kollu li jtappan l-imħabba, din
hi l-qdusija”.
●
“Li niżirgħu l-paċi madwarna,
din hi l-qdusija”
●
“Li nilqgħu ta’ kuljum it-triq
tal-Vanġelu minkejja li
toħolqilna l-problemi, din hi
l-qdusija”.
Fil-kapitlu 25 tal-Vanġelu ta’
Mattew (vv. 31-46), Ġesù jieqaf
fuq il-beatitudni tal-ħniena.
“Jekk irridu nfittxu dik
il-qdusija li hi mogħġuba
f’għajnejn Alla, f’dan it-test
se nsibu sewwasew regola ta’
mġiba li fuqha għad isir ħaqq
minna”. Meta nagħrfu lil Kristu
fil-fqir u f’min qed ibati,
allura hemmhekk tidher quddiemna
l-istess qalb ta’ Kristu,
is-sentimenti tiegħu u
l-għażliet l-iżjed profondi
tiegħu. “Il-Mulej uriena ċar
ħafna kif il-qdusija ma nistgħux
nifhmuha u lanqas ngħixuha jekk
inwarrbu għall-ġenb dawn
l-esiġenzi tiegħu”.
Ideoloġiji qarrieqa jistgħu
jwassluna minn naħa biex nifirdu
dawn l-esiġenzi tal-Vanġelu
mir-relazzjoni personali tagħna
mal-Mulej, hekk li
l-Kristjaneżmu jsir għamla ta’
ONG imneżżgħa mill-mistiċiżmu
mdawwal li hu hekk ċar fil-ħajja
tal-qaddisin; min-naħa l-oħra,
hemm min m’għandux fiduċja
fl-impenn soċjali tal-oħrajn, u
jqisu bħala xi ħaġa
superfiċjali, mondana,
sekularizzata, immanentista,
komunista, populista; it-tħassib
partikulari etiku ta’ dawn
in-nies jegħleb kull tħassib
ieħor.
Ngħidu aħna, il-ħarsien
tal-innoċenti li għadu ma
twelidx irid ikun ċar, sod u
appassjonat, għax hemm fin-nofs
id-dinjità tal-ħajja umana,
dejjem qaddisa, u dan tesiġih
l-imħabba għal kull persuna lil
hemm mill-iżvilupp tagħha. Imma
“daqstant ieħor qaddisa” hi
l-ħajja tal-foqra,
tal-imwarrbin, tal-emarġinati,
tal-abbandunati; fl-ewtanasja
moħbija tal-morda u tal-anzjani;
tal-vittmi tat-traffikar uman u
tax-xejriet ġodda ta’ jasar.
Wisq inqas il-qagħda
tal-migranti ma tista’ titqies
bħala tema sekondarja ħdejn
it-temi “serji” tal-bijoetika.
In-Nisrani “jixraqlu biss
l-atteġġjament ta’ min kapaċi
jilbes iż-żarbun ta’ dak ħuh li
qed jirriskja ħajtu biex jagħti
futur lil uliedu”.
KAPITLU IV: XI KARATTERISTIĊI
TAL-QDUSIJA FID-DINJA TAL-LUM
Il-Papa mbagħad ikellimna dwar
“xi aspetti tas-sejħa
għall-qdusija li nittama li
jidwu b’mod speċjali”, fl-għamla
ta’ “ħames wirjiet kbar
tal-imħabba lejn Alla u lejn
il-proxxmu li nqishom ta’
importanza partikulari minħabba
f’xi riskji u limiti tal-kultura
tal-lum”.
1)
Nissaportu, nistabru u nimxu bi
ħlewwa
B’hekk ifisser dik il-qawwa
ġewwinija, b’għeruqha f’Alla, li
tagħmel possibbli xhieda li
tibqa’ żżomm sħiħa f’dak li hu
tajjeb.
Jeħtieġ nitqabdu u ngħassu sewwa
fuq il-ġibdiet aggressivi u
egoċentriċi tagħna: l-Insara
“jistgħu jispiċċaw jieħdu sehem
fi xbieki ta’ vjolenza verbali
permezz tal-internet u d-diversi
oqsma jew spazji ta’ skambju
diġitali”. Imqar fil-midja
Kattolika nistgħu naqbżu
l-limiti, u xi drabi jiġu
ttollerati l-akkużi foloz u
l-kalunnja. “Hu sinifikattiv kif
xi drabi, aħna u nippretendu li
qed niddefendu kmandamenti oħra,
nagħlqu għalkollox għajnejna
għat-tmien wieħed: ‘La tixhidx
fil-falz’, u neqirdu bla ħniena
l-immaġni tal-oħrajn”.
Ma jagħmlilniex ġid noqogħdu
nħarsu ’l isfel mill-għoli, jew
li nassumu r-rwol ta’ mħallfin
bla ħniena, li nqisu lill-oħrajn
bħal indiġeni u nippretendu
l-ħin kollu li nistgħu nagħtu
l-lezzjonijiet. Din hi għamla
sottili ta’ vjolenza.
It-triq tal-qdusija tfisser li
nġarrbu l-“umiljazzjonijiet ta’
kuljum”, ngħidu aħna “dawk li
lesti jissaportu biex isalvaw
il-familja tagħhom, jew jevitaw
li jitkellmu tajjeb fuqhom
infushom u jippreferu jfaħħru
lill-oħrajn flok jigglorifikaw
lilhom infushom, li jagħżlu
karigi inqas brillanti, jew xi
drabi jippreferu saħansitra
jġarrbu xi ħaġa inġusta biex
joffruha lill-Mulej”.
Dan l-atteġġjament
“jippresupponi qalb li hi f’paċi
ma’ Kristu, ħielsa minn kull
aggressività li toħroġ minn jien
li hu wisq imkabbar”.
2)
Il-ferħ u s-sens ta’ umoriżmu
Il-qaddis hu kapaċi jgħix
bil-ferħ u s-sens ta’ umoriżmu.
Mingħajr ma jitlef ir-realiżmu,
idawwal lill-oħrajn bi spirtu
pożittiv u għani fil-ħniena.
Il-burdata ħażina mhix sinjal
ta’ qdusija. Xi drabi d-diqa
tista’ tkun sinjal ta’
ingratitudni lejn id-doni ta’
Alla. L-individwaliżmu u
l-konsumiżmu ma jistgħux joffru
l-veru ferħ; il-konsumiżmu
fil-fatt ma jagħmilx ħlief
itaqqal il-qalb.
3)
Kuraġġ u ħeġġa
Fl-istess waqt, il-qdusija hi
parresia: hi qalbiena, hi
qabża ta’ evanġelizzazzjoni li
tħalli marka f’din id-dinja.
“Il-qlubija u l-kuraġġ
appostoliku huma kostituttivi
tal-missjoni”. Jekk nindenjaw
immorru fil-periferiji, hemm sa
nsibuh: hu jkun diġà hemm. Ġesù
jimxi qabilna fil-qlub ta’
ħutna, fil-laħam tagħhom miġruħ,
fil-problemi tagħhom, fil-qtigħ
il-qalb qawwi tagħhom.
Iktar milli burokrati u
funzjonarji, il-Knisja għandha
bżonn ta’ missjunarji mqanqla,
imħeġġa biex jikkomunikaw
il-ħajja vera. Il-qaddisin
jissorprenduna, jaħsduna, għax
il-ħajja tagħhom issejħilna
noħorġu mill-medjokrità
trankwilla u li traqqadna.
L-Ispirtu s-Santu jippermettilna
nikkontemplaw l-istorja
fil-perspettiva ta’ Ġesù Rxoxt.
B’dan il-mod il-Knisja ma tibqax
wieqfa imma tista’ timxi ’l
quddiem u tilqa’ s-sorpriżi
tal-Mulej.
4)
Fil-komunità
Il-mixja lejn il-qdusija hi
vjaġġ li ngħixuh u nelaborawh
fil-komunità. Meta naqsmu
l-Kelma u niċċelebraw
l-Ewkaristija flimkien, insiru
iżjed aħwa, u dan ftit ftit
jibdilna f’komunità qaddisa u
missjunarja. Dan hu l-post ukoll
għal esperjenzi mistiċi
awtentiċi u maqsuma bejnietna.
Madankollu, dawn l-esperjenzi
huma inqas frekwenti u
importanti mill-ħwejjeġ iż-żgħar
ta’ kuljum. Ġesù talab
lid-dixxipli biex iżommu
għajnejhom miftuħa
għad-dettalji: l-inbid li spiċċa
fil-festa, in-nagħġa nieqsa,
iż-żewġ muniti żgħar ta’ waħda
armla.
Xi drabi, minn qalb dawn
id-dettalji ċkejkna jiġu
rregalati lilna esperjenzi ta’
Alla li jfarrġuna.
5)
Dejjem fit-talb
Talb kollu fiduċja, ikun xi jkun
it-tul tiegħu, jirrappreżenta
t-tweġiba tal-qalb li tinfetaħ
għal-laqgħa personali ma’ Alla,
fejn nistgħu nisimgħu l-leħen
ħelu tal-Mulej. F’dan is-skiet
nistgħu ngħarblu, fid-dawl
tal-Ispirtu, it-toroq
tal-qdusija li l-Mulej
jipproponilna. Għal kull
dixxiplu hu indispensabbli
joqgħod mal-Imgħallem, jisimgħu,
jitgħallem minnu, dejjem.
Alla kull darba jsawwab lilu
nnifsu mill-ġdid fl-istorja ta’
ħajjitna, u għalhekk it-talb
tagħna hu mimli memorja. Int u
titlob, ħares lura lejn
l-istorja tiegħek, u fiha sa
ssib tant ħniena.
Is-supplika hi espressjoni
tal-qalb li tafda f’Alla, li taf
li waħidha ma tistax tasal.
It-talba ta’ petizzjoni spiss
iserrħilna qalbna u tgħinna
nimxu ’l quddiem bit-tama.
It-talb ta’ interċessjoni hu att
ta’ fiduċja f’Alla u fl-istess
waqt espressjoni ta’ mħabba
għall-proxxmu.
Fl-Ewkaristija, il-Kelma tilħaq
l-ogħla effikaċja tagħha, għax
issir preżenza reali ta’ Dak li
hu Kelma ħajja.
KAPITLU V: TAQBIDA, SAHRA U
DIXXERNIMENT
Il-Ħażin insibuh preżenti sa
mill-ewwel paġni tal-Iskrittura.
Ma rridux nirriduċu x-xitan għal
xi mit, figura simbolika jew
idea, biex qatt ma nitilfu
l-attenzjoni, u hekk nispiċċaw
iżjed vulnerabbli.
Il-mixja tagħna lejn il-qdusija
hi battalja kontinwa li għaliha
l-Mulej tana t-tagħmir meħtieġ
fit-talb, il-Kelma ta’ Alla,
iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa,
l-adorazzjoni Ewkaristika,
ir-Rikonċiljazzjoni
sagramentali, l-opri ta’ karità,
u l-bqija.
Il-mixja lejn il-qdusija hi
għajn ta’ paċi u ferħ, li
l-Ispirtu jagħtina. Kif inkunu
nafu jekk ħaġa hix ġejja
mill-Ispirtu s-Santu jew hix
ġejja mill-ispirtu tad-dinja jew
mill-ispirtu tax-xitan? Permezz
tad-dixxerniment, li jagħżel
bejn l-intelliġenza u s-sens
komun. Id-don tad-dixxerniment
hu iżjed u iżjed meħtieġ għax
iż-żmien tal-lum jipproponi
ħafna possibbiltajiet ta’
distrazzjoni, kollha bħala
validi u tajbin l-istess.
Id-dixxerniment hu grazzja mhux
biss għall-persuni l-iżjed
intelliġenti u mgħallma. Ma
jitlobx xi ħiliet partikulari,
imma jitlob id-dispożizzjoni
għas-smigħ: il-Mulej, l-oħrajn,
ir-realtà stess li dejjem
tisfidana b’modi ġodda.
Għandna bżonn tas-skiet u t-talb
fit-tul biex nistgħu nifhmu
l-lingwaġġ ta’ Alla, biex
ninterpretaw it-tifsira vera
tat-tnebbiħ li naħsbu li kellna,
biex nikkalmaw l-ansjetajiet
tagħna u niġbru f’ċerta ordni
lil ħajjitna għad-dawl ta’ Alla.
Dan l-atteġġjament ta’ smigħ
jimplika l-ubbidjenza
għall-Vanġelu bħala l-aqwa
kriterju, imma anki
għall-Maġisteru li jħarsu, biex
hekk infittxu li nsibu fit-teżor
tal-Knisja dak li jista’ jkun
aktar għammiel għas-salvazzjoni
tagħna llum; għax ir-riġidità
m’hemmx wisa’ għaliha quddiem
l-illum dejjiemi tal-Irxoxt.
Alla jitlobna kollox, u kollox
jagħtina. Alla ma jidħolx
fil-ħajja tagħna biex inaqqsilha
minnha, imma bil-maqlub, biex
iwassalha għall-milja. Nitolbu
lill-Ispirtu s-Santu jagħtina
xewqa qawwija li nkunu qaddisin
għall-ikbar glorja ta’ Alla u
nagħmlu l-qalb lil xulxin f’din
il-fehma. Hekk naqsmu ma’ xulxin
hena li d-dinja qatt ma tista’
teħodhulna.
Ruma,
19
ta’ Marzu
2018
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|