|
MESSAĠĠ
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
FIĊ-ĊELEBRAZZJONI TAT-
LIII JUM DINJI TAL-PAĊI
1 TA’ JANNAR 2020
IL-PAĊI BĦALA MIXJA TA’ TAMA:
DJALOGU, RIKONĊILJAZZJONI U
KONVERŻJONI EKOLOĠIKA
1. Il-paċi, mixja ta’ tama
quddiem l-ostakli u l-provi
Il-paċi hija ġid prezzjuż, xi
ħaġa li nittamaw fiha, li
tixxennaq għaliha l-umanità
kollha.
Ix-xewqa għall-paċi hija
attitudni tal-bniedem li fiha
kunflitt eżistenzjali; permezz
tagħha, anki jekk il-preżent
ikun diffiċli, dan “jista’
jingħax u jintlaqa’ jekk iwassal
lejn quċċata u jekk minn
dil-quċċata aħna nistgħu nkunu
żguri, jekk din il-quċċata hi
hekk kbira li tkun tistħoqqilha
l-battikata tal-mixja”.[1]
B’dan il-mod, it-tama hija virtù
li tmexxina, anzi tagħtina
l-ġwienaħ, biex nibqgħu
navvanzaw, saħansitra meta
l-ostakli jidhru kbar wisq biex
tegħlibhom.
Il-komunità tagħna l-bnedmin
għadha ġġorr, fil-memorja u fuq
il-ġilda tagħha, il-feriti
tal-gwerer u tal-kunflitti li
ġraw waħda wara l-oħra, b’qawwa
qerrieda dejjem tikber, u li
jibqgħu jolqtu speċjalment
lill-iktar fqar u dgħajfa.
Saħansitra nazzjonijiet sħaħ
isibuha diffiċli biex
jinħallu
mill-ktajjen tal-isfruttament u
tal-korruzzjoni, li jġibu
mibegħda u vjolenza. Illum għad
hawn ħafna rġiel u nisa, tfal u
anzjani, li m’għandhomx dinjità,
integrità
fiżika,
libertà,
inkluża dik reliġjuża,
solidarjetà
tal-komunità
u tama fil-ġejjieni. Ħafna
vittmi innoċenti jispiċċaw
iġorru l-piż tal-umiljazzjoni u
l-esklużjoni, tal-luttu u
tal-inġustizzja, jekk mhux ukoll
tal-esperjenzi trawmatiċi ġejjin
mill-vjolenza ma taqta’ xejn
kontra l-poplu tagħhom u dawk
għeżież għalihom.
L-evidenza tkexkxek
tal-kunflitti ċivili u
internazzjonali, li spiss isiru
iktar gravi minħabba l-vjolenza
bla ħniena, tħalli marka
dejjiema fuq il-ġisem u r-ruħ
tal-umanità.
Kull gwerra, fil-verità,
tispiċċa fratriċidju li jkisser
l-istess ideal ta’ fratellanza,
li huwa parti mill-vokazzjoni
tal-familja tagħna l-bnedmin.
Nafu li l-gwerra ħafna drabi
tibda bin-nuqqas ta’ tolleranza
lejn id-differenza f’ħaddieħor,
li tkabbar il-kilba għall-ġid
materjali u x-xewqa għall-poter.
Dawn jinbtu f’qalb il-bniedem
minħabba l-egoiżmu u
s-suppervja, il-mibegħda li
twassal għall-qerda, li taqfel
lill-ieħor fi stampa negattiva,
li teskludih u ġġibu fix-xejn.
Il-gwerra tissaħħaħ permezz
tat-tagħwiġ fir-relazzjonijiet,
tal-abmizzjonijiet
għall-eġemonija, tal-abbużi
tal-poter, tal-biża’ mill-ieħor
u tad-differenza li tinħass
bħala ostaklu; u li fl-istess
ħin, issaħħaħ dan kollu.
Huwa paradoss li, bħalma kelli
ċans ninnota fil-vjaġġ reċenti
fil-Ġappun, “id-dinja tagħna
tgħix id-dikotomija perversa li
trid tiddefendi u tiggarantixxi
l-istabbiltà u l-paċi fuq bażi
ta’ sigurtà falza ddominata minn
mentalità tal-biża’ u sfiduċja,
li tispiċċa biex tavvelena
r-relazzjonijiet bejn il-popli u
tkun ostaklu sħiħ għal kull
possibbiltà ta’ djalogu. Il-paċi
u l-istabbiltà internazzjonali
ma jaqblu xejn ma’ kull
tentattiv biex kollox jinbena
fuq il-biża’ li nistgħu neqirdu
lil xulxin, jew it-theddida ta’
tixjin totali; (il-paċi u
l-istabbiltà) huma possibbli
biss jekk titħaddem etika
globali ta’ solidarjetà u
koperazzjoni bħala servizz
għall-ġejjieni mfassal fuq
l-interdipendenza u
r-responsabbiltà komuni
għall-familja umana kollha
tal-lum u ta’ għada”.[2]
Kull sitwazzjoni fejn hemm
theddid, tneħħi l-fiduċja u
tgħin biex din is-sitwazzjoni
tibqa’ tirrepeti ruħha.
Bin-nuqqas ta’ fiduċja u l-biża’
jiddgħajfu r-relazzjonijiet u
jissaħħaħ ir-riskju
tal-vjolenza, f’ċirku vizzjuż li
ma jista’ jwassal qatt għal
relazzjoni ta’ paċi. B’hekk,
anki d-djalogu kontra l-qawwa
nukleari se jispiċċa joħloq
ċertezza li ma tkunx għajr
illużjoni.
Għalhekk, ma nistgħux
nippretendu li nżommu
l-istabbiltà
fid-dinja billi nużaw il-biża’
tal-qerda, f’bilanċ dejjem iktar
instabbli, imqabbad ma’ xifer
l-irdum tal-qawwa nukleari u
magħluq wara s-swar
tal-indifferenza, fejn jittieħdu
deċiżjonijiet soċjoekonomiċi li
jiftħu t-triq għat-traġedja
tar-rimi tal-bniedem u
tal-ħolqien, minflok
għall-ħarsien tagħhom.[3]
Allura, kif nistgħu naħdmu fuq
mixja ta’ paċi u kif nistgħu
nibdew nagħrfu lil xulxin? Kif
se nġibu fix-xejn il-loġika
marida tat-theddid u tat-terrur?
Kif inġibu fix-xejn id-dinamika
ta’ nuqqas ta’ fiduċja li
bħalissa hi tant b’saħħitha?
Irridu naħdmu favur fratellanza
ta’ veru, imsejsa fuq il-fatt li
kollha f’Alla nsibu l-bidu
tagħna, u naħdmu fuqha permezz
tad-djologu u tal-fiduċja
f’xulxin. Ix-xewqa għall-paċi hi
mnaqqxa fil-fond tal-qalb
tal-bniedem u ma nistgħu
naċċettaw xejn li huwa inqas
minn dan.
2. Il-paċi, mixja ta’ smigħ
imsejjes fuq il-memorja,
is-solidarjetà u l-fraternità
Il-Hibakusha, dawk li
baqgħu ħajjin wara
l-bumbardamenti atomiċi ta’
Hiroshima u Nagasaki, huma fost
dawk li llum iżommu ħajja
l-fjamma tal-kuxjenza
kollettiva, u jagħtu xhieda
lill-ġenerazzjonijiet ta’
warajhom tal-orrur ta’ dak li
ġara f’Awwissu 1945 u
tat-tbatijiet attroċi li ġabu
magħhom u għadhom iġibu sal-lum.
Ix-xhieda tagħhom, b’dan il-mod,
iżżomm ħajja l-memorja
tal-vittmi, sabiex il-kuxjenza
umana tissaħħaħ dejjem iktar
quddiem kull kilba għall-poter u
għall-qerda: ma nistgħux inħallu
li l-ġenerazzjonijiet tal-lum u
ta’ għada jinsew dak li ġara;
din il-memorja hija garanzija u
inċentiv biex jinbena futur ta’
iktar ġustizzja u fratellanza.[4]
Bħalhom ħafna oħrajn, fid-dinja
kollha, jgħinu
lill-ġenerazzjonijiet ta’
warajhom jibqgħu jiftakru. Din
hi memorja li għandna ngħożżu
mhux biss biex ma naqgħux
fl-istess żbalji jew biex ma
jiġux repetuti l-iskemi fiergħa
tal-passat, iżda wkoll sabiex
il-memorja, frott l-esperjenza,
isservi bħala l-pedament li fuqu
jinbnew l-għażliet favur
il-paċi, fil-preżent u
fil-futur.
Iktar minn hekk, il-memorja hija
x-xefaq tat-tama: ħafna drabi,
qalb id-dalma tal-gwerer u
tal-kunflitti, xħin wieħed
jiftakar anki f’ġest żgħir ta’
solidarjetà li xi ħadd għamel
miegħu, dan jista’ joffri
ispirazzjoni għal għażliet
kuraġġjużi u saħansitra erojċi,
jista’ jkun sors ta’ enerġiji
ġodda u jgħin biex tinbet tama
ġdida fil-persuni u
fil-komunità.
Li tibda u tagħmel mixja ta’
paċi hija sfida xejn faċli
minħabba li l-interessi li hemm
imdaħħlin, fir-relazzjoni bejn
il-persuni, komunitajiet u
nazzjonijiet, huma ħafna u
kontradittorji. Hemm bżonn,
qabelxejn, inżommu f’moħħna
l-kuxjenza morali u r-rieda
personali u politika. Il-paċi,
fil-fatt, inisubha fil-fond
tal-qalb tal-bniedem u permezz
tagħha r-rieda politika
titħeġġeġ, u hekk jinfetħu toroq
ġodda li mill-ġdid iġibu
l-għaqda bejn il-persuni u
l-komunitajiet.
Id-dinja m’għandhiex bżonn ta’
kliem fieragħ, iżda ta’ xhieda
konvinti, nies li joħolqu
l-paċi, miftuħin għad-djalogu,
mingħajr ma jeskludu jew
jimmanipulaw. Fil-fatt, ma
jistax ikun hemm paċi vera jekk
ma jkunx hemm djalogu konvint
bejn irġiel u nisa li jfittxu
l-verità, verità li tmur ’l hemm
mill-fatt li jeżistu ideoloġiji
u opinjonijiet differenti minn
tagħhom. Il-paċi “għandha
tinbena l-ħin kollu”.[5]
Hija mixja li nagħmlu flimkien
waqt li nfittxu dejjem il-ġid
komuni u b’impenn li nżommu
l-wegħda li nirrispettaw dan
id-dritt. Meta nisimgħu lil
xulxin, insiru wkoll nafu iktar
lil xulxin u tikber l-istima ta’
bejnietna, sakemm fil-wiċċ
tal-għadu nibdew saħansitra
naraw il-wiċċ ta’ ħuna.
Il-paċi hija għalhekk impenn
dejjiem. Hija biċċa xogħol li
titlob tfittxija b’sabar
għall-verità u għall-ġustizzja,
li tonora l-memorja tal-vittmi u
li pass pass tiftaħ il-bieb għal
tama komuni, b’saħħitha iktar
mill-vendetta. Fi stat fejn
il-ġustizzja tingħata l-ewwel
post, id-demokrazija tista’ tkun
mudell tajjeb ta’ dan
il-proċess, jekk tkun mibnija
fuq il-ġustizzja u fuq l-impenn
biex jiġu mħarsin id-drittijiet
ta’ kulħadd, speċjalment ta’ min
hu dgħajjef jew emarġinat,
fit-tfittxija kontinwa
għall-verità.[6]
Din hi soċjetà
li tiġi elaborata kontinwament,
u fiha kulħadd jagħti sehmu
b’mod responsabbli, f’kull
livell tal-kollettività
lokali, nazzjonali u dinjija.
Bħalma kien jenfasizza l-Papa
San Pawlu VI, l-aspirazzjoni
doppja għall-ugwaljanza u
għall-parteċipazzjoni hija
maħsuba biex tipponta lejn tip
ta’ soċjetà
demokratika
[…] Dan juri l-importanza ta’
edukazzjoni lejn il-ħajja
soċjali, fejn, barra li tingħata
informazzjoni dwar id-drittijiet
ta’ kulħadd, tissemma wkoll
in-naħa l-oħra tal-munita,
daqstant bżonnjuża: l-għarfien
tad-dmirijiet li għandna lejn
ħaddieħor. Biex tifhem xi
jfisser dmir u twettqu sew, trid
tkun kapaċi tikkontrolla lilek
innifsek, kif ukoll taċċetta
r-responsabbiltajiet tiegħek
flimkien ma’ dawk li huma limiti
fejn tidħol il-libertà
tal-individwu jew tal-grupp.[7]
Bil-kontra, il-firda bejn
il-membri ta’ soċjetà, iż-żieda
fid-diżugwaljanza soċjali u
r-rieda li ma jintużawx l-għodod
għall-iżvilupp sħiħ, joħonqu
t-triq tat-tfittxija għall-ġid
komuni. Mill-banda l-oħra,
ix-xogħol ta’ sabar, imsejjes
fuq il-qawwa tal-kelma u
tal-verità,
jista’ jerġa’ jqajjem
fil-persuni l-kapaċità
għall-kompassjoni u
għas-solidarjetà
kreattiva.
Fl-esperjenza Kristjana tagħna,
dejjem inżommu f’moħħna lil
Kristu u l-għotja tal-ħajja
tiegħu biex inkunu nistgħu
nerġgħu nagħmlu ħbieb ma’ Alla
(ara Rum 5:6-11). Il-Knisja
tissieħeb b’mod sħiħ
fit-tfittxija ta’ dak li hu
ġust, billi tibqa’ sservi dak li
huwa l-ġid komuni u żżomm ħajja
t-tama għall-paċi, permezz
tat-tagħlim tal-valuri Kristjani
lill-ulied, tat-tagħlim morali u
tal-opri soċjali u edukattivi.
3. Il-paċi, mixja ta’
rikonċiljazzjoni fil-komunjoni
fraterna
Il-Bibbja,
b’mod partikulari
permezz ta’
kliem il-profeti,
tfakkar
lill-kuxjenzi
u lill-popli fir-rabta
li Alla għandu mal-umanità.
Għandna nabbandunaw ix-xewqa
għall-poter fuq l-oħrajn u
nitgħallmu nħarsu lejn xulxin
bħala persuni, bħala wlied Alla,
bħala aħwa. Qatt m’għandna naraw
lill-oħrajn biss fid-dawl ta’
dak li setgħu qalu jew għamlu,
imma rridu nżommu f’moħħna
r-rabta tagħhom ma’ Alla. Huwa
biss meta nagħżlu t-triq
tar-rispett li nġibu fix-xejn
iċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta u
allura naqbdu l-mixja tat-tama.
Żgur li tgħinna nifhmu iktar
is-silta tal-Evanġelju li
twasslilna dan id-djalogu bejn
Pietru u Ġesù: “‘Mulej, xi
kemm-il darba jrid jonqosni ħija
biex jiena naħfirlu? Sa seba’
darbiet?’. ‘Ma ngħidlikx sa
seba’ darbiet’, wieġbu Ġesù,
‘imma sa sebgħa u sebgħin
darba’” (Mt 18:21-22). Din
il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni
qed tistedinna biex fil-fond ta’
qalbna nsibu l-qawwa biex naħfru
u l-kapaċità
li f’xulxin nagħrfu lil ħuna jew
lil oħtna. Meta nitgħallmu
ngħixu l-maħfra jkollna iktar
ċans insiru nisa u rġiel ta’
paċi.
Dik li hija verità
fil-qasam soċjali, hija verità
wkoll f’dak politiku u
ekonomiku, għaliex il-kwistjoni
tal-paċi hija preżenti
fid-dimensjonijiet kollha
tal-ħajja tal-komunità:
qatt ma jista’ jkun hemm paċi
jekk ma nkunux kapaċi nibnu
struttura ekonomika iktar ġusta.
Bħalma kiteb għaxar snin ilu
l-Papa Benedittu XVI
fl-Enċiklika
Caritas in veritate,
“biex jingħeleb is-sottożvilupp,
jeħtieġ tittieħed azzjoni mhux
biss fit-titjib
tat-tranżazzjonijiet ta’ bdil u
fit-trasferiment tal-istrutturi
assistenzjali pubbliċi, iżda fuq
kollox fil-ftuħ progressiv,
fil-kuntest dinji, għal għamliet
ta’ ekonomija mmarkata
attivament bi kwoti ta’ grawità
u komunjoni” (n. 39).
4. Il-paċi, mixja ta’
konverżjoni ekoloġika
Jekk meta fhimna ħażin
il-prinċipji tagħna xi kultant
wasalna biex iġġustifikajna
l-abbuż tan-natura u l-ħakma
despotika tal-bniedem fuq
il-ħolqien, jew il-gwerer,
l-inġustizzja u l-vjolenza,
bħala nies li nemmnu, nistgħu
nagħrfu li b’dan il-mod ma
konniex fidili lejn it-teżor
tal-għerf li messna ħarisna.[8]
Quddiem il-konsegwenzi
tal-imġiba ostili tagħna lejn
l-oħrajn, tan-nuqqas ta’ rispett
lejn id-dar ta’ kull wieħed u
waħda minna, u tal-isfruttament
u l-abbuż tar-riżorsi naturali –
li qed narawhom bħala għodod
siewja biss għall-profitt ta’
issa, mingħajr rispett lejn
il-komunitajiet lokali, lejn
il-ġid komuni u lejn in-natura –
naraw kemm għandna bżonn ta’
konverżjoni ekoloġika.
Is-Sinodu reċenti dwar
l-Amażonja jwassalna biex
nibqgħu nġeddu s-sejħa għal
relazzjoni ta’ paċi bejn
il-komunitajiet u d-dinja, bejn
il-preżent u l-memorja, bejn
l-esperjenzi u t-tamiet.
Din il-mixja ta’
rikonċiljazzjoni tħaddan fiha
anki s-smigħ u l-kontemplazzjoni
tad-dinja li ġiet mogħtija lilna
minn Alla sabiex tkun id-dar ta’
kull wieħed u waħda minna.
Fil-fatt, ir-riżorsi naturali,
il-ħafna forom ta’ ħajja, u
d-dinja stess, ġew fdati
f’idejna biex “naħdmuhom u
nħarsuhom” (ara Ġen2:15), anki
għall-ġenerazzjonijiet futuri; u
f’dan, kollha kemm aħna għandna
nagħtu sehemna b’mod attiv u
responsabbli. Għandna wkoll
inbiddlu l-mod kif naħsbuha u
kif narawha, biex hekk niftħu
qalbna dejjem iktar għal-laqgħa
mal-oħrajn u biex nilqgħu
r-rigal tal-ħolqien, li huwa
mera tas-sbuħija u tal-għerf ta’
min ħalqu.
Minn hemm jitnisslu, b’mod
partikolari, motivazzjonijiet
qawwija u mod ġdid ta’ kif
ngħammru f’dar kull wieħed u
waħda minna, kif inkunu hemm
għal xulxin, ilkoll
bid-differenzi tagħna, kif
niċċelebraw u nirrispettaw
il-ħajja mogħtija lilna u li
minnha għandna sehem flimkien
mal-oħrajn, kif naħsbu fuq
kundizzjonijiet u mudelli ta’
soċjetà
li tgħin biex il-ħajja fil-futur
tissaħħaħ u twarrad, u kif
inkabbru l-ġid komuni
tal-familja umana kollha.
Il-konverżjoni ekoloġika li qed
nagħmlu sejħa għaliha tgħinna
għalhekk inġeddu l-mod kif
inħarsu lejn il-ħajja, billi
nżommu f’moħħna l-ġenerożità
tal-Ħallieq li tana d-dinja u li
tfakkarna li b’ferħ għandna
naqsmuha lkoll flimkien, b’mod
moderat. Din il-konverżjoni
għandna nħarsu lejha b’mod sħiħ,
bħala bidla fir-relazzjonijiet
li ngħixu ma’ ħutna, mal-ħlejjaq
ħajjin l-oħra, mal-ħolqien
fl-għana tal-varjetà tiegħu,
mal-Ħallieq li minnu ġejja kull
ħajja. Din titlob mill-Insara
kollha “li jħallu l-konsegwenzi
kollha tal-laqgħa tagħhom ma’
Ġesù jidhru fir-relazzjoni
tagħhom mad-dinja ta’
madwarhom”.[9]
5. Meta nittamaw, naqilgħu
ħafna[10]
Il-mixja tar-rikonċiljazzjoni
titlob sabar u tama. Il-paċi ma
niksbuhiex jekk ma nittamawx.
Qabel kollox, irridu nemmnu li
l-paċi hi possibbli, nemmnu li
l-oħrajn għandhom l-istess bżonn
tal-paċi. F’dan, tista’
tispirana l-imħabba ta’ Alla
lejn kull wieħed u waħda minna,
imħabba li teħlisna, bla limiti,
bla ħlas u bla ma tegħja.
Il-biża’ ħafna drabi jwassal
għall-kunflitt. Għalhekk, hu
importanti li nitbiegħdu
mill-biżgħat tagħna l-bnedmin,
nagħrfu li aħna wlied fil-bżonn,
quddiem Dak li jħobbna u
jipprovdilna, bħall-Missier
tal-iben il-ħali (ara Lq
15:11-24). Il-kultura ta’ laqgħa
bejn l-aħwa tkisser il-kultura
tat-theddid. Kull laqgħa ssir
possibbiltà
u rigal tal-imħabba ġeneruża ta’
Alla. Twassalna biex naqbżu dawk
li kienu l-limiti tal-orizzonti
ristretti tagħna, biex nippruvaw
dejjem ngħixu fi fraternità
universali, bħala wlied
tal-Missier waħdieni tagħna
tas-sema.
Għad-dixxipli ta’ Kristu, din
il-mxija ssib sostenn anki
fis-sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni, mogħti
mill-Misser biex jinħafru
d-dnubiet ta’ kull mgħammed. Dan
is-sagrament tal-Knisja, li
jġedded lill-persuni u
lill-komunitajiet, isejħilna
biex ma naqilgħu qatt ħarsitna
minn fuq Ġesù, li “għoġbu jerġa’
jħabbeb kollox miegħu; bid-demm
tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu
fis-sema u fl-art” (Kol 1:20); u
jistedinna nwarrbu kull vjolenza
fil-ħsibijiet, fil-kliem u
fl-aġir, kemm lejn il-proxxmu u
kemm lejn il-ħolqien.
Il-grazzja ta’ Alla l-Missier
tingħata bħala mħabba bla
kundizzjonijiet. Meta naqilgħu
l-maħfra tiegħu, fi Kristu,
nistgħu nibdew il-mixja biex
noffruha lill-irġiel u lin-nisa
ta’ żmienna. Jum wara jum,
l-Ispirtu s-Santu jgħinna nsibu
modi u kliem sabiex inkabbru
s-sengħa tal-ġustizzja u
tal-paċi.
Alla tal-paċi jberikna u
jagħtina l-għajnuna tiegħu.
Marija, Omm tal-Prinċep tal-paċi
u Omm il-popli kollha tad-dinja,
takkumpanjana u ssostnina pass
pass fil-mixja
tar-rikonċiljazzjoni.
U kull persuna li tiġi f’din
id-dinja tkun tista’ tgħix
fil-paċi u tiżviluppa b’mod sħiħ
il-wegħda ta’ mħabba u ta’ ħajja
li ġġorr ġewwa fiha.
Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru
2019
Franġisku
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Rossana Cremona
[1]
Benedittu XVI,
Enċiklika
Spe salvi
(30 ta’ Novembru 2007),
1.
[2]
Diskors dwar l-armi
nukleari,
Atomic Bomb Hypocenter
Park,
Nagasaki,
24 ta’ Novembru 2019.
[3]
Ara
Omelija f’Lampedusa,
8 ta’ Lulju 2013.
[4]
Diskors dwar il-paċi,
Memorjal tal-Paċi,
Hiroshima, 24 ta’
Novembru 2019.
[5]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan II,
Kostituzzjoni Pastorali
Gaudium et spes,
78.
[6]
Ara Benedittu XVI,
Diskors lid-diriġenti
tal-Assoċjazzjonijiet
Kristjani tal-Ħaddiema
Taljani, 27 ta’ Jannar
2006.
[7]
Ittra appostolika Octogesima
adveniens (14 ta’
Mejju 1971),
24.
[8]
Enċiklika
Laudato sì
(24 ta’ Mejju 2015),
200.
[10]
Ara
San
Ġwann tas-Salib,
Il-Lejl Mudlam,
II, 21, 8.
|