LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

1. Fil-bidu kienet il-Kelma.

Ġw: 1:1 - 5, 10-14


Q

Qari

 

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma' Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma' Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru;  kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux. ...

 

Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih,  imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f'daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,  dawk li jemmnu f'ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

 

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu,  il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. 

 

M

Meditazzjoni

 

 

Fil-bidu kien il-Verb.

  • Fil-ftuħ tat-Testment il-Qadim, fl-ewwel vers ta’ l-ewwel kapitlu ta’ l-ewwel ktieb tal-Bibbja, naqraw, “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.” (Ġen 1:1)  Fit-Testment il-Ġdid, fil-ftuħ tal-Evanġelju skont San Ġwann, l-Evanġelista jgħidilna, “Fil-bidu kien il-Verb (Il-Kelma).  Bejn dawn iż-żewġ testi ma jinħoloq ebda konflitt għaliex kif inkomplu naqraw fil-kitba ta’ Ġwanni, huwa propju permezz tal-Kelma tiegħu li Alla ħalaq is-sema u l-art.  Kollox sar biha u mingħajrha ma sar xejn.

  • X’importanza għandha l-Kelma ta’ Alla f’dak li nagħmel?  Dak li nagħmel, huwa ġej minnha?  Liema huma dawk l-oqsma f’ħajti, li fihom il-Kelma ta’ Alla nipprova ma ndaħħalhiex?  Forsi wkoll nħossha ta’ xkiel.

Kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

  • Nista’ ngħid li dan il-kliem jgħodd għalija wkoll?  Kull ma jsir f’ħajti, għandu tassew il-ħajja fih? Kollox?  L-azzjonijiet tiegħi fil-familja, fuq ix-xogħol, fin-negozju, mal-ħbieb, anke ma' dawk li għamluli d-deni, huma mdawwla minnu?

Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

  • Nemmnu dan jew quddiem id-dnub, kemm tiegħi kif ukoll tal-oħrajn, naqta’ qalbi?  X’infittex l-aktar fil-ħajja tiegħi, id-dawl jew id-dlam?  Jista’ jkun li kultant id-dlam insibu komdu għax jaħbi l-ħażen ta’ għemili? Fil-ġlieda bejn id-dawl u d-dlam, forsi nippreferi noqgħod newrali?

Id-dinja ma għarfitux. .. u niesu ma laqgħuhx.

  • Jiena fid-dinja.  Meta għadda minn ħdejja għaraftu?  Jiena nisrani u għalhekk inqis ruħi wieħed minn niesu, wieħed minn ta’ ġewwa.  Kif inġib ruħi miegħu, nilqgħu f’dari?  Anke meta jiġi għandi liebes ta’ tallab, refuġjat, marid, kriminal? Jekk huwa wieħed minn ta’ ġewwa, allura dari suppost hija daru. Tassew jgħix miegħi jew forsi xi drabi jkun aħjar ma jersaqlix ‘l hemm?

Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.

  • Qatt waqaft naħseb fuq id-dinjità kbira tas-sejħa tiegħi bħala nisrani?  Iben jew binti Alla!  Jiena f'isem min nemmen?  X'jiġi l-ewwel għalija... il-ġibda tal ġisem jew ir-rieda ta' Alla?

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu.

  • Il-Kelma ta’ Alla, tant kienet ħajja f’Marija, li fil-ġuf tagħha ħadet il-laħam.  Nixtieq li fija wkoll, il-Kelma ta’ Alla tieħu l-ħajja?  Li Kristu joħroġ ħaj minn ħajti biex jiena wkoll inwasslu lill-oħrajn kif wasslitu hi?

Aħna rajna l-glorja tiegħu.

  • Kemm tidher f’ħajti il-glorja ta’ Alla?  B’dak li nagħmel lil min nipprova nagħti glorja, lilu jew lili nnifsi? Kemm naħdem u nistinka biex tikber il-glorja u s-saltna ta’ Alla?  Biex titwettaq ir-rieda tiegħu?


T

Talb

 

 

 

 

  • Mulej Ġesù, inti l-bidu u t-tmiem ta’ kollox.  Irridek tkun ukoll il-bidu u t-tmiem ta’ kull ma nagħmel u ta’ ħajti kollha.

  • Ħa jkunu il-Kelma u l-Ġisem tiegħek, il-ħajja tiegħi, Mulej.

  • Kompli, Mulej,  iddi  fid-dlam ta’ ħajti.  Tħalli qatt li wiċċi jħares ‘il hinn minn wiċċek biex id-dawl tiegħek jirrifletti minni, għall-glorja tal-Missier.

  • Mulej Ġesù, meta tgħaddi minn ħdejja fil-persuna ta’ xi ħadd minn ħuti, għinni biex nintebah bik u ma nwarbikx.

  • Ħa tkompli tkun l-għamara tiegħek fostna, Mulej.

  • Għinna naraw il-glorja tiegħek fil-ħajja tagħna.  Għinna naħdmu għall-miġja tas-saltna tiegħek.  Għinna ninfetħu għall-oħrajn.

  • Ikun li trid int, Mulej.


K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Aqra mill-ġdid u bil-mod ħafna din is-silta. Wara għamel imqar għaxar minuti fil-ħemda.  Tkomplix titkellem int, lanqas ma’ Alla.  Issa ħalli lilu jkellmek Hu. Tkomplix taħseb jew timmedita, lanqas dwar dak li qrajt.  Minn issa ‘l quddiem, il-ħidma fik trid issir, mhux aktar bil-qawwa tal-ħsieb, imma bil-qawwa ta’ l-Ispirtu Qaddis.  Kien hu li nebbaħ il-Kelma.  Irid ikun hu li jħaddimha fik u jonfoħ fiha l-ħajja.  Inti ieqaf sieket, imxennaq għalih.

Jekk tintebaħ li bdejt issir distratt b’xi ħsibijiet, tinkwieta xejn.  Erġa kompli minn dak il-ħin bla ma taqta’ qalbek.  Anke jekk fi ftit mumenti dan isir diversi drabi.  Tippruvax tkejjel is-suċċess jew nuqqas ta’ suċċess tiegħek.  Ftakar fil-kontemplazzjoni mhux inti qed taħdem, imma huwa Hu li qed jaħdem fik.  Inti trid biss tixxennaq għalih.

 

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta