Jum il-Lajċi 2006

                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

Fr Fabio Attard SDB

 

L-IMPORTANZA TAL-FORMAZZJONI KONTINWA

DISKORS F’JUM IL-LAJĊI 16 TA’ FRAR 2006

FR FABIO ATTARD SDB

 

Quddiem suġġett bħal dan li ġie afdat f’idejja llejla, naħseb taqblu miegħi li jeħtieġ li wieħed jimxi bil-mod. Qabelxejn mhuwiex suġġett faċli. Fi żmien fejn il-ħajja qegħda tinbidel b’veloċita’ daqshekk mgħaġġla, li titkellem fuq formazzjoni kontinwa tirriskja li tħares lejn il-formazzjoni bħala xi ħaġa utli li żżomm il-magna ta’ l-organiżżazzjoni għaddejja, qisha xi realtà mekkanika. Fi kliem ieħor nindunaw li jeżisti bżonn, allura hemm xi tip ta offerta, jew soluzzjoni, li tgħinna nilħqu dak il-bżonn.

Barra dan ir-riskju hemm riskju ieħor: mal-ħeġġa għat-tfittxija tas-soluzzjoni, tintilef ilħarsa wiesgħa lejn ir-realtà sħiħa, li fil-każ tagħna l-Insara hija realtà mibnija fuq il-misteru, li tinkludi l-oriżżont uman imma li fl-istess waqt tissuperah infinitament.

Minħabba f’dawn in-nases, u oħrajn bħahom, ħsibt li tkun ħaġa għaqlija li ma nibdiex millimportanza tal-formazzjoni kontinwa iżda li nibda billi nħares lejn dik il-bażi li tagħti valur lill-formazzjoni, li tiġġustifika l-għażla li bħala Knisja f’Malta, komunita’ ta’ persuni li nemmnu i ngħixu fi Kristu, għamilna fis-Sinodu Djoċesan.

Meta nistaqsu lil xi persuna jekk ħaditx xi training, jekk ħejjietx ruħha jew hix ippreparat għal xi ħidma partikolari, nkunu qegħdin nissoponu għażliet li dik il-persuna tkun diġa’ għamlet. Huwa normali li fi ħdan proġett ċar, proġett imħaddan minn dik l-istess persuna, joħroġ il-bżonn li dik il-persuna tkun lesta għal kull sfida li tista tiltaqa magħha. U dan, għaliex f’dak il-proġett il-persuna tkun temmen, il-persuna tkun lesta li tgħixu, hu x’inhu lprezz, tkun lesta li minn dak il-proġett tagħraf, tibni u tħalli li tikber ir-raġuni li għaliha tgħix u saħansitra li għaliha lesta anke li tagħmel sagrifiċċji kbar.

 

EŻATTAMENT GĦALIEX QEGĦDIN HAWN?

Quddiem suġġett bħal dan, għalhekk, nemmen li jkun xieraq u korrett li niċċaraw xi punti fundamentali jekk irridu li d-diskors dwar il-formazzjoni jsir b’mod dinjituż. Meta nitkellmu fuq formazzjoni, fi ħdan l-esperjenza nisranija, m’aħniex qed nitkellmu dwar xi attività purament intellettwali, soċjali, dwar xi impenn folkloristiku. Lanqas m’aħna qed nitkellmu dwar xi ħidma kulturali, mużikali jew, inkella, letterarja.

Meta aħna hawn llejla nġbarna biex nitkellmu fuq formazzjoni, nġbarna għax nixtiequ nesprimu bil-preżenza tagħna hawn dak li hu l-aktar għażiż għalina, dak li lilna lkoll jagħtina il-ħajja. Hawn qed nitkellmu fuq formazzjoni bħala esperjenza li tmiss il-qalb, bħala esperjenza li lesti u diġà hemm sinjali qegħdin neħduha bis-serjetà.

Fil-fond tal-qalb tagħna nafu u nemmnu li huwa Alla nnifsu, Alla ta’ Ġesu’ Kristu li ġabarna hawn bil-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu. Aħna ma ġejniex hawn għax nagħmlu parti mill-Knisja, imma għax aħna Knisja, għax aħna l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu f’dawn ilgżejjer, f’dawn iż-żminijiet.

Minn din l-impostazzjoni tad-diskors, nixtieq issa nibda billi nirreferi għal ħsieb qasir u profond li Papa Benedittu XVI jipproponilna fil-bidu ta’ l-enciklika tiegħu Deus caritas est:

aħna emminna fl-imħabba ta’ Alla – hekk jista n-nisrani jesprimi l-għażla fundamentali li jkun għamel minn ħajtu. Fil-bidu ta’ l-eżistenza nisranija ma hemmx xi tip ta’ xi għażla etika jew xi idea kbira, imma laqgħa ma’ avveniment, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja oriżżont ġdid u, flimkien ma’ dan l-oriżżont, direzzjoni ċara (n.1).

Papa Benedittu XVI jistedinna nimmeditaw id-diskors ta’ l-imħabba mhux billi nitilqu minn dak li jien u int nistgħu nagħmlu jew norganizzaw. Il-Papa jiftħilna tieqa li minnha nħarsu lejn l-eżistenza umana u nilmħuha bħala esperjenza intima, esperjenza tal-misteru, esperjenza mistika. Meta nitilqu minn din il-viżjoni, u naraw il-maqdes fejn il-persuna tinsab waħedha ma’ Alla, dak Alla li ħalaqha, dak Alla li ma jista qatt jieqaf iħobbha u qatt ma jehda jsejħilha għall-qdusija, allura jien u int nindunaw li d-dinjita’ tagħna għandha għeruq profondi, hija mwaħħda f’relazzjoni fejn dak kollu li hu uman huwa msejjaħħalli jiżżewweġ mad-dinamiżmu spiritwali, esperjenza Trinitarja.

U għax hija esperjenza ta’ mħabba umana u divina fi żmien, allura hija esperjenza li ma tistax tiġi akkwistata darba għal dejjem, imma hija kontinwa, hija dinamika, għandha lkaratteristika ta’ l-eternità:

minħabba li Alla ħabbna l-ewwel (cfr. 1Ġw 4,10), l-imħabba f’dan il-kuntest mhijiex biss “kmandament”, imma hija tweġiba għad-don ta’ l-imħabba, li permezz tagħha Alla jiltaqa’ magħna (n.1).

Għeżież ħuti nsara, xtaqt, qabel ma nitkellem dwar l-importanza tal-formazzjoni, li nippreżenta kwadru sempliċi iżda mhux dejjaq, għax altrimenti nirriskjaw, minkejja r-rieda tajba tagħna lkoll, li ninterpretaw u nipproġettaw dak li nixtiequ dwar il-formazzjoni, bi kliem u idejat li jistgħu jkunu tajba, jistgħu jkunu wkoll effiċċjenti u effettivi, iżda li jiżbaljaw il-mira. Jekk f’dan l-istadju ta’ riflessjoni ma noqogħdux attenti fejn, kif u għaliex nemmnu fil-formazzjoni kontinwa, jiġrilna bħal dak il-vjaġġatur li qabad train b’oħra flistazzjon tal-ferrovija. Spiċċa biex qal bejnu u bejn ruħu, “ġaladarba żbaljajt t-train, ma tantx importa liema waħda ħadt, għax qatt mhi se tkun dik li suppost kelli nieħu!”

 

ĦTIEĠA LI NIRKUPRAW IL-MISTIKU

Dritt wara l-esperjenza tal-Konċilju Vatikan II, it-teologu ġermaniż Kartl Rahner, f’waħda mill-kitbiet tiegħu stqarr:

in-nisrani / nisranija vera tal-ġejjieni jew se tkun persuna ‘mistika’, jiġifieri persuna li għamlet ‘esperjenza’, jew mhi se tkun xejn.1

Minn din ir-riflessjoni ta’ Rahner nixtieq li nagħti attenzjoni għall-ewwel wieħed miż-żewġ aspetti tal-formazzjoni. Jekk kif diġa’ għedna, formazzjoni mhijiex xi realtà mekkanika, imma personali, fil-każ tal-fidi nisranija, din taf il-bidu tagħha f’relazzjoni mal-misteru ta’ Kristu. Nkunu qegħdin nagħżqu fl-ilma jekk nippruvaw nikkonvinċu ruħna li l-ewwel triq li jeħtieġ naqbdu hija dik ta’ formazzjoni teknika, knowledge purament intellettwali, jew inkella għarfien ta’ skills biss.

Għall-persuna li għamlet l-għażla ta’ Kristu, l-għażla nisranija, huwa indispensabbli li tibqa tixrob u tmantni ruħha mill-għajn li tatha l-ħajja. Il-preżenza tagħna l-insara fil-kultura u fissoċjetà tal-lum ma ssibx l-identità tagħha, l-ewwel u qabel kollox, fil-ħidma li aħna msejħin nagħmlu, imma fil-konvinzjoni ħajja tagħna li għemilna jaf il-bidu tiegħu fl-imħabba li Alla għandu għalina u li aħna, b’libertà aċċettajna li nwieġbu għaliha.

Hija f’din it-tweġiba li jinġabar dak kollu li hu sabiħ u estetikament nobbli dwar is-sejħa tagħna l-insara llum. Il-filosofu franċiż Jacque Maritain, fl-analiżi kritika tiegħu tas-soċjetà moderna, joffrilna riflessjoni ferm interessanti u attwali għalina llum:

Jekk nixtiequ li Kristjanità mġedda sejra ssir realtà, il-karattru speċifiku tagħha se jkun illi l-persuna nisranija tkun ħalliet ruħha tinbidel, u taf li qed tinbidel, bil-ħidma talgrazzja; tistinka ħalli ssir, u fil-fatt tasal biex tkun, persuna ġdida fi Kristu. Permezz ta’ din il-bidla, din it-trasfigurazzjoni, tintlaħaq tassew u mhux biss b’mod figurattiv, listruttura soċjali tal-ħajja fejn allura tibda tinħass il-preżenza tal-vanġelu.2

 

IL-MISTIKA FL-AZZJONI

Forsi għal xi wħud minna dan id-diskors jidher ġdid, u allura anke ftit konvinċenti. Iżda dan id-diskors la huwa ġdid u wisq anqas riskjuż. Wieħed fost il-persunaġġi li għandu ħafna xjgħallimna quddiem sfidi bħal dawn, u li min ħajtu għamel dimostrazzjoni ta impenn sħiħ, huwa l-Kardinal John Henry Newman.

Ta’ 45 sena telaq il-kattedra ġewwa l-Università ta’ Oxford biex minn Anglikan iħaddan il-fidi Kattolika. Profeta, li għalkemm ftit kien mifhum fil-bidu ta’ l-esperjenza tiegħu Kattolika, lejn tmiem ħajtu Papa Ljun XIII ħatru Kardinal bħala rikonoxximent tal-kontribut siewi u għaqli li b’ħafna mħabba u dedikazzjoni lejali ta lill-Knisja fl-Ingilterra.

Meta reġgħet ġiet mwaqqfa l-Knisja Kattolika fl-Ingilterra, f’nofs is-seklu 19, Newman mill-ewwel intebah li l-futur tal-Knisja hemmhekk kien se jiddependi minn lajkat preparat fis-sens sħiħ tal-kelma. Mhux il-waqt hawn li nidħol fil-kitbiet tiegħu ta’ natura teoloġika li għadhom validi sal-lum. Nixtieq biss nirreferi għal waħda mill-priedka tiegħu, ta’ l-1851, fejn jgħid dawn il-kelmiet:

dak li nixtieq nara fil-Kattoliċi huwa d-don li jkunu kapaċi jixhdu għar-reliġjon tagħhom – nixtieq nara lajċi, li m’humiex arroganti, ma jgħaġġlux biex jitkellmu, ma jkunux polemikużi, iżda persuni li jafu r-reliġjon tagħhom, li jidħlu fiha, li sempliċement jafu fejn huma, li jafu x’jemmnu u x’għandhom iwarrbu, li jafu tant tajjeb l-fidi tagħhom, illi lesti jagħtu raġun għaliha, li huma midħla ta’ l-istorja b’mod li jistgħu jiddefenduha. Nixtieq lajkat intelliġenti, mgħallem tajjeb – nixtieqkom tkabbru l-għerf tagħkom, tikkultivaw ir-raġuni, tkunu attenti biex tagħrfu verità minn oħra, li taraw l-affarijiet kif inhuma, li tifhmu r-relazzjoni li tgħaddi bejn il-fidi u rraġuni, liema hi l-bażi tal-fidi Kattolika u l-pinċipji tagħha… Żgur li ma tkunux Kattoliċi ta’ nofs kedda kemm-il darba taċċettaw li jkollkom sens qawwi u ħaj ta’ Alla, u ma tinsew qatt li għandkom ruħ li trid tagħti kont lil Alla u li xieraq li nsalvawha.

U jkompli jżid ma’ din il-viżjoni tiegħu, s-sens ta’ sfida billi jirreferi għall-istorja:

f’kull żmien, kienu l-lajċi l-qis ta’ l-ispirtu Kattoliku; kienu huma li salvaw lill-Knisja fl-Irlanda, tlett sekli ilu, u kienu huma li tradew il-Knisja fl-Ingilterra. Jeħtieġ li tkunu kapaċi tesprimu dak li tħossu u dak li temmnu, kif ukoll li tibqgħu tħossuh u tkomplu temmnuh… Tindunaw li m’hemmx raġuni għalfejn għandu jonqoskom il-kuraġġ jew tħossukom urtati jekk tiltaqgħu ma’ sfidi f’din it-triq, jekk jgħajrukom, jekk ma tiġux emmnuti, jekk tkunu trattati b’mod inġust. Intom dejjem tistgħu taqgħu fuqkom infuskom; tkun kalmi u paċenzjużi. L-injoranza hija l-għerq ta’ dak kollu li jibqa żgħir u ma jikbirx; il-persuna li lesta taċċetta li fil-ħajja se jkun hemm konflitti morali, li tirrifjuta l-falsità, li tagħraf l-Preżenza ta’ Mħallef, minnha nnifisha ssir persuna filosofika, kapaċi taċċetta s-sofferenza, u tkun persuna ta’ qalb nobbli.3

Dan id-diskors memorabbli ta’ Newman f’perijodu meta l-Knisja fl-Ingilterra kienet qegħda terġa ssib saqajha wara sekli ta’ soppressjoni u persekuzzjoni, huwa diskors li anke għalina llum jesprimi żewġ dimensjonijiet li jitolbu lil xulxin.

Għall-ewwel dimensjoni, li tikkonsisti fil-ħtieġa ta’ l-esperjenza mistika, u li semmejt flewwel parti, Newman jwessa d-diskors għat-tieni ħtieġa, dik ta’ formazzjoni personali fuq livell ta’ ħsieb u preparazzjoni iktar sħiħa. Għalih, però, ma jeżistux żewġ naħat separati, lispiritwali u l-uman, il-qalb u l-moħħ, iżda hemm għaqda u sintesi bejn it-tnejn. Il-persuna tassew nisranija hija waħda, u għax hija persuna li fil-ħajja tagħha akkwistat sens qawwi ta’ unità, minn din l-għaqda toħroġ xhieda koerenti. Fil-fatt huwa l-istess Newman li jisħaq ilkonvinzjoni tiegħu ta’ sintesi interjuri li min-naħa tagħha ssir kundizzjoni għal sintesi esterjuri: “saħħaħ il-livell tar-reliġjon fil-qalb tiegħek, u malajr tinduna li tkun qawwejt lispirtu tar-reliġjon fid-dinja.”4

 

ANATOMIJA TA’ L-ISFIDA

Waqt li nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ formazzjoni fuq livell ta’ ħsieb u preparazzjoni iktar sħiħa, tajjeb li nagħtu ħarsa madwarna u nindunaw minn x’hiex hija magħġuna s-soċjetà tagħna llum.

Dak li għaddejjin minnu llum, għalkemm huwa partikulari għal żmienna, xorta nafu li għandu l-għeruq tiegħu f’atteġġjament ta’ rifjut li ma bediex il-bieraħ. Diġà f’nofs is-seklu 19 kienet ċara, għal min ried jara, l-preżenza ta’ kurrenti ta’ ħsieb li kienu se jwasslu biex idgħajfu l-pedament tar-reliġjon nisranija. Għalkemm qatt ma kien hemm il-ħsieb li ssir xi gwerra għar-reliġjon, anzi għall-kuntrarju, kien jidher ċar mill-bidu li l-ħsieb modern kien sejjer iwarrab kull sens ta’ Alla, minħabba l-fatt li Alla sar irrelevanti f’xenarju fejn ilproduzzjoni u l-akkwist saru l-allat moderni li ħolqot s-soċjetà industrijali.

L-esperjenza tas-seklu 19 għamlet mill-persuna umana ċ-ċentru tar-realtà soċjali, spostat issens divin u minfloku poġġiet fuq l-altari moderni l-qliegħ u l-konsum. Is-seklu 20 ma għamel xejn aktar, għajr ikkonferma u pperfezzjona dan il-mekkaniżmu bit-teknoloġija. Isseklu 20 daqs kemm ra jikber l-għerf xjentifiku, daqs hekk ieħor assista għall-gwerer qerrieda li qatt ma rat bħalhom l-umanità. It-twarrib ta’ Alla wassal għall-mewt tiegħU. Għall-assenza programmata tas-sens tad-divin, l-umanità sabet idejha mċappsa bid-demm ta’ l-innoċenti frott ta’ żewġ ideoloġiji li f’isem il-progress qatlu u xejnu lil min ħabbru li kien fi ħsiebhom jilliberaw.

Ħafna ħassieba huma tal-fehma li llum ninsabu quddiem sfida li, f’ċertu sens, hija sfida ġdida, għax mhijiex biss sfida kontra l-fidi nisranija, imma hija sfida kontra l-istess xewqa ta’ l-Assolut li tgħammar fil-qalb tal-bniedem, u li tirridikola u tikkunsidra bħala banali t-twemmin li qatt Alla jista jinkarna ruħu u jżur lill-istess bniedem.

Bħala nsara, ninsabu quddiem forma ta’ ħsieb li hu preparat u li għandu ċerta kultura. M’għandniex il-lussu li ninjorawh. Ma nistgħux nippermettu li nissakkru fis-sagristiji, wara apparati u memorji storiċi li m’għadhomx jgħoddu u li bihom ma nistgħux nikkomunikaw. M’hux permess lilna nirtiraw, meta qed nassistu għall-baħħ u l-vojt li qed tħalli warajha lkultura tas-superfiċjalità.

U rigward dan l-atteġġjament ta’ rassenjazzjoni passiva nixtieq nirreferi għal storja ċkejkna. Charles Handy, espert ta’ fama mondjali fis-settur tal-finanza, bi snin ta’ ħidma ma’ korporazzjonijiet internezzjonali u wieħed mill-ewwel lecturers fil-London Business School. F’mument partikolari ta’ ħajtu, induna li kienet tonqsu xi ħaġa essenzjali. Fil-ktieb tiegħu Waiting for the Mountain to Move and Other Reflections on Life, jirrakonta storja attribwita lill-filosofu daniż Soren Kierkegaard li b’xi mod tesprimi x-xewqa tiegħu, u nżid ngħid tagħna, għall-ġejjieni.

Wieħed raġel fuq vjaġġ kien jeħtieġlu jkpompli triqtu lejn villaġġ mhux ħafna ‘l bogħod minn fejn kien wasal. Wara li dam miexi mhux ħażin, f’daqqa nduna li triqtu kienet ibblokkata minn muntanja. U stenna u baqa’ jistenna sakemm forsi l-muntanja twarrab minn quddiemu. Snin wara kien għadu hemm, anzjan u b’leħja bajda twila, jistenna. U miet – jistenna. L-unika ħaġa tajba li fadal mill-istorja ta’ dan ir-raġel, li kellu vjaġġ x’jagħmel, hi li dan baqa’ jiġi mfakkar min-nies tal-villaġġ bil-proverbju ‘dak l-anzjan li stenna li titwarrab il-muntanja’.5

Bħala nsara, u b’mod partikulari intom l-lajċi, lkoll kemm aħna msejħin nkomplu l-vjaġġ li matulu nkomlu nxandru dak li nemmnu u ngħixu dak li nxandru. Fid-deżert vojt mis-sens u mid-direzzjoni, quddiem muntanji ta’ frugħat u widien ta’ bluha, bħala nsara msejħin ninkarnaw il-messaġġ tat-tama, mistednin inħabbru l-kelma tal-fidi u mibgħutin ngħixu lesperjenza ta’ l-imħabba.

Iżda dan kollu jibqa poeżija, paroli ta’ l-okkażżjoni u kliem sabiħ u sentimentali, jekk filfond tal-qalb tagħna din m’aħniex se narawha bħala missjoni. U jekk hija missjoni, allura xieraq li nagħrfu lilna nfusna, kollha kemm aħna, bħala protagonisti fiha, missjunarji tasseklu 21.

 

IS-SEJĦA TAS-SINODU – MISSJONI

Quddiem xenarju bħal dan, allura, nifhmu sewwa s-sejħa għall-formazzjoni li ħarġet mis-Sinodu Djoċesan. Formazzjoni, għax inħossu u nemmnu li Malta tagħna, llum, m’għadhiex Malta ta’ tletin u erbgħin sena ilu. Kollha kemm aħna konxji ta’ sfidi ġodda li l-Mulej qed isejħilna biex niltaqgħu magħhom. Kollha kemm aħna qed nassistu għall-proċess ta’ sekolarizzazjoni li ma nistgħux biss noqogħdu nipprotestaw, ngergru u ngemgmu. Bħala nsara msejħin nkunu protagonisti ta’ l-ottimiżmu fl-esperjenza ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.

Papa Pawlu VI ta’ spiss kien jfakkar lill-ħabib kbir tiegħu Jean Guitton, filosofu franċiż, li waslu ż-żminijiet li fihom il-preżenza ta’ lajċi impenjati se tkun sejħa li permezz tagħha huma jiġu mibgħuta biex jxandru l-verità mhux bil-mod tas-saċerdoti, iżda bil-mod speċifiku tagħhom, bix-xhieda personali tagħhom, mibnija fuq l-istorja personali tagħhom, u fuq l-esperjenza u l-kuxjenza tagħhom.6

Il-formazzjoni, għaldaqstant, hija proposta urġenti għax għandha x’taqsam propju ma’ dawn il-konvinzjonijiet profondi li jsawru l-istorja, li jagħtu sens lill-esperjenza u li jdawlu lkuxjenza tal-persuna lajka u tal-kollettività.

Il-proposta formattiva hija esperjenza li fiha jitrawmu u jimmaturaw dawk l-idejat li kapaċi jkunu l-kawża tal-kawżi, dawk l-idejat li kapaċi jħarrku d-dinja. L-azzjonijiet huma wlied tal-ħsieb. U l-azzjonijiet maturi huma wlied tal-ħsieb matur.7

Diġà fis-sena 1671, il-filosofu ġermaniż Leibniz kiteb dawn il-kelmiet profetiċi:

illum iktar minn qatt qabel jinħtieġ għarfien iktar profond tar-reliġjon. Għaliex? Għax seklu filosofiku jfisser attenzjoni ikbar u iktar mifruxa għat-tfittxija tal-verità, barra mill-iskejjel, f’kull stat soċjali tal-ħajja. Jekk m’aħniex se nissodisfaw dan il-bżonn (illum ngħidu ‘nikkomunikaw ma’ dan il-bżonn’), allura se jkollna nieqfu milli nħabbru u nixhdu għar-reliġjon. Ma ndumux ma nindunaw li uħud se jkunu biss insara ta’ l-isem.8

Dak li diġà ‘raw’ ta’ qabilna, sekli ilu, llum hija sfida quddiemna, għalina.

 

PROFETI, MĦARRĠIN FL-ESSENZJALI LI NGĦIXU L-KOMUNJONI

L-ewwel kundizzjoni indispensabbli li tiffavorixxi xhieda nisranija valida u ta’ min jemminha tikkonsisti filli nkunu mħarrġa fl-essenzjali tal-fidi kattolika, nkunu lesti li kontinwament inħarsu lejn l-esperjenza formattiva kontinwa mhux bħala lussu li nistgħu nidħlu għalih u nistgħu nwarrbuh kif irridu. Imma nħarsu lejn il-formazzjoni kontinwa bħala impenn li permezz tiegħu nesprimu r-rieda tagħna li nkunu xhieda awtentiċi tal-fidi nisranija. It-tieni kundizzjoni hija l-primat tax-xhieda fuq dak ta’ l-għalliema. Kif kiteb Papa Pawlu VI f’diċembru 1975, fl-esortazzjoni apostolika Evangeli nuntiandi:

huwa żmien li fih l-ewwel mezz ta’ l-evanġelizzazzjoni se tkun xhieda ta’ ħajja tassew nisranija, ħajja li tixhed li lesta terħi ruħha f’idejn Alla u bl-istess dedikazzjoni lesta tingħata għall-qadi ta’ l-aħwa. Il-bniedem ta’ żmienna iktar lest li jisma lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma lill-għalliema, għax huma xhieda (n. 41).

It-tielet kundizzjoni meħtieġa hija l-komunjoni. Iktar minn qatt qabel se tinħass il-ħtieġa li bħala nsara nkunu solidali ma’ xulxin, mhux niġġieldu u nippikaw ma’ xulxin. Iż-żmien li ġej ikun żmien ta’ tiġdid jekk inħalluh ikun esperjenza ta’ komunità magħquda, mhux mifruda f’isem il-partiti u gruppi fi ħdan l-istess kommunità. Iktar minn qatt qabel se jkun urġenti li l-poplu jkun iktar viċin tar-ragħaj tiegħu, l-lajċi u s-saċerdoti jkunu iktar magħqudin flimkien, u fejn il-lajċi huma iktar attenti għall-vokazzjoni tagħhom, iktar konxji mill-fatt li x-xhieda u l-kelma tagħhom jirriflettu l-esperjenza tal-misteru u t-twemmin tagħhom.

Dak li l-Knisja titlef fil-kwantità, tagħmel tajjeb għalih fil-kwalità. Il-kwantità għandha valur biss jekk hija kwalità li qed tistenna li ssir realtà.

 

KONKLUŻJONI

Nixtieq nagħlaq dawn il-ftit riflessjonijiet billi nikkwota kitba profetika ta’ Jean Guitton9 dwar il-futur tal-Knisja u s-seklu li għadna kif bdejna. Huwa jmiss tlett punti fondamentali.

L-ewwel wieħed hu li quddiemna hemm responsablità kbira u, għax kbar huma l-isfidi, nobbli għandha tkun ir-risposta. Fi ftit kliem dan kollu jsejjaħlu ‘taqtigħa deċisiva’:

Ngħir għal din il-ġenerazzjoni għax se jkollha dik ir-responsabiltà mill-aktar nobbli li qatt tista tiġi afdata lill-persuni liberi: li timpenja ruħha, min-naħa waħda, f’taqtigħa deċisiva, u min-naħa l-oħra, li hi ċerta b’mod mill-aktar assolut li mhijiex sejra tiġi mirbuħa.

Ma narax fl-istorja ta’ l-umanità kriżi li tixbah lil dik li se jgħaddu minna l-insara tasseklu 21. Resqin lejn tibdiliet dejjem ikbar, lejn avvenimenti li qatt ma rajna bħalhom, li se jkollhom valur li qatt ma rajna bħalu qabel.

It-tieni ħsieb jittratta l-fatt li mhux se jifdal post għal min irid iħaddan fidi ta’ nofs kedda: jew naċċetta lil Kristu u ngħixu, jew nirrifjutah u nwarrbu:

Se jisparixxu dawk il-posizzjonijiet tan-nofs, dawk id-deċiżjonijiet frott tal-prudenza, tal-kumdità, u se nsibu ruħna wiċċ imb’wicc quddiem għażla: jew ta’ ateiżmu jew ta’ fidi nisranija; jew ta’ mentalità li tħares biss lejn dak li hu uman, jew inkella ta’ fidi kattolika vera.

It-tielet ħsieb huwa mimli kuraġġ u tama nisranija. Kuraġġ u tama, iżda, li jsejħulna għal atteġġjament intelliġenti u impenjattiv. Atteġġjament li jitlob minna l-użu sħiħ tat-talenti u d-doni li l-Mulej għoġbu jislef lil kull waħda u lil kull wieħed minna:

Min-naħa tiegħi, jien ninsab konvint li l-futur ikun favorevoli għall-Kristjaneżmu jekk nagħmlu eżami razjonali tajjeb ta’ dawk l-areas fis-soċjetà li fihom hemm qbil. Ma narax reliġjon oħra fuq wiċċ din il-pjanetà li hi aktar universali, adattata għall-elites kif ukoll għall-folol, li kapaċi tagħti sens lill-passat u tħejji l-futur, u li għandha l-ħila twassal lill-bnedmin ħielsa miż-żmien għall-eternità.

Il-fidi kattolika mifhuma sewwa u mġedda minn spirtu pożittiv, kif għallimna lKonċilju, toffrilna fi żmienna okkażżjoni unika biex twassal lill-umanità fl-għaqda u fl-imħabba li ma jafux tmiem.

Din hi x-xewqa tagħna, din hi t-talba tagħna.

Nitolbu lill-Mulej, Sid iż-żmien, jagħtina l-grazzja ħalla nwieġbu għas-sejħa li qed jagħmlilna.

Grazzi ħafna.


1 KARL RAHNER, "Christian Living Formerly and Today," in Theological Investigations, vol. 7: Further Theology of the Spiritual Life (New York, Crossroad 1977) p. 15.

2 JACQUES MARITAIN, Integral Humanism: Temporal and Spiritual Problems of a New Christendom (New York, Charles Scribner's Sons 1968) pp. 93-94.

3 JOHN HENRY NEWMAN, The Present Position of Catholics in England (London Longmans, Green, And Co. 1908) pp. 390-391.

4 JOHN HENRY NEWMAN, “Sermon 10. Connexion between Personal and Public Improvement”, in Sermons Bearing on Subjects of the Day (London, Longmans, Green, And Co. 1902) p. 134.

5 CHARLES HANDY, Waiting for the Mountain to Move (London, Arrow 1992) p. 18.

6 JEAN GUITTON, Silenzio sull’essenziale. Riflessioni di un pensatore cristiano (Milano, Paoline 2002)

p. 14.

7 Ibid., p. 107.

8 Ibid., pp. 107-108, din hija silta kif ikkwotata minn JEAN GUITTON.

9 Ibid., p. 119-121.

 

                                                                                    Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta