Home          |          Email          |          Blog          |         Librerija          |                                                                                                         Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

        

SINODU TAl-ISQFIJIET

XIII ASSEMBLEA  ĠENERALI ORDINARJA

L-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA

GĦAT-TIXRID TAL-FIDI NISRANIJA

MISTOQSIJIET LI JIPPROPONU IL-LINEAMENTA

Aqra d-dokument kollu tal-Lineamenta... >

Dawn il-Lineamenta, li tfasslu bl-għajnuna tal-Kunsill Ordinarju tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, huma pass importanti fit-tħejjija għas-Assemblea sinodali. Fl-aħħar ta’ kull kapitlu hemm  mistoqsijiet li l-għan tagħhom hu li jiġġenera diskussjoni f’kull livell tal-Knisja”.

Mistoqsijiet wara l-Introduzzjoni

Min-natura tiegħu stess, id-dixxerniment li ser isir huwa  kundizzjonat mill-istorja u mill-għan li wieħed jimmira lejh. Fi kliem ieħor, il-proċess jibda b’elementi  mill-ħajja reali ta’ kuljum u jfassal tweġiba għal sitwazzjoni speċifika.  Ġeneralment, għalkemm il-Knejjes lokali tagħna kollha għandhom l-istess kultura kattolika, imma, f’dawn l-aħħar snin għamlu esperjenza  ta’  ġrajjiet u stejġes fil-proċess tad-dixxerniment li huma uniċi u li ġew determinati mill-ħajja u miċ-ċirkustanzi storiċi li għexu.

1. Hemm xi esperjenzi tal-passat f’dan ir-rigward li tħoss li għandek taqsamhom ma’ Knejjes lokali oħra?

2. Fil-proċess ta’ dixxerniment dwar ġrajjiet fl-istorja, x’taħseb li għandna naqsmu bejnietna fil-Knisja universali, biex filwaqt li nisimgħu lil xulxin dwar dak li  ġara, il-Knisja universali tkun  tista’ tagħraf fejn l-Ispirtu  qed imexxiha fil-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni?

3. Issa, is-suġġett “evanġelizzazzjoni ġdida” hu magħruf sew fil-Knejjes lokali tagħna. X’sar dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida,  xi tfassal dwarha?  X’forma ħadet?

4. Liema attività pastorali speċifika  ibbenefikat mill-“evanġelizzazzjoni ġdida”? Ikkummenta dwar xi bidliet  li saru fil-programmi pastorali jew xi tiġdid ieħor li  seħħ? Min-naħa l-oħra,  liema tfixkil jew tensjoni nħolqu  f’dan ir-rigward?

 


Mistoqsijiet wara Kap 1 - Iż-Żmien għal Evanġeliżazzjoni Ġdida

Il-Komunitajiet insara  qed jagħmlu esperjenza ta’ bidliet sinifikanti fil-Knisja u fis-soċjetà.

1. Liema huma l-karatteristiċi ewlenin ta’ dawn il-bidliet fil-Knejjes lokali tagħna?

2. Kif qiegħda l-Knisja twettaq ir-rwol missjunarju tagħha li tidħol fil-ħajja ta’ kuljum tal-poplu, “fil-ħajja  li jgħixu  wliedha”?

3. Kif għenet l-evanġelizzazzjoni ġdida biex l-ewwel evanġelizzazzjoni  jew il-programmi pastorali li ġa kienu hemm jissaħħu jew inkella tingħatalhom ħajja ġdida?  Kif għenet biex  tingħeleb l-għeja u t-tbatija li  l-ħajja  ta’ kuljum ġġib magħha fil-Knejjes lokali tagħna?

4.  X’kien id-dixxerniment li ħareġ fid-dawl tal-evanġelizzazzjoni ġdida meta saret evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Knejjes lokali differenti?

Id-dinja għaddejja minn bidliet sinifikanti li qed iwasslu għal sitwazzjonijiet u sfidi ġodda fil-ħajja nisranija.  Ġew ittrattati sitt oqsma effettwati minn din il-bidla: kultura (sekularizzazzjoni),  soċjetà (it-taħlit tal-popli), mass media, ekonomija, xjenza u ħajja ċivika.   Kien propju għalhekk li  tkellimna   dwar  dawn l-oqsma  b’mod ġenerali.

5. Liema kienu l-effetti speċifiċi  li din il-bidla ġabet  fid-diversi Knejjes lokali?

6. X’effett  ħallew  fuq xulxin  dawn l-oqsma fil-ħajja tal-Knejjes lokali?  X’effett kien hemm fuq il-ħajja tagħhom?

7.  X’mistoqsijiet u  xi sfidi  ġabu magħhom?  X’reazzjonijiet kien hemm?

8.  Liema huma l-ostakli prinċipali u l-akbar sfidi biex Alla jkollu post fid-diskussjoni tallum? X’ qed ikun ir-riżultat?

Tingħata  attenzjoni speċjali lill-qasam reliġjuż.

9. X’bidliet saru fl-esperjenzi reliġjużi tal-poplu?

10.  Liema aspetti ġodda qed joħorġu fil-bżonn spiritwali u reliġjuż? Qed jinbtu tradizzjonijiet reliġjużi ġodda?

11. Kif ġew effettwati l-komunitajiet insara fil-qasam reliġjuż? Liema hi l-ħidma prinċipali? Liema huma l-opportunitajiet ġodda?

L-evanġelizzazzjoni ġdida titlob bidla fil-Knisja ħalli hi tkun tista’ tkompli l-missjoni tagħha  li xxandar  il-Kelma  f’dawn l-oqsma ġodda.

12. Iddeskrivi l-modi differenti kif il-Knejjes lokali  qed jaħdmu għall-evanġelizzazzjoni  ġdida?

13. Il-kuraġġ hu karatteristika tal-evanġelizzazzjoni ġdida; kif ġie muri dan il-kuraġġ? X’qanqal fil-ħajja ekkleżjali u pastorali?

14.  Liema aspetti fil-ħajja u fl-attività tal-Knisja  jeħtieġu dan il-kuraġġ?

15. Kif wieġbu  l-Knejjes lokali  għall-appell  li għamel  Ġwanni Pawlu II għall-evanġelizzazzjoni ġdida:  ġdida fil-ħeġġa, fil-metodi u fl-espressjonijiet tagħha?

16. Kif għenu l-assembleji sinodali kontinentali jew reġjonali biex il-komunitajiet insara jfasslu pjan għall-evanġelizzazzjoni ġdida?


Mistoqsijiet wara Kap 2 - Nipproklamaw l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

L-għan li nittrażmettu fidi li jista’ jieħu sehem fiha kulħadd hu biex oħrajn ikunu jistgħu jagħmlu esperjenza ta’ Kristu.  Dan il-għan iqanqal   missjoni.

1.  Il-komunitajiet insara tagħna qegħdin ikunu l-post li   jipprovdi esperjenza spiritwali  fil-Knisja?

2. Meta nfasslu l-programmi  ta’ fidi qed nimmiraw  biss  lejn li wieħed jaderixxi għall-verità nisranija  b’mod intellettwali, jew  inkella qed nippruvaw noħolqu wkoll esperjenza ta’ laqgħa personali ma’ Kristu  u ta’ “għixien” tal-misteru tiegħu?

3.  Liema huma s-soluzzjonijiet u r-reazzjonijiet ta’ Knejjes individwali li  għamlu  dawn l-esperjenzi spiritwali, li huma mfittxa  anki  mill-ġenerazzjoni żagħżugħa?

Il-Kelma t’ Alla u l-Ewkaristija huma l-mezzi ewlenin u l-għodda privileġġata li jipprovdu esperjenza spiritwali tal-fidi nisranija lill-poplu.

4.  Kif għenu ż-żewġ assembleji ġenerali ordinarji tas-Sinodu tal-Isqfijiet li  ġa saru  biex  il-komunitajiet insara   jisimgħu   b’mod aħjar il-Kelma t’Alla  fil-Knejjes tagħna? Kif għenu biex iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi jkunu aħjar?

5. Liema elementi  ġew  l-aktar aċċettati?  Liema riflessjonijet u suġġerimenti għadhom  ma ġewx aċċettati?

6.  Għid kif il-gruppi li jisimgħu u jiddiskutu l-Kelma t’Alla  qed isiru għodda komuni fil-ħajja nisranija tal-Komunitajiet tagħna?  X’qed jagħmlu l-Komunitajiet tagħna biex juru  li l-Ewkaristija hi ċ-ċentru ta’ ħajjithom?  U kif  qed juru li l-programmi  u l-attivitajiet tagħhom  huma bbażati fuq dan?  

Wara  snin ta’ ħidma kbira, qed  jidhru sinjali ta’ għeja  fil-katekeżi,  l-aktar f’dawk il-persuni msejħa biex jippjanaw u jsostnu l-attività tal-Knisja f’dan il-qasam.

7.  Liema hi l-esperjenza prattika fil-Knejjes tagħna?

8.  Xi sforzi qed isiru biex  tissaħħaħ il-katekezi  fil-komunitajiet insara tagħna? Xi sforzi qed isiru  biex nagħrfu b’mod konkret u effettiv ir-rwol  ta’ dawk l-oħrajn (ġenituri, parrinijiet, il-komunità nisranija)   li  huma responsabbli  li jittrażmettu l-fidi? 

9.  X’ inizjattivi ippjanajna biex nissapportjaw lill-ġenituri u  ninkuraġġuhom fil-ħidma iebsa tagħhom  ( li jittrażmettu, u allura li jittrażmettu anki l-fidi) meta l-kultura qiegħda dejjem tnaqqas minn dan ir-rwol tagħhom?

Bħala tweġiba għall-Konċilju Vatikan II, f’dawn l-aħħar snin, ħafna konferenzi episkopali ħadmu  biex jorganizzaw mill-ġdid  il-programmazzjoni tal-katekeżi u għamlu reviżjoni tat-testi kateketiċi.

10. Xinhi s-sitwazzjoni  dwar dan?

11. X’kienu l-benefiċċi fil-proċess tat-trażmissjoni tal-fidi? X’ħidma twettqet u  x’kien it-tfixkil li ltqajtu miegħu?

12. Il-“Katekiżmu tal-Knisja Kattolika”  kien użat meta sar dan il-planning ġdid?

13. Kif jaħdmu l-Komunitajiet insara (il-parroċċi) u l-gruppi u l-movimenti biex jiggarantixxu li,  kemm jista’ jkun, il-katekeżi  tkun ekkleżjali u biex jikkordinaw u jaqsmu l-ħidma tagħhom ma’ oħrajn fil-Knisja?

14. Meta qed jinbtu tant bidliet kulturali sinifikanti,  liema ‟mumenti ta’ tagħlim” huma nieqsa jew qed jitħallew barra  fl-attività kateketika  tal-Knisja?

15.Il-Komunitajiet insara tagħna qed jagħmlu użu mill-katekumenat bħala bażi biex jippjanaw il-programmi ta’ katekeżi u ta’ istruzzjoni fil-fidi? Kif?

Żmenijietna  qed jitolbu lill-Knisja  biex tiġġedded fil-mod  kif tevanġelizza  u  biex  tkun lesta   tagħti kont tal-fidi u tat-tama.

16. X’ għamlu l-Knejjes lokali biex ikunu jistgħu jikkomunikaw dawn it-talbiet ġodda lill-Komunitajiet insara?  Xinhu r-riżultat? X’kienet il-ħidma meħtieġa u x’kien it-tfixkil ?

17. Qegħdin inħossu l-bżonn li din il-proklamazzjoni missjunarja ġdida ssir parti mill-attività pastorali tal-komunitajiet? Jew inkella naqset il-konvinzjoni li din il-missjoni  għandha ssir  ukoll fil-komunitajiet insara tal-lokal u fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum?

18. Barra mill-komunitajiet, hemm individwi li qed iwasslu d-don tal-ħajja lis-soċjetà billi jxandru l-Evanġelju? X’metodi qed jużaw u x’attivitajiet qed jagħmlu? Xi frott qed iħalli dan?

19.  L-imgħammdin qed isiru dejjem aktar konxji li huma msejħin  in prima persona   biex ixandru l-Evanġelju? Hemm xi esperjenzi dwar dan?

Il-proklamazzjoni u t-trażmissjoni tal-fidi jagħtu ħajja ġdida lill-Komunità Nisranija.

20.  Liema  kien  l-frott l-aktar importanti li t-tixrid tal-fidi  (it-trażmissjoni tal-fidi) ġab fil-Knejjes tagħna?

21.  Il-Komunitajiet insara  huma  lesti li jagħrfu dan il-frott, isostnuh u jmantnuh? Liema frott hu nieqes?

22.  Liema huma l-ostakli, il-provi u l-iskandli li jfixklu din il-proklamazzjoni?  Il-Komunitajiet, tgħallmu jgħixu dawn il-mumenti billi jaraw fihom opportunitajiet għal tiġdid spiritwali u missjunarju?

 


Mistoqsijiet wara Kap 3 - Inizjazzjoni fl-Esperjenza Nisranija.

Permezz tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida  tista’ ssir evalwazzjoni ta’ kull qasam u attività fil-Knisja  ħalli  l-Evanġelju jkun jista’ jixxandar  lid-dinja.

1.Il-komunitajiet insara  jafu  li tista’ ssir “il-proklamazzjoni tal-bidu”? Din qed issir fil-Komunitajiet insara?

2. Meta l-Komunitajiet insara jippjanaw attività pastorali jkollhom l-għan speċifiku li jwasslu l-Evanġelju u l-konverżjoni għall-Kristjaneżmu?

3. Kif qed jagħmlu l-komunitajiet insara individwali biex iwieġbu għall-ħtieġa ta’ forom ġodda  dwar il-kwestjoni t’Alla fis-soċjeta u fil-komunitajiet stess? Hemm xi esperjenzi li ta’ min jaqsamhom ma’ Knejjes partikulari oħra?

4.  Kif ġiet milqugħa l-idea  tal-“bitħa tal-Ġentili”  u kif żviluppat ruħha fil-Knejjes lokali differenti?

5.  Xi prijorità ngħatat mill-Komunitajiet insara individwali fl-impenn li wieħed jipprova modi  ġodda  ta’ evanġelizzazzjoni  li jeħtieġu kuraġġ? Liema kienu dawk l-inizjattivi li rnexxew biex il-Komunitajiet insara jinfetħu għall-ħidma missjunarja?

6.  Liema kienu l-esperjenzi, l-istituzzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet jew gruppi ġodda li ġew iffurmati  jew żviluppati biex ixandru l-Evanġelju b’mod mimli ferħ u li  jwassal l-messaġġ?

7. X’ħareġ meta  kien hemm kollaborazzjoni bejn dawn il-gruppi  u l-komunitajiet parrokkjali?

Il-Knisja ddedikat ħafna enerġija biex tfassal il-programmi ta’ inizjazzjoni u ta’ istruzzjoni fil-fidi.

8. Meta reġgħet saret evalwazzjoni tal-programm ta’ inizjazzjoni fil-fidi, ir-Rit ta’ Inizjazzjoni Nisranija għall-Adulti  kien  ta’ mudell?

9.   Nistgħu ngħidu li kien użat fl-Inizjazzjoni Nisranija?  Kif għen  biex  saret re-evalwazzjoni tal-programm pastorali għall-Magħmudija u biex sħaqna fuq ir-rabta  li hemm bejn is-sagrament tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni u tal-Ewkaristija?

10. Il-Knejjes Kattoliċi  tal-Lvant jagħtu lit-tfal it-tliet Sagramenti tal-Inizjazzjoni Nisranija.      Għid għaliex din hi esperjenza għanja u  hu differenti fl-istess  ħin?  Għid kif din id-drawwa effettwat il-ħsieb u l-bidliet li qed isiru fl-inizjazzjoni Nisranija fil-Knejjes Kattoliċi?

11. Għid kif “il-Katekumenat batteżimali”  kien ta’ ispirazzjoni għall-evalwazzjoni  mill-ġdid tal-programm ta’ thejjija għas-sagramenti  fil-waqt li bidilhom fi vjaġġ spiritwali ta’ inizjazzjoni nisranija  u involva  mhux biss lil min jirċeviehom imma lil diversi membri tal-Komunità (l-aktar lill-adulti)? X’qed jagħmlu l-Komunitajiet insara biex jissapportjaw lill-ġenituri fil-ħidma iebsa li jittrażmettu l-fidi, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issir diffiċli?

12 Xi żviluppi saru  minn meta s-Sagrament tal-Konfermazzjoni  ġie meqjus bħala parti  minn dan il-vjaġġ spiritwali?  X’inhuma r-raġunijiet?

13. L-elementi tal-mistagoġija huma inkorporati f’dan il-proċess?

14.Il-Komunitajiet insara rnexxilhom jaddottaw il-proċess ta’ istruzzjoni fil-fidi għall-adulti   biex b’hekk jevitaw il-periklu li dan ikun limitat għat-tfal biss?

15.   Kif iħarsu  l-Knejjes lokali lejn ir-rwol tal-proklamazzjoni u lejn il-ħtieġa li tingħata importanza akbar lill-bidu tal-fidu u lill-programm pastorali għall-Magħmudija?

16. Kif irnexxilhom il-komunitajiet  parrokkjali jevitaw it-tentazzjoni li ħallu l-ħidma ta’ istruzzjoni ( ta’ tagħlim) f’idejn aġenti oħra tal-edukazzjoni reliġjuża (per eżempju, li jħallu din ir-responsabbiltà f’idejn l-iskejjel, u allura b’hekk isir taħwid bejn istruzzjoni fil-fidi  u forom kulturali oħra  ta’ edukazzjoni li huma orjentati lejn ir-reliġjon)?

Fil-Knejjes tagħna  tinħass ħafna r-realtà  tal-isfida tal-edukazzjoni.

17.  Kemm indunajna b’din l-isfida  u kemm indirizzajnieha?  X’mezzi għandna f’dan ir-rigward?

18.  Qed  tgħin il-preżenza ta’ istituzzjonijiet Kattoliċi fid-dinja akkademika  biex ikun hemm tweġiba għal din l-isfida? Liema bidliet f’dawn l-istituzzjonijiet huma ta’ interess? X’riżorsi  għandna biex inwieġbu  għal din l-isfida?

19.  Liema rabta teżisti bejn dawn l-istituzzjonijiet u istituzzjonijiet ekkleżjali oħra? Bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-ħajja tal-parroċċa?

20. B’liema  mod jistgħu dawn l-istituzzjonijiet jipparteċipaw fil-kultura u fis-soċjetà  fil-waqt li jikkontribwixxu l-esperjenza ta’ fidi nisranija  fid-diskussjoni pubblika u f’sitwazzjonijiet  fejn ħafna drabi l-mentalità hi  determinata mill-kultura tallum?

21. X’relazzjoni hemm bejn l-istituzzjonijiet Kattoliċi u istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni.  X’ r-relazzjoni  hemm bejniethom u s-soċjetà in ġenerali?

22. Kif jistgħu l-istituzzjonijiet kulturali ( l-Universitajiet Kattoliċi, iċ-ċentri kulturali, iċ-ċentri ta’ tiftix) li huma wirt storiku, jsemmgħu leħinhom fid-diskussjonijiet li jsiru llum dwar il-valuri bażiċi tal- persuna  umana (id-difiża tal-ħajja, il-familja, il-paċi, il-ġustizzja, is-solidarjeta, il-ħolqien)?

23. Kif jistgħu jgħinu  biex in-nies jiftħu aktar moħħhom u jfittxu l-verità ħalli jagħrfu l-pjan ta’ Alla li jagħti tifsira lill-istorja? U kif jgħinu  jgħinu lill-komunitajiet Insara biex jiddixxernu u jkunu  aktar lesti li jisimgħu  dak li qed titlob u tistenna l-kultura tallum?

24.  Liema huma dawk l-istituzzjonijiet tal-Knisja  fejn  tista’ tgħid  li qed issir l-esperjenza “tal-bitħa tal-Ġentili”?  Liema huma l-postijiet fejn l-Insara jkunu jistgħu juru  li huma lesti għal djalogu li jwieġeb  għal dak li qed tistenna l-umanità u għall-għatx  li għandha  għal Alla? Liema huma l-postijiet fejn l-Insara jistgħu jaqsmu b’kuraġġ  l-esperjenza  li  għamlu biex sabu lil Alla u jgħidu kif iltaqgħu  miegħu b’mod personali  fl-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu?

Il-proġett ta’ evanġelizzazzjoni ġdida   jitlob proklamazzjoni u xhieda,  u allura dan jurina l-ħtieġa ta’ formazzjoni.

25. X’urġenza qed tinħass fil-komunitajiet insara   biex  isibu nies,  jiffurmawhom u jissapportjawhom biex  jevanġelizzaw u jedukaw permezz tax-xhieda li jagħtu b’ħajjithom?

26.  Liema servizzi – ministeri istituzzjonalizzati jew oħrajn – twaqqfu (jew ġew iħeġġa jkomplu l-ħidma tagħhom) fil-Knisja lokali biex  iwettqu ħidma ta’ evanġelizzazzjoni?

27. Kif qed  juru  l-parroċċi li huma miftuħa għall-ħajja vitali tal-movimenti u l-gruppi kariżmatiċi ?

28. F’dawn l-aħħar snin,  il-konferenzi episkopali taw post ċentrali lill-ħidma missjunarja u l-evanġelizzazzjoni  u għamluha prijorità fil-pjani pastorali tagħhom. Xinhu r-riżultat?  Kif għamlu biex il-Komunitajiet insara jkunu aktar konxji tal-aspett “spiritwali” ta’ din l-isfida missjunarja?

29. Kif għenet l-enfasi fuq l-evanġelizzazzjoni ġdida  fl-evalwazzjoni u l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-programmi ta’ formazzjoni għas-saċerdozju?   Kif  għamlu  l-istituzzjonijiet responsabbli għal din l-formazzjoni, (is-seminarji djoċesani, reġjonali jew dawk ta’ ordnijiet reliġjużi)  biex jevalwaw mill-ġdid u jaddattaw ir-regoli tal-ħajja  tagħhom skont din il-prijorità?

30.  Il-ministeru tad-djakonat permanenti kien inkuż fil-mandat tal-Knisja  biex tevanġelizza?