L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Aetatis Novae. Istruzzjoni Pastorali dwar il-Komunikazzjoni Soċjali

 

 

Ħajr lil Ms Miriam Buttigieg għat-typing u r-reviżjoni tat-test Malti

 

 

 

 

Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali

L-Istruzzjoni Pastorali

AETATIS NOVAE

dwar il-komunikazzjoni soċjali

egħluq l-għoxrin sena

tal-promulgazzjoni tal-istruzzjoni pastorali

Communio et Progressio

DAĦLA

Bidliet kbar fil-komunikazzjoni soċjali

 

1.  Mal-wasla ta’ era ġdida l-komunikazzjonijiet soċjali tkattru b’mod hekk tal-għaġeb li kisbu importanza tassew kbira fil-kulturi kollha tad-dinja.  Il-bidliet kbar li seħħu fit-teknoloġija huma biss aspett wieħed ta’ dan il-fenomenu  Ma hemmx post fejn mhux qiegħda tinħass l-influwenza tal-mass media fuq l-imġiba reliġjuża u morali tan-nies, fuq is-sistemi politiċi u soċjali, u fuq l-edukazzjoni.

Kulħadd jaf – biex insemmu eżempju – x’effett kellhom il-mass media (li ma setgħux jinżammu li ma jmorrux ’l hemm mill-fruntieri politiċi u ġijografiċi tal-pajjiżi) fit-taqlib kollu li seħħ fis-snin 1989 u 1990, snin li l-Papa wera x’importanza kellhom fl-istorja tad-dinja.[1]

“L-ewwel arjopagu taż-żmien ta’ llum huwa d-dinja tal-mass media u qiegħed igħaqqad il-familja kollha tal-bnedmin ‘f’raħal dinji wieħed’ kif jgħidu.  Il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali saru hekk importanti li għal ħafna saru strument ewlieni ta’ tagħrif u ta’ formazzjoni, ta’ tmexxija u ta’ ispirazzjoni fl-imġiba tal-individwi, tal-familji u tas-soċjetà”.[2]

Ħamsa u għoxrin sena wara l-promulgazzjoni tad-digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, Inter mirifica, u għoxrin sena mill-promulgazzjoni tal-istruzzjoni pastorali Communio et Progressio, il-Kunsill Pontifiċju għall-komunikazzjoni soċjali jixtieq iqis x’inhuma l-effetti pastorali ta’ din il-qagħda ġdida.  Dan il-Kunsill qiegħed jagħmlu bl-ispirtu tal-aħħar kliem tal-Communio et Progressio:  “Il-Poplu ta’ Alla, fil-mixi tiegħu tul iż-żminijiet... ġa qiegħed iħares...b’fiduċja kbira... lejn l-iżviluppi kbar fil-komunikazzjonijiet soċjali li qiegħda twiegħed l-era spazjali”.[3] 

Għax naħsbu li l-prinċipji u l-fehmiet ta’ dawn id-dokumenti tal-Konċilju u ta’ wara l-Konċilju għandhom siwi li jibqa’ għal dejjem, nixtiequ napplikawhom għall-qagħda ta’ llum ma nippretendux li ngħidu l-aħħar kelma f’qagħda hekk komplessa, f’qagħda dejjem tinbidel u tiċċaqlaq, imma rridu biss ngħinu u nħeġġu l-irġiel u n-nisa kollha li qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi pastorali ta’ dawn il-ħwejjeġ ġodda.

2.  Fis-snin li għaddew bejn l-Inter mirifica u Communio et Progressio drajna nismigħu kliem bħalma huma “soċjetà ta’ informazzjoni”, “kultura tal-mass media”, “ġenerazzjoni tal-mass media”.  Irridu nqisu sewwa kliem bħal dan, għax jurina kif jaħsbu n-nies ta’ llum dwar il-ħajja, influwenzati kif inhuma mill-mass media; l-esperjenza tal-bniedem saret esperjenza li nkisbet permezz tal-mass media.

F’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin seħħu ħwejjeġ tassew tal-għaġeb fil-qasam tat-teknoloġija tal-mass media.  Dan wasal kemm għall-progress mgħaġġel fit-teknoloġija li kien hemm, u kemm fil-ħolqien tat-teknoloġiji ġodda, bħalma huma s-satelliti, il-“cable television”, il-“fiber optics”, il-“video-cassettes”, il-“compact discs”, “computerized image making”, u “computer and digital technologies” u oħrajn.  L-użu ta’ dawn il-mezzi ġodda ta bidu għal dak li nistgħu nsejħulhom “ilsna ġodda”, li min-naħa qegħdin joffru lill-Knisja possibbiltajiet ġodda għall-missjoni tagħha, u min-naħa l-oħra qed joħolqulha problemi pastorali ġodda.

3.  F’qagħda bħal din, inħossu li għandna nħeġġu lir-Ragħajja tal-erwieħ u lil-Poplu ta’ Alla, biex jippruvaw jifhmu aktar fil-fond dak kollu li għandu x’jaqsam mal-komunikazzjoni soċjali u mal-mass media ħa jfasslu proġetti li jistgħu jsiru, u jagħmluhom bil-fatti.

“L-isqfijiet fil-Konċilju, huma jħarsu lejn il-ġejjieni, u jaraw f’liema qagħda l-Knisja se tkun imsejħa biex taqdi l-missjoni tagħha, raw b’mod l-aktar ċar li l-progress tat-teknoloġija kien qiegħed ibiddel ‘il-wiċċ tal-art’ u kien wasal ukoll biex jaħkem l-ispazju” (ara Gaudium et Spes n. 5).  Għarfu li l-iżviluppi fit-teknoloġija tal-mass media, b’mod partikulari, kienu hekk kbar li kienu se jqanqlu reazzjonijiet waħda wara l-oħra, b’konsegwenzi li ħadd ma kien jistennihom”.[4]

“L-isqfijiet fil-Konċilju, mhux tali ma ridux li l-Knisja tibqa’ ’l bogħod u tinqata’ mill-influwenza ta’ dawn il-ġrajjiet, anzi riedu li l-Knisja tkun fil-qalba ta’ dan il-progress tal-bniedem, u jkollha sehem fl-esperjenzi tal-bqija tal-bniedem, biex tipprova tifhimhom u tfissirhom fid-dawl tal-fidi.  Huma l-fidili tal-Poplu ta’ Alla li huma fid-dmir li jagħmlu użu mill-aħjar tal-iskoperti u tat-teknoloġiji ġodda għall-ġid tal-familja kollha tal-bnedmin, u biex iseħħ il-pjan ta’ Alla għad-dinja... biex kulma qed jagħti ‘żmien il-computers’ jintuża għas-servizz tas-sejħa traxxendenti tal-bniedem bħala bniedem, u hekk tingħata glorja lill-Missier li minnu tiġina kull ħaġa tajba”.[5]

Nixtiequ nuru l-ħajr tagħna lil dawk kollha li ħabirku biex il-Knisja jkollha mezzi mill-aħjar ta’ komunikazzjoni soċjali.  Minkejja d-diffikultajiet li kien hemm – riżorsi limitati; tfixkil li l-Knisja xi drabi sabet meta xtaqet tagħmel użu mill-mass media; il-bidliet bla waqfien fil-kulturi, fil-valuri u fl-imġiba tan-nies, influwenzati mill-mass media li qed jidħlu kullimkien – sar u għadu jsir progress kbir.  L-isqfijiet, il-kleru, ir-reliġjużi u l-lajċi, li qegħdin jiddedikaw ruħhom għal dan l-appostolat fondamentali, jisħoqqilhom il-ħajr ta’ kulħadd.

Nixtiequ wkoll nuru s-sodisfazzjon tagħna għall-isforzi li qegħdin isiru biex ikun hemm kollaborazzjoni ekumenika fil-qasam tal-mass media, li fih huma impenjati l-kattoliċi flimkien ma’ ħuthom l-insara tal-knejjes u tal-komunitajiet ekklesjali l-oħra, u flimkien ukoll mal-membri tar-reliġjonijiet l-oħra tad-dinja.  Hi mhux biss ħaġa tajba, imma “hi wkoll ħaġa meħtieġa li l-insara kollha jingħaqdu dejjem aktar flimkien fil-ħidma tagħhom fil-komunikazzjoni soċjali u jilħqu ftehim dirett mar-reliġjonijiet l-oħra tad-dinja biex ikollhom post flimkien fil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali”.[6]

 

I

IL-QAGĦDA LI FIHA SSEĦĦ IL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

A.  Qagħda kulturali u soċjali

4.  It-taqlib li qegħdin naraw illum fil-komunikazzjoni soċjali, l-aktar li ġej mhux mill-bidliet kbar fit-teknoloġija, imma mill-bidla sħiħa li seħħet fil-mod kif il-bnedmin jaraw id-dinja ta’ madwarhom, u jifhmuha.  Il-fatt li kontinwament u minnufih jixxandru fehmiet u jidhru ġrajjiet huma u qegħdin isiru, u jitwasslu minn kontinent għal ieħor, għandu effetti tajbin u ħżiena fl-istess ħin fl-iżvilupp psikoloġiku, morali u soċjali tan-nies, fl-istruttura u l-ħajja stess tas-soċjetajiet, fir-relazzjonijiet bejn kultura u oħra, fl-għarfien tal-valuri u l-mod kif jaslu lil oħrajn, fil-fehmiet tan-nies, fl-ideoloġiji u fil-konvinzjonijiet reliġjużi.  It-taqlib fil-mass media jista’ wkoll jolqot il-fehma li n-nies ikollhom tal-Knisja u jaslu biex ifasslu l-istrutturi tagħha u l-mod kif jaħdmu.

 

Dan kollu għandu konsegwenzi pastorali importanti ħafna.  Il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali jistgħu jintużaw għax-xandir tal-Evanġelju, u jistgħu jservu wkoll biex ineħħuh minn qlub il-bnedmin.  L-indħil dejjem aktar jiżdied tal-mass media fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies jista’ jinfluwenza l-fehma li wieħed ikollu ta’ x’inhi l-ħajja.

 

Il-mass media mhux biss jaslu biex jgħidu kif wieħed għandu jaħseb, imma jaslu wkoll biex jgħidu x’għandu jaħseb.  Il-fehmiet ta’ ħafna nies huma dawk li jiġuhom mill-mass media; dawk il-fehmiet li l-mass media ma jgħarfuhomx, għan-nies ma jiswew xejn.  Jistgħu bil-fatti jiġu msikkta individwi u gruppi li l-mass media jwarrbuhom fil-ġenb: l-istess kelma tal-Evanġelju tista’ tiġi mxekkla, għalkemm qatt ma tista’ tiġi maħnuqa għal kollox. 

 

Jaqbel ħafna għalhekk li l-insara jkolhom il-ħila jwasslu lill-mass media t-tagħrif kollu li jkun meqjus li għandu “news value”, u hekk jagħtu leħen lil min m’għandux leħen.

 

Il-qawwa li għandhom il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali li jew iwettqu jew jeqirdu l-valuri tradizzjonali tar-reliġjon, tal-kultura u tal-familja, issemmiet b’mod l-aktar ċar mill-Konċilju, meta ntqal li “biex il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali jintużaw tajjeb jeħtieġ li dawk kollha li jużawhom, ikunu jafu sewwa l-prinċipji tal-ordni morali u jħarsuhom bil-fedeltà kollha f’dan il-qasam”.[7]

 

B.  Il-qagħda politika u ekonomika

5.  L-istrutturi ekonomiċi ta’ kull nazzjoni jiddependu ħafna mis-sistemi tal-komunikazzjoni soċjali ta’ llum.  Ġeneralment illum jitqies bħala ħaġa meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku u politiku li l-Istat ikollu infrastruttura effikaċi ta’ komunikazzjoni.  Iż-zjieda fl-ispejjeż għall-investiment bħal dan kien fattur importanti ħafna li wassal il-gvernijiet ta’ ħafna pajjiżi biex jaddottaw politika li żiedet il-konkorrenza.  U proprju minħabba dan, f’ħafna każi, is-sistemi pubbliċi tat-telekomunikazzjoni ġew privatizzati.

 

Kif l-użu ħażin ta’ servizz pubbliku għall-manipulazzjoni ideoloġika u politika, hekk il-kummerċjalizzazzjoni mhux regolata u l-privatizzazzjoni tax-xandir għandhom konsegwenzi serji.  Fil-prattika, u spiss b’mod uffiċjali, ir-responsabbilità pubblika fix-xandir qed titwarrab.  Is-suċċess tax-xandir qiegħed jitqies aktar mill-qligħ li jġib milli mis-servizz li jagħti.  Il-profitti u l-interessi tar-reklamar għandhom influwenza kbira u żejda ħafna fuq dak li jixxandar mill-mass media.  Tingħata preferenza lil dak li l-aktar jogħġob u jkun aktar popolari, milli għall-kwalità ta’ dak li jixxandar; jintgħażel dak li jkun jogħġob il-kotra l-kbira tas-semmiegħa.  Dawk li jagħmlu r-reklami fuq il-mass media qegħdin imorru ’l hemm min dak li hu proprju d-dmir tagħhom, jiġifieri li jaraw x’inhuma l-ħtiġijiet veri tan-nies, u jipprovdulhom għalihom; minflok, bi ħsieb biss ta’ negozju u ta’ qligħ, joħolqu ħtiġiet qarrieqa u artifiċjali.

 

Pressjoni kummerċjali ssir ukoll ’l hemm mill-fruntieri tan-nazzjonijiet, bi ħsara ta’ xi ġnus u tal-kulturi tagħhom.  Minħabba li żdiedet il-konkorrenza u minħabba l-ħtieġa li jinstabu swieq ġodda, ħafna intrapriżi tal-komunikazzjoni qegħdin dejjem aktar jieħdu sura ta’ intrapriżi “multinazzjonali”; u meta ma jkunx possibbli li jinħolqu mezzi ta’ informazzjoni fil-pajjiż stess, jiġri li xi pajjiżi għall-informazzjoni jkunu jiddependu biss min-nazzjonijiet oħra, mill-barranin.  B’hekk jiġri li l-egħmil ta’ xi mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, marbutin ma’ xi kultura partikulari, jixxandar ukoll fost kulturi oħra, u dan ikun spiss ta’ ħsara għall-mod kif dawn ifissru lilhom fl-arti u l-komunikazzjoni, u għall-valuri  li jkollhom.

 

Is-soluzzjoni tal-problemi li jinħolqu mill-kommerċjalizzazzjoni mhux regolata u mill-privatizzazzjoni, ma jinħollux bil-kontroll tal-Istat fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni, imma permezz ta’ dixxiplina li tkun taqbel mal-prinċipju tas-servizz pubbliku, u b’sens aqwa ta’ responsabbilità pubblika.  Dwar dan ta’ min jgħid li, jekk f’xi pajjiżi l-mass media llum dejjem qegħdin jiġu regolati min-normi ġuridiċi u politiċi dejjem itjeb, hemm pajjiżi oħra fejn l-indħil tal-gvern fil-mass media qiegħed iwassal biex jopprimi u joħnoq l-ilħna ta’ ħafna.

 

 

 

II

IL-ĦIDMA TAL-MEZZI TA’ KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

6.  Il-Communio et progressio tqis il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali bħala triq għax-xirka bejn il-bnedmin.  Dan tgħid: “Tikkomunika jiġifieri mhux biss tgħid xi ħaġa jew tfisser biss x’taħseb jew xi tħoss.  Il-komunikazzjoni tkun sħiħa meta wieħed jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu b’imħabba”.[8]   F’din it-tifsira, il-komunikazzjoni hi rifless tax-xirka tal-Knisja, u tista’ tkun ta’ għajnuna għaliha.

 

Ix-xandir jew komunikazzjoni tal-verità jista’ jkollha qawwa ta’ fidwa, li toħroġ mill-persuna ta’ Kristu, il-Verb ta’ Alla u x-xbieħa ta’ Alla li ma jidhirx.  Fih u bih il-ħajja ta’ Alla tingħata lill-familja kollha tal-bnedmin bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  “Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta’ dejjem u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħarfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq”.[9]  Nistgħu niċċitaw ukoll dan:  “Il-Verb ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu mimli bil-grazzja u l-verità”.[10]

 

Fil-Verb magħmul bniedem Alla ta lilu nnifsu darba għal dejjem.  Bil-predikazzjoni u l-ħidma ta’ Ġesù l-Verb sar ħellies u feddej tal-ġens kollu tal-bnedmin.  Dan l-egħmil ta’ mħabba, li bih Alla wera lilu nnifsu, imsieħeb mat-tweġiba bil-fidi tal-bniedem, joħloq djalogu mill-aqwa.

 

Il-ġrajja kollha tal-bniedem, u r-relazzjonijiet kollha tal-bnedmin bejniethom, jieħdu t-tifsir tagħhom min dan l-għoti ta’ Alla fi Kristu.  Il-ġrajja tal-bniedem hi msejħa biex b’xi mod tkun il-kelma ta’ Alla, u l-vokazzjoni tal-bniedem hi li jagħti sehmu għal dan billi jgħix, b’mod li jagħti frott kotran, dan l-għoti dejjem sejjer u bla qies tal-imħabba ta’ Alla għall-ħbiberija tal-bniedem.  Aħna msejħin infissru dan bi kliem mimli tama u b’egħmil ta’ mħabba permezz tal-ħajja li ngħixu.  Dan għalhekk irid iseħħ fi ħdan ix-xirka tal-Knisja.

 

Kristu mbagħad hu wkoll dak, u l-bidu ta’ dak, li l-Knisja xxandar meta tħabbar l-Evanġelju.  Il-Knisja m’hijiex ħlief il-ġisem mistiku ta’ Kirstu, “il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox”, “dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha biex jimla kollox”.[11]  Għalhekk aħna mexjin fil-Knisja, permezz tal-Kelma u s-sagramenti, lejn it-tama ta’ dik l-għaqda darba għal dejjem ma’ Alla li “jkun kollox f’kollox”.[12]

 

A.  Il-mass media għas-servizz tal-persuni u tal-kulturi

7.  Il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali jistgħu jagħmlu l-ġid u huma tajbin ħafna biex bihom isir il-ġid, u jistgħu jkunu “strumenti mill-aqwa għall-għaqda u għall-ftehim tal-bnedmin bejniethom, iżda jistgħu wkoll ixandru dehra qarrieqa tal-ħajja tal-familja, tal-valuri reliġjużi u morali, jiġifieri jistgħu jagħtu dehra li bl-ebda mod ma tirrispetta d-dinjità u d-destin tal-bniedem”.[13]  Hu dmir għalhekk tal-mass media li jħarsu u jagħtu sehemhom għall-progress sħiħ tal-bniedem, progress “li jħaddan ukoll id-dimensjoni kulturali, traxxendenti u reliġjuża tal-bniedem u tas-soċjetà.[14]

 

Xi problemi tal-individwi u tas-soċjetà jiġu wkoll mill-fatt li l-mass media, minn jum għall-ieħor, qegħdin jieħdu l-post tar-relazzjonijiet personali tal-bnedmin bejniethom u mill-fatt wkoll li ħafna nies qed iħossu ġibda kbira lejn il-persunaġġi fittizji tal-mass media.  Dawn l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali ma jistgħux jieħdu l-post tal-kuntatti ta’ persuna ma’ oħra, u tar-relazzjonijiet li għandu jkun hemm bejn il-membri tal-istess familji u bejn il-ħbieb.  Iżda jistgħu jaslu biex jegħelbu din id-diffikultà billi, flok jieħdu l-post tal-kuntatti tan-nies bejniethom, iġibu dawn il-kuntatti ’l quddiem permezz ta’ diskuzzjonijiet fi gruppi u stħarriġ flimkien ta’ films u ta’ programmi radjofoniċi jew televiżivi.

 

B.  Il-mass media bħala servizz għad-djalogu mad-dinja ta’ llum

8.  Il-Konċilju Vatikan II wera ċar dan:  “Il-Poplu ta’ Alla u l-ġens kollu tal-bnedmin, li minnu jagħmel il-Poplu ta’ Alla, għandhom jaqdu ’l xulxin, biex juru x’inhi n-natura reliġjuża tal-missjoni tal-Knisja u hekk din tkun tidher li hi tassew missjoni li tixraq fuq li tixraq lill-bniedem”.[15]  Dawk li jħabbru l-Kelma ta’ Alla huma fid-dmir li jqisu u jippruvaw jifhmu l-“kliem” tal-popli u tal-kulturi mhux biss biex ikunu jafuhom, imma wkoll biex igħinuhom jagħrfu u jilqgħu l-Kelma ta’ Alla.[16]  Jeħtieġ għalhekk li l-Knisja tkun preżenti fid-dinja b’mod attiv u attent biex tagħti ħajja l-komunità u twettaq lil dawk l-irġiel u n-nisa li qegħdin ifittxu soluzzjonijiet tajba għall-problemi personali u soċjali.

 

Barra dan, jekk il-Knisja trid twassal il-Bxara t-Tajba tagħha b’mod adatt għaż-żmien li jkun u għall-kulturi ta’ kull nazzjon u poplu, illum dan trid tagħmlu fil-kultura u bil-kultura tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni soċjali.[17]  Din hi kundizzjoni fondamentali biex tingħata tweġiba xierqa għal dak li l-Konċilju Vatikan II jqis bħala tassew essenzjali: “ir-rabtiet soċjali, tekniċi u kulturali” li qegħdin jinbtu u qegħdin igħaqdu dejjem aktar flimkien in-nies, joħolqu ‘problema urġenti’ għall-Knisja biex tiġborhom kollha f’għaqda sħiħa fi Kristu”.[18]  Il-Knisja, hija u tqis x’sehem importanti jista’ jkollhom dawn il-mezzi fl-isforzi tagħha ħa sseħħ din l-għaqda fi Kristu, tqis dawn il-mezzi, bħala mezzi “maħsubin minn Alla fil-provvidenza tiegħu” biex isseħħ ix-xirka fost il-popli, fil-mixi tagħhom f’din id-dinja, u tiġi dejjem aktar ’il quddiem.[19] 

 

Il-Knisja li qiegħda tfittex li jkollha djalogu mad-dinja ta’ llum tixtieq li jkollha djalogu onest u b’rispett sħiħ ma’ min hu responsabbli tal-mass media.  Djalogu bħal dan jitlob li l-Knisja tagħmel ħilitha biex tifhem il-mass media – l-għanijiet tagħhom, il-metodi li jużaw, kif jaħdmu, l-istrutturi interni tagħhom – u trid tqawwi l-qalb u twettaq lil dawk li jaħdmu fihom.  Meta l-Knisja tasal biex tifhem x’inhuma l-mass media u twettaq u tqawwi l-qalb ta’ dawk li jaħdmu fihom, imbagħad tkun tista’ tagħmel proposti li jkunu jfissru ħafna, biex jiġi mwarrab kull tfixkil li jkun hemm għall-progress veru tal-bniedem u għax-xandir tal-Evanġelju.

 

Biex iseħħ dan id-djalogu, il-Knisja trid taħseb sewwa dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali profani u dwar il-politika li jkun hemm dwarhom.  L-insara huma fid-dmir li jsemmgħu leħinhom fil-mezzi kollha tal-komunikazzjoni soċjali.  Dmirhom m’huwiex biss dwar trasmissjonijiet reliġjużi.  Dan id-djalogu jitlob ukoll li l-Knisja tqawwi l-qalb tal-professjonisti tal-mass media, tfassal antropoloġija u teoloġija vera tal-komunikazzjoni soċjali, biex it-teoloġija stess tkun tista’ tixxandar b’mod eħfef u tkun aktar effikaċi biex tgħarraf x’inhuma l-valuri tal-Evanġelju u tapplikahom għall-qagħda tal-bnedmin ta’ llum.  Jeħtieġ ukoll li l-mexxejja tal-Knisja u l-ministri pastorali jwieġbu b’rieda tajba u bil-għaqal għal dak li jitolbu l-mass media u jfittxu li jkun hemm relazzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ rispett għal xulxin, bażati fuq valuri aċċettati minn kulħadd, ukoll minn dawk li ma jħaddnux il-fidi tagħna.

 

C.  Il-mass media għas-servizz tal-komunità tal-bnedmin u għall-progress soċjali

9.  Il-komunikazzjoni li sseħħ fil-Knisja u permezz tal-Knisja hi t-tħabbira tal-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu.  Hi t-tħabbira tal-Evanġelju bħala kelma profetika, bħala kelma li tagħti ħelsien, kelma li tingħad lill-irġiel u n-nisa ta’ żminijietna; hi xhieda dwar il-verità ta’ Alla u t-traxxendenza tal-persuna tal-bniedem kontra s-sekolarizzazzjoni radikali ta’ llum; hi għażla favur il-ġustizzja, f’solidarjetà sħiħa ma’ kull min jemmen, għas-servizz tax-xirka bejn il-popli, in-nazzjonijiet u l-kulturi, kontra kull ġlied u tilwim.

 

Dan il-mod kif taħseb il-Knisja dwar il-mass media juri b’mod ċar, b’mod eċċezzjonali, x’inhu s-sehem li jridu jagħtu dawn il-mezzi biex iġibu ’l quddiem l-iżvilupp tal-bniedem u tas-soċjetà skont il-pjan t’Alla fil-provvidenza tiegħu.

 

D.  Il-mass media għas-servizz tal-komunità ekkleżjali

10.  Barra dak li għidna, irrdu nsemmu wkoll id-dritt fundamentali li hemm għad-djalogu u l-informazzjoni fi ħdan il-Knisja stess, kif ittenni l-Communio et Progressio,[20] u l-ħtieġa li ma jieqaf qatt it-tfittix ta’ modi effikaċi li jġibu ’l quddiem u jħarsu dan id-dritt, u dan l-aktar bl-użu responsabbli tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.  Fost ħwejjeg oħra, hawn irridu nsemmu dak li jgħid il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku;  skont il-Kodiċi, l-insara, għalkemm fid-dmir li jobdu r-ragħajja tal-Knisja, “għandhom id-dritt juru x’inhuma l-ħtiġijiet tagħhom, l-aktar dawk spiritwali, u x’inhuma x-xewqat tagħhom”,[21] u “għall-għerf, il-ħila u l-prestiġju tagħhom għandhom id-dritt, u xi kultant id-dmir ukoll, li jfissru l-fehma tagħhom lill-isqfijiet dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ġid tal-Knisja”.[22]

 

Dan hu mezz biex tinżamm u tissaħħaħ il-kredibbilità u l-effikaċja tal-Knisja; b’mod aktar fondamentali, dan jista’ jkun mezz biex iseħħ bil-fatti l-karattru ta’ “xirka” fil-Knisja, li għandu l-pedament tiegħu bix-xirka intima tat-Tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa bejniethom, u jfissruha.  Il-membri ta’ din ix-xirka, li hi l-Knisja, huma indaqs fid-dinjità u l-missjoni tagħhom, minħabba l-magħmudija li għandhom; fuq dan il-pedament hi mibnija l-istruttura ġerarkika u d-diversità tal-uffiċċji u tad-dmirijiet.  Din l-ugwaljanza turi ruħħa fi bdil onest u bir-rispett kollu ta’ opinjonijiet u ta’ tagħrif.

 

F’kaz ta’ nuqqas ta’ ftehim imbagħad, tajjeb li wieħed ikun jaf “li mhux billi wieħed jinfluwenza, l-opinjoni pubblika, se jgħin biex jiċċara xi problema ta’ duttrina u hekk jgħin ħa tinstab il-verità.[23]  Dan għaliex “il-fehmiet tal-insara ma jistgħux jiġu sempliċement identifikati mas-sensus fidei”.[24]

 

Għaliex mela l-Knisja tant tinsisti dwar id-dritt li għandhom in-nies li jkollhom tagħrif korrett?  Għaliex tinsisti fuq id-dritt li għandha li xxandar il-verità awtentika tal-Evanġelju?  Għaliex tinsisti fuq ir-responsabbilità li għandhom ir-ragħajja tagħha li jxandru l-verità u jħarrġu lill-insara biex jagħmlu l-istess?  Dan għaliex il-Knisja tibbaża l-fehma sħiħa tagħha tal-komunikazzjoni fuq il-fatt li l-Verb ta’ Alla jikkomunika u jgħarraf lili nnifsu.

 

E.  Il-mass media għas-servizz ta’ evanġelizzazzjoni ġdida

11.  Minbarra l-ħafna mezzi tradizzjonali li għandha l-Knisja (bħalma huma x-xhieda tal-ħajja, il-katekeżi, ir-relazzjonijiet bejn persuna u oħra, id-devozzjonijiet popolari, il-liturġija u ċelebrazzjonijiet reliġjużi oħra) l-użu tal-mass media sar mezz essenzjali għall-evanġelizzazzjoni u għall-katekeżi.  “Il-Knisja kieku tkun tidher ħatja quddiem il-Mulej jekk ma tagħmilx użu minn dawn il-mezzi hekk qawwija li d-dehen tal-bneidem qiegħed itejjeb minn jum għal ieħor.[25]  L-istrumenti tal-mass media jistgħu u għandhom ikunu strumenti għall-qadi ta’ programm ta’ evanġelizzazzjoni mill-ġdid u ta’ evanġelizzazzjoni ġdida tad-dinja ta’ llum min-naħa tal-Knisja.  Dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-influwenza li jista’ jkollhom il-mezzi awdjoviżivi tal-mass media, skont il-prinċipju: “ara, iġġudika, agħmel”. 

 

Hi importanti ħafna l-qagħda li tieħu l-Knisja dwar il-mass media u l-kultura li qegħdin isawwru: trid iżżomm dejjem quddiemha li “mhux biżżejjed li tuża l-mass media biex ixxandar il-bxara nisranija u l-maġisteru tal-Knisja, iżda dan ix-xandir irid idaħħal il-messaġġ nisrani fl-istess “kultura ġdida” li qegħdin joħolqu l-mass media llum...bi kliem ġid, b’teknika ġdida, u b’qagħdiet psikoloġiċi ġodda.[26]  L-evanġelizzazzjoni ta’ llum trid isib triqat għall-Knisja biex tkun preżenti b’mod attiv u miftuħ fi ħdan id-dinja tal-mass media.

 

 

III

L-ISFIDI TA’ LLUM

A.  Il-ħtieġa li nqisuhom sewwa

12.  Jekk il-Knisja trid li l-qagħda tagħha quddiem il-mass media tkun pożittiva u miftuħa, hija u tipprova tidħol fil-kultura ġdida li ħolqu l-mass media biex tevanġelizzaha, il-Knisja trid ukoll tqis b’mod kritiku l-mass media u l-influwenza li għandhom fuq il-kultura.

 

Kif intqal kemm-il darba t-teknoloġija tal-mass media hi espressjoni tassew tal-għaġeb tad-dehen tal-bniedem, u l-mass media jgħinu ħafna lis-soċjetà.  Iżda, kif intqal ukoll, l-użu tat-teknoloġija tal-mass media ma kienx kollu kemm hu ta’ ġid; l-użu tajjeb tal-mass media jeħtieġ valuri veri u għażliet bil-għaqal mill-individwi, mill-privati, mill-gvernijiet, mis-soċjetà kollha kemm hi.  Il-Knisja ma tippretendix li timponi dawn il-fehmiet u dawn l-għażliet iżda tħabrek biex tgħin tassew billi turi liema huma n-normi morali u etiċi f’dan il-qasam, normi li jinsabu fil-valuri tal-bniedem u fil-valuri nsara.

 

B.  Solidarjetà u zvilupp sħiħ

13.  Illum qiegħed jiġri li l-mass media qegħdin ikattru t-tfixkil għall-individwi u għas-soċjetà għax mhux iħallu li jkun hemm solidarjetà u żvilupp sħiħ tal-persuna tal-bniedem.  Dan it-tfixkil ġej, b’mod partikulari, mis-sekulariżmu, mill-konsumiżmu, mill-materjaliżmu, mit-telfien ta’ umaniżmu veru u min-nuqqas ta’ interess fil-foqra u fl-imwarrbin.[27]

 

F’qagħda bhal din, il-Knisja, li tqis il-mass media bħala triq ewlenija u privileġġjata għall-ħolqien u xandir tal-kultura,[28]  tħoss id-dmir li tissuġġerixxi lill-professjonisti tal-mass media u lill-pubbliku kollu kemm hu, formazzjoni li twassalhom biex iqisu l-mass media b’sens kritiku, imqanqlin minn ħerqa għall-verità; il-Knisja tqis ukoll li huwa dmir tagħha “tindaħal biex tiddefendi l-verità, biex ikun hemm rispett għad-dinjità tal-persuna tal-bniedem, u biex iġġib ’il quddiem il-kultura vera tal-ġnus, billi teħodha bil-qawwa kollha u b’kuraġġ kbir kontra kull xorta ta’ monopolji u ta’ manipolazzjoni”.[29]

 

Ċ.  Imġiba u strutturi

14.  Hi ħaga ċara li xi problemi dwar dan huma frott ta’ ċerta mġiba u ta’ xi strutturi tal-mass media; insemmu bħala eżempju l-fatt li xi gruppi u xi klassijiet huma mċaħħdin mill-użu tal-mass media; f’xi postijiet ftit ftit qiegħed jitnaqqas id-dritt fondamentali għall-informazzjoni; qiegħed jiżdied il-kontroll tal-mass media minn xi gruppi ekonomiċi, soċjali u politiċi.  Dan kollu jmur kontra l-għan fondamentali u n-natura stess tal-mass media, li bħala għan speċifiku u meħtieġ tagħhom għandhom li jgħinu biex jiġi mħares id-dritt tal-bniedem għall-informazzjoni; iġibu ’l quddiem il-ġustizzja ħa jinkiseb il-ġid ta’ kulħadd; jgħinu lill-individwi, il-gruppi u l-popli fit-tħabrik tagħhom ha jkunu jafu l-verità.  Il-mass media jaqdu dawn id-dmirijiet ewlenin tagħhom billi jgħinu fid-bdil tal-fehmiet u tat-tagħrif u l-informazzjoni bejn il-klassijiet kollha u l-oqsma kollha tas-soċjetà u jħallu tissemma’ kull opinjoni responsabbli li jkun hemm.

 

D.  Ħarsien tad-dritt għall-informazzjoni u għall-komunikazzjoni

15.  Ma nistgħux nammettu li wieħed hu ħieles li jikkomunika għax hu tat-tajjeb, jew għax kiseb ċerta edukazzjoni jew għax għandu xi poter politku.  Id-dritt tal-komunikazzjoni hu dritt ta’ kulħadd.

 

Dan jitlob sforzi speċifiċi fuq livell nazzjonali u internazzjonali mhux hiss biex dawk li huma inqas għonja u inqas setgħana jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha li jeħtieġu għall-iżvilupp personali u soċjali tagħhom, imma wkoll biex ikollhom sehem effettiv u responsabbli fid-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar il-kontenut tal-mass media u dwar l-istrutturi u l-imġiba tal-mass media tal-pajjiżi tagħhom.

 

Fejn l-istrutturi ġuridiċi u politiċi jgħinu biex il-mass media jiġu maħkuma minn “pressure groups”, il-Knisja għandha tinsisti fuq il-ħarsien tad-dritt għall-komunikazzjoni u, b’mod speċjali, fuq id-dritt tagħha li tagħmel użu mill-mass media waqt il fl-istess ħin tfittex suriet oħra ta’ komunikazzjoni għall-membri tagħha u għall-popolazzjoni kollha kemm hi.  Madankollu d-dritt għall-komunikazzjoni hu parti mid-dritt għal-libertà tal-kult.

 

 

IV

GĦANJIET PASTORALI EWLENIN U MEZZI TA’ TWEĠIB GĦALIHOM

A.  Ħarsien tal-kulturi tal-bniedem

16.  Il-qagħda ta’ ħafna pajjiżi u l-ħerqa għad-drittijiet u għall-interessi tal-individwi spiss jistgħu jwasslu l-Knisja biex iġġib ’l quddiem mezzi oħra ta’ komunikazzjoni soċjali.  Fl-oqsma tal-evanġelizzazzjoni u tal-katekeżi, il-Knisja trid spiss tara x’tagħmel biex tħares u tgħin il-“mezzi popolari” ta’ komunikazzjoni socjali u forom oħra tradizzjonali ta’ espressjoni, għax tħoss li dawn f’ċerti ambjenti jistgħu jkunu aktar ta’ siwi għax-xandir tal-Evanġelju milli l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni soċjali.  Dan għaliex, bil-mezzi tradizzjonali, parteċipazzjoni personali aqwa tkun aktar possibbli u tista’ titqanqal aktar fil-fond is-sensibbilità ta’ dak li jkun u jagħtuh raġuni aktar biex jaġixxi.

 

Il-mass media mxerrda ma’ kullimkien fi-dinja ta’ llum, bl-ebda mod ma naqsu l-importanza tal-mezzi l-oħra tal-komunikazzjoni, li permezz tagħhom wieħed jimpenja ruħu u jkollu sehem fil-produzzjoni u l-proċess tal-komunikazzjonijiet.  Il-mezzi ta’ komunikazzjoni popolari u tradizzjonali mhux biss huma importanti ħafna biex juri x’inhi l-kultura tal-post li jkun, imma jgħinu wkoll biex jiżviluppaw il-ħila ta’ dak li jkun ħa joħloq u juża dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

 

Hekk ukoll nappruvaw ix-xewqa ta’ ħafna popli u gruppi ta’ nies li jkollhom sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni aktar ġusti u meqjusa, biex ikunu mħarsin minn kull ħakma u minn kull manipolazzjoni minn barranin jew minn nies ta’ pajjiżhom stess.  Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jibżgħu minn din il-ħakma u manipolazzjoni li tista’ tiġihom mill-pajjiżi għonja tad-dinja; l-istess biża’ għandhom il-minoranzi f’xi nazzjonijiet żvilippati jew li qegħdin jiżviluppaw.  Hi x’inhi l-qagħda, iċ-ċittadini kollha għandu jkollhom sehem attiv, awtonomu u responsabbli fil-proċess kollu tal-komunikazzjoni, għaliex dan il-proċess jinfluwenza b’ħafna manjieri l-qagħda ta’ ħajjithom.

 

B.  L-iżvilupp u l-progress tal-mass media tal-Knisja

17.  Il-Knisja hi mpenjata b’ħafna manijieri fl-oqsma tal-komunikazzjoni u tal-mass media, minkeja l-ħafna diffikultajiet li magħhom tiltaqa’, iżda għandha tkompli tiżviluppa, tħares u tgħin il-mezzi tagħha u l-programmi kattoliċi tal-komunikazzjoni soċjali.  Dawn il-mezzi huma l-istampa u l-pubblikazzjonijiet kattoliċi, ir-radju u t-televiżjoni kattolika, l-uffiċċji tal-informazzjoni u tar-relazzjonijiet pubbliċi, l-istituti u l-programmi dwar it-tħaddim u l-problemi tal-mass media, ir-riċerka dwar dawn il-mezzi, l-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tal-mass media marbutin mal-Knisja, b’mod partikulari l-organizzazzjonijiet kattoliċi internazzjonali tal-komunikazzjoni li qegħdin ikollhom membri li jistgħu jiġu imsejħin bħala esperti biex ikunu ta’ għajnuna bl-esperjenzi tagħhom għall-Konferenzi Episkopali u wkoll għal xi isqfijiet individwali.

 

Ix-xogħol tal-mass media kattoliċi m’huwiex biss xi ħidma żejda, li tiġi msieħba mal-ħidmiet l-oħra kollha tal-Knisja; il-mass media għandhom sehem x’jagħtu fl-oqsma kollha tal-missjoni tal-Knisja.  Għalhekk mhux biżżejjed li jkun hemm biss pjan pastorali għall-mass media, imma jeħtieġ li l-mass media jkunu parti integranti ta’ kull pjan pastorali, għax fil-fatt għandhom kontribut x’jagħtu f’kull appostolat, ministeru u programm ieħor.

 

Ċ.  Il-formazzjoni tal-insara responsabbli tal-mass media

18.  L-edukazzjoni u l-informazzjoni dwar il-mass media għandhom ikunu parti integranti mill-formazzjoni tal-operaturi pastorali u tas-saċerdoti.[30]  Ħafna huma l-elementi u l-aspetti speċifiċi li jridu jitqiesu f’din l-edukazzjoni u f’din il-formazzjoni.

 

Dinja ta’ llum, influwenzata kif inhi mill-mass media, teħtieġ, biex insemmu eżempju, li n-nies tal-Knisja jkollhom tagħrif ġenerali tajjeb dwar l-influwenza li t-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-mass media għandhom fuq l-individwi u s-soċjetà.  Iridu jkunu wkoll dejjem lesti biex jagħtu s-servizz tagħhom kemm lil dawk ukoll li ma għandhomx jew għandhom ftit tagħrif.  Jeħtieġ ikunu jafu kif iħajru għad-djalogu, jevitaw dik is-sura ta’ komunikazzjoni li toħloq suspetti ta’ ħakma, manipolazzjoni, jew profitti personali.  Dawk imbagħad li huma impenjati attivament fil-ħidma tal-mass media għall-Knisja, jeħtieġ li jkunu professjonisti tal-mass media u jkollhom formazzjoni dottrinali u spiritwali soda.

 

D.  Il-ħidma pastorali mal-operaturi tal-mass media

19.  Ix-xogħol fil-mass media jġib miegħu pressjonijiet psikologiċi u problemi morali partikulari.  Meta titqies x’importanza għandhom il-mass media ħa jsawru l-kultura taż-żmien ta’ llum u ħa jirregolaw il-ħajja ta’ tant u tant nies u tas-soċjetà, jidher ċar li hi ħaġa tassew essenzjali li dawk li huma impenjati bħala professjonisti fil-mass media profani u fl-industriji tal-komunikazzjoni, iqisu sewwa r-responsabbilitajiet tagħhom u jkunu mqanqlin minn ħsieb tassew għoli u mir-rieda li jkunu ta’ servizz għall-ġens kollu tal-bnedmin.

 

Il-Knisja wkoll irid ikollha responsabbilità bħal din: trid tkun impenjata fit-tħejjija u l-promozzjoni ta’ programmi pastorali li jkunu jwieġbu b’mod preċiż għall-qagħda partikolari tax-xogħol tal-professjonisti tal-mass media u għall-isfidi morali li jista’ jkollhom; programmi pastorali tajbin kapaċi jagħtu formazzjoni dejjiema li tkun ta’ għajnuna għall-irġiel u n-nisa – ħafna minnhom sinċerament ħerqana li jkunu jafu x’inhi s-sewwa fil-qasam morali u etiku ħa jagħmluh – ħa jkunu dejjem aktar ispirati minn kriterji morali kemm fix-xogħol li jagħmlu u kemm fil-ħajja privata tagħhom.

 

 

V

IL-ĦTIEĠA LI JITĦEJJEW PROGRAMMI PASTORALI

A.  Ir-responabbilità tal-Isqfijiet

20.  Huma u jagħarfu l-importanza tal-mass media u l-ħtiġijiet li qegħdin joħolqu, l-isqfijiet u dawk kollha li huma fid-dmir li jiddeċiedu kif għandhom jitqassmu r-riżorsi tal-Knisja, li jiddependu kemm min-nies u kemm mill-fondi li jkollha, iridu jħabirku biex b’xi mod jagħtu preferenza xierqa għal dan il-qasam, waqt li jqisu sewwa l-qagħda partikolari ta’ pajjiżhom, tar-reġjun tagħhom, tad-djoċesi.

 

Jista’ jagħti l-każ li din il-ħtieġa qiegħda tinħass illum aktar milli kienet tinħass fl-imgħoddi, għaliex, sa ċertu punt, dan l-“Arjopagu” kbir tal-media fi żmiena kien ftit jew wisq traskurat mill-Knisja.[31]  Kif jgħid sewwa l-Papa: “Qegħdin jiġu aktarx preferuti mezzi oħra għax-xandir tal-Evanġelju u għall-formazzjoni, waqt il- l-mass media qegħdin jitħallew għal-iniżjattiva ta’ xi individwi jew ta’ gruppi zgħar, jew għandhom biss parti sekondarja fil-programmi pastorali”.[32]  Jeħtieġ li din il-qagħda tissewwa.

 

B.  Il-ħtieġa ta’ pjan pastorali għall-mass media

21.  Għalhekk inħajru b’mod partikulari lid-djoċesjiet u l-Konferenzi Episkopali u l-Laqgħat tal-Isqfijiet biex jaraw li l-problema tal-mass media jkollu postu f’kull pjan pastorali.  Dmirhom ukoll hu li jħejju pjanijiet pastorali partikulari dwar il-mass media, jew jirrivedu u jaġġornaw il-pjanijiet li hemm b’mod li din ir-reviżjoni u dan l-aġġornament isiru minn żmien għal żmien.  Biex dan jagħmluh, l-isqfijiet għandhom ifittxu l-għajnuna tal-professjonisti tal-mass media, kemm ta’ dawk li jaħdmu fil-mass media profani u kemm ta’ dawk li jaħdmu fil-mass media tal-Knisja, u b’mod speċjali ta’ dawk li huma membri ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali taċ-ċinema, tar-radju, tat-televiżjoni u tal-istampa.

 

Xi Konferenzi Episkopali ġa kisbu ġid minn pjanijiet pastorali tajbin, pjanijiet li wrew bil-fatti x’kienu l-ħtiġiet li kien hemm, fissru l-għanjiet li riedu jintlaħqu, u ħeġġu biex l-isforzi ta’ kulħadd jingħaqdu ħa jaħdmu flimkien mingħajr ma jfixklu ’l xulxin.  Ir-riżultat tal-istudji li saru, il-ġudizzji u l-konsulazzjonijiet li wasslu għat-tħejjija ta’ dawn id-dokument, jistgħu u għandhom jiġu mwasslin fil-livelli kollha tal-Knsija, għaliex jistgħu jkunu jiġi adattati għall-ħtiġiet ta’ kull knisja lokali.  Għandhom ukoll, minn żmien għal żmien, jiġu riveduti u adattati skont kif jitbiddlu l-ħtiġijiet.

 

F’appendiċi għal dan id-dokument qegħdin nissuġġerixxu xi elementi li jistgħu jidħlu f’xi pjan pastorali, u xi argumenti li jistgħu jiġu trattati f’xi ittra pastorali jew f’xi dikjazzjoni episkopali, kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq livell djoċesan.  Huma elementi li ttieħdu minn proposti ta’ xi Konferenzi Episkopali jew ta’ professjonisti tal-mass media.

 

 

KONKLUŻJONIJIET

22.  Nagħalqu din l-istruzzjoni pastorali billi ntennu li l-Knisja “tqis il-mass media bħala don ta’ Alla, għaliex, fil-pjan tal-Provvidenza ta’ Alla, għandhom il-għan li jgħaqdu l-bnedmin bejniethom b’rabtiet ta’ aħwa, ħalli b’hekk jagħtu sehemhom fil-pjan tas-salvazzjoni”.[33]  L-Ispirtu s-Santu, kif fl-imgħoddi għen lill-profeti ħa jifhmu l-pjan ta’ Alla permezz tas-sinjali ta’ żminijiethom, hekk illum qed jgħin il-Knisja tfisser is-sinjali ta’ żminijietna, u taqdi l-missjoni profetika tagħha bl-istudju, il-valutazzjoni u l-użu tajjeb – ħaġa llum meħtieġa fondamentalment – tat-teknoloġija u tal-mass media.

 

 

APPRENDIĊI

Elementi għal pjan pastorali tal-mass media

 

23.  Il-qagħda tal-mass media u l-opportunitajiet li għandha l-Knisja fil-qasam tal-mass media jinbidlu minn pajjiż għall-ieħor, u minn djoċesi għall-oħra fl-istess pajjiż.  Minħabba f’dan, il-qagħda tal-Knisja dwar il-media u dwar l-ambjent li joħolqu, tinbidel minn post għall-ehor, u għalhekk il-pjanijiet u l-parteċipazzjoni tal-Knisja jridu jiġu addatati għall-qagħda ta’ kull post li jkun.

 

Kull Konferenza Episkopali u kull djoċesi trid iħejji pjan pastorali sħiħ għall-mass medja: tajjeb li dan isir b’konsultazzjoni mar-rapprezentanti tal-organizzazzjonijiet kattoliċi, nazzjonali u internazzjonali, tal-mass media, u mal-professjonisti tal-mass media tal-pajjiż.  Il-problema tal-mass media jrid ukoll jitqies kull darba li jkun se jitħejja xi pjan pastorali ieħor, ikun liema jkun, ukoll pjan pastorali dwar serviżżi soċjali, dwar edukazzjoni, dwar evanġelizzazzjoni.  Xi Konferenzi Episkopali u xi djoċesijiet ġa għandhom pjanijiet pastorali ta’ din is-sura, li juru x’qegħdin jitolbu l-mass media, igħidu x’inhuma l-għanijiet li jridu jintlaħqu, u jagħtu direttivi prattiċi dwar kif jinstabu l-finanzi meħtieġa u dwar koordinament bejn l-impenji kollha li jitlob il-qasam tal-mass media.

 

Nissuġġerixxu dawn id-direttivi biex ikunu ta’ għajnuna għal dawk li qegħdin iħejju xi pjan pastorali dwar il-mass media, jew qegħdin jaġġornaw il-pjanijiet li hemm.

 

Direttivi għat-tħejjija ta’ pjan pastorali fi djoċesi jew minn Konferenza Episkopali jew Sinodu patrijarkali

24.  Pjan pastorali dwar il-mass media għandu jkollu dawn l-elementi:

a) preżentazzjoni ġenerali tal-pjan, magħmulha permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa li turi lill-ministeri kollha tal-Knisja kif għandhom jużaw il-mass media skont il-problemi u l-ħtiġijiet taż-żmien ta’ llum;

b) inventarju jew aċċertament li juri x’inhi l-qagħda tal-mass media fil-pajjiż li jkun: jitqies il-pubbliku li jagħmel użu mill-mass media, il-produtturi u d-diretturi tal-mass media pubbliċi u privati; ir-riżorsi ta’ finanzi u ta’ teknika; is-sistemi tax-xandir; ir-riżorsi ekumeniċi u edukattivi; x’nies hemm fl-organizzazzjonijiet kattoliċi tal-komunikazzjoni, dawk ukoll li huma membri tal-komunitajiet reliġjużi;

ċ) proposta ta’ strutturi għall-mass media tal-Knisja, strutturi li jridu jgħinu l-evanġelizzazzjoni, il-katekeżi, l-edukazzjoni, is-servizz soċjali, il-kollaborazzjoni ekumenika; strutturi li sa fejn jista’ jkun iħaddnu wkoll ir-relazzjonijiet pubbliċi, l-istampa,  ir-radju, it-televiżjoni, iċ-ċinema, il-videocassettes, il-“computer net-works”, il-telefax u sistemi oħra ta’ telekomunikazzjoni;

d) edukazzjoni dwar il-mass media b’enfasi fuq ir-relazzjoni bejn il-mass media u l-valuri;

e) djalogu pastorali mal-professjonisti tal-mass media, b’mod partikulari bil-għan li jkollhom għajnuna ħa jiżviluppaw il-fidi tagħhom u l-kobor spiritwali tagħhom;

f) suġġerimenti kif jistgħu jinkisbu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, u kif dan il-finanzjament jista’ jiġi żgurat.

 

Il-proċess għat-tħejjija ta’ pjan pastorali għall-mass media

25.  Il-pjan irid jagħmel suġġeriment u jagħti direttivi lil dawk li si jkunu impenjati fil-komunikazzjoni għall-Knisja biex ikunu jafu bil-fatti l-għan tal-ħidma tagħhom u x’għandu jiġi l-ewwel f’din il-ħidma.  Tkun ħaġa tajba li grupp ta’ ħidma, magħmul minn rappreżentanti tal-kleru u tal-professjonisti tal-mass media, ikun imsieħeb f’dan il-proċess, li għandu jkollu żewġ fażi: riċerka u proġettazzjoni. 

 

Il-fażi tar-riċerka

26.  L-elementi ewlenin ta’ din il-fażi huma l-għarfien u siwi ta’ dak li jkun meħtieġ, il-ġbir ta’ informazzjoni, il-ksib ta’ tagħrif dwar pjanijiet pastorali oħra.  Dan jitlob li ssir analiżi tal-ambjent fejn se ssir il-komunikazzjoni, u b’mod partikulari eżami ta’ x’qawwa għandhom jew kemm huma dgħajfin il-programmi reliġjużi fil-mass media li ġa jeżistu, u eżami wkoll ta’ dak li jistgħu joffru dawn il-programmi u x’diffikulatjiet jiltaqgħu magħhom.

 

Hemm tliet suriet ta’ eżami li jistgħu jgħinu fil-ġbir tal-informazzjonijiet meħtieġ: eżami biex wieħed ikun żgur mill-ħtiġijiet li jkun hemm; eżami dwar il-mass media; eżami dwar ir-riżorsi li jista’ wieħed ikollu.  L-ewwel eżami jkun dwar l-oqsma pastorali li jkunu jeħtieġu attenżjoni partikulari mill-Konferenza Episkopali jew mid-djocesi.  It-tieni eżami hu dwar il-metodi li qegħdin jintużaw ħalli wiehed jara x’siwi qed ikollhom il-media, u hekk tkun tista’ tidher il-qawwa jew id-dgħufija tal-istrutturi u l-proċeduri li jkun hemm.

 

It-tielet eżami jservi biex isiru magħrufa r-riżorsi, it-teknoloġija, u n-nies li l-Knisja għandha fil-qasam tal-komunikazzjoni, mingħajr ma tieqaf biss fuq ir-riżorsi proprji tal-Knisja, imma tqis ukoll dawk ir-riżorsi l-oħra li jistgħu jiġu mid-dinja tal-kummerċ, mill-industriji tal-mass media u mill-organizzazzjonijiet ekumeniċi.

 

Il-fażi tal-proġettazzjoni

27.  Wara li jinġabar dan it-tagħrif kollu, dawk li jkun qegħdin iħejju l-pjan pastorali għall-mass media, iridu jqisu x’inhuma l-għanijiet tal-Konferenza Episkopali jew tad-djoċesi dwar il-mass media u x’irid jiġi l-ewwel.  Dan huwa l-bidu tal-fażi tal-proġettazzjoni.  Il-grupp li jkun iħejji l-pjan, waqt li jqis il-qagħda lokali jrid jistħarreġ dawn l-problemi:

 

28.  L-edukazzjoni.  Il-problemi tal-komunikazzjoni u tal-mass media jinteressaw il-livelli kollha tal-ministeru pastorali, dak kollu tal-edukazzjoni.  Għalhekk il-pjan pastorali dwar il-komunikazzjoni għandu jfittex:

a) li jgħid x’edukazzjoni tista’ tingħata fil-qasam tal-mass media bħala parti essenzjali tal-edukazzjoni ta’ dawk kollha li jkunu impenjati fil-missjoni tal-Knisja, kemm jekk huma seminaristi, jew saċerdoti, jew reliġjużi rġiel u nisa, u kemm jekk huma animaturi lajċi;

b) li jħajjar l-iskejjel u l-universitajiet kattoliċi biex iħejju programmi u korsijiet dwar il-mass media skont il-ħtiġijiet tal-Knisja u tas-soċjetà;

ċ) li jissuġerixxi li jsiru minn żmien għal żmien korsijiet, “workshops” u seminars dwar it-teknoloġija, l-amministrazzjoni, il-moralità tal-mass media, għal dawk li fil-Knisja huma responsabbli tal-mass media, għas-seminaristi, għar-reliġjużi u għall-kleru;

d) li jfassal u jwettaq programmi ta’ edukazzjoni u ta’ informazzjjoni dwar il-mass media għall-għalliema, għall-ġenituri u għall-istudenti;

e) li jħeġġeġ l-artisti u l-kittieba biex ixandru l-valuri tal-Evanġelju, huma u jużaw it-talenti tagħhom fl-istampa, fit-tijatru, fir-radju, fit-televiżjoni u fil-films, kemm edukattivi u kemm rikreattivi;

f) li jfittex għall-Knisja triqat ġodda għall-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tal-mass media.

 

29.  Formazzjoni spiritwali u għajnuna pastorali.  Il-professjonisti kattoliċi lajċi tal-mass media u l-persuni l-oħra li jaħdmu fil-mass media kemm bħala ħidma jistennew li l-Knisja tagħtihom formazzjoni spiritwali u għajnuna pastorali.  Għalhekk il-pjan pastorali dwar il-mass media jrid ifittex:

a) li joffri lill-professjonisti tal-mass media okkażjonijiet biex l-esperjenza professjonali tagħhom tistagħna permezz ta’ ġranet ta’ meditazzjoni, ta’ rtiri, ta’ seminars u ta’ gruppi ta’ għajnuna professjonali:

b) li jagħti għajnuna pastorali li ssaħħaħ il-fidi ta’ dawk li jaħdmu fil-mezzi tal-komunikazzjoni u jsostni l-impenn iebes tagħhom li jwasslu l-valuri tal-Evanġelju u l-valuri veri tal-bniedem lid-dinja.

 

30.  Kollaborazzjoni.  Il-kollaborazzjoni tikkonsisti filli jkun hemm tqassim xieraq tar-riżorsi bejn il-Konferenzi Episkopali u d-djoċesijiet, u kemm ukoll bejn id-djoċesi u istituzzjonijiet oħra bħalma huma l-komunitajiet reliġjużi, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet sanitarji.  Għalhekk il-pjan pastorali għall-komunikazzjoni għandu jfittex:

a) li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet u jħajjar għal konsultazzjonijiet bejniethom tar-rappreżentanti tal-Knisja u tal-professjonisti tal-komunikazzjoni, li jistgħu jgħinu ħafna ’l Knisja fl-użu tal-mass media;

b) li jgħin ħa jinstabu mezzi għall-pubblikazzjoni ta’ xogħolijiet f’kollaborazzjoni ma’ ċentri reġjonali jew nazzjonali, u li jgħin fl-iżvilupp tas-sistemi ta’ promozzjoni, kummerċjalizzazzjoni u distribuzzjoni ħa jinqeda ’l kulħadd;

ċ) li jġib ’il quddiem il-kollaborazzjoni bejn il-Kongregazzjonijiet reliġjużi impenjati fil-komunikazzjoni soċjali;

d) li jkun hemm kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet ekumeniċi u ma’ Knejjes u gruppi reliġjużi oħra dwar dak li jista’ jsir, u jkun hemm garanżija li r-reliġjon ikollha postha fil-mass media, kif ukoll fil-qasam tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni, u b’mod partikulari dwar l-użu minn kulħadd tas-satelliti, tad-“data banks”, tal-“cable networks”, tal-“informatiċa” in ġenerali ibda mis-“system compatibility”.[34]

e) li jkun hemm kollaborazzjoni mal-mass media profani, b’mod partikulari dwar kwistjonijiet reliġjużi, morali, etiċi, kulturali, edukattivi u soċjali, li jħassbu ’l kulħadd.

 

31.  Relazzjonijiet pubbliċi.  Ir-relazzjonijiet pubbliċi min-naħa tal-Knisja jitolbu li jkun komunikazzjoni attiva mal-komunità kollha permezz tal-mass media, kemm profani u kemm reliġjużi.  Dawn ir-relazzjonijiet jitolbu li l-Knisja tkun dejjem lesta li twassal lill-komunità l-valuri tal-Evanġelju u tgħarraf x’inhuma l-ministeri u l-programmi tagħha; jitolbu li l-Knisja tagħmel kulma tista’ biex tara li hi tassew xbieha vera ta’ Kristu.  Għalhekk il-pjan pastorali għall-mass media jrid ifittex:

a) li jkun hemm uffiċċju għar-relazzjonijiet pubbliċi mgħammar sewwa b’nies u materjal b’mod li jkun hemm verament komunikazzjoni xierqa bejn il-Knisja u l-komunità kollha kemm hi;

b) li jitħejjew pubblikazzjonijiet, programmi radju u televiżivi u videos ta’ kwalità mill-aħjar b’mod li juru tassew ċar x’inhu l-messaġġ tal-Evanġelju u x’inhi l-missjoni tal-Knisja;

c) li joħloq premji u mezzi oħra ta’ ħajr bħala inkoraġġiment għall-professjonisti tal-mass media;

d) li jiċċelebra Jum il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali bħala mezz biex tingħaraf dejjem aktar l-importanza tal-komunikazzjoni u biex tgħin l-iniżjattiva tal-Knisja  fil-qasam tal-mass media.

 

32.  Riċerka.  Il-pjanijiet tal-Knisja fil-qasam tal-mass media għandhom jitħejjew fuq bażi ta’ riċerka serja f’dan il-qasam, riċerka li tissupponi analiżi u evalwazzjoni sura ta’ nies għax il-ħaġa saret sewwa.  Fl-istudju tal-komunikazzjoni jeħtieġ li jkun hemm post għall-problemi ewlenin li l-missjoni tal-Knisja jista’ jkollha fi ħdan il-pajjiż jew reġjun li jkun.  Għalhekk il-pjan pastorali dwar il-komunikazzjoni jrid ifittex:

a) iħeġġeġ l-istituti ta’ studji superjuri, iċ-ċentri ta’ riċerki u l-universitatjiet biex flimkien jidħlu għal riċerki fondamentali dwar il-ħtiġijiet u t-tħassib tal-Knisja u tas-soċjetà f’dak li għandu x’jaqsam mal-mass media;

b) li juri kif għandha tiġi mfissra fil-prattika r-riċerka li tkun saret dwar il-mass media u kif din tista’ tiġi applikata għall-Knisja;

ċ) li jġib ’il quddiem riflessjoni teoloġika dejjem sejra dwar il-proċessi u l-istrumenti tal-mass media u x’sehem dawn għandhom fil-Knisja u fis-soċjetà.

 

33.  Il-mass media u l-progress tal-popli.  Il-komunikazzjonijiet u l-mass media, milħuqin tassew minn kulħadd, jistgħu jwasslu biex ħafna nies ikunu jistgħu jkollhom sehem fl-ekonomija tad-dinja ta’ llum, jiksbu esperjenza kif ifissru fehmiethom b’mod ħieles, u jagħtu sehemhom għat-tkattir tal-paċi u l-ġustizzja fid-dinja.  Għalhekk il-pjan pastorali għall-komunikazzjoni jrid ifittex:

a) li l-valuri tal-Evanġelju jkollhom influwenza kbira fuq l-attivitajiet kollha tal-mass media llum – mill-pubblikazzjonijiet sa l-informazzjoni bis-satelliti – b’mod li jgħinu ħa tikber is-solidarjetà fid-dinja;

b) li jiddefendu l-ġid ta’ kulħadd u jħarsu d-dritt tar-reliġjonijiet li jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-mass media, billi jieħdu qagħda responsabbli u dokumentata dwar problemi ta’ leġislazzjoni u ta’ politika għall-mass media u dwar l-iżvilupp tas-sistemi tal-komunikazzjoni;

ċ) li jeżaminaw sewwa l-influwenza soċjali tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni l-aktar avanzati biex jiġu evitati firdiet soċjali u taqlib kulturali bla bżonn;

d) li jgħin il-professjonisti tal-komunikazzjoni ħa jgħidu sewwa x’inhuma u jħarsu n-normi morali li fuqhom iridu jimxu, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-qies f’kollox, mal-verità, mal-ġustizzja, mad-diċenza u mar-rispett tal-ħajja;

e) li jħejji pjanijiet li jħajru aktar nies jersqu lejn il-mass media, u hekk dawn ikunu aktar rappreżentati u aktar responsabbli;

f) li jaqdi missjoni profetika billi jitkellem f’waqtu meta jkun hemm il-ħtieġa li jiġu mħarsin il-fehmiet tal-Evanġelju dwar in-natura etika u morali ta’ kwistjonijiet importanti li jolqtu ’l kulħadd.

 

Mill-Vatikan, it-22 ta’ Frar 1992, festa tal-Katedra ta’ San Pietru Appostlu.

 

† John P. Foley

President

 

Mons. Pierfranco Pastore

Segretarju

 


 

[1] Ara Centesimus annus, 12-13.

[2] Redemptoris mission, 37.

[3] Communio et Progressio, 187.

[4] Messaġġ tal-Papa Ġwann Pawlu II għall-Jum il-Vokazzjonijiet Soċjali, 1990.

[5] ibid.

[6] Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, Criteria for Ecumenical and Inter-religious Cooperation in Communications, 1.

[7] Inter mirifica, 4.

[8] Communio et Progressio, 11.

[9] Rum 1, 20.

[10] Ġw 1, 14.

[11] Ef 1, 23; 4, 10.

[12] I Kor 15, 28; Communio et Progressio, 11.

[13] Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, Pornography and Violence in the media: a Pastoral Response, 7.

[14]  Sollicitudo rei socialis, 46.

[15] Gaudium et spes, 11.

[16]  Ara Evangelii nuntiandi, 20.

[17]  Ara Inter mirifica, 3.

[18] Lumen gentium, 1.

[19] Ara Communio et progressio, 12.

[20] Comunio et progressio, 114-121.

[21] Ara C.I.C. can. 212 §2.

[22] Ara C.I.C. can. 212 §2.

[23] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Instructio de ecclesiali theologi vocatione, 30.

[24] Ara ibid. 35.

[25] Evanġelii nuntiandi, 45.

[26] Redemptoris missio, 37.

[27] Ara Centesimus annus, 41.

[28] Christifidelis laici, 44.

[29] ibid. 48.

[30] Ara Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, Orientamenti per la formazione dei futuri sacerdoti circa gli strumenti della communicazione sociale.

[31] Ara Redemptio missio, 17

[32] ibid

[33] Communio et Progressio, 2.

[34] Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, Criteria for Ecumenical and Inter-religious Cooperation in Communications, 14.

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta