ID-DISA’ STAZZJON - Ġesù jaqa’ għat-tielet darba.

 

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

 

Tajjeb għall-bniedem li jerfa’ il-madmad sa minn żgħożitu, li joqgħod waħdu u sieket, meta jgħabbihulu l-Mulej; li qiegħed ħalqu fit-trab – għandu mnejn jifdal xi tama; li jagħti ħaddejh lil min isawtu, li jimtela biż-żebliħ. Għax ma jarmix għal dejjem, lill-bniedem il-Mulej. Għaliex jekk hu jgħakkes, iħenn skond il-kotra ta’ tjubitu. (Mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet. 3:27-32)

 

Meditazzjoni

X’tista’ tgħidilna t-tielet waqgħa ta’ Ġesù taħt is-Salib? Aħna tkellimna dwar il-waqgħa tal-bniedem, il-waqgħa ta’ ħafna Kristjani li tbedu minn Kristu u sabu ruħhom f’sekulariżmu mingħajr Alla. M’għandniex naħsbu wkoll kemm Kristu jbati fil-Knisja Tiegħu? Kemm-il darba s-Sagrament Imqaddes tal-Preżenza Tiegħu jiġi mkasbar, kemm-il darba jkollu jidħol ġewwa qlub vojta u magħġuna fil-ħażen! Kemm-il darba nfaħħru lilna nfusna, mingħajr ma nirrealizzaw li Hu qiegħed hemm! Kemm-il darba il-Kelma Tiegħu tiġi mgħawġa u użata ħażin! Kemm hemm ħmieġ fil-Knisja, u anki qalb dawk li, bħala saċerdoti, imisshom ikunu Tiegħu biss! Kemm  ftaħir u kompjaċenza personali! Kemm nuru ftit rispett lis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, fejn ħu jkun jistenniena, lest biex jerġa’ jqajjimna kull darba li naqgħu! Dan kollu qiegħed fil-Passjoni Tiegħu. It-tradiment mid-dixxipli Tiegħu stess, li ma kenux denn li rċevew Ġismu u Demmu, żgur li ġiegħel lir-Redentur iħoss l-akbar weġgħa; weġgħa li nifditlu qalbu. Aħna nistgħu biss, mill-fond ta’ qlubna, nitolbuh:Kyrie eleison – Mulej, salvana.

 

Talba

Mulej, il-Knisja Tiegħek spiss tidher qisha dgħajsa li ser tegħreq, dgħajsa li qed tagħmel l-ilma minn kull naħa. Fl-għalqa Tiegħek aktar hemm ħaxix milli qamħ. Il-ħwejjeġ maħmuġa u d-dehra tal-Knisja Tiegħek iħawduna. Madankollu aħna stess ħammiġniehom! Aħna stess nittraduk darba wara l-oħra, bil-ħafna kliem żejjed u ġesti xejn xierqa. Ħenn għall-Knisja tiegħek, għall-qalba tagħha wkoll, Adam ikompli jaqa’. Meta naqgħu, niġbduk magħna, u Satana jifraħ u jidħak, għax hu jittama li Int ma tkunx kapaċi tqum minn dik il-waqgħa; hu jittama li l-fatt li Int tiġi mkaxkar mal-waqgħa tal-Knisja Tiegħek, Int tibqa’ mifni u mirbuħ. Imma Int terġa’ tqum. Int qomt, Int qomt mill-imwiet u Int tista’ terġa’ tqum. Salva u qaddes il-Knisja tiegħek. Salvana u qaddisna lkoll.

 

Ngħidu flimkien il-Missierna...

 

Ejja Omm, nixxiegħa ta’ imħabba, agħmel li jien inħoss it-toqol tat-tbatija biex miegħek nitnikket.