IT-TLETTAX-IL STAZZJON - Ġesù mniżżel minn fuq is-Salib.

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek,Inti fdejtna.

Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżżeż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ liema bħalu u qalu: “Dan kien tassew l-Iben t’Alla!”  Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu l-Galilija.  (Matt: 27:54-55)

Meditazzjoni

Ġesù huwa mejjet. Minn qalbu, minfuda mil-lanza tas-suldat Ruman, joħroġ demm u ilma: dehra misterjuża tan-nixxiegħa tas-Sagramenti, il-Magħmudija u l-Ewkaristija, li bihom il-Knisja  hi kontinwament mġedda mill-qalb miftuħa tal-Mulej. Saqajn Ġesù mhumiex miksura, bħal ta’ dawk iż-żewġ rġiel msallba miegħu. B’hekk hu rrevelat bħala l-veru ħaruf ta’ l-Għid, li ebda waħda minn għadmu mhi miksura. U issa, fi tmiem it-tbatijiet tiegħu, huwa ċar li, minkejja il-biża’  li kien inawwar fil-qlub tal-bnedmin, minkejja l-qawwa tal-mibegħda u tal-viljakkerija, hu qatt ma kien waħdu.  Hemm xi fidili li baqgħu miegħu. Taħt is-Salib hemm Marija, Ommu; oħt Ommu; Marija ta’ Magdala; Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosé;  omm ulied Żebedew; u d-dixxiplu  li kien iħobb. Wieħed għani, Ġużeppi minn  Arimatija, jitfaċċa hemm taħt is-Salib: raġel għani jista’ jgħaddi minn għajn il-labra, għax Alla tah grazzja. Hu jidfen lil Ġesù fil-qabar vojt li kellu, ġewwa ġnien. Mad-difna ta’ Ġesù, iċ-ċimiterju sar ġnien, il-ġnien li minnu Adam kien ġie mkeċċi meta warrab il-milja tal-ħajja, lill-Ħallieq. Il-qabar fil-ġnien ifisser li l-ħakma tal-mewt waslet biex tintemm. Membru tas-Sanħedrin ġie wkoll. Kien Nikodemu li lilu Ġesù kien ħabbar il-misteru tat-twelied mill-ġdid bl-ilma u bl-Ispirtu. Anki ġewwa s-Sanħedrin, fejn qatgħuhielu għall-mewt, hemm min jemmen, xi ħadd li jaf u li għaraf lil Ġesù wara mewtu. F’din is-siegħa ta’ niket profond, tad-dlamijiet u tad-disperazzjoni, misterjożament hemm merżuq ta’ tama. ’L Alla  moħbi jkompli jkun ’l Alla tal-ħajja, li dejjem qiegħed hemm. Anki fil-lejl tal-mewt, il-Mulej ikompli jkun il-Mulej u s-Salvatur tagħna. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu, il-familja ġdida tiegħu, tibda tifforma ruħha.

Talba

Mulej int inżilt fid-dlamijiet tal-mewt. Imma ġismek hu fdat f’idejn tajba u mgeżwer f’liżar abjad.Il-Fidi ma mietetx għalkollox; ix-xemx ma niżletx għal kollox. Kemm-il darba tidher li inti rieqed? Kemm hi ħaġa  ħafifa għalina biex nerġgħu pass lura biex ngħidu lilna nfusna: ”Alla huwa mejjet”. Fis-siegħa tad-dlamijiet, għinna biex inkunu nafu li inti għadek hemm. Titlaqniex għal riħna meta nkunu kważi qtajna qalbna. Għinna biex ma nħallukx waħdek. Agħtina l-fedeltà biex negħlbu l-mumenti ta’ taħwid, agħtina mħabba li biha nkunu  lesti biex nghannquk meta inti tidher mitluf, bħalma  Ommok, għal darb’oħra qiegħda terġa’ tgħannqek ma’ sidirha. Għinna, fqar u sinjuri, boloh u għorrief, biex  inħarsu lil hinn mil-beżgħat  u l-preġudizzji tagħna, u biex noffrulek il-ħiliet tagħna, il-qlub tagħna u ż-żmien tagħna, u b’hekk inkunu qegħdin nippreparaw il-ġnien  għall-Qawmien mill-Imwiet.

 

Ngħidu flimkien il-Missierna...

Hija rat lil Iben Maħbub tagħha jmut, mitluq minn kulħadd, waqt li radd ruħu.