IL-MANSWETUDNI FIL-KITBA TAL-QADDISIN

 

Il-qaddisin għarfu d-diffikultà tal-maħfra, eżortaw dwar in-nobbiltà tagħha u stiednu lil min irid jimxi wara Kristu biex jirbaħ il-ġibda għall-korla u  jfittex il-paċi tal-qalb.

 

San Ilarju (ċ.315-367), Isqof ta’ Poitiers u duttur tal-Knisja jikteb li l-manswetudni tiddistingwi lin-Nisrani: “Smajtu x’intqal: Ħobb lil għajrek u obgħod lill-għadu tiegħek...” Il-Liġi kienet tesiġi l-imħabba tal-proxxmu u tħalli l-libertà li wieħed jista‘ jobgħod lill-għadu tiegħu. Imma l-fidi titlob li wieħed iħobb ukoll lill-għadu tiegħu. Il-fidi tkisser il-movimenti ta’ vjolenza li jinsabu fl-ispirtu tal-bniedem, u mhux biss  ma tħallix ir-rabja tat-tpattija, imma tasal sal-punt li tagħmilna nħobbu lil min kien ħati għalina. Li tħobb biss lil min iħobbok tappartjeni anke lill-pagani.

 

Anzi San Ġwann Griżostmu (c. 345-407), duttur tal-Knisja, jara li azzjoni ħażina tista’ tkun grazzja għalina: Liema ħtija jista’ jagħmillek l-għadu tiegħek, meta mqabbla ma’ dak li tagħmel lilek inti stess? Jekk jirbħu fik is-saħna u l-korla wara offiża li għamlulek, inti tiġi mweġġa’ mhux bl-inġurja li tkun saritlek, imma bir-rimors li jitrabba fik. Mela tgħidx: “Offendieni, gideb kontrija, ġab fuqi miżerja kbira”, għax ikun tak okkażjoni biex issaffi lil ruħek mid-dnubiet tiegħek. Aktar ma l-għadu tiegħek joffendik, iktar iqiegħdek fi stat li tikseb minn Alla l-maħfra ta’ dnubietek.

 

Ma setax jonqos li f’kitbiet bikrin insibu referenza għall-qaddis tal-manswetudni, San Stiefnu. Sant Fulġenzju ta’ Ruspe (467-532), Isqof fl-Afrika ta’ Fuq, iqiegħed lil Stiefnu f’post qrib Ġesù: L-imħabba li ġiebet lil Kristu mis-sema fl-art hi dik li refgħet lil Stiefnu mill-art sas-sema. L-imħabba li kienet minn dejjem fis-Sultan, ‘il quddiem xegħlet tiddi fis-suldat. Huwa hemm, wara li kien imħaġġar quddiem għajnejn Pawlu, li Pawlu jimxi wrajh, imsaħħah bit-talb ta’ Stiefnu. Hawn hi l-vera ħajja, fejn Pawlu jaqbel mal-qtil ta’ Stiefnu, imma Stiefnu jifraħ bil-kumpanija ta’ Pawlu, għax l-imħabba twassal il-ferħ tagħha bejn il-persuni. Filwaqt li fi Siefnu l-imħabba rebħet fuq il-mibegħda tal-għedewwa tiegħu, f’Pawlu “l-imħabba għattiet ħafna dnubiet”.

 

Erbatax-il mitt sena wara, Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein) (1891-1942), Karmelitana, martri, kopatruna tal-Ewropa, taqbel bil-mod tagħha ma’ dak li kiteb San Fulġenzju: Daqshekk qrib tat-twelid tas-Salvatur, naraw lil San Stiefnu. X’kien li rregala dan l-unur lill-ewwel wieħed li ta lill-Imsallab ix-xhieda tad-demm tiegħu? Fil-ħeġġa żagħżugħa tiegħu, Stiefnu wettaq dak li l-Mulej iddikjara kif daħal fid-dinja: “Int tajtni ġisem. Hawn jien. Ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” (Lhud 10, 5-7) Jimxi fuq il-passi tal-Mulej f’dak li, skont in-natura, hu forsi għall-qalb umana l-iktar diffiċli, li saħansitra jidher impossibbli. Bħall-Mulej innifsu, wettaq il-kmandament tal-imħabba tal-għedewwa.

 

Il-qaddisin, fosthom San Bernard (1090-1153) jagħtu eżempji ta’ min jeżerċita l-manswetudni imma jitlifha waqt il-prova: Hemm xi karattri li jidhru ġentili ħafna sakemm kollox imur tajjeb għalihom; imma kif imissu ma’ xi ħaġa li tiġihom ħażina jew tiġi kontrihom, tixgħel fihom ir-rabja u joħroġ minnhom duħħan qisu minn vulkan. Lil dawn nistgħu nsejħulhom faħam imkebbes, moħbi taħt l-irmied. Din mhix il-manswetudni li l-Mulej ried jgħallimna u li riedna nixbhuh fiha. Irridu nkunu bħal ġilji qalb ix-xewk, li għalkemm ħerġin minn ponot li jaqtgħu, xorta jibqgħu rotob mingħajr ma jweġġgħu.

 

San Franġisk t’Assisi (1181-1226) javża lill-patrijiet tiegħu biex joqogħdu attenti ma’ xiex jistgħu jiltaqgħu: Morru u ħeġġu lin-nies għall-maħfra ta’ dnubiethom u biex ikollhom il-paċi. Se ssibu fost dawk li jemmnu, nies twajba, li jilqgħuk bil-ferħa u li jisimgħuk bil-qalb kollha. Oħrajn, għall-kuntrarju, li huma bla reliġjon, kburin u vjolenti, li jiċċensurawk, ikunu għalkollox ostili kontrik, imma ara li tieħu dan b’paċenzja umli u li ma tħalli xejn jallarmak.

 

Il-qaddisin kienu jirraġunaw b’mod prattiku dwar il-ġid li joħroġ mill-manswetudni. Insemmu biss żewġ paragrafi ta’ San Franġisk de Sales (1567-1622): Meta se tirranġa ma’ xi ħadd, se tagħmel ftehim biex twaqqaf tilwima, ara li tkun twajjeb kemm tista’. Tirbaħ iżjed malajr meta ċċedi u tumilja ruħek, milli bil-guffaġni u bil-ġlied. Min ma jafx li aktar taqbad dubbien b’uqija għasel milli b’mitt kartell ħall? Jekk hu possibbli, qatt iċċedi għar-rabja jew taċċetta xi skuża biex tiftħilha l-bieb ta’ qalbek. Jekk tinduna li, minħabba d-dgħufija tiegħek, trabbiet fik ir-rabja, ħaddem mill-ewwel saħħtek kollha biex terġa’ ġġib il-paċi u t-trankwillità. Ara wkoll li tqiegħed lil qalbek fil-kwiet. Dan għandu jsir bis-serenitaà u qatt bil-vjolenza.

 

F’waħda mill-ittri li San Ġwann Bosco (1815-1888) kiteb lill-konfratelli tiegħu, jagħtihom pariri kif, min hu afdat bil-formazzjoni taż-żgħar, għandu jġib ruħu meta għandu għax jinkorla: Kemm-il darba, għeżież uliedi, fil-karriera twila tiegħi, kelli nikkonvinċi lili nnifsi b’din il-verità: hu dejjem eħfef li tinkorla milli tieħu paċenzja, li ċċanfar tifel milli tipperswadih! Ngħid ukoll li hu iktar faċli, għan-nuqqas ta’ sabar u kburija tagħna, li nikkastigaw lil min żbalja milli nikkoreġuh u nissoportuh b’fermezza u bi ħlewwa. Irridu nqisu lit-tfal bħallikieku kienu wliedna. Għandna nitbiegħdu mill-korla meta jkollna għalfejn nikkoreġu n-nuqqasijiet tagħhom, jew tal-inqas nimmoderaw il-korla billi b’xi mod naħbuha.

 

San Raphaël Arnéiz Barén (1911-1938), patri Trappist Spanjol, iqiegħed ix-xewqa tiegħu għall-maħfra f’riġlejn Ġesù msallab: Ilbieraħ rajt b’mod ċar dak li jitgħallem biss min jersaq lejk, u li inti waħdek tagħti l-forza fil-provi u fit-tentazzjonijiet; li biss f’riġlejn is-salib tiegħek, li tarak imsallab fuqu, li wieħed jitgħallem il-maħfra, wieħed jitgħallem l-umiltà, il-karità u t-tjubija. Beżqu fuqek, insultawk, ifflaġellawk, sallbuk ma’ salib u, bħala Alla, int ħfirt, skitt b’mod umli u offrejt lilek innifsek. Kemm hu ħelu s-salib ta’ Ġesù! Kemm hu ħelu li ssofri filwaqt li taħfer! Jurini qalbu miftuħa għall-bnedmin u disprezzata. Fejn qatt rajt, u min qatt ħolom daqshekk dulur? Kemm ngħixu tajjeb fil-qalb ta’ Kristu!

Joe Galea