Is-sitt ħsieb li jikkumplimenta l-eżortazzjoni Appostolika, tal-Papa Franġisku IFIRĦU U THENNEW, mill-kitbiet tal-għorrief tal-Knisja dwar valuri relatati mal-Beatitudnijiet.

 

L-IMĦABBA TA’ XULXIN FIL-KITBA TAL-QADDISIN

 

L-imħabba ta’ xulxin kienet tgħaqqad flimkien lill-ewwel Insara. San Ġilormu (347-420) jixhed hekk dwar l-Appostlu Ġwanni, fil-kummentarju tiegħu dwar il-Galatin 6, 10: “Meta xjaħ sew, lil Ġwanni l-Evanġelista kienu jerfgħuh fuq dirgħajn id-dixxipli tiegħu. Ma kellu l-ħila jgħid xejn, ħlief: ‘Uliedi ċkejknin, ħobbu lil xulxin.’ Meta kienu jegħjew  jisimgħuh itenni dejjem l-istess frażi, kienu jistaqsuh: ‘Mgħallem, għaliex dan biss li tgħidilna?’ ‘Għaliex’, kien iwieġeb, ‘dan hu l-kmandament tal-Mulej, u jekk nagħmlu dan biss, ikun biżżejjed.”

 

 

L-imħabba, ir-rigal ta’ Alla, anzi hi Alla nnifsu,[1] tesprimi ruħha fl-imħabba lejn il-proxxmu. Tassew li l-imħabba t’Alla hi l-ewwel kmandament u l-imħabba tal-proxxmu hi t-tieni, imma, fil-prattika, l-imħabba tal-proxxmu tiġi qabel. San Wistin (354-430) jagħti din l-ispjega fl-kummentarju tiegħu dwar il-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Ara li tkun fl-ogħla ta’ ħsibijietek, li inti għandek tħobb lil Alla u lill-proxxmu: ‘Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha; u l-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ Dawn irridu naħsbu fuqhom fil-fond, nimmeditawhom u nipprattikawhom. Bħala ordni, l-imħabba ta’ Alla hi mqiegħda l-ewwel. imma fl-ordni ta’ kif prattikati, l-imħabba tal-proxxmu tiġi l-ewwel. Tassew li meta kkmandak din l-imħabba, f’żewġ preċetti, Hu ma qallekx biex l-ewwel tħobb lill-proxxmu, imbagħad lil Alla, imma l-ewwel lil Alla u mbagħad lill-proxxmu. Imma inti, ladarba lil Alla ma tistax tarah, ikun jistħoqqlok li tarah fl-imħabba tal-proxxmu. Meta tħobb lill-proxxmu, tiftaħ għajnejk u tara lil Alla, kif jgħid ċar San Ġwann: ‘Jekk ma tħobbx lil għajrek li tara, kif tista tħobb lil Alla li ma tarax?’

 

L-imħabba hi fost l-aqwa rigali, kif jikteb San Franġisk de Sales (1567-1622): “Xi drabi, Alla jagħti ċertu għaqda tal-qalb u mħabba tenera lejn il-proxxmu tagħna, li hi wieħed mill-aqwa rigali u l-iktar eċċellenti li t-tjubija Divina tista’ tagħti lill-bniedem.” L-istess San Franġisk de Sales jiġbed l-attenzjoni għal xi antipatija li tista’ ttellfilna l-imħabba lejn il-proxxmu: “Biex niksbu dik l-imħabba lejn il-proxxmu kif ikkmandat mill-Mulej irid ikollna attitudni tajba u ta’ ħbiberija lejn il-proxxmu, l-aktar meta mhux jaqbel magħna u qed idejjaqna minħabba xi difett; għax huwa hemm li ma nsibu fih xejn xi nħobbu, ħlief f’Alla.” Jirreferi b’mod partikulari għal dawk li l-aktar nagħmluha magħhom: “Huma l-eqreb lejna, jgħixu taħt l-istess saqaf u jieklu mill-istess ħobż. Mela jridu jkunu wieħed mill-oġġetti prinċipali tal-imħabba tagħna, u magħhom irridu nipprattikaw l-atti kollha ta’ mħabba vera, li għandha tkun mibnija mhux fuq id-demm u l-laħam, jew fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom, imma għalkollox fuq Alla.”

 

Il-Beatu Charles de Foucauld (1858-1916), eremit u missjunarju fis-Sahara jelenka tliet kategoriji u kif għandna nġibu ruħna magħhom: “Il-lajċi jridu jkunu appostli ma’ dawk kollha li qed jiltaqgħu magħhom: ibda mill-ħbieb u dawk li huma qrib tagħhom, imma mhux biss; il-karità m’hiex ħaġa magħluqa imma tħaddan lil dawk kollha li tħaddan il-Qalb ta’ Ġesù. Trid tingħata lill-proxxmu kollu. Ma’ dawk li nafu, bl-imħabba, bit-tenerezza, bl-affezzjoni fraterna, bl-eżempju tal-virtù, bl-umiltà u bi ħlewwa Nisranija, li tirbaħ lil min iduq dawn il-kwalitajiet. Ma’ xi wħud, mingħajr ma biss inlissnu kelma dwar Alla jew dwar ir-reliġjon, bis-sabar bħalma Alla hu tas-sabar, li nkunu tajbin magħhom bħalma Alla hu tajjeb, li nkunu ħbieb li nagħdru u billi nitolbu. Ma’ oħrajn, billi nitkellmu dwar Alla b’qies li jifilħu, meta nindunaw li qed ifittxu l-verità bl-istudju tar-reliġjon, billi nressquhom lejn saċerdot magħżul tajjeb u kapaċi jkunilhom ta’ ġid. Fuq kollox li nqisu lil kull bniedem bħala ħuna.”

 

 

Għal Santa Tereża Santa Tereża ta’ Lisieux (1873-1897) l-imħabba lejn il-proxxmu hi t-termometru ta’ kemm inħobbu lil Alla: “It-triq l-aktar żgura biex inkunu nafu jekk għandniex l-imħabba ta’ Alla hi li naraw jekk inħobbux lill-proxxmu, għaliex iż-żewġ imħabbiet ma jistgħux jinfirdu. Kun żgur, ukoll, li aktar ma tara lilek innifsek li miexi ’l quddiem fl-imħabba lejn il-proxxmu, iktar tagħmel dan fl-imħabba lejn Alla. Biex naraw kemm inħobbu lil Alla, ir-regola l-aktar żgura hi kemm inħobbu lill-proxxmu. Mela hu importanti li naraw b’attenzjoni kbira kif mexjin f’din il-ħajja qaddisa lejn il-proxxmu, għax jekk hi b’perfezzjoni, kollox ikun miexi sew”.

 

Edith Stein, magħrufa wkoll bħala Santa Tereża Benedetta tas-Salib (1891-1942), martri, tagħti prijorità lill-imħabba tal-poxxmu: “F’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tagħna ma’ ħutna l-bnedmin, l-uġigħ fil-qalb tal-proxxmu jirbaħ fuq kull preċett. Dak kollu li nagħmlu hu mezz għall-fini, imma l-imħabba hi fini fiha nfisha, għax Alla hu mħabba.”

 

Santa Tereża ta’ Calcutta (1910-1997), fundatriċi tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità, tagħti ftit pariri lil min hu fl-appostolat: “Jekk hemm xi ħaġa li tassiguralna l-ġenna, hi l-atti ta’ karità u ta’ ġenerożità li nkunu mlejna ħajjitna bihom. Nafu kemm ġid tista’ ġġib sempliċi tbissima? Aħna nħabbru lill-oħrajn kemm Alla jilqa’, jagħder u jaħfer. Imma aħna x-xhieda ta’ dan? Naraw jekk fina humiex ħajjin l-akkoljenza, il-komprensjoni u l-maħfra? Hemm bżonn li nkunu sinċieri fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u li jkollna l-kuraġġ naċċettaw lil xulxin kif aħna. Ma nistgħaġbux u ma nitħassbux dwar il-waqgħat tagħna u lanqas dawk tal-oħrajn. Ma ninsewx li għadna m’aħniex qaddisin, imma li qed nitħabtu biex insiru hekk. Tinqediex bi lsienek ħlief għat-tajjeb tal-oħrajn, ‘għax mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm.’ Irid ikollna xi ħaġa f’qalbna qabel ma nistgħu nagħtuha; dawk li l-missjoni tagħhom hi li jagħtu, iridu l-ewwel jikbru fl-għarfien ta’ Alla.”

 

Il-frażi famuża ta’ Tereża ta’ Calcutta tiġbor dak li ħaddnet tul ħajjitha: “Sibt il-paradoss, li jekk inti tħobb sakemm tweġġa’, tasal li ma tibqax tweġġa’, imma ssib aktar imħabba.”

 

Joe Galea


 

[1] “Alla hu mħabba”, Enċiklika Deus charitas est, 2005,  ta’ Papa Emeritu Benedittu XVI