Il-ħames ħsieb li jikkumplimenta l-eżortazzjoni Appostolika, tal-Papa Franġisku IFIRĦU U THENNEW, mill-kitbiet tal-għorrief tal-Knisja dwar valuri relatati mal-Beatitudnijiet

 

ID-DISPREZZI FIL-KITBA TAL-QADDISIN

 

San Girgor ta’ Narek (c.944-c.1010), raħeb u poeta Armen, juri kemm Ġesù ta valur lid-disprezzi, li hu stess ħaddan fil-Passjoni tiegħu u rċevihom bir-rassenjazzjoni. San Girgor jindirizza hekk lil Ġesù: “B’biża’ mħallat bil-ferħ, inħoss li hu xieraq li ngħid xi ħaġa dwar it-tbatijiet li inti għaddejt minnhom għalija, inti Alla ta’ kulħadd. L-ewwel, fit-tribunal ta’ bnedmin li inti ħlaqt, inti ma lissintx kelma, inti li ħlaqt il-kelma; m’għollejtx leħnek, inti li ħlaqt l-ilsna; m’għajjatx, inti li tmexxi d-dinja. Inti ma qegħidtx fil-mistħija lil min telqek għat-turmenti tal-mewt; int m’għamiltx reżistenza lil min rabtek, u waqt li tawk fuq wiċċek, ma ħadthiex kontrihom. Meta beżqu fuqek, int ma nsultajthomx, u meta tawk bil-ħarta, inti ma ċċaqlaqtx. Meta ddieħqu bik, inti ma nkurlajtx, meta waqqgħuk għaż-żufjett, inti ma ħbejtx wiċċek (Is 50, 7)[1]. Lanqas ma ċanfarthom, inti li int l-għajn tal-ħajja, meta lestew biex iġġorr l-għodda tal-mewt tiegħek. Inti lqajt is-salib b’ġenerożita’, u ħadtu fuqek bi ħlewwa. Erfajtu bis-sabar, tgħabbejt bħallikieku kont wieħed ħati, bil-għuda tad-dulur.”

 

Stampa San Tumas ta’ Akwinu

 

F’din it-talba, San Tumas ta’ Akwinu (1225-1274) jrodd ħajr lil Alla għall-ħwejjeġ penużi. “Mulej, qiegħed f’ordni l-ħajja tiegħi, u dak li tridni nagħmel, agħtini d-dawl biex ninduna bih u agħmel li nwettqu kif meħtieġ u kif inhu utli għas-saħħa ta’ ruħi. Agħmel li nersaq lejk, Mulej, bi triq żgura, bi triq tajba, bi triq li ma tintilifx bejn dak li jogħġobni u dak li ma jogħġobnix, hekk li rroddlok ħajr kemm fil-ħwejjeġ prosperi kif ukoll li nżomm is-sabar fil-ħwejjeġ penużi. Tħallix li jien nedha b’dawk tal-ewwel jew inbatti f’dawk tat-tieni. Mulej, agħmel li kull ferħ li mhux ġej minnek idejjaqni, u li ma nixtieq xejn li mhux mogħti minnek.”

 

Sekli qabel, San Ġilormu (347-420) kien stqarr: “Nirringrazzja lil Alla li jiena nstabt denn li nkun mibgħud mid-dinja.”

 

Meta nsemmu lil San Benedittu Ġużeppi Labre, li għex bejn l-1748 u l-1783, tiġi f’moħħna t-talba famuża tat-‘Tlett Iqlub f’Qalb Waħda’, li kiteb fl-1771. “O Alla tiegħi, agħtini, biex inħobbok, tlett iqlub f’qalb waħda. L-ewwel qalb għalik, safja u mimlija ħeġġa bħal fjamma, li żżommni dejjem fil-preżenza tiegħek, biex ngħix għalik, u, fuq kollox, nilqa’ bis-sabar il-provi li jiġuni u li rrid nirbaħ tul il-ħajja tiegħi. It-tieni qalb tal-laħam, ħelwa mal-oħrajn u mimlija mħabba, li tgħinni ntaffilhom l-għatx spiritwali, ħalli jistrieħu fil-kelma tiegħek, u biex inkun xhieda tiegħek filwaqt li nitlob għalihom. It-tielet qalb, tal-bronż, ħarxa miegħi nnifsi, li tagħmilni sid fuq il-ġibdiet tal-ġisem, li tħarisni minn kull imħabba lejja nnifsi, li teħlisni mill-ebusija ta’ rasi, li twassalni għat-tgħakkis u tħeġġiġni biex nirbaħ id-dnub. Għax jiena naf li aktar ma naħkem it-tħajjir tan-natura, ikbar ikun il-ferħ li Inti se timlieni bih fl-eternità.”

 

San Franġisk t’Assisi, (1181-1226) jassoċja l-imħabba lejn id-disprezzi mal-purità tal-qalb, meta jsemmi s-sitt beatitudni, dik tas-safa’: “Huma safja f’qalbhom dawk li jiddisprezzaw il-ħwejjeġ tad-dinja u jfittxu dejjem dawk tas-sema, li qatt ma jieqfu milli jaduraw u jikkontemplaw lill-Mulej Alla, ħaj u veru b’qalb safja u b’moħħ safi.”

 

Bħala nies tad-demm u l-laħam, il-qaddisin fehmu li l-imħabba lejn id-disprezzi tisboq dak li ma jogħġobx lin-natura tal-bniedem, kif jikteb, San Franġisk de Sales (1567-1662): “Meta nkunu disprezzati, hi reazzjoni umana li nħossuna mnikkta. Imma li tifraħ f’okkażjonijiet bħal dawn, hu sinjal ta’ perfezzjoni spiritwali.”

 

Is-saċerdot martri San Fidiel ta’ Sigmaringen, Ġermanja, (1578-1622), jħossu ħati jekk ma jimitax lil Ġesù fid-disprezzi li ġarrab fil-Passjoni. “Ħażin għalija li nġib ruħi bħala suldat b’nofs qalb fis-servizz tal-kaptan tiegħi, inkurunat bix-xewk.”

 

Dan hu rifless f’San Ġwann Marija Vianney, il-Kurat t’Ars, (1786-1859): “Meta jkollna nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobniex, ejjew ngħidu lil Alla: ‘Alla tiegħi, irrid noffrilek dan għall-ġieħ tal-mument li inti mitt għalija.” “Ħsibt li jiġi żmien meta n-nies ikeċċuni bil-bsaten minn Ars, meta l-isqof jissospendini, u nispiċċa l-ġranet tiegħi fil-ħabs. Nara, imma, li jiena ma jistħoqqlix din il-grazzja.”

 

Stampa San Vincenz de Paul

 

U f’San Vinċenz de Paul (1581-1660): “Alla, biex jipprokura l-glorja tiegħu, xi drabi jippermetti li aħna nkunu diżunurati u ppersegwitati mingħajr raġuni. B’hekk jixtieq li jagħmilni konformi ma’ Ibnu, li ġie kkalunjat u ttrattat bħala xewwiexi u wieħed maħkum mix-xitan.”

 

Meta Santa Tereża ta’ Lisieux tirrifletti dwar il-pariri ta’ Ġesu’ f’Mattew 5, 40, “u min irid iħarrkek biex jeħodlok il-libsa, agħtih il-mantar uk”, hi tispjega x’inhu dan għaliha. “Tħalli l-mantar tiegħek, għalija jfisser li tiċċaħħad mid-drittijiet l-aktar għeżież tiegħek u tqis lilek innifsek bħala seftur, l-ilsir tal-oħrajn. Meta wieħed ineħħi l-mantar minn fuqu, ikun eħfef li jimxi, li jiġri. Għalhekk Ġesu jkompli: ‘u jekk xi ħadd idejqek mil wieħed, mur miegħu tnejn.’ Mhux biżżejjed li nagħtu lil xi ħadd dak li jitlobna, imma rridu mmorru lil hemm mix-xewqat tagħna, milli nħossuna obbligati u unurati li qed naqdu lill-oħrajn.” L-imħabba tissaħħah bis-sagrifiċċji; aktar ma r-ruħ tiċħad is-sodisfazzjonijiet naturali, iktar it-tenerezza tagħha tissaħħah u tiddiżinteressa ruħha. Kemm jien ferħana issa, meta niftakar li fil-bidu jiena kont imċaħħda mill-ħajja reliġjuża. Nifraħ minn issa bil-premju mwiegħed lil dawk li jitqabdu b’kuraġġ. M’għadnix inħoss iżjed il-bżonn li niċħad il-konsolazzjonijiet kollha tal-qalb, għax ruħi hi msaħħa b’Dak li lilu biss irrid inħobb. Nara li meta wieħed iħobb lil Alla, il-qalb tikber, għax Alla jagħti b’iktar tenerezza lil dawk li huma għeżież għalih minn dawk li huma konċentrati fl-imħabba egoista u li ma ġġibx frott.”

 

[1]  Iżaija 50, 6: “Irħejt dahri lil dawk li kienu jsawtuni, u ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli l-leħja; wiċċi ma ħbejtux mit-tagħjir u l-bżieq.”