Laikos

Lejn is-Salib wara Ġesù ma' Marija

Miktuba partikularment għas-Sena Marjana ċelebrata fid-Djoċesi ta' Għawdex fl-2019.

 

Diversi meditazzjonijiet oħra tat-Triq tas-Salib ta' Kristu tista' ssibhom fil-Laikos ...

 

 

VIA SAGRA

FIS-SENA MARJANA – RANDAN 2019

 

 

Talba tal-bidu:

 

O Verġni mbierka, Omm tad-Duluri, int imxejt ma’ Ibnek Ġesù t-triq kollha tas-Salib u sseħibt miegħu fil-Passjoni tiegħu. Agħtini l-grazzja li, waqt li naħseb fuq it-tbatijiet tiegħu, nimxi flimkien miegħek bis-salib tiegħi fuq il-passi ta’ Ibnek Ġesù.

 

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 1: Ġesù kkundannat għall-mewt

 

O Marija, il-qalb tiegħek ta’ Omm inqasmet bin-niket int u tisma’ dik il-kundanna inġusta, meta kont taf li Ibnek ma kien għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt. Agħtini l-grazzja li qatt ma niġġudika lil ħadd biex ma nkunx jien il-kawża li Kristu Ibnek jibqa’ jiġi kkundannat illum ukoll f’ħuti l-bnedmin.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 2: Ġesù jiġi mgħobbi s-salib

 

O Marija, kemm xtaqt ħadtu fuq spallejk int dak is-salib tqil ta’ Ibnek Ġesù! U żgur li xtaqt tissallab int minfloku! Imma flimkien ma’ Ibnek ħaddant dak is-salib f’qalbek u miegħu ntlaqt fir-rieda tal-Missier. Għinni, Marija, biex ma nibżax mis-salib tiegħi imma nħaddnu jien ukoll u bħalkom nintelaq fir-rieda tal-Missier.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 3: Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba

 

O Marija, li tara lil Ibnek fl-art, taħt it-toqol tas-salib, kienet prova kbira wisq għalik, u x’ma xtaqtx tagħmel biex tgħinu jerġa’ jqum! Imma fil-waqgħa ta’ Ibnek Ġesù inti tilmaħ il-waqgħat kollha tagħna l-bnedmin. Agħmel, o Marija, li f’kull waqgħa tiegħi nerfa’ għajnejja lejk u fik insib il-qawwa biex nerġa’ nqum u nkompli l-mixja tiegħi wara Ġesù.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 4: Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija

 

O Marija, x’ħassejt f’qalbek dak il-ħin, meta l-ħarsa tiegħek iltaqgħet mal-ħarsa ta’ Ibnek fit-triq tal-Kalvarju! U kemm ħassejt aktar xħin pruvajt tersaq lejh biex tħaddnu miegħek u l-idejn kiefra tas-suldati firduk minnu! Agħmel, Marija, li ħadd u xejn ma jifridni minnek u minn Ibnek Ġesù, speċjalment fis-siegħa tal-prova tiegħi.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 5: Ġesù jiġi mgħejjun minn Xmun Ċirinew jerfa’ s-salib

 

O Marija, x’konsolazzjoni tagħtek f’qalbek il-preżenza ta’ Xmun iċ-Ċirinew, li rajtu jieħu minn fuq spallejn Ibnek dak is-salib tqil u jġorrulu hu għal ftit! Lil dan il-bniedem barrani ġiegħluh jagħmel dak li xtaqt tagħmel int u ma ħallewkx! Agħtini l-grazzja, Marija, li nkun ta’ Ċirinew għal tant ħuti bnedmin li qed ibatu, u hekk intaffi ftit mit-tbatija tal-qalb tiegħek u ta’ Ibnek Ġesù.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 6: Il-Veronika tixxotta l-wiċċ kollu dmija ta’ Ġesù

 

O Marija, konsolazzjoni oħra ħassejt f’qalbek meta rajt lill-Veronika toħroġ minn qalb il-folla u tersaq lejn Ġesù biex tixxuttalu wiċċu kollu dmija. U kemm apprezzajt meta rajtha tgħannaq ma’ qalbha dak il-maktur imċappas bid-demm għażiż ta’ Ibnek! Urini, Marija, il-valur kbir ta’ dak id-Demm prezzjuż li Ibnek xerred għalija, u li kien il-prezz tal-fidwa tiegħi.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 7: Ġesù jaqa’ għat-tieni darba

 

O Marija, Ibnek jerġa’ jsib ruħu fl-art, taħt is-salib. Qalbek kompliet tiċċarrat bin-niket quddiem it-tbatija u l-umiljazzjoni tiegħu! Imma mill-ġdid ftakart li hu ried jixrob il-kalċi tal-Missier sal-aħħar qatra! Għinni niftakar jien ukoll li f’kull salib u f’kull tbatija tiegħi, anke f’dawk li jiġu fuqi b’mod inġust, jinħeba dejjem il-pjan misterjuż ta’ mħabba tal-Missier għalija.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 8: Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm

 

O Marija, id-dmugħ ta’ dawn in-nisa twajba jingħaqad mad-dmugħ tiegħek. Dawn in-nisa jistgħu jifhmu d-duluri tiegħek u jħossu miegħek, għax huma wkoll għandhom l-ulied. Fit-tbatija ta’ Ibnek Ġesù jaraw it-tbatija ta’ wliedhom, u fit-tbatija tiegħek ta’ Omm it-tbatija tagħhom. Għinni, Marija, biex jien ukoll nitgħallem inbati ma’ min qed ibati u nibki ma’ min jibki.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 9: Ġesù jaqa’ għat-tielet darba

 

O Marija, it-tbatija ta’ Ibnek qiegħda dejjem tiżdied u l-għejja qed tilħaq il-limiti tagħha. In-nies qed jaħsbu li mhux se jasal ħaj sa fuq il-Kalvarju. Imma l-preżenza tiegħek ta’ Omm tagħtih il-qawwa biex jerġa’ jqum u jkompli l-mixja tiegħu. Kun miegħi ukoll, Marija, fil-mixja tas-salib tiegħi, u agħtini l-qawwa biex ma naqtax qalbi imma nibqa’ miexi sal-aħħar wara Ibnek Ġesù.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 10: Ġesù jiġi mneżża’ minn ħwejġu

 

O Marija, x’umiljazzjoni u tbatija ġarrabt f’qalbek meta rajt lil Ibnek jiġi mneżża’ minn ħwejġu fuq il-Kalvarju! Neżżgħuh mid-dinjità tiegħu! Umiljawh quddiem id-dinja! Illum ukoll, Ibnek għadu jiġi mneżża’ f’tant ħutna bnedmin imkasbra u umiljati. Agħtini l-grazzja, Marija, li nibqa’ nirrispetta lil kull bniedem u ma nkunx jien il-każwa li xi ħadd minn uliedek jiġi mneżża’ mid-dinjità tiegħu.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon11: Ġesù jiġi msammar mas-salib

 

O Marija, wara l-flaġellazzjoni u l-inkurunazzjoni bix-xewk, wara ż-żebliħ u s-swat bla ħniena fit-triq tal-Kalvarju, issa tara lil Ibnek jiġi msammar mas-salib. Dawk l-imsiemer li nifdulu jdejh u riġlejh daħlu aktar f’qalbek milli f’ġismu. Kull daqqa tal-martell ħassejtha bħal daqqa ta’ stallett ġo qalbek! Aħfirli, Marija, għax dawk id-daqqiet kienu kollha konsegwenza ta’ dnubieti. Aħfirli, u għinni ma nkomplix noffendi lil Ibnek Ġesù.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 12: Ġesù jmut fuq is-salib

 

O Marija, issa Ibnek jinsab mislub, merfugħ ’il fuq bejn sema u art. Ħajtu waslet fit-tmiem. Qed itenni l-aħħar kelmiet. Il-prezz tal-fidwa tiegħi kważi tħallas għal kollox. U minn fuq is-salib nisimgħu jgħidli: “Hawn hi Ommok”, u lilek: “Hawn hu ibnek”. Grazzi, Marija, talli aċċettajt li tkun l-Omm tiegħi. Għinni ngħix ta’ veru ibnek u mmut imħaddan miegħek u ma’ Ibnek Ġesù.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

 

 

Stazzjon 13: Ġesù jiġi mniżżel mis-salib u mogħti f’dirgħajn Ommu Marija

 

O Marija, fl-eqqel tad-duluri tiegħek, għandek almenu x-xorti li terġa’ tħaddan lil Ibnek miegħek, għalkemm issa mejjet... X’għadda minn moħħok u minn qalbek, Marija, f’dawk il-mumenti hekk iebsa! Irrid nishar miegħek, Omm ħelwa tiegħi, u naqsam miegħek fit-tbatijiet tiegħek. Agħtini l-grazzja li nkompli f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Ibnek Ġesù, għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Stazzjon 14: Ġesù midfun f’qabar ġdid

 

O Marija, rajt lil Ibnek ibati fil-passjoni u fl-agunija, rajtu jmut fuq is-salib, u issa tarah imqiegħed fil-qabar... almenu issa mistrieħ! Il-passjoni tiegħu ntemmet, imma tiegħek għadha sejra... Il-ġerħa ta’ qalbek għadha miftuħa. Imma f’dan kollu inti tibqa’ hemm, wieqfa, sal-aħħar! Tibqa’ temmen u tittama, temmen u tafda, temmen u tistenna, għax taf li dan Ibnek ser jerġa’ jqum! O Marija, saħħaħ fija l-fidi fi Kristu Ibnek rebbieħ fuq il-mewt. Laqqagħni miegħu ħaj, illum!

 

Glorja...

 

Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.

Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Nadurawk, o Ġesù, u mberkuk,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Talba tal-aħħar:

 

O Verġni mbierka, Omm tad-Duluri, stampa fil-qalb tiegħi l-Passjoni u l-mewt ta’ Ibnek Ġesù, u għinni nsib fil-Pjagi tiegħu l-fejqan tiegħi. Għallimni mmut kuljum, fl-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum, biex miegħu wkoll nirxoxta kuljum għal ħajja ġdida. Ammen.

 

Sliem għalik, Sultana, Omm tal-ħniena