IL-VERĠNI MARIJA

FL-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

VERBUM DOMINI

Minn Patri Marcello Ghirlando OFM

 

 Ejjew nagħtu titwila lejn id-diversi siltiet li fihom il-Papa jsemmi lil Verġni Marija, Omm Ġesù u Ommna lkoll, fil-kuntest tal-Eżortazzjoni Appostolika. Niftakru li l-Papa żgur li ma setax ma jsemmix lill-Verġni Mbierka Marija fil-kuntest ta' dan id-diskors twil fuq il-Kelma ta' Alla. Dan għaliex Marija hija Omm Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta' Alla,dak li “Il-Mulej fiH qassar il-Kelma tiegħu (Iż 10, 23; Rum 9, 28)...L-Iben innifsu huwa l-Kelma, il-Logos: il-Kelma eterna saret ċkejkna – ċkejkna biżżejjed biex toqgħod f'maxtura. Sar tarbija biex aħna nistgħu nilqgħu l-Kelma. Issa l-Kelma mhux biss tinstema'; mhux biss għandha leħen, imma issa l-Kelma għandha wiċċ, wiċċ li aħna nistgħu naraw: dak ta' Ġesù ta' Nazaret” (numru 12).

 

Omm il-Kelma u Omm il-Fidi

 

 Fil-qalba ta' l-ewwel parti tal-Eżortazzjoni Appostolika, Verbum Dei, Il-Kelma ta' Alla, wara li l-Papa tkellem fit-tul fuq il-Kelma ta' Alla bħala l-espressjoni ta' Alla li jitkellem fin-numri 6 - 21, kelma li teħtieġ it-tweġiba tal-fidi tal-bniedem fin-numri 22-28, il-Papa jgħaddi biex jiddedika in-numru 27 u 28 lill-Verġni Mbierka. Isejjaħ lil Marija, “Omm il-Kelma ta' Alla” u “Omm il-Fidi”.

 Nippreżenta traduzzjoni tat-test ta' dawn iż-żewġ numri:

 “Il-membri tas-Sinodu stqarru li l-iskop bażiku tat-Tnax-il Assembleja kien biex 'tiġġedded il-fidi tal-Knisja fil-Kelma ta' Alla'. Biex dan iseħħ jeħtieġ li nħarsu lejn Dik li fiha l-għaqda tal-Kelma ta' Alla u l-fidi kienu perfetti, jiġifieri, lejn il-Verġni Marija, li bl-iva tagħha lill-kelma tal-patt u lill-missjoni tagħha, iġġib fil-milja tagħha l-vokazzjoni divina tal-umanità. Ir-realtà umana maħluqa permezz tal-kelma ssib ix-xbiha l-aktar perfetta tagħha fil-fidi ubbidjenti ta' Marija. Mit-Tħabbira għal Pentekoste hija tidher bħala mara kompletament miftuħa għar-rieda ta' Alla. Hija l-Imnissla minngħajr Tebgħa, dik li Alla għamilha 'mimlija bil-grazzja' (ara: Lq 1, 28) kompletament doċli għal kelma tiegħu. Bħala Verġni dejjem attenta għal kelma ta' Alla, tgħix kompletament f'sintonija ma' dik il-kelma; hija tgħożż f'qalbha l-ġrajjiet marbutin ma' Binha, u tghaqqadhom flimkien f'mużajk uniku (ara: Lq 2, 19. 51)”.

 “Fi żminijietna jeħtieġ li l-fidili jiġu mgħejjuna biex jaraw b'mod aktar ċar ir-rabta li hemm bejn Marija ta' Nazaret u l-atteġġjament tal-fidi mlaqqam fis-smigħ tal-Kelma ta' Alla. Ninkuraġġixxi anke lill-istudjużi biex jistudjaw ir-relazzjoni li tgħaddi bejn il-Marjoloġija u t-Teoloġija tal-Kelma. Dan jista' jgħin kemm lill-ħajja spiritwali kif ukoll lill-istudji bibliċi u teologiċi. Fil-fatt, dak li l-għarfien tal-fidi għinna biex nagħarfu fuq Marija, għandu postu fil-qalba tal-verità nisranija. L-inkarnazzjoni tal-kelma ma tistax tiftiehem jekk mhux fid-dawl tal-libertà ta' din iż-żagħżugħa li bl-ilqugħ tagħha ħadet sehem sħiħ għad-dħul ta' dak li huwa etern fiż-żmien. Marija hija x-xbiha tal-Knisja li tisma' b'attenzjoni il-kelma ta' Alla, dik il-kelma li saret ġisem fiha. Marija hija anke s-simbolu tal-ftuħ lejn Alla u lejn l-oħrajn; smigħ attiv li jinterjorizza u jassimila l-istess Kelma, smigħ li jsir mod ta' ħajja”.

 “Hawnhekk nixtieq infakkar fil-familjarità li Marija kellha mal-Kelma ta' Alla. Dan jidher b'mod ċar fil-Magnificat. Hawnhekk naraw f'certu sens kif hi tidentifika ruħha mal-Kelma, titlaqqam fiha; f'dan il-kantiku ta' fidi meraviljuż, il-Verġni tgħanni t-tifħir tal-Mulej bl-istess Kelma tiegħu. Il-Magnificat – nistgħu ngħidu espressjoni ta' ruħha – huwa minsuġ bil-ħjut meħudha mill-Iskrittura Mqaddsa, ħjut meħuda mill-Kelma ta' Alla. Hawnhekk naraw kemm Marija kienet qrib il-Kelma ta' Alla, kemm kien faċli għaliha tidħol u toħroġ mill-Kelma. Hija titkellem u taħseb bil-Kelma ta' Alla; il-Kelma ta' Alla ssir il-kelma tagħha, il-kelma tagħha toħroġ imdawwla mill-Kelma ta' Alla. Hawnhekk naraw kif ħsibijietha huma sintonizzati mal-ħsibijiet ta' Alla, kif ir-rieda tagħha hija f'għaqda mar-rieda ta' Alla. U għaliex Marija hija kompletament meħuda mill-Kelma ta' Alla, hija setgħet issir Omm il-Kelma Inkarnata”.

 “Meta nħarsu aktar lejn Omm Alla, naraw kif il-ħidma ta' Alla fid-dinja titlob dejjem il-kunsens ħieles tagħna; dan għaliex permezz tal-fidi l-kelma divina tibdilna. Il-ħidma appostolika u pastorali tagħna qatt ma tista' tkun effettiva jekk ma nitgħallmux minn Marija nkunu iffurmati mill-ħidma ta' Alla fina: l-attenzjoni devota u mimlija mħabba lejn il-figura ta' Marija bħala l-mudell u l-ewwel eżempju tal-fidi tal-Knisja hija importanti ħafna biex fi żminijietna tinbidel għall-aħjar ir-relazzjoni tal-Knisja mal-Kelma, kemm fis-smigħ tagħha maqgħud mat-talb, kif ukoll fl-impenn ġeneruż fix-xandir tal-Kelma”.

 “Aħna u nikkontemplaw f'Marija ħajja totalment iffurmata mill-Kelma, nindunaw li aħna wkoll mistiedna nidħlu fil-misteru tal-fidi, li biha Kristu jidħol jgħammar f'ħajjitna. Kull Nisrani li jemmen, ifakkarna Sant'Ambroġ, b'xi mod inissel ġewwa fiha u jwelled il-Kelma ta' Alla: anke jekk hemm biss Omm waħda ta' Kristu fil-ġisem, fil-fidi Kristu huwa nisilna lkoll. Dak li seħħ f'Marija jista' iseħħ fina kuljum, fis-smigħ tal-Kelma u fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti”.

 Fin-numri 21 – 49 il-Papa jitkellem fit-tul fuq l-Interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa fi ħdan il-Knisja. Fin-numri 48- 49, il-Papa jistqarr “li kull interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa mhijiex sħiħa jekk ma tinkludix dawk li għixu verament il-Kelma ta' Alla, jiġifieri l-Qaddisin”. Huma biss jistgħu jagħtuna l-interpretazzjoni l-aktar profonda tal-Kelma li bidlithom b'mod sħiħ. Anke jekk hawn il-Papa ma jsemmix espiliċitament lil Marija, żgur li hija hi l-ewwel interpretu tal-Iskrittura Mqaddsa b'ħajjitha, kif jinsisti l-Papa fin-numri kollha ta' din l-Eżortazzjoni Appostolika li fiha jippreżenta lill-Verġni Marija.

 

'Baqgġet tgħożż f'qalbha'

 

 Fit-Tieni Parti tal-Eżortazzjoni Appostolika, Verbum in Ecclesia, Il-Kelma fil-Knisja, il-Papa jitkellem fit-tul fuq kif il-Knisja tilqa' l-presenza u l-leħen tal-Imgħallem tagħha fil-Kelma ta' Alla. In-numri 52 – 71 huma kollha ddedikati lill-Liturġija bħala l-post privileġġjat għas-smigħ u ċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta' Alla, filwaqt li n-numri 72 – 89 jitkellmu mill-Kelma ta' Alla fil-ħajja tal-Knisja, b'insistenza fuq il-formazzjoni biblika tal-Insara, tal-Ministri Sagri u tar-Reliġjużi. Hu f'dan il-kuntest aktar wiesa li l-Papa jitkellem mill-Verġni Mbierka għal darbtejn.

 Fin-numri 86 u 87, il-Papa Benedittu jitkellem fuq il-prassi tat-talb imsejjes fuq il-qari tal-Kelma ta' Alla (Lectio Divina). Hu jippreżenta l-ħames mumenti li wieħed jista' jgħaddi minnhom biex jitlob b'frott fuq il-Kelma: il-qari attent tal-Kelma (Lectio – X'inhi tgħid is-silta biblika fiha nnifisha?); il-meditazzjoni fuq il-Kelma (Meditatio – X'inhi tgħid il-silta biblika lili, f'dan il-mument); it-talb (Oratio – X'ser ngħid lil Alla wara li smajtu - is-silta biblika tqanqalni għat-talb ta' tifħire, jew ta' ringrazzjament, jew ta' interċessjoni, jew talb penitenzjali); il-kontemplazzjoni (Contemplatio – x'tip ta' konverżjoni qed jitlob minni l-Mulej); l-azzjoni (actio – il-Kelma tqanqalni biex ningħata lill-oħrajn fl-imħabba).

 Fid-dawl tal-prassi tal-Lectio Divina, il-Papa jgħaddi biex jippreżenta lil Marija bħala mudell: “Insibu s-sintesi suprema u l-milja ta' dan il-proċess fl-Omm ta' Alla. Għal kull membru tal-Knisja Marija hija l-mudell tal-aċċettazzjoni doċli tal-Kelma ta' Alla, għaliex hi 'baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha' (Lq 2, 19; 2, 510). Fil-pjan ta' Alla hija skopriet l-għaqda profonda li tgħaqqad ġrajjiet, azzjonijiet u affarijiet li setgħu jidhru mxerrda”.

 Wara din ir-riflessjoni, fin-numru 88, il-Papa jgħaddi biex jitkellem mill-Kelma ta' Alla u t-Talb Marjan li għandu jkun dejjem imsejjes fl-Iskrittura Imqaddsa. Hekk jikteb il-Papa testwalment: “Bil-għarfien tal-għaqda inseparabbli bejn il-Kelma ta' Alla u Marija ta' Nazaret, flimkien mal-membri tas-Sinodu ninkuraġixxi t-talb marjan fost il-fidili, b'mod partikulari fil-familji, għax dan jgħin fil-meditazzjoni tal-misteri qaddisa misjuba fl-Iskrittura Mqaddsa. Għajnuna kbira, per eżempju, hija r-reċta individwali jew komunitarja tar-Rużarju Mqaddes, li jikkontempla l-misteri tal-ħajja ta' Kristu f'għaqda ma' Marija u li l-Papa Ġwanni Pawlu II xtaq jagħmlu aktar għani bil-Misteri tad-Dawl. Xieraq li max-xandira ta' kull misteru jissieħed test bibliku qasira li jdawwal kull misteru' dan jgħin ukoll biex wieħed jimmemorizza siltiet bibliċi qosra li għandhom x'jaqsmu mal-misteri ta' Kristu.”

 “Is-Sinodu irrikmanda wkoll lill-fidili biex jitolbu l-Angelus. Din it-talba, sempliċi imma profonda, tgħinna nfakkru kuljum il-Misteru tal-Verb Inkarnat. Huwa xieraq li l-Poplu ta' Alla, il-familji u l-komunitajiet tal-persuni konsagrati, ikunu fidili għal din it-talba Marjana li tradizzjonalment tingħad filgħodu, f'nofsinhar u filgħaxja. Fl-Angelus nitolbu lil Alla li jagħtina l-grazzja, bl-interċessjoni ta' Marija, li nimitawha filli nagħmlu r-rieda tiegħu u nilqgħu l-Kelma tiegħu f'ħajjitna. Din il-prattika tista' tgħinna nikbru f'imħabba awtentika għal misteru tal-Inkarnazzjoni”.

 Hawnhekk il-Papa jgħaddi biex isemmi l-ġmiel tat-talbiet Marjani antiki tal-Lvant: “Xieraq li nagħarfu, napprezzaw u nużaw anke t-talbiet antiki tal-Lvant Nisrani li jikkontemplaw l-istorja kollha tas-salvazzjoni fid-dawl tat-Theotokos, Omm Alla. Hawnhekk nistgħu nsemmu b'mod partikulari it-talbiet tal-Akathist u l-Paraklesis. Dawn l-innijiet ta' tifħir, kantati f'forma ta' litanija u mlaqqmin fil-fidi tal-Knisja u fl-Iskrittura, jistgħu jgħinu lill-fidili jimmeditaw il-misteri ta' Kristu f'għaqda ma' Marija. Partikolarment, l-innu Akathist lill-Omm Alla – imsejjaħ hekk għax jiġi kantat bilwieqfa – huwa espressjoni għolja tad-devozzjoni Marjana fit-tradizzjoni Biżantina. It-talb b'dan il-kliem jiftaħ il-qlub u tħejjijhom jirċievu s-sliem li ġej minn Alla: ilaqqamna fis-sliem li huwa Kristu nnifsu, imwieled minn Marija għas-salvazzjoni tagħna”.

 

Omm il-Kelma u Omm il-Ferħ

 

 Fit-Tielet Parti tal-Eżortazzjoni Appostolika, Verbum Mundo, Il-Kelma fid-Dinja, il-Papa jitkellem fuq il-Missjoni tal-Knisja li xxandar il-Kelma lid-dinja, Kelma li tqanqal l-istess Knisja biex timpenja ruħha b'mod konkret fil-karità. Hija Kelma li ddawwal il-kultura u tqanqal ukoll għad-Djalogu Interreliġjuż. Fil-Konklużjoni tiegħu l-Papa iħeġġeġ għal Evanġelizzazzjoni ġdida imlaqqma fis-smigħ tal-Kelma ta' Alla. Kelma li tnissel il-ferħ veru f'dawk li jisimgħuha u jilqgħuha. F'dan il-kuntest, fl-aħħar paragrafu (numru 124), il-Papa jerġa' jitkellem minn Marija u jsejħilħa Mater Verbi e Mater laetitiae, Omm il-Kelma u Omm il-ferħ.

 Jikteb testwalment: “Din ir-relazzjoni intima bejn il-Kelma ta' Alla u l-ferħ tidher ċara f'Omm Alla. Biżżejjed niftakru kliem Sant'Eliżabetta: 'Ħienja dik li emmnet f'dak kollu li ntqalilha min naħa tal-Mulej' (Lq 1, 45). Marija hija mbierka għax kellha l-fidi, għaliex emmnet, u b'din il-fidi hija rċeviet il-Kelma ta' Alla fil-ġuf tagħha biex tagħtiha lid-dinja. Il-ferħ li twieled mill-Kelma issa jista' jgħaddi fuq dawk kollha li, bil-fidi, iħallu lilhom infushom jinbidlu mill-Kelma ta' Alla. Il-Vanġelu ta' San Luqa jippreżenta dan il-misteru tas-smigħ u l-ferħ f'żewġ siltiet. Ġesù jgħid: 'Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma u jagħmluha' (8, 21). U f'tweġiba lejn mara minn qalb il-folla li tbierek il-ġuf li ġarru u s-sider li reddgħuh, Ġesù jirrivela s-sigriet tal-ferħ veru: 'Ħienja dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jagħmluha!' (11, 28).Ġesù juri l-kobor veru ta' Marija, u jagħmilha possibli għalina biex nirċievu dik il-hena li titwieled mill-Kelma milqugħa u mgħixha”.

 

 Nixtieq nagħlaq din il-ġabra ta' siltiet mill-Eżortazzjoni Appostolika Verbum Dominis li jitkellmu mill-Verġni Mqaddsa Marija billi naqraw in-numru 89. F'dan in-numru il-Papa Benedittu jitkellem mill-Art Imqaddsa, l-art illi fiha l-Verb sar bniedem fil-ġuf safi ta' Marija ta' Nazaret u għammar fost il-bnedmin.

 “Filwaqt li niftakru fil-Kelma ta' Alla li sar ġisem fil-ġuf ta' Marija ta' Nazaret, il-qalb tagħna issa ddur lejn dik l-art fejn il-misteru tas-salvazzjoni tagħna seħħ, u minn fejn il-Kelma ta' Alla tixtered sal-ibgħad trufijiet tal-art. Bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu, il-Kelma saret ġisem fi żmien speċifiku, f'biċċa art fi truf l-Imperu Ruman. Aktar ma napprezzaw l-universalità u l-uniċità tal-persuna ta' Kristu, aktar nħarsu b'sens ta' radd-il ħajr lejn l-art fejn twieled, għex u ta ruħu għalina Kristu. Il-ġebel li fuqhom mexa l-Feddej għadhom imdawwla bit-tifkira tiegħu u 'jgħannu' l-Bxara t-Tajba. Għal din ir-raġuni l-membri tas-Sinodu fakkru l-espressjoni feliċi li titkellem mill-Art Imqaddsa bħala 'l-Ħames Vamġelu'. Kemm huwa importanti li f'dawn il-postijiet ikun hemm komunitajiet insara, minkejja d-diffikultajiet! Is-Sinodu tal-Isqfijiet esprimew għaqda profonda mal-Insara li jgħixu fl-art ta' Ġesù u li jixhdu għal fidi tagħhom f'Dak li qam minn bejn l-imwiet. L-Insara ta' l-Art Imqaddsa huma msejjħa biex, mhux biss ikunu dawl ta' fidi għall-Knisja universali, imma wkoll li jkunu ħmira ta' armonija, għerf u ekwilibrju fil-ħajja ta' soċjetà li tradizzjonalment kienet, u tibqa', pluralitistika, multi-etnika u multi-reliġjuża”.

 F'dan id-dawl il-Papa tkellem fuq is-sens tal-pellegrinaġġ nisrani: “L-Art Imqaddsa tibqa' illum l-iskop ta' pellegrinaġġ għal poplu Nisrani, post ta' talb u penitenza, kif xehdu kittieba antiki bħalma kien San Ġlormu. Aktar ma ndawwru ħarsitna u qlubna lejn Ġerusalemm tal-art, aktar tikber fina x-xewqa għal Ġerusalemm tas-sema, l-iskop veru ta' kull pellegrinaġġ, flimkien max-xewqa tagħna li l-isem ta' Ġesù, l-isem uniku li jġib il-fidwa, ikun magħruf minn kulħadd (ara: Atti 4, 12)”.