IT-TALB U L-KELMA TA' ALLA

FL-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

VERBUM DOMINI

Minn Patri Marcello Ghirlando OFM

 

 It-tielet titlu tat-tieni parti tal-Eżortazzjoni Apostolika Verbum Domini jitħaddet fuq Il-Kelma ta' Alla fil-Ħajja tal-Knisja (numri 72 - 89). Fin-numri 86 u 87 il-Papa jikteb żewġ paragrafisbieħ fuq kif għandna naqraw il-Kelma ta' Alla f'atteġġjament ta' talb. Fil-prattika jurina kif għandna nitolbubl-Iskrittura Mqaddsa, talb li jissejjaħ 'lectio divina'. Ħalli nimxu pass pass ma' dak li jipproponielna Benedittu XVI.

 

Pedament ta' kull spiritwalità nisranija

 

 L-atteġġjament ta' talb quddiem il-Kelma ta' Alla huwa element fundamentali tal-ħajja spiritwali ta' kull min jemmen, f'kull stat u f'kull ministeru fi ħdan il-Knisja. Il-Papa jistqarr bla tlaqliq: “Il-Kelma ta' Alla hija l-pedament ta' kull spiritwalità nisranija awtentika”. Kien għalhekk li waqt is-Sinodu sar riferiment għal dak li kien inkiteb fil-Kostituzzjoni Dommatika fuq ir-Rivelazzjoni Divina, Dei Verbum, fin-numru 25: “Jersqu għalhekk il-fidili bil-qalb lejn il-Kotba Mqaddsa sew fil-liturġija mqaddsa mogħnija bil-kelma ta' Alla,sew permezz tal-qari devot, sew permezz ta' inizjattivi addattati għal dan l-iskop jew għajnuniet oħra li, bl-approvazzjoni u bl-appoġġ tal-isqfijiet, qegħdin illum, b'mod ta' min ifaħħru, joktru u jixterdu kullimkien. Imma għandhom jiftakru li l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa għandu jkollu miegħu wkoll it-talb biex jista' jkun hemm taħdita bejn Alla u l-bniedem; għax 'meta nitolbu, aħna nitkellmu miegħu; meta naqraw il-Kelma ta' Alla, aħna nisimgħu lilu'.”

 Il-Konċilju Vatikan II, fil-fatt, ried jerġa' ilaqqam il-Knisja fit-tradizzjoni ta' Missirijiet il-Knisja li dejjem ħeġġet lill-insara jersqu lejn il-Kelma ta' Alla f'atteġġjament u fi spirtu ta' talb. Is-silta mid-Dei Verbum li l-Papa jikkwota tagħlaq b'dik il-kelma sabiħa ta' Santu Wistin. Oriġene, wieħed mill-imgħallma l-kbar tal-Iskrittura, ukoll jinsisti li biex wieħed jifhem aħjar l-Iskrittura Mqaddsa aktar milli studju jeħtieġ li wieħed ikun qrib Kristu u jgħix ħajja ta' talb. Kien konvint illi l-aħjar mod biex tagħraf lil Alla hu permezz tal-imħabba.

 Hawnhekk il-Papa jikkwota silta mill-Ittra lil Girgor li dan l-istess Oriġene kien kiteb: “Iddedika lilek innifsek għall-qari tal-Iskrittura Mqaddsa; kun perseveranti f'dan. Aqra bl-intenzjoni li temmen u tingħoħob minn Alla. Jekk waqt il-qari issib ruħek quddiem bieb magħluq, ħabbat u jkun miftuħ għalik minn dak il-ħarries li fuqu Ġesù qal, 'Dak li jħares il-bieb jiftħu'. Meta tiddedika lilek innifsek għall-lectio divina, fittex bil-għaqal u b'fiduċja f'Alla għas-sens tal-Iskrittura Mqaddsa li huwa moħbi fil-milja tiegħu fiha. Imma tkunx kuntent biss li tħabbat u tfittex: biex tifhem il-ħwejjeġ ta' Alla huwa assolutament neċessarju t-talb. Għalhekk il-Feddej tagħna ma qalilniex biss: “fittxu u ssibu' u 'ħabbtu u jitħulkom', imma żied ukoll, 'itolbu u jingħatalkom'.

 

F'għaqda mal-Knisja

 

 Hawnhekk il-Papa juri wkoll illi f'dan kollu wieħed irid dejjem jersaq lejn l-Iskrittura Mqaddsa f'għaqda mal-Knisja. Ma nistgħux nersqu lejn l-Iskrittura b'approċċ individwalistiku għaliex il-Kelma ta' Alla ngħatat lilna biex tibnina fl-għaqda u tgħaqqadna flimkien fil-Verità fil-mixja tagħna lejn Alla. Veru, hija Kelma ndirizzata lejna personalment; imma hija wkoll Kelma li neċessarjament trid tibni l-komunità, trid tibni l-Knisja.

 F'diskors li l-Papa kien għamel lill-istudenti tas-Seminarju Maġġuri ta' Ruma fid-19 ta' Frar 2007, hekk kien stqarr: “Qari flimkien tal-Iskrittura huwa importanti ħafna, għaliex is-suġġett ħaj tal-Iskritturi Mqaddsa huwa l-Poplu ta' Alla, hija l-Knisja...l-Iskrittura mhijex xi ħaġa tal-passat, għaliex is-suġġett tagħha, il-Poplu ta' Alla mnebbaħ minn Alla nnifsu, huwa dejjem l-istess, u għalhekk il-kelma hija dejjem ħajja fis-suġġett ħaj. Huwa importanti li taqra u tagħmel esperjenza tal-Iskrittura f'għaqda mal-Knsija, jiġifieri, max-xhieda l-kbar għal din il-kelma, minn Missirijiet il-Knisja tal-bidu sal-qaddisin ta' żminijietna, sal-maġisteru tal-ġurnata tallum”.

 Għalhekk il-post privileġġjat biex wieħed jisma' fi spirtu ta' talb il-Kelma ta' Alla hija l-liturġija u, b'mod partikulari, l-Ewkaristija, li fiha il-Kelma hija ħajja u taħdem fostna. (It-tieni titlu ta' din it-tieni parti tal-Eżortazzjoni Appostolika hija kollha ddedikata għal din it-tema: Il-Liturġija bħala l-post privileġġjat għas-smigħ tal-Kelma ta' Alla).

 Hawnhekkk, jidhirli jien, il-Papa joħroġ b'intuwizzjoni tassew sabiħa. Hu jgħid illi f'ċertu sens il-qari tal-Kelma ta' Alla msieħeb bit-talb, personali u kommunitarju, irid ikun dejjem marbut maċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristja. Bħalma l-adorazzjoni Ewkaristika tħejji, takkumpanja u tkompli ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, daqshekk ieħor il-qari fi spirtu ta' talb personali u komunitarju tal-Kelma ta' Alla, tħejji, takkumpanja u tapprofondixxi dak li l-Knsija tiċċelebra meta xxandar il-Kelma fil-kuntest tal-Liturġija.

 

Il-Lectio Divina

 

 In-numru 87 il-Papa jikteb fuq il-kif titlob bil-Kelma ta' Alla u jagħti mudell ta' kif wieħed jista' jipprattika l-lectio divina (it-talb fuq il-Kelma ta' Alla). Hu jistqarr li il-lectio divina hija “mhix biss kapaċi tiftaħ it-teżori tal-Kelma ta' Alla lill-fidili imma wkoll tlaqqagħhom ma' Kristu, il-Kelma ħajja ta' Alla”.

 Hawnhekk il-Papa jipproponi l-mumenti bażiċi ta' kif wieħed jista' jitlob bil-Kelma ta' Alla. Il-lectio divina tibda bil-qari attent tas-silta mill-Kelma ta' Alla (lectio). Din turi x-xewqa tagħna li nifhmu l-kontenut veru tas-silta. F'dal-mument wieħed jista' jsaqsi lilu nnifsu: x'inhi tgħid is-silta biblika fiha nnifisha? Huwa importanti li nippruvaw nifhmu x'tgħid is-silta fiha nnifisha. It-tieni mument huwa l-mument tal-meditazzjoni (meditatio). Huwa l-mument li fih nistaqsu lilna nfusna: x'inhi tgħidli s-silta biblika? Hawnhekk irridu nħallu lilnanfusna niġu sfidati mill-Kelma li biha qed nitolu, kemm bħala persuni individwali u kemm bħala komunità. Wara jmiss il-mument tat-talb (oratio) li bih nagħtu tweġiba għal mistoqsija oħra: x'ser ngħidulu lill-Mulej bħala tweġiba għal Kelma tiegħu. Kull talb huwa siewi: kemm jekk nroddu ħajr lil Alla, kemm jekk infaħħruh, kemm jekk nitolbu għall-oħrajn, kif ukoll jekk nippreżentawlu l-ħtiġijiet tagħna. Bit-talb nirċievu l-qawwa tal-bidla li tiġi mill-istess Kelma ta' Alla. Il-lectio divina tagħlaq bil-kontemplazzjoni: nippruvaw nirċievu minn Alla d-don li nkunu fir-rieda tiegħu. Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: x'bidla tal-moħħ, tal-qalb u tal-ħajja qed jitlob minni l-Mulej? Il-Kelma tgħinni nagħmel l-aħjar għażliet fid-dawl tas-sejħa nisranija tiegħi, bħalma jħeġġeġ Pawlu fl-Ittra lir-Rumani 12, 2: “Timxux max-xejra ta' din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta' fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x'inhi r-rieda ta' Alla, x'inhu t-tajjeb li jogħġbu, x'inhu perfett”.

 Hawnhekk il-Papa jfakkar il-kelma qawwija li nsibu fl-Ittra lill-Lhud 4, 12: “Il-Kelma ta' Alls hija ħajja u qawwija, taqta' aktar minn xabla b'żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb”. Il-proċess tal-lectio divina isib il-milja tiegħu fl-azzjoni (actio): meta ħajjitna issir don ta' mħabba lill-oħrajn.

 Dan il-mod ta' talb bil-Kelma ta' Alla, il-Papa jipproponieh lill-kulħadd: lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti u lill-kandidati għas-saċerdozju, lir-Reliġjużi, lill-miżżewwġin u l-familji u lill-insara kollha (ara: numri 78-85).

 

Marija, mudell tas-smigħ

 

 Il-Papa jara f'Marija is-sintesi u l-milja ta' dan il-proċess. Għal kull nisrani Marija hija l-mudell ta' kull min jixtieq jilqa' b'doċilità l-Kelma ta' Alla, hi li dejjem għożżot il-Kelma f'qalbha kif jinsisti San Luqa (2, 19; 2, 51). B'dan l-atteġġjament hija sabet l-għaqda profonda li tgħaqqad, fil-pjan ta' Alla, il-ġrajjiet, l-azzjonijiet u l-ħwejjeġ li setgħu jidhru mifruda minn xulxin.

 Interessanti kif il-Papa jagħlaq dan il-paragrafu. Ifakkar lill-insara li t-talb bil-Kelma ta' Alla jista' jiġi offrut biex wieħed jikseb l-indulġenza kemm għalih innifsu kif ukoll għall-erwieħ tal-mejtin. “Nixtieq infakkar ukoll f'dak li s-Sinodu ippropona fuq l-importanza tal-qari personali tal-Iskrittura, anke bħala prattika li tagħtina l-possibilità, skond il-kundizzjonijiet tas-soltu tal-Knisja, li naqilgħu indulġenza kemm personalment kif ukoll għall-erwieħ ta' ħutna li ħallewna. Il-prattika tal-indulġenżi hija mlaqqma fid-duttrina tal-merti infinitita' Kristu – li l-Knisja bħala qaddejja tal-fidwa, tqassam u tapplika, imma timplika wkoll dik id-duttrina tax-xirka tal-qaddisin, u tgħallimna li fil-mod li aħna maqgħudin ma' Kristu, daqshekk ieħor maqgħudin ma' xulxin, u l-ħajja sopranaturali ta' kull wieħed minna tista' tkun ta' ġid għall-oħrajn”.

 “B'hekk, il-qari tal-Kelma ta' Alla, iqawwina fil-mixja tagħna ta' penitenza u konverzjoni, iseddaqna fis-sens ta' appartenenza għall-Knisja, u igħina nikbru fil-familjarità ma' Alla. Kif igħid Sant'Ambroġ: 'Meta nieħdu f'idejna l-Iskrittura bil-fidi u naqrawhom mal-Knisja, nerġgħu nimxu ma' Alla fil-ġnien'”.

 F'dan il-kuntest, f'nota tal-Penitenzerija Apostolika tas-16 ta' Lulju 1999, insibu miktub hekk: “Indulġenza Plenarja tingħata lill-insara li jaqraw b'devozzjoni u jitolbu bl-Iskrittura Mqaddsa, minn test approvat mill-Knisja, għal almenu nofs siegħa; jekk iż-żmien ikun inqas, jistgħu jirċievu indulgenza parzjali”.