KELMET ALLA FIL-ĦOLQIEN

fl-Eżortazzjoni Apostolika Verbum Domini

Minn Patri Marcello Ghirlando OFM

 

 

 Fl-ewwel parti tal-Eżortazzjoni Apostolika l-Papa jitkellem fuq in-novità tar-rivelazzjoni biblika: Alla juri lilu nnifsu għax jixtieq joħloq djalogu magħna. Jikkwota l-kliem tal-Kostiuzzjoni Dommatika fuq ir-Rivelazzjoni Divina, Dei Verbum 2: “Alla li ma jidhirx fl-imħabba kbira tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb u jgħix magħhom biex jistedinhom u jdaħħalhom f'għaqda miegħu”. Għax Alla jiddjaloga b'imħabba eterna permezz tal-Verb tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u jsejjaħ lil bniedem biex iwieġeb u jingħaqad miegħu.

 Interessanti huwa dak li jikteb il-Papa fin-numru 7 tal-Eżortazzjoni Apostolika. Ifakkar dak li ngħad mill-membri tas-Sinodu fuq il-modi differenti ta' kif nistgħu ninqdew bil-frażi “il-Kelma ta' Alla”. Huma tkellmu “mis-sinfonija tal-kelma”, kelma unika li tiħi espressa b'diversi modi, f'dik li sejħulħa “innu polifoniku”. L-espressjoni “Kelma ta' Alla”, filwaqt li tirreferi għal Alla li jikkomunika lilu nnifsu, għandha wkoll diversi tifsiriet.

 Il-Papa jelenka ħames tifsiriet prinċipali: l-ewwel u qabel kollox, kif juri l-Prologu tal-Vanġelu ta' San Ġwann, Logos, Kelma, jirreferi għall-kelma eterna, l-Iben il-Waħdieni, il-Verb li kien ma' Alla, il-Verb li hu Alla. Din il-Kelma, dan il-Verb “sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1, 14); mela Ġesù Kristu, li twieled minn Marija Verġni, huwa tassew il-Kelma, il-Verb li sar bniedem bħalna f'kollox. Mela l-espressjoni “Kelma ta' Alla” hawnhekk tirreferi għal persuna ta' Ġesù, l-Iben etern tal-Missier, magħmul bniedem għalina.

 It-tieni tifsira li tingħata “lill-Kelma ta' Alla” hija marbuta mal-ħolqien. Il-ġrajja Ġesù Kristu hija l-qofol tar-rivelazzjoni divina, imma rridu niftakru li l-ħolqien, dak li ssejjaħ “il-ktieb tan-natura”, huwa parti essenzjali ta' din is-sinfonija ta' ilħna li bihom titlissen l-unika Kelma.

 It-tielet tifsira nsibuha fl-istorja tas-salvazzjoni. Il-Papa jfakkarna li aħna nistqarru l-fidi tagħna f'Alla li waslilna l-Kelma tiegħu fid-damma tal-istorja tal-fidwa; semma leħnu; bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bħalma nistqarru spiss fil-Kredu, “tkellem b'fomm il-profeti. Il-Kelma ta' Alla taslilna fil-ġrajjiet kollha tal-istorja tas-salvazzjoni li ssib il-qofol tagħha fil-misteru tal-inkarnazzjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Iben ta' Alla.

 Ir-raba' tifsira li tingħata hija dik marbuta mal-kelma li xandru l-Appostli fuq il-kmand tal-Mulej Irxoxt: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15). B'hekk il-kelma ta' Alla hija mgħoddija fit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja.

 Meta ngħidu “Kelma ta' Alla”, fl-aħħarnett inkunu qed nitkellemu mill-Iskrittura Mqaddsa, l-Antik u l-Ġdid Testment miktuba bil-qawwa tal-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu. Il-Papa hawnhekk iżid konsiderzzjoni importanti: “Dan kollu jgħinna biex naraw li, filwaqt li fil-Knisja nagħtu qima kbira lill-Iskritturi Mqaddsa, il-fidi Nisranija mhijiex “reliġjon tal-ktieb”: il-Kristjaneżmu huwa “reliġjon tal-Kelma ta' Alla, mhux ta' kelma miktuba u siekta, imma tal-Kelma inkarnata, tal-Kelma ħajja”. Hu għalhekk li t-tifsiriet kollha tal-espressjoni “Kelma ta' Alla” isibu s-sens veru tagħhom meta huma mlaqqma fiċ-ċentralità tal-persuna ta' Kristu.

 

Id-dimensjoni kożmika tal-kelma

 

 Nixtieq nieqaf ftit u nirriferi għal dak li jikteb il-Papa fin-numru 8 tal-Eżortazzjoni Apostolika. Bih jiżviluppa it-tieni sens tal-espressjoni “Kelma ta' Alla”: jitkellem mid-dimensjoni kożmika tal-kelma.

 Jekk is-sens bażiku ta' “Kelma ta' Alla” jirreferi għal Verb etern ta' Alla magħmul bniedem, għal Ġesù il-Feddej u l-uniku medjatur bejn Alla u l-bniedem, u nisimgħu din il-kelma, niġu immexxija mir-rivelazzjoni biblika biex nikkontemplaw li dan il-Verb huwa l-pedament tar-realtajiet kollha. Hu għalhekk li San Ġwann jistqarr: “kollox sar permezz tiegħu, u xejn ma sar minngħajru”(Ġw 1, 3). San Pawl jistqarr l-istess fl-innu kristoloġiku li nsibu fl-Ittra lill-Kolossin: “Hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha; għax fih kien maħluq kollox...kollox bih u għalih kien maħluq” (Kol 1, 15-17). Anke l-awtur sagru tal-Ittra lil-Lhud jistqarr: “Hu permezz tal-fidi li aħna nemmnu kif Alla ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu, hekk li minn dak li ma narawx sar dak li jidher” (Lhud 11, 3).

 Il-Papa jiddeskrivi dawn il-vrus bħala xandira ta' kelma ta' ħelsien. Għax l-Iskrittura turina li dak kollu li jeżiżti ma jeżiżtix b'kumbinazzjoni imma skond ir-rieda u l-pjan ta' Alla. U fiċ-ċentru ta' dan il-pjan hemm l-istedina li nieħdu sehem fil-ħajja divina offruta lilna minn Kristu. Il-ħolqien jitwieled mill-Logos, mill-kelma u għandu l-marka tar-Raġuni kreattiva li tmexxiha. Hu għalhekk li s-salmi jgħannu: “Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet u b'nifs fommu t-tiżjin tagħhom...hu tkellem u hi saret (Salm 33, 6.9) Ir-realtà kollha tesprimi dan il-misteru, kif insibu f'Salm 19, 1: “Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema”. Hu għalhekk li l-Iskrittura Mqaddsa tistedinna nagħarfu l-Ħallieq fil-kontemplazzjoni tal-ħolqien.

 Hawnhekk il-Papa jagħmel riferenza għal żewġ testi bibliċi sbieħ immens. Kemm l-awtur sagru tal-Ktieb tal-Għerf, kif ukoll San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, jitkellmu mill-grazzja li wieħed jista' jagħraf lill-Ħallieq permezz tal-ħolqien. Fil-każ tal-Ktieb tal-għerf, l-awtur sagru jitkellem mill-bluha tal-pagani li ma għarfux lil Alla permezz tal-ħolqien; San Pawl jitkellem mid-dnub tal-pagani li, anke jekk setgħu għarfu lil Alla mill-ħolqien, ma tawx il-qima li tixraqlu. “Għax fil-kobor u l-ġmiel tal-ħlejjaq jingħaraf, bħal fi xbieha, Dak li jagħmilhom” (Għerf 13, 5). “Għax dak li wieħed jista' jagħraf minn Alla kien, iva, irrivelat lilhom; Alla stess urihulom. Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta' dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħarfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża” (Rum 1, 19-20).

 Hawnhekk il-Papa ifakkar it-tagħlim tad-Duttur Franġiskan San Bonaventura. Dan, imlaqqam fit-tradizzjoni ta' Missirijiet il-Knisja Griegi, stqarr: “kull ħlejqa hija kelma ta' Alla, għaliexkull ħlejqa xxandar lil Alla”. Il-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum 3, hekk tistqarr: Alla li jaħlaq u jżomm il-ħlejjaq kollha permezz tal-Verb, jagħti lill-bnedmin fil-ħħwejjeġ maħluqa xhieda li ma tieqafx tiegħu nnifsu”.

 Fin-numru 9 il-Papa japplika dan id-diskors għal bniedem. Alla ħalaq il-bniedem fuq is-sura u x-xbiha tiegħu, raġel u mara ħalaqhom. B'hekk il-bniedem ġie mżejjen b'doni tal-għaġeb: il-valur tal-ġisem, id-don tar-raġuni, il-libertà u l-kuxjenza. Fid-dawl tal-Kelma ġie mżejjen b'liġi naturali miktuba fuq il-qalb tal-bniedem, liġi li tiġi ipperfezjonata bid-dawl tal-Vanġelu mogħti minn Kristu nnifsu.

 Hekk jikteb il-Papa: “Ir-realtà hija mwielda mill-kelma, bħala creatura verbi, u kollox hu msejjaħ biex jaqdi lill-Kelma. Il-ħolqien huwa l-kuntesti li fiha l-istorja kollha tal-imħbba bejn Alla u l-ħolqien tiżviluppa; għalhekk is-salvazzjoni tal-bniedem hija r-raġuni li tinsab f'kollox. Meta nikkontemplaw id-dinja mill-perspettiva tal-istorja tas-salvazzjoni, nagħarfu l-posizzjoni unika u singulari li għandu l-bniedem fil-ħolqien: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1,27). Dan jgħinna nagħarfu b'mod sħiħ id-doni prezzjużi li rċevejna minngħand il-Ħallieq: il-valur ta' ġisimna, il-libertà u l-kuxjenza. Hawnhekk niskopru dak li t-tradizzjoni filosofika tgħidilha “il-liġi naturali”. Fil-fatt, kull persuna umana li tasal għall-għarfien u għar-responsabilità tesperjenza sejħa interjuri biex tagħmel it-tajjeb u tevita l-ħażen. Kif jistqarr San Tumas t'Akwinu, dan il-prinċipju huwa l-bażi tal-preċetti kollha tal-liġi naturali. Is-smigħ tal-Kelma ta' Alla jmexxina l-ewwel u qabel kollox biex napprezzaw il-bżonn li ngħixu skond din il-liġi “miktuba fuq qalb il-bniedem” (ara: Rum 2, 15; 7, 23). Ġesù Kristu mbagħad jagħti lil bnedmin il-liġi l-ġdida, il-liġi tal-Vanġelu, li tipperfezzjona l-liġi naturali u teħlisna mill-liġi tad-dnub li ġġagħalna nistqarru ma' San Pawl: “Nixtieq dak li huwa tajjeb, imma ma nasalx nagħmlu” (Rum 7, 18). Il-liġi l-ġdida tagħti l-qawwa lil bnedmin biex jieħdu sehem mill-ħajja divina u jirbħu l-eġoiżmu permezz tal-grazzja”.

 

Ir-realiżmu tal-Kelma

 

 Dan id-diskors kollu jwassal lil Papa jikkonkludi billi jagħmel riflessjoni fuq ir-realiżmu tal-kelma. Jgħid li dawk kollha li jagħarfu il-kelma ta' Alla jifhmu aħjar is-sens ta' kull ħlejqa. Għax jekk kollox “iżomm” f'dak li hu “qabel kollox” (ara: Kol 1, 17), dawk li jibnu ħajjithom fuq il-kelma tiegħu jibnu fis-sod.

 Il-Kelma ta' Alla tibdel il-kunċett ta' realiżmu: ir-realist huwa dak li jagħraf fil-kelma ta' Alla l-pedament ta' kollox. Dan huwa realiżmu tant meħtieġ għal żminijietna, meta ħafna affarijiet li fihom nafdaw biex nibnu ħajjitna u nqiegħdu fihom tamietna, juru li jgħaddu malajr. Il-ħwejjeġ materjali, il-pjaċir u l-poter juru, illum jew għada, li mhumiex kapaċi jimlew ix-xenqa l-aktar profondi tal-qalb tal-bniedem. Neħtieġu pedamenti sodi għal ħajjitna. “Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek; hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet” u l-fedeltà tal-Mulej “tibqa' għal dejjem” (Sal 119, 89-90). Kull min jibndi fuq din il-kelma, jibni d-dar ta' ħajtu fuq il-blat (ara: Mt 7, 24).

 Il-Papa jagħlaq b'xewqa li ssir talba: “Jalla qalbna tkun tista' tgħid lil Alla kuljum: “Inti l-kenn u t-tarka tiegħi; fil-kelma tiegħek jien nittama” (Salm 119, 114), u li, bħal San Pietru, nafdaw lilna nfusna fl-azzjonijiet tal-kuljum lill-Mulej Ġesù: “Fuq il-kelma tiegħek, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5, 5).