L-INTERPRETAZZJONI TAL-ISKRITTURA

FL-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

VERBUM DOMINI

Minn Patri Marcello Għrlando OFM

 

 It-tielet titlu tal-ewwel parti tal-Eżortazzjoni Apostolika Verbum Domini jitħaddet fuq l-Interpretazzjoni tal-Iskrittura (numri 29 - 49). Is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2008 ħass il-bżonn li jiddiskuti fit-tul din il-kwistjoni u l-Papa, f'din l-Eżortazzjoni, ried jagħti tweġiba għad-diversi mistoqsijiet li spiss nagħmlu l-Insara fuq il-kif għandna naqraw u ninterpretaw l-Iskrittura Mqaddsa. Dan anke minħabba l-fatt li spiss irridu naħbtu wiċċna ma' diversi membri ta' setet insara li jippruvaw jinterpretaw l-Iskrittura b'kriterji u prinċipji li mhumiex għal kollox tajbin u li nfatmu sewwa mit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja Universali. Ħalli nġibu quddiem għajnejna xi prinċipji fundamentali li jitkellem fuqhom il-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI f'din l-Eżortazzjoni Appostolika.

 

Dei Verbum 12

 Qabel ma naraw fil-qosor dawn il-prinċipji, naħseb li jkun tajjeb jekk inġibu quddiem għajnejna dak li l-Konċilju kien kiteb fuq l-Interpretazzjoni tal-Iskrittura fil-Kostituzzjoni Dommatika fuq ir-Rivelazzjoni Divina numru 12.

 “Billi Alla fl-Iskrittura Mqaddsa tkellem permezz ta' bniedem u bi kliem il-bnedmin, min ifisser l-Iskrittura Mqaddsa, biex jifhem sewwa da li Alla ried igħarrafna, għandu jfittex b'attenzjoni x'fehmu jfissru l-kittieba sagri u x'għoġbu Alla jgħarrafna bi kliemhom”.

 “Biex insibu l-intenzjoni tal-kittieba sagri għandna nagħtu każ ukoll, fost ħwejjeġ oħra, tal-forom letterarji. Għaliex il-verità titqiegħed quddiemna u titfissrilna b'modi differenti, skond jekk it-test ikunx ta' storja jew ta' profezija jew xi forma poetika jew forom oħra ta' espressjoni. Jeħtieġ mela li l-interpretu jfittex is-sens li l-kittieb sagru ried ifisser f'ċirkustanzi determinati, skond il-kundizzjoni ta' żmienu u tal-kultura tiegħu permezz tal-forom letterarji użati f'dak iż-żmien. Għaliex biex tifhem sewwa dak li l-kittieb sagru ried igħid bil-kitba, għandna noqgħodu attenti sew għall-manjieri kif kienu soltu jifhmu jew ifissru rwieħhom jew jirrakkuntaw in-nies fiż-żmien tal-kittieb sagru kemm għall-mod kif kienu jġibu ruħhom bejniethom il-bnedmin f'dak iż-żmien”.

 Imma, billi l-Iskrittura Mqaddsa għandha tinqara u tkun interpretata bl-għajnuna tal-istess Spirtu s-Santu li permezz tiegħu nkitbet, biex wsieħed isib sewwa s-sens tat-testi mqaddsa għandu jħares, mhux b'anqas diliġenza, għal dak li hemm miġbur fl-Iskrittura kollha u għall-unità tagħha, u jżomm ukoll kif jixraq quddiem għajnejh it-tradizzjoni ħajja tal-Knisja kollha u tal-analoġija tal-fidi. Huwa xogħol tal-eżeġeti li jagħtu sehemhom skond dawn ir-regoli biex is-sens tal-Iskrittura Mqaddsa jinftiehem u jitfisser aħjar, u hekk bi studji f'ċertu sens preparatorji jista' jimmatura ruħu l-ġudizzju tal-Knisja. Dak li ntqal s'issa fuq kif għandna ninterpretaw l-Iskrittura fl-aħħar huwa suġġett għall-ġudizzju tal-Knisja li taqdi d-dmir u l-ministeru tagħha ġej minn Alla u tħares u tinterpreta l-Kelma ta' Alla”.

 

Il-Knisja: il-kuntest vitali għall-interpretazzjoni tal-Iskrittura.

 L-interpretazzjoni awtentika tal-Iskrittura Mqaddsa trid neċessarjament issir fil-kuntest vitali tal-fidi u tal-ħajja tal-Knisja. Il-Papa jikkwota d-Duttur Franġiskan San Bonaventura li jistqarr li minngħajr id-don tal-fidi mgħandniex iċ-ċavetta biex niftħu beraħ l-Iskrittura: “Dan huwa l-għarfien ta' Ġesù Kristu li minnu, bħal xmara, toħroġ iċ-ċertezza u l-għarfien ta' kollha kemm hi l-Iskrittura Mqassa. Ma nistgħux naslu għall-għarfien ta' dik il-verità jekk mgħadniex il-fidi fi Kristu, li hija d-dawl, il-bieb u s-sies ta' kollha kemm hi l-Iskrittura”.

 Il-kuntest vitali għall-interpretazzjoni tal-Iskrittura hija l-ħajja tal-Knisja. Dan il-kriterju fundamentali għall-interpretazzjoni tal-Iskrittura joħroġ min-natura stess tal-Iskrittura u l-mod ta' kif din l-istess Skrittura ssawwret. Jekk hija l-fidi u l-ħajja tal-poplu ta' Alla li serviet bħala kuntest vitali tal-awturi sagri, daqshekk ieħor hija l-fidi u l-ħajja tal-Knisja, il-poplu l-ġdid ta' Alla, li jrid ikun il-kriterju awtentiku ta' kif għandha tinqara u tiġi interpreta l-Iskrittura Mqaddsa. Il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Dommatika fuq ir-Rivelazzjoni Divina numru 12 kien saħaq: “L-Iskrittura Mqaddsa trid tinqara u tiġi interpretata fid-dawl tal-istess Spirtu s-Santu li nebbaħha”. Mela, fil-Knisja, kulħadd għandu jersaq lejn l-Iskrittura bħala l-Kelma ta' Alla mwassla lilna permezz ta' kelmet il-bniedem. Il-Bibbja stess tistqarr fil-fatt: “Li l-ebda profezija tal-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. Għax qatt ma ien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bniedem; imma, meta l-bnedmin tkellmu f'isem Alla, dan għamluħ għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu” (2Pt 1, 20-21). Hija l-fidi tal-Knisja li tagħraf fil-Bibbja l-Kelma ta' Alla. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja lill-Knisja, li jagħtiha l-qawwa biex tinterpreta l-Iskrittura b'awtorità. Il-Bibbja hija l-Ktieb tal-Knisja u l-post essenzjali li għandha fil-ħajja tal-Knisja tnissel l-interpretazzjoni ġenwina u awtentika.

 F'dan il-kuntest il-Papa jfakkarna f'parir siewi li kien jagħti San Ġirolmu, li kien jinsisti li l-Bibbja hija leħen il-poplu pellegrin ta' Alla u li fi ħdan il-fidi ta' dan il-poplu biss nistgħu nifhmu l-Iskrittura: li ma nistgħux naqraw l-Iskrittura waħedna. Ma nistgħux naqraw l-Iskrittura miftumim mill-fidi u l-ħajja tal-Knisja. Min jaqra l-Iskrittura waħdu spiss isib ruħu wiċċu mal-ħajt u faċli naqgħu fl-iżball. Il-Papa jistqarr: “Il-Bibbja nkitbet mill-Poplu ta' Alla għall-Poplu ta' Alla, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu. Huwa biss f'komunjoni mal-Poplu ta' Alla li nistgħu flimkien nidħlu fil-qalba tal-verità li Alla nnifsu jixtieq jgħaddielna”. Għalhekk kull interpretazzjoni awtentika tal-Bibbja trid tkun f'armonija mal-fidi tal-Knisja Kattolika. Kull interpretazzjoni tal-Iskrittura trid tkun neċessarjament imlaqqma wkoll fil-fidi u fil-ħajja nisranija mgħixha. Hu għalhekk ukoll li “is-smigħ tal-Kelma ta' Alla tnissel u tkattar il-komunjoni ekkleżjali fost dawk kollha li jimxu bil-fidi” (30).

 

L-Interpretazzjoni tal-Iskrittura skond il-Konċilju Vatikan II

 Wara li l-Papa jagħti sintesi ta' kif il-Knisja ħarset lejn il-metodu storiku-kritiku għall-interpretazzjoni tal-Iskrittura f'dawn l-aħħar tmenin sena, fin-numru 34 tal-Eżortazzjoni hu jerġa' jipproponi l-prinċipju ta' interpretazzjoni propost mill-Konċilju Vatikan II (Dei Verbum, 12): “Billi Alla fl-Iskrittura Mqaddsa tkellem permezz ta' bniedem u bi kliem il-bnedmin, min ifisser l-Iskrittura Mqaddsa, biex jifhem sewwa da li Alla ried igħarrafna, għandu jfittex b'attenzjoni x'fehmu jfissru l-kittieba sagri u x'għoġbu Alla jgħarrafna bi kliemhom”. Il-Konċilju jinsisti fuq l-importanza tal-mod kif kitbu l-awturi sagri (forom letterarji) u l-kuntest storiku li fih kitbu bħala elementi bażiċi biex wieħed jasal jifhem dak li huma riedu jgħaddulna. Fl-istess ħin, għaliex l-Iskrittura trid tiġi moqrija u mifhuma fl-istess Spirtu li fiha inkitbet, il-Konċilju insista fuq tlett kriterji fundamentali biex tiġi apprezzata d-dimensjoni divina tal-Bibbja. Il-Papa jagħtina dawn it-tlett kriterji: 1. it-test bibliku jrid jiġi interpretat b'attenzjoni għall-unità tal-Iskrittura kollha kemm hi, dik li llum tissejjaħ 'eseġeżi kanonika'; 2. wieħed irid iżżomm quddiem għajnejh il-mod ta' kif il-Knisja interpretat l-Iskrittura matul is-sekli, dik li tissejjaħ 'it-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja; u 3. wieħed irid jirrispetta dak li emmnet il-Knisja sa mill-bidu tagħha u li tissejjaħ 'l-analoġija' jew ir-regola 'tal-fidi'.

 Dawn it-tlett kriterji fundamentali jgħinu għall-interpretazzoni awtentika tal-Iskrittura Mqaddsa. Dan għaliex jgħinu biex wieħed jistudja b'mod xjentifiku l-kotba bibliċi, studju xjentifiku li ma jqisx l-Iskrittura biss bħala test miktub biss fil-passat, imma bħala kitba ħajja, test ħaj miktub anke għallum u milqugħ bil-fidi ħajja tal-Knisja. L-Iskrittura li tiġi studjata b'kriterji xjentifiċi u storiċi trid issaħħaħ il-fidi tal-Knisja li, imlaqqma fl-istorja tal-poplu ta' Alla, temmen li Alla daħal fl-istorja vera tal-bnedmin u jibqa' ikellem il-bniedem tallum b'dawn l-interventi storiċi u b'awn l-esperjenzi ta' fidi miġbura fil-Kotba Mqaddsa.

 Hu f'dan il-kuntest, jistqarr Benedittu XVI, li allura l-Iskrittura ssir anke 'r-ruħ tat-teoloġija'. Teoloġija li trid tiġi eżiżtenzjalment imlaqqma fl-Iskrittura u fl-interpretazzjoni ekkleżjali tagħha.

 

Inħarsu lura biex nimxu 'l quddiem

 Interpretazzjoni tajba tal-Iskrittura Mqaddsa trid tikber billi l-Knisja tħares ftit lura lejn il-mod ta' kif Missirijiet il-Knisja qraw u interpretaw il-Kotba Bibliċi. Dan anke meta niftakru li ma kellhomx l-għejjun storiċi u filoloġiċi li għandhom l-eżeġeti tallum.

 Hawnhekk il-Papa jfakkarna kif Missirijiet il-Knisja u l-eżeġeti medjevali kienu jiddistingwu bejn is-sens litterali u s-sens spiritwali tal-Iskrittura(37). Kull interpretazzjoni tal-Iskrittura trid titlaq mis-sens litterali, kif jistqarr San Tumas t'Akwinu, u trid tkun dejjem imlaqqma fil-fidi. Interpretazzjoni li mbagħad trid neċessarjament tmiss il-kontenut tal-fidi, il-ħajja morali, jiġifieri kif wieħed jgħix, u t-twettieq tat-tama fid-destin aħħari ta' kull bniedem. Kull interpretazzjoni trid titlaqqam neċessarjament fil-fidi tagħna fil-preżent. Kull interpretazzjoni tal-Iskrittura tkompli tgħarrafna li l-Kelma ta' Alla hija ħajja, ġiet miktuba għalina llum. Kull interpretazzjoni tal-Iskrittura, bħala proċess vitali, trid titlaq mill-Kelma miktuba għall-esperjenzi veri tal-ħajja konkreta tagħna, għall-ħajja ġdida skond l-Ispirtu li rċevejna fil-Magħmudija tagħna.

 Fid-dawl ta' dan il-Papa Benedittu jitkellem fuq tlett affarijiet importanti. Ifakkarna fl-għaqda intrinsika tal-Iskrittura Mqadda. Anke jekk il-Bibbja hija ġabra ta' kotba, ġabra ta' dokumenti u testi li ssawwru u nkitbu matul medda ta' mijiet ta' snin, fiha hemm għaqda li toħroġ mill-verità li dawn huma l-Kelma ta' Alla. Kelma ta' Alla li tisfidana u kontinwament issejjħilna għall-konverżjoni. Il-kelmiet ta' Ugo ta' San Vitor idawluna: “L-Iskritturi kollha huma ktieb wieħed, u dan il-ktieb wieħed jitkellem minn Kristu u jsib il-milja tiegħu fi Kristu”.

 Il-Papa ifakkarna fuq ir-relazzjoni li tgħaddi bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Huwa t-Testment il-Ġdid li jilqa' t-Testment il-Qadim bħala 'Kelma ta' Alla' u l-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej Ġesù huma meqjusa bħala l-milja u t-twettiq tat-Testment il-Qadim. L-Insara qraw u jaqraw it-Testment il-Qadim fid-dawl ta' Kristu. Jinterpretaw il-Kotba tat-Testment il-Qadim b'mod Kristoloġiku. San Girgor il-Kbir jistqarr tajjeb meta jgħid: “Dak li wiegħed it-Testment il-Qadim, urieh it-Testment il-Ġdid; dak li wieħed iħabbar b'mod moħbi, l-ieħor iħabbru preżenti. It-Testment il-Qadim huwa profezija tat-Testment il-Ġdid; l-aħjar kummentarju tat-Testment il-Qadim huwa t-Testment il-Ġdid.

 Il-Papa mbagħad jgħid kelma fuq it-testi 'oskuri' tal-Iskrittura, testi li jista' jkun jiskandalizzawna għax ikunu vjolenti u immorali. Il-Papa ifakkarna li Alla irrivela lilu nnifsu u l-pjan tiegħu fl-istorja b'mod progressiv. Ma niskantawx jekk f'xi testi antiki l-ideja ta' Alla u tal-pjan tiegħu huma ħafna l-bogħod mir-rivelazzjoni li nsibu fil-Ġdid Testment. Dawn huma testi li jikkonfermaw kemm Alla verament daħal fl-istorja u kemm tassew ir-rivelazzjoni saret ftit ftit. Huma testi li jirriflettu l-ewwel passi tar-rivelazzjoni ta' Alla u tal-pjan salvifiku tiegħu. Testi 'oskuri' li mghandhom jfixkluna imma li għandna nkomplu nifhmuhom ukoll fid-dawl ta' Kristu.

 

L-Interpretazzjoni fundamentalista tal-Iskrittura Mqaddsa

 Fin-numru 44 tal-Eżortazzjoni Appostolika l-Papa jitkellem fuq l-interpretazzjoni fundamentalista tal-Iskrittura Mqaddsa. Kienu bosta l-membri tas-Sinodu tal-Isqfijiet li kienu tkellmu fuq dan fl-interventi tagħhom. Il-Papa jfakkar fil-guidelines li kienet tat il-Kummissjoni Biblika Pontifiċja fid-dokument L-Interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja. Il-Papa hawnhekk jagħżel li jgħid kelma fuq id-diversi metodi ta' interpretazzjoni li ma jirrispettawx l-awtentiċità tat-test bibliku imma jippreferu interpretazzjoni suġġettiva u arbitrarja. Dan jissejjah 'litteraliżmu': huwa karatteristika tal-fundamentaliżmu bibliku li spiss huwa miftuħ għall-interpretazzjoni żbaljata u li tiġi manipulata biex tkun anti-ekkleżjali. Il-Kummissjoni Biblika Pontifiċja kient stqarret: “Il-problema bażika tal-interpretazzjoni fundamentalista hi li, meta tirrifjuta li tieħu in konsiderazzjoni l-karattru storiku tar-rivelazzjoni biblika, issir inkapaċi li tilqa' anke l-verità sħiħa tal-Inkarnazzjoni. Fil-kuntest tar-relazzjoni ma' Alla, il-fundametalizmu jaħrab mir-realtà ta' qrubija tad-divin mal-uman...għal din ir-raġuni hemm it-tendenza li tqis it-test bibliku daqslikieku ġie dettat kelma b'kelma mill-Ispirtu. Ma tagħrafx li l-Kelma ta' Alla ġiet espressa bil-lingwaġġ u l-espressjonijiet ikkundizzjonati miz-zminijiet differenti”. Il-Kristjaneżmu, mill-banda l-oħra, jara fil-kelmiet il-KELMA nnifisha, il-Logos, il-Verb ta' Alla li jirrivela l-misteru tiegħu fil-kumplessità tal-istorja umana.

 Il-Papa jistqarr li t-tweġiba għall-interpretazzjoni fundamentalista tal-Iskrittura hija l-interpretazzjoni tal-fidi. Dan il-mod ta' interpretazzjoni, ipprattikat mill-Knisja fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, tfittex il-verità li ssalva għan-nisrani u għall-Knisja. Tagħraf il-valur storiku tat-tradizzjoni biblika u s-sens ħaj tal-Iskrittura għal preżent ta' kull min jemmen minngħajr ma tinjora il-medjazzjoni umana tal-Kelma imnebbħa u l-forom letterarji tagħha.