L-Eżortazzjoni Appostolika

VERBUM DOMINI

Sintesi

Kitba ta' Patri Marcello Ghirlando OFM

 

 Din l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI iġġib id-data  tat-30 ta' Settembru 2010, tifkira ta' San Ġirolmu.  Hija Eżortazzjoni li biha l-Papa jħeġġeġ lill-insara jerġgħu jiskopru ċ-ċentralitą tal-Kelma ta' Alla fil-ħajja personali tagħhom u f'dik tal-Knisja; jiskopru mill-ġdid l-urġenza u l-ġmiel tax-xandir tal-Kelma b'xhieda ħajja għal fidwa tal-bniedem.  Biha l-Papa jsejjaħ lir-ragħajja, il-membri tal-ħajja ikkonsagrata u l-lajċi biex isiru dejjem aktar familjari mal-Iskrittura, għax l-Iskrittura mxandra, milqugħa, mitluba u iċċelebrata fil-Knisja hija l-pedament ta' kull spiritwalitą nisranija awtentika (121).

L-Eżortazzjoni Appostolika hija frott is-Sinodu tal-Isqfijiet li kien sar f'Ottubru tas-sena 2008.  Is-Sinodu kien iddiskuta t-tema tal-Kelma ta' Alla fil-Ħajja u fil-Missjoni tal-Knisja.  Ried igħarbel dak kollu li seħħ fit-twettiq tad-direttivi marbuta mal-Iskrittura Mqaddsa u misjuba fil-Konċilju Vatikan II, b'mod partikulari fil-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum, quddiem l-isfidi l-ġodda ta' żminijietna. 

Dan id-dokument ġdid, l-aktar wieħed importanti fuq l-Iskrittura f'dawn l-aħħar 45 sena, huwa maqsum f'tlett partijiet prinċipali.  It-titli tat-tlett partijiet huma:  Verbum Dei (Il-Kelma ta' Alla), Verbum in Ecclesia (Il-Kelma fil-Knisja), u Verbum Mundo (Il-Kelma għad-Dinja).  Hawnhekk sejrin nippreżentaw ġabra qasira ta' dan id-dokument skont temi partikulari.

 

Alla jikkomunika lilu nnifsu

Benedittu XVI jiżviluppa r-riflessjoni tiegħu billi jlaqqamha fil-Prologu tal-Vanġelu skont San Ġwann.  Il-kelma ta' Ġwanni tqiegħdna quddiem il-misteru ta' Alla li jikkomunika lilu nnifsu permezz tad-don tal-kelma tiegħu...Il-Verb sar bniedem u għammar fostna (Ġw 1, 14).  Din hija l-aħbar it-tajba tan-nisrani (1).  F'dinja li spiss tħoss li Alla huwa barrani jew żejjed mhemmx prijoritą ikbar minn din:  niftħu mill-ġdid għal bniedem tallum it-triq lejn Alla, lejn Alla li jikkomunika l-imħabba tiegħu biex ikollna l-ħajja bil-kotra (2).

 

Alla mhuwiex bogħod mill-bniedem

Il-Papa ifakkarna li Alla jitkellem u jidħol fl-istorja favur il-bniedem.  Il-bniedem, min-naħa tiegħu, jifhem lilu nnifsu u jaqta' x-xewqat l-aktar profondi tiegħu billi jinfetaħ għad-djalogu mal-Ħallieq tiegħu.  Hu għalhekk li l-Kelma ta' Alla mhijiex kontra l-bnidem, ma toħnoqx ix-xewqat awtentiċi tiegħu iżda ddawwalhom u tmexxihom u twettaqhom bis-sħiħ.  Fi żminijietna xterdet l-ideja li Alla huwa barrani għal ħajja u l-problemi tal-bniedem u li l-presenza tiegħu bħal donnha thedded l-awtonomija tal-bniedem.  Fir-realtą, Alla biss jagħti tweġiba għall-għatx li kull bniedem għandu f'qalbu.  Hu għalhekk li l-Papa jgħid li pastoralment huwa importanti li nippreżentaw il-Kelma ta' Alla fil-kapaċitą tagħha li tiddjaloga mal-problemi li l-bniedem iħabbat wiċċu magħhom kuljum.  Il-pastorali tal-Knisja trid turi tajjeb kif Alla jisma' l-għajta tal-bniedem u jilqa' l-ħtiġijiet tiegħu biex joffrilu il-milja tal-ferħ ta' dejjem (22-23).  F'dan id-dawl hu neċessarju li l-insara jagħarfu li l-għerq tad-dnub huwa fl-atteġġjament ta' għeluq għall-Kelma ta' Alla u r-rifjut li nilqgħu l-maħfra u l-fidwa f'Ġesł, il-Verb ta' Alla.

 

Il-Kristjaneżmu bħala reliġjon tal-Kelma ta' Alla

Id-dokument ifakkar l-ispinta kbira li kien ta l-Konċilju Vatikan II biex l-insara jiskopru mill-ġdid il-Kelma ta' Alla fil-ħajja tal-Knisja (3).  Ifakkar fil-qima kbira li l-Knisja għandha għall-Iskrittura, anke jekk il-fidi nisranija mhijiex 'reliġjon tal-Ktieb':  il-Kristjaneżmu huwa r-reliġjon tal-Kelma ta' Alla, mhux ta' kelma miktuba u mejta, imma tal-Verb inkarnat u ħaj (7).  Fid-dawl tiegħu tiftiehem il-kundizzjoni umana.  Fil-fatt, Ġesł Kristu huwa l-Kelma definittiva ta' Alla:  għalhekk in-nisrani ma jistenniex xi rivelazzjoni pubblika oħra qabel ma jerġa' jiġi l-Mulej fil-glorja.  Għalhekk, ikompli l-Papa, huwa neċessarju ngħinu lill-insara jagħmlu distinzjoni bejn il-Kelma ta' Alla u r-rivelazzjonijiet privati.  Dawn ma jikkomplementawx ir-Rivelazzjoni definitiva tal-Kristu, imma jgħinu lin-nisrani jgħixha b'mod aktar sħiħ, fi żmien storiku preċiż (14).

 

Il-Kelma ta' Alla teħtieġ l-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu

Il-Papa jitkellem fit-tul fuq l-interpretazzjoni retta tal-Kelma ta' Alla.  Jistqarr li mhemmx għarfien awtentiku tar-Rivelazzjoni nisranija minngħajr l-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu li nebbaħha, kif insista San Ġirolmu (15-16).  Huwa għarfien li jikber maż-żmien, bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu u anke bl-għajnuna tat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja u tal-Maġisteru tagħha, li fuq spallejha jaqa' d-dmir li tinterpreta b'mod awtentiku il-Kelma ta' Alla miktuba u mgħoddija (33).  Il-post oriġinarju tal-interpretazzjoni skritturistika hija l-ħajja tal-Knisja.  San Ġirolmu kien ifakkar li ma nistgħu qatt naqraw (ninterpretaw)  l-Iskritturi waħedna, imma dejjem fi ħdan il-ħajja tal-Knisja, għaliex ikun faċli li wieħed jaqa' fl-iżball (30).

 

L-għaqda taż-żewġ livelli interpretattivi tal-Kelma ta' Alla

Il-Papa jgħarbel l-istat attwali tal-istudji bibliċi.  Juri li mir-relażżjoni ħajja bejn l-eżeġeżi u t-teoloġija tiddependi l-effikaċja pastorali tal-ħidma tal-Knisja u tal-ħajja spiritwali tal-insara (31).  Filwaqt li jagħraf il-kontribut importanti li ta l-metodu storiku-kritiku u metodi oħra użati fl-istudju eżeġetiku ta' l-Iskrittura (32), il-Papa jitkellem ukoll minn riskju serju, jiġifieri  li tinħoloq firda bejn l-eżeġeżi u t-teoloġija:  min-naħa waħda jista' jkun hemm eżeġeżi li tillimita ruħha għal metodu storiku-kritiku li jista' jirriduċi kollox għall-element uman fl-Iskrittura u jiċħad l-istoriċitą tal-elementi divini fiha;  min-naħa l-oħra, teoloġija li titlaq minn spiritwalizzazzjoni tas-sens ta' l-Iskritturi li ma jirrispettawx il-karattru storiku tar-rivelazzjoni.  Il-Papa juri l-bżonn li jkun hemm għaqda bejn iż-żewġ livelli ta' interpretazzjoni, għaqda li tippresuponi armonija bejn il-fidi u r-raġuni.  Dan biex nevitaw l-korruzzjoni tal-fidi (li ssir fidejiżmu) li tibbaża ruħha fuq qari fundamentalistiku ta' l-Iskrittura u li jkollna raġuni li hija miftuħa u ma tiċħadx dak kollu li ma tasalx għalih (33-36).  Il-Papa jħeġġeġ għalhekk għal progress fl-istudju tal-interpretazzjoni tal-Iskrittura biex dan jagħti l-frott fix-xjenza biblika u fil-ħajja spiritwali tal-insara (19)u għal djalogu bejn ir-ragħajja tal-Knsja, l-eżeġeti u t-teoloġi (45).  Dan għaliex it-Tradizzjoni, l-Iskrittura Mqaddsa u l-Maġisteru tal-Knisja huma tlett rejalitijiet maqgħuda ħaġa waħda bejniethom (47).

 

Kelma ta' Alla u ħajja

Wieħed jista' jifhem l-Iskrittura biss jekk jgħixha (47).  Fil-fatt, l-interpretazzjoni l-aktar profonda tal-Iskrittura tiġi mill-qaddisin, minn dawk li ħallew lilhom infushom jiddawwlu u jiġu magħġuna mill-Kelma.  Jekk inqiegħdu lilna nfusna fl-iskola ta' ħajjithom insibu triq żgura li tgħinna nifhmu l-Kelma ħajja ta' Alla (48-49).  Il-Papa jirreferi anke għal Marija, figura tal-Knisja, li tisma' l-Kelma u li fiha din il-Kelma ssir bniedem.  F'dal-kuntest il-Papa jħeġġeġ lill-istudjużi biex japprofondixxu ir-relazzjoni bejn il-marjoloġija u t-teoloġija tal-Kelma (27).

 

Kelma ta' Alla, ekumeniżmu u djalogu interreliġjuż

Id-dokument jagħti anke importanza liċ-ċentralitą tal-istudji bibliċi fid-djalogu ekumeniku.  Juri apprezzament għall-promozzjoni ta' ċelebrazzjonijiet ekumeniċi tal-Kelma ta' Alla, għaliex is-smigħ tal-Iskrittura jwassal għad-djalogu tal-karitą li jkabbar id-djalogu tal-veritą (46).  Il-Papa jfakkar li r-rivelazzjoni tal-Antik Testment hija valida għalina l-insara għax hija Kelma ta' Alla u għaliex il-Kristjaneżmu jsib l-għeruq tiegħu fl-Antik Testment (40).  Minn hawn tinbet rabta partikulari bejn l-Insara u l-Lhud, rabta li ma tista' qatt tintensa' u li trid twassal lill-insara biex irawwmu atteġġjament ta' rispett, stima u mħabba lejn il-poplu Lhudi.  Benedittu XVI jinsisti fuq kemm huwa prezzjuz id-djalogu mal-Lhud (43).  Minbarra dan, bħala parti essenzjali tax-xandira tal-Kelma, il-Knisja tagħraf il-ħtieġa tad-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-bnedmin kollha ta' rieda tajba, u minngħajr xewqa ta' sinkretiżmu jew relativiżmu (117), b'mod partikulari mal-bnedmin li huma parti mit-tradizzjonijiet reliġjużi tal-umanitą.  Il-Knsija tħares b'stima lil Musulmani li jagħarfu l-eżiżtenza ta' Alla wieħed:  magħhom iħeġġeġ djalogu mibni fuq il-fiduċja u fuq il-valuri, bħalma huma r-rispett għal ħajja, id-drittijiet tar-raġel u tal-mara u l-ugwaljanza bejniethom, il-ftuħ tar-reliġjonijiet lejn ħidma favur il-ġid komuni, id-distinzjoni bejn l-ordni soċjo-politiku u dak reliġjuż (118).  Il-Papa jesprimi ukoll ir-rispett tal-Knisja lejn ir-reliġjonijiet antiki u t-tradizzjonijiet spiritwali tad-diversi kontinenti, li lkoll għandhom valuri li jistgħu jgħinu għal ftehim bejn il-persuni u l-popli.    (119).  Id-djalogu iħalli l-frott jekk jinkludi fih il-libertą biex wieħed igħix ir-reliġjon tiegħu fil-privat u fil-pubbliku, fil-libertą tal-kuxjenza (120).

 

Kelma ta' Alla u Liturġija

Id-dokument jitkellem fit-tul fuq ir-relazzjoni bejn il-Kelma ta' Alla u l-Liturġija:  huwa l-mument privileġġjat li fih Alla jkellem illum lil poplu tiegħu, li jisma' u jwieġeb.  Meta tinqara l-Kelma fil-Knisja, huwa Kristu stess li jitkellem (52).  Huwa neċessarju nifhmu l-għaqda li hemm bejn il-Kelma u s-Sagrament fil-ministeru tal-Knisja.  Fil-fatt, fir-relazzjoni bejn il-Kelma u il-ġest sagramentali għandna espressjoni liturġika ta' kif Alla jaħdem fl-istorja permess tal-karattru performattiv tal-Kelma stess.  Fl-istorja tas-salvazzjoni mhemmx firda bejn dak li Alla jgħid u jagħmel.  Bl-istess mod, fl-azzjoni liturġika niġu wiċċ'imb wiċċ mal-Kelma li twettaq dak li tgħid (53).  F'dan il-kuntest il-Papa jħeġġeġ għal xandira xierqa tal-Kelma waqt il-Liturġija minn letturi li huma mħejjija mhux biss teknikament imma anke biblikament (58).  Il-Papa jħeġġeġ għal titjieb fil-kwalitą tal-omeliji li joħorġu għad-dawl is-sempliċitą tal-Kelma ta' Alla u jiġu ċċentrati fuq il-messaġġ tal-Vanġelu.  Min jippriedka jrid juri lil Kristu li għandu jkun fiċ-ċentru ta' kull omelija (59).  Il-Papa jipproponi Direttorju omiletiku li jista' jkun ta' għajnuna għal min jagħmel l-omelija (60).  Id-Dokument juri anke x-xewqa li l-Liturġija tas-SIgħat, speċjalment it-Tifħir ta' Sbiħ il-Jum u l-Għasar jiġu mitluba fost il-poplu ta' Alla.  Huwa mod ta' kif in-nisrani jsir aktar familjari mal-Kelma ta' Alla (62).

 

Il-Kelma ta' Alla u s-skiet

Il-Papa ħeġġeġ ukoll għas-skiet fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi:  il-Kelma  tiġi mxandra u mismugħa sewwa jekk hemm is-skiet, esterjuri u interjuri.  Żminijietna ma tantx jgħinuna ninġabru u spiss nuru l-biża' li ninqatgħu ftit mill-mezzi tal-komunikazzjoni.  Minn hawn toħroġ il-ħtieġa li l-insara jiġu mrawwma għal valur tas-skiet (66).  Kollox għandu jiġi ikkurat biex il-Kelma tixxandar u tinstema' sewwa:  l-akustika fil-Knejjes (68), il-kant ispirat mill-Iskrittura, il-qari magħżul li ma jinbidilx għal xejn b'xejn (69). Hawnhekk il-Papa jagħmel riferiment għal Kant Gregorjan (70) u anke għal kura speċjali f'dan il-qasam lejn min għandu diżabilitą fid-dawl u fis-smigħ (71).

 

Il-Kelma ta' Alla u l-Iskrittura Mqaddsa

Il-Papa jesprimi x-xewqa tal-membri kollha tas-Sinodu meta jħeġġeġ għal staġun ġdid ta' mħabba akbar lejn il-Kelma ta' Alla min-naħa tal-Poplu ta' Alla kollu kemm hu.  Il-qari tal-Kelma jwassal għal relazzjoni dejjem aktar profonda mal-istess Ġesł (72).  Juri n-neċessitą tal-pastorali biblika (anke quddiem l-isfida tas-setet li jaqraw il-Bibbja b'mod żbaljar), tat-twaqqif ta' gruppi żgħar li jinġabru madwar il-Kelma u li jiffurmaw rwieħhom fit-talb u l-għarfien tal-bibbja skond il-fidi tal-Knisja (73).  L-appostolat bibliku għandu jifforma tajjeb lill-insara u, b'mod partikulari, il-katekisti (75).  Il-Poplu ta' Alla kollu, ibda mill-Isqfijiet, irid jitlaqqam mill-ġdid mis-smigħ tal-Kelma ta' Alla.  Il-Papa hawnhekk igħid kelma ta' apprezzament għall-monaċi, irġiel u nisa, li bil-ħajja tat-talb tagħhom, ta' smiegħ u meditazzjoni tal-Kelma, ifakkruna li l-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix imma b'kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

 

Il-Bibbja f'kull dar

Rigward il-familji, il-Papa jħeġġeġ li kull dar ikollha l-Bibbja tagħha, Bibbja mħarsa sewwa għal qari u t-talb.  Joħroġ għad-dawl il-kontribut tal-'ġenju femminili' fl-istudji bibliċi, fl-edukazzjoni, fil-katekeżi u fit-trasmissjoni tal-valuri.  Id-dokument iħeġġeħ għal prattika tal-Lectio Divina u għat-talb tar-Rużarju u l-Anġelus li jgħinu lin-nisrani jimmedita fuq il-misteri mqaddsa irrakkuntati fl-Iskrittura.  Hawnhekk jissemmew anke xi talbie antiki tal-Lvant Nisrani, bħalma huma l-innijiet marjani tal-Akathistos u tal-Paraklesis (78-88),

 

Il-Kelma ta' Alla u l-missjonarjetą

Il-Papa jesprimi x-xewqa qawwija tas-Sinodu biex titħeġġeġ il-kuxjenza missjunarja tal-Knisja li titwieled mill-għarfien li dak kollu li huwa rivelat fi Kristu huwa realment is-salvazzjoni tal-ġnus kollha.  Il-bniedem għandu fil-fatt bżonn tat-Tama l-kbira biex ikun jista' jgħix il-preżent, it-tama l-kbira li huwa Alla li għandu wiċċ uman u li ħabbna sal-aħħar (Ġw 13, 1).  Hu għalhekk li l-Knisja hija missjunarja fl-essenza tagħha.  Ma nistgħux inżommu għalina l-kliem tal-ħajja ta' dejjem li ġew mogħtija lilna fil-laqgħa tagħna mal-Mulej Ġesł:  huwa kliem għal kulħadd, għal kull bniedem anke fi żmienna.  Irridu nxandru dak li rċevejna b'grazzja (91-92).  Irridu nxandru dik il-Kelma li ssejjaħ għal konverżjoni, dik il-Kelma li tiftaħ it-triq għal bniedem biex jiltaqa' ma' Alla, ma' Kristu li fih l-umanitą tieħu l-ħajja mill-ġdid (93).  Hija responsabilitą tal-imgħammdin kollha, fil-familji, fil-parroċċi, f'kull assoċjazzjoni jew moviment ekkleżjali.  Hawnhekk il-Papa jesprimi l-gratitudni f'isem is-Sinodu lill-movimenti ekkleżjali u l-komunitajiet l-ġodda li huma forza qawwija fl-evanġelizzazzjoni ta' żminijietna (94).  Il-Knisja ma tistax tillimita ruħha li tieħu ħsieb dawk li diġą jagħarfu l-Vanġelu imma trid tibqa' xxandru bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (1 Kor 2, 5), tiddefendi d-dritt tal-bniedem li jisma' l-Kelma ta' Alla, tfittex metodi ġodda biex ixxandar, anke b'riskju ta' persekuzzjoni.  Il-Knisja ma tistax ma xxandarx il-Kelma li ssalva lil dawk li qatt ma semgħuha jew lil dawk li jeħtieġ li jerġgħu jisimgħu mill-ġdid minn xhieda kredibbli tal-Vanġelu.  Il-Papa hawn jiftakar f'dawk kollha li huma persegwitati minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu, tant aħwa li anke fi żminijietna taw ħajjithom biex ixandru l-veritą tal-imħabba ta' Alla murija lilna fi Kristu mislub u mqajjem mill-imwiet.  B'mod partikulari jfakkar il-komunitajiet insara fl-Asja u fl-Afrika li spiss jirriskjaw l-emarġinazzjoni minħabba l-fidi tagħhom (95-98).

 

 

Il-Kelma ta' Alla u d-dinja tallum

Il-Kelma ta' Alla ma timbuttax il-bniedem biex jaħrab mid-dinja imma tgħinu biex jimpenja ruħu favuriha, biex tinbena dinja aktar ġusta.  Hija l-Kelma ta' Alla li fil-fatt tidenunzja l-inġustizzji u tippromwovi s-solidarjetą u l-ugwaljanza bejn il-bnedmin.  L-impenn favur il-ġustizzja u t-trasformazzjoni tad-dinja hija parti sħiħa mill-evanġelizzazzjoni.  Mhux kompitu dirett tal-Knisja li toħloq soċjetą aktar ġusta, anke jekk għandha d-dritt u d-dmir li tintervjeni f'kwistjonijiet etiċi u morali li jirrigwardaw il-ġid tal-persuni u tal-popli.  Huwa kompitu tal-lajċi, imrawwma fl-iskola tal-Vanġelu, li jaħdmu direttament fil-kamp soċjali u politiku billi jippromwovu id-drittijiet ta' kull persuna, imsejsa fuq il-liġi naturali miktuba fil-qalb tal-bniedem, drittijiet universali u inaljenabbli.  Il-Kelma  ta' Alla hija wkoll għajn ta' rikonċiljazzjoni u ta' paċi.  Għal darb'oħra l-Papa jinsisti li r-reliġjon ma tista' qatt tagħti raġun lil intolleranza u lil gwerer.  Ma' tista' qatt tuża l-vjolenza f'isem Alla (99-103).

Id-dokument igħaddi bie jitkellem mix-xandira tal-Kelma liż-żgħażagħ, lil dawk li qed ifittxu ħajja aħjar bogħod minn pajjiżhom, dawk li jbatu u l-foqra.  Id-dinja żagħżugħa teħtieġ il-kuraġġ ta' xandira ċara.  Iż-żgħażagħ jeħtieġu xhud u mgħallma, li jimxu magħhom u li jmexxuhom biex iħobbu u jikkomunikaw huma stess b'mod awtentiku l-Vanġelu liż-żgħażagħ tamparhom.  Il-movimenti tal-migranti joffru possibilitajiet għat-tixrid tal-Kelma ta' Alla.  Huma wkoll għandhom id-dritt li jisimgħu x-xandira tal-Vanġelu.  Jekk huma nsara jeħtieġu għajnuna pastorali biex jikbru fil-fidi.  Il-Papa jħeġġeġ lill-insara jkunu qrib dawk li jbatu.  Il-Kelma ta' Alla turina li anke iċ-ċirkustanzi tat-tbatija huma b'mod misterjuż fi ħdan l-imħabba ta' Alla.  Il-fidi li titwieled mill-laqgħa mal-Kelma divina tgħinna nqisu l-ħajja umana bħala denja li tiġi mgħixha tajjeb, anke jekk feruta bil-ħażen.  Id-djakonija tal-karitą ma tista' qatt tiġi nieqsa mill-Knejjes tagħna;  huwa qadi mlaqqam fis-smigħ tal-Kelma u fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa.  Il-Knisja ma tistax tiġi nieqsa mill-għajnuna lejn il-foqra:  ir-ragħajja huma msejjħa jitgħallmu minnhom, imexxuhom fil-fidi tagħhom u jgħinuhom jieħdu r-riedni tal-ħajja f'idejhom.  Hawnhekk il-Papa jitkellem ukoll mir-rabta li hemm bejn is-smigħ tal-Kelma u l-ħarsien tal-ħolqien u l-ambjent (104-108).

 

Il-Kelma ta' Alla u l-evanġelizzazzjoni tal-kulturi

Id-dokument jappella għal tiġdid fil-laqgħa bejn il-Bibbja u l-kulturi.  L-operaturi kulturali, jinsisti l-Papa, mgħandhom jibżgħu mill-Kelma ta' Alla.  Mhijiex theddida għal kultura vera.  Il-Bibbja hija wkoll bħal kodiċi kbir għall-kulturi.  Il-Papa jħeġġeġ l-promozzjoni tal-għarfien tal-Bibbja fl-iskejjel u l-universitajiet, bl-isforz li jiġu megħluba preġudizzji qodma u ġodda.  Juri l-apprezzament tal-Knisja kollha għall-artisti li jħobbu l-ġmiel u li ħallew lilhom infushom jiġu ispirati mill-Iskrittura Mqaddsa u b'hekk esprimew b'mod sabiħ ir-realtajiet invizibbli u eterni.  Il-Papa jsejjaħ il-Knisja biex tikkwalifika l-impenn tagħha fil-medja biex jiġi magħruf il-wiċċ ta' Kristu u jinstema' leħnu.  U dan anke fl-internet, forum ġdid għall-evanġelizzazzjoni (109-113).  Meta jitkellem mill-evanġelizzazzjoni tal-kulturi l-Papa josserva li l-Kelma ta' Alla turi karattru profondament interkulturali, kapaċi li tlaqqa' kulturi diversi;  l-inkulturazzjoni mhix proċess ta' addattament superfiċjali u lanqas konfużjoni sinkretistika li jdgħajjef il-Vanġelu biex jagħmlu aktar aċċettabbli.

 

Il-Kelma ta' Alla u l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida

Il-Kelma ta' Alla tbiddel il-limiti tal-kulturi individwali u toħloq għaqda bejn popli differenti.  Issejjaħ għal għaqda aktar wiesa', universali, li tgħaqqd lil kulħadd u li tagħmilna lkoll aħwa (114-116).

Żmienna – jikkonkludi l-Papa – irrid ikun dejjem aktar żmien ġdid għas-smigħ tal-Kelma ta' Alla u ta evanġelizzazzjoni ġdida, għaliex anke llum l-Irxoxt qiegħed jibgħatna fid-dinja kollha biex inxandru l-Vanġelu (Mk 16, 15).  Meta nxandru il-Kelma ta' Alla bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu, nixtiequ nikkomunikaw l-għajn tal-ferħ vedru, mhux ferħ superfiċjali u li jgħaddi malajr, imma ferħ li jitwieled fil-għarfien li l-Mulej Ġesł biss għandu l-kliem tal-ħajja tad-dejjem (Ġw 6, 68) (121-124).