Ara aktar riżorsi dwar Verbum Domini ...

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA POSTSINODALI

VERBUM DOMINI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

LILL-ISQFIJIET, LILL-KLERU, LILL-PERSUNI KKONSAGRATI, U LILL-FIDILI LAJĊI

DWAR IL-KELMA TA’ ALLA FIL-ĦAJJA U L-MISSJONI TAL-KNISJA


 

WERREJ

 

Introduzzjoni [1]

Biex il-ferħ tagħna jkun sħiħ [2]

Mid-“Dei Verbum” għas-Sinodu fuq il-Kelma ta’ Alla [3]

Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Kelma ta’ Alla [4]

Il-Prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni bħala gwida [5]  

 

L-EWWEL PARTI

VERBUM DEI

 

Alla li jitkellem

Alla li jiddjaloga [6]

Analoġija tal-Kelma ta’ Alla [7]

Id-dimensjoni kożmika tal-Kelma [8]

Il-ħolqien tal-bniedem [9]

Ir-realiżmu tal-Kelma [10]

Kristoloġija tal-Kelma [11-13]

Id-dimensjoni eskatoloġika tal-Kelma ta’ Alla [14]

Il-Kelma ta’ Alla u l-Ispirtu s-Santu [15-16]

Tradizzjoni u Skrittura [17-18]

L-Iskrittura Mqaddsa, l-ispirazzjoni u l-verità [19]

Alla Missier, għajn u bidu tal-Kelma [20-21]

 

It-tweġiba tal-bniedem għal Alla li jitkellem

Imsejħin nidħlu fil-Patt ma’ Alla [22]

Alla jisma’ lill-bniedem u jwieġeb għall-mistoqsijiet tiegħu [23]

Niddjalogaw ma’ Alla permezz tal-kelma tiegħu [24]

Il-Kelma ta’ Alla u l-fidi [25]

Id-dnub bħala n-nuqqas ta’ smigħ tal-Kelma ta’ Alla [26]

Marija “Mater Verbi Dei” u “Mater fidei” [27-28]

 

L-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa fil-Knisja

Il-Knisja l-ewwel post tal-ermenewtika tal-Bibbja [29-30]

“Ir-ruħ tat-Teoloġija mqaddsa” [31]

Żvilupp tar-riċerka biblika u Maġisteru tal-Knisja [32-33]

L-ermenewtika biblika Konċiljari: indikazzjoni li għandna nilqgħu [34]

Il-periklu tad-duwaliżmu u l-ermenewtika sekularizzata [35]

Fidi u raġuni fil-ħarsa tagħna lejn l-Iskrittura [36]

Tifsira litterali u tifsira spiritwali [37]

Jeħtieġ nittraxxendu l-“ittra” [38]

L-għaqda intrinsika tal-Bibbja [39]

Ir-relazzjoni bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid [40-41]

Il-paġni “mudlama” tal-Bibbja [42]

L-Insara u l-Lhud quddiem l-Iskrittura Mqaddsa [43]

L-interpretazzjoni fundamentalista tal-Iskrittura Mqaddsa [44]

Djalogu bejn Ragħajja, teologi u eseġeti [45]

Bibbja u ekumeniżmu [46]

Konsegwenzi fuq l-impostazzjoni tal-istudji teoloġiċi [47]

Il-qaddisin u l-interpretazzjoni tal-Iskrittura [48-49]

 

IT-TIENI PARTI

VERBUM IN ECCLESIA

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Knisja

Il-Knisja tilqa’ l-Kelma [50]

Il-preżenza dejjiema ta’ Kristu fil-ħajja tal-Knisja [51]

 

Il-Liturġija, post ipprivileġġjat tal-Kelma ta’ Alla

Il-Kelma ta’ Alla fil-Liturġija mqaddsa [52]

L-Iskrittura Mqaddsa u s-Sagramenti [53]

Il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija [54-55]

Is-sagramentalità tal-Kelma [56]

L-Iskrittura Mqaddsa u l-Lezzjonarju [57]

Ix-xandir tal-Kelma u l-ministeru tal-lettorat [58]

L-importanza tal-omelija [59]

Opportunità ta’ Direttorju omeletiku [60]

Il-Kelma ta’ Alla, ir-Rikonċiljazzjoni u d-Dilka tal-Morda [61]

Il-Kelma ta’ Alla u l-Liturġija tas-Sigħat [62]

Il-Kelma ta’ Alla u Ktieb il-Barkiet [63]

Suġġerimenti u proposti konkreti għall-animazzjoni liturġika [64]

a) Ċelebrazzjonijiet tal-Kelma ta’ Alla [65]

b) Il-Kelma u s-skiet [66]

ċ) Ix-xandir solenni tal-Kelma ta’ Alla [67]

d) Il-Kelma ta’ Alla fit-tempju Nisrani [68]

e) L-esklussività tat-testi bibliċi fil-Liturġija [69]

f) Kant liturġiku mnebbaħ mill-Bibbja [70]

ġ) Attenzjoni partikulari għal dawk neqsin mis-smigħ u mill-vista [71]

 

Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja

Il-laqgħa mal-Kelma ta’ Alla fl-Iskrittura Mqaddsa [72]

L-animazzjoni biblika tal-ħidma pastorali [73]

Id-dimensjoni biblika tal-katekeżi [74]

Il-formazzjoni biblika tal-Insara [75]

L-Iskrittura Mqaddsa fil-laqgħat kbar ekkleżjali [76]

Il-Kelma ta’ Alla u l-vokazzjonijiet [77]

a) Il-Kelma ta’ Alla u l-Ministri ordnati [78-81]

b) Il-Kelma ta’ Alla u l-kandidati għall-Ordni Sagri [82]

ċ) Il-Kelma ta’ Alla u l-ħajja kkonsagrata [83]

d) Il-Kelma ta’ Alla u l-fidili lajċi [84]

e) Il-Kelma ta’ Alla, iż-żwieġ u l-familja [85]

Il-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fi spirtu ta’ talb u l-“lectio divina” [86-87]

Il-Kelma ta’ Alla u t-talb Marjan [88]

Il-Kelma ta’ Alla u l-Art Imqaddsa [89]

 

IT-TIELET PARTI

VERBUM MUNDO

 

Il-missjoni tal-Knisja: li xxandar il-Kelma ta’ Alla lid-dinja

Il-Kelma tal-Missier u lejn il-Missier [90]

Inxandru lid-dinja l-“Lógos” tat-Tama [91]

Mill-Kelma ta’ Alla l-missjoni tal-Knisja [92]

Il-Kelma u s-Saltna ta’ Alla [93]

L-imgħammdin kollha responsabbli għat-tħabbira [94]

Il-ħtieġa tal-“missio ad gentes” [95]

Tħabbira u evanġelizzazzjoni ġdida [96]

Il-Kelma ta’ Alla u x-xhieda Nisranija [97-98]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-impenn fid-dinja

Naqdu lil Ġesù fl-iżgħar fost dawn ħutu” (Mt 25:40) [99]

Il-Kelma ta’ Alla u l-impenn b’risq il-ġustizzja fis-soċjetà [100-101]

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi bejn il-popli [102]

Il-Kelma ta’ Alla u l-imħabba ħawtiela [103]

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u ż-żgħażagħ [104] 

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u l-migranti [105]

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u min qed ibati [106]

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u l-foqra [107]

Il-Kelma ta’ Alla u l-ħarsien tal-ħolqien [108]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-kulturi

Il-valur tal-kultura għall-ħajja tal-bniedem [109]

Il-Bibbja bħala kodiċi kbir għall-kulturi [110]

L-għarfien tal-Bibbja fl-iskejjel u l-universitajiet [111]

L-Iskrittura Mqaddsa fl-għadd ta’ espressjonijiet artistiċi tagħha [112]

Il-Kelma ta’ Alla u l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali [113] 

Il-Bibbja u l-inkulturazzjoni [114]

Traduzzjonijiet u tixrid tal-Bibbja [115]

Il-Kelma ta’ Alla tegħleb il-limiti tal-kulturi [116]

 

Il-Kelma ta’ Alla u d-djalogu interreliġjuż

Il-valur tad-djalogu interreliġjuż [117]

Djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani [118]

Djalogu mar-reliġjonijiet l-oħra [119]

Djalogu u libertà reliġjuża [120]

 

Għeluq

Il-kelma definittiva ta’ Alla [121]

Evanġelizzazzjoni ġdida u smigħ ġdid [122]

Il-Kelma u l-ferħ [123] 

“Mater Verbi et Mater lætitiæ” [124]


 

INTRODUZZJONI

 

1. “Il-kelma tal-Mulej tibqa għal dejjem. Din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom (1 Pt 1:25; ara Iż 40:8). B’din l-espressjoni mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, li taqbad mill-ġdid kliem il-profeta Iżaija, ninsabu quddiem il-misteru ta’ Alla li jikkomunika lilu nnifsu permezz tad-don tal-Kelma tiegħu. Din il-Kelma, li tibqa’ għal dejjem, daħlet fiż-żmien. Alla lissen il-Kelma eterna tiegħu b’mod uman; il-Verb tiegħu “sar bniedem” (Ġw 1:14). Din hija l-Bxara t-tajba. Din hi l-aħbar li tgħaddi minn seklu għal ieħor, sa ma tasal għandna llum. It-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li ġiet iċċelebrata l-Vatikan mill-5 sas-26 ta’ Ottubru 2008, kellha bħala tema tagħha Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja. Kienet esperjenza qawwija ta’ laqgħa ma’ Kristu, il-Verb tal-Missier, li jinsab kull fejn tnejn jew tlieta jinġabru f’ismu (ara Mt 18:20). B’din l-Eżortazzjoni appostolika postsinodali nilqa’ bil-qalb it-talba tal-Padri Sinodali li naqsam mal-Poplu kollu ta’ Alla l-għana li ħareġ mill-miġemgħa li ltaqgħet fil-Vatikan u l-indikazzjonijiet espressi fil-ħidma komuni.[1] F’din il-perspettiva nixtieq nerġa’ naqbad dak li ġie żviluppat fis-Sinodu, b’attenzjoni lejn id-dokumenti ppreżentati: il-Lineamenta, l-Instrumentum laboris, ir-Relazzjonijiet ante u post disceptationem u t-testi tal-interventi, kemm dawk moqrija fl-awla u kemm dawk in scriptis, ir-Relazzjonijiet taċ-Ċrieki Minuri u d-diskussjonijiet tagħhom, il-Messaġġ Finali lill-Poplu ta’ Alla u fuq kollox xi proposti speċifiċi (Propositiones), li l-Padri fehmu li huma ta’ importanza partikulari. B’dan il-mod nixtieq noffri xi linji fundamentali biex niskopru mill-ġdid, fil-ħajja tal-Knisja, il-Kelma divina, għajn ta’ tiġdid kontinwu, bl-awgurju fl-istess waqt li din issir dejjem iżjed il-qalba ta’ kull ħidma ekkleżjali.

 

Biex il-ferħ tagħna jkun sħiħ

2. Qabelxejn nixtieq infakkar fil-ġmiel u l-faxxinu tal-laqgħa mġedda tal-Mulej Ġesù li ħassejna tul il-jiem tal-Assemblea Sinodali. Għal dan, waqt li ntenni f’eku dak li esprimew il-Padri Sinodali, indur lejn il-fidili kollha bil-kelmiet ta’ San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu: “Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma Ibnu Ġesù Kristu (1 Ġw 1:2-3). L-Appostlu jkellimna fuq kif naraw, nisimgħu, immissu u nikkontemplaw (ara 1 Ġw 1:1) il-Verb tal-Ħajja, għax il-Ħajja nfisha dehret fi Kristu. U aħna, imsejħin għall-komunjoni ma’ Alla u bejnietna, jeħtieġ insiru ħabbara ta’ dan id-don. F’din il-perspettiva kerigmatika, l-Assemblea Sinodali tat xhieda lill-Knisja u lid-dinja ta’ kemm hi sabiħa l-laqgħa mal-Kelma ta’ Alla fil-komunjoni ekkleżjali. Għalhekk, insejjaħ lill-fidili kollha biex jiskopru mill-ġdid il-laqgħa personali u komunitarja ma’ Kristu, il-Verb tal-Ħajja li deher fostna, u biex isiru xandara tiegħu, biex id-don tal-ħajja divina, il-komunjoni, jixtered dejjem iżjed mad-dinja kollha. Fil-fatt, is-sehem fil-ħajja ta’ Alla, Trinità ta’ Mħabba, hu ferħ sħiħ (ara 1 Ġw 1:4). U huwa don u dmir fundamentali tal-Knisja li xxerred dan il-ferħ li ġej mil-laqgħa mal-Persuna ta’ Kristu, Kelma ta’ Alla preżenti f’nofsna. F’dinja li spiss tara lil Alla bħala żejjed jew barrani, aħna bħal Pietru nistqarru li Hu biss għandu “l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68). Ma teżistix prijorità ikbar minn din: li niftħu mill-ġdid għall-bniedem tal-lum l-aċċess għal Alla, għal Alla li jitkellem u jagħtina mħabbtu biex ikollna l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10:10).

 

Mid-“Dei Verbum” għas-Sinodu fuq il-Kelma ta’ Alla

3. Aħna konxji li bit-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq il-Kelma ta’ Alla poġġejna bħala tema, f’ċertu sens, l-istess qalb tal-ħajja Nisranija, f’kontinwità mal-Assemblea Sinodali ta’ qabel dwar l-Ewkaristija bħala għajn u quċċata tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja. Fil-fatt, il-Knisja tinbena fuq il-Kelma ta’ Alla, titwieled u tgħix biha.[2] Matul is-sekli kollha tal-istorja tiegħu, il-Poplu ta’ Alla dejjem sab fiha l-qawwa tiegħu u l-komunità ekkleżjali llum ukoll tikber fis-smigħ, fiċ-ċelebrazzjoni u fl-istudju tal-Kelma ta’ Alla. Jeħtieġ nagħrfu li fl-aħħar għaxriet ta’ snin fil-ħajja tal-Knisja kibret is-sensibbiltà għal din it-tema, b’riferiment partikulari għar-Rivelazzjoni Nisranija, għat-Tradizzjoni ħajja u għall-Iskrittura Mqaddsa. Ibda mill-pontifikat tal-Papa Ljun XIII, nistgħu ngħidu li ssoktaw joktru wieħed wara l-ieħor l-interventi b’risq għarfien akbar tal-importanza tal-Kelma ta’ Alla u l-istudji bibliċi fil-ħajja tal-Knisja,[3] proċess li laħaq il-qofol tiegħu fil-Konċilju Vatikan II, b’mod speċjali bil-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum. Din tirrappreżenta żvilupp ewlieni fil-mixja ekkleżjali: “Il-Padri Sinodali… b’ruħ kollha gratitudni jagħrfu x’ġid kbir ġab miegħu dan id-dokument fil-ħajja tal-Knisja, fuq livell eseġetiku, teoloġiku, spiritwali, pastorali u ekumeniku”.[4] Żdied b’mod partikulari fl-aħħar snin l-għarfien tax-“xefaq Trinitarju u storiku-salvifiku tar-Rivelazzjoni”,[5] li fih Ġesù Kristu jidher bħala “l-medjatur u l-milja tar-Rivelazzjoni kollha kemm hi”.[6] Il-Knisja tistqarr bla waqfien lil kull nisel li hu, “bil-preżenza sħiħa tiegħu stess u bil-manifestazzjoni tiegħu bil-kliem u bl-għemil, bis-sinjali u bil-mirakli, u l-aktar bil-mewt u bil-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet, u fl-aħħar nett billi bagħat l-Ispirtu tal-verità, ikompli u jikkompleta r-Rivelazzjoni.[7]

 

Kulħadd jaf xi stimolu qawwi tat il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum lill-għarfien mill-ġdid tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja, lir-riflessjoni teoloġika fuq ir-Rivelazzjoni divina u lill-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa. Lanqas ma kienu ftit l-interventi tal-Maġisteru tal-Knisja fuq dawn il-materji fl-aħħar erbgħin sena.[8] Il-Knisja, għax tagħraf il-kontinwità tagħha mdawla mill-Ispirtu s-Santu, biċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sinodu ħassitha msejħa tinżel iktar fil-fond tat-tema tal-Kelma divina, kemm bħala verifika tat-twettiq tal-indikazzjonijiet tal-Konċilju, u kemm biex taffronta l-isfidi ġodda li ż-żmien tal-lum iqiegħed quddiem dawk li jemmnu fi Kristu.

 

Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Kelma ta’ Alla

4. Fit-XII-il Assemblea Sinodali, Ragħajja mid-dinja kollha nġabru madwar il-Kelma ta’ Alla u simbolikament qiegħdu fiċ-ċentru tal-Assemblea t-test tal-Bibbja biex jiskopru mill-ġdid dak li fil-ħajja ta’ kuljum neħduh wisq bħala ħaġa ovvja: il-fatt li Alla jitkellem u jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħna.[9] Flimkien smajna u ċċelebrajna l-Kelma tal-Mulej. Irrakkontajna lil xulxin kif il-Mulej qed jaħdem fil-Poplu ta’ Alla, qsamna ma’ xulxin it-tamiet u t-tħassib tagħna. B’dan kollu fhimna li nistgħu biss ninżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni tagħna mal-Kelma ta’ Alla fi ħdan l-“aħna” tal-Knisja, fis-smigħ, u billi nilqgħu wieħed lill-ieħor. Minn hawn toħroġ il-gratitudni għax-xhieda fuq il-ħajja ekkleżjali fid-diversi partijiet tad-dinja, li ħarġu mill-bosta interventi fl-awla. Bl-istess mod ħassejna qalbna titqanqal aħna u nisimgħu x’kellhom x’jgħidu d-Delegati ħutna, li laqgħu l-istedina biex jieħdu sehem fil-ġemgħa Sinodali. Tiġini f’moħħi b’mod partikulari l-meditazzjoni li offrielna l-Qdusija Tiegħu Bartilmew I, Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, li għaliha l-Padri Sinodali esprimew rikonoxxenza kbira.[10] Barra dan, għall-ewwel darba s-Sinodu tal-Isqfijiet ried jistieden ukoll Rabbi biex jagħtina xhieda prezzjuża fuq il-Kotba Mqaddsa Lhud, li fil-fatt huma wkoll parti mill-Iskrittura Mqaddsa tagħna.[11]

 

Hekk, bil-ferħ u l-gratitudni, stajna naraw kif “fil-Knisja anki llum għandna Pentekoste – jiġifieri li hi qed titkellem b’bosta ilsna, u dan mhux biss fis-sens estern li fiha huma rrappreżentati l-lingwi kbar kollha tad-dinja, imma iżjed minn hekk fis-sens l-aktar profond: fiha huma preżenti l-kotra ta’ modi tal-esperjenza ta’ Alla u tad-dinja, l-għana tal-kulturi, u hekk biss tidher il-profondità tal-ħajja umana u, ibda minnha, il-profondità tal-Kelma ta’ Alla”.[12] Barra minn hekk, stajna naraw ukoll Pentekoste ieħor li għadu fit-triq; bosta popli għadhom qed jistennew li tiġi mħabbra lilhom il-Kelma ta’ Alla fl-ilsien tagħhom jew fil-kultura tagħhom.

 

Kif nistgħu mbagħad ninsew kif tul is-Sinodu kollu konna mseħbin mix-xhieda tal-Appostlu Pawlu? Fil-fatt, kien providenzjali li t-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja nżammet proprju fis-sena ddedikata lill-figura tal-Appostlu kbir tal-ġnus, fl-okkażjoni tal-elfejn sena minn twelidu. Ħajtu kienet ikkaratterizzata kollha kemm hi miż-żelu għat-tixrid tal-Kelma ta’ Alla. Kif nistgħu ma nisimgħux idamdmu mill-ġdid fi qlubna l-kelmiet qawwija tiegħu dwar il-missjoni tiegħu ta’ xandar tal-Kelma divina: “nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju (1 Kor 9:23); fil-fatt fl-Ittra lir-Rumani jikteb: “Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu” (1:16). Meta nirriflettu fuq il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja ma nistgħux ma naħsbux f’San Pawl u fil-ħajja tiegħu mogħtija għat-tixrid tal-bxara tas-salvazzjoni ta’ Kristu lill-ġnus kollha.

 

Il-Prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni bħala gwida

5. Permezz ta’ din l-Eżortazzjoni appostolika nixtieq li dak li wasal għalih is-Sinodu jħalli frott fuq il-ħajja tal-Knisja: fuq ir-relazzjoni personali mal-Iskrittura Mqaddsa, fuq l-interpretazzjoni tagħha fil-liturġija u fil-katekeżi, kif ukoll fit-tiftix xjentifiku, biex il-Bibbja ma tibqax Kelma tal-imgħoddi, imma ssir Kelma ħajja u attwali. Għaldaqstant nixtieq nippreżenta u ninżel fil-fond tar-riżultati tas-Sinodu billi kontinwament nirreferi għall-Prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni (Ġw 1:1-18), fejn tixxandrilna l-bażi tal-ħajja tagħna: il-Verb, li sa mill-bidu hu ma’ Alla, sar bniedem u għammar fostna (ara Ġw 1:14). Hu test mill-isbaħ, li joffri sintesi tal-fidi Nisranija kollha kemm hi. Mill-esperjenza personali tal-laqgħa u l-mixja wara Kristu, Ġwanni, li t-tradizzjoni tidentifika ma’ “wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb” (Ġw 13:23; 20:2; 21:7,20), “kiseb ċertezza qawwija: Ġesù hu l-Għerf inkarnat ta’ Alla, hu l-Kelma eterna tiegħu li saret bniedem tad-demm u l-laħam”.[13] Dak li “ra, u emmen” (Ġw 20:8) jgħin lilna wkoll biex inqiegħdu rasna fuq sider Kristu (ara Ġw 13:25), li minnu gelglu demm u ilma (ara Ġw 19:34), simboli tas-Sagramenti tal-Knisja. Fuq l-eżempju tal-Appostlu Ġwanni u tal-awturi l-oħra ispirati, inħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina biex nistgħu nħobbu dejjem iżjed il-Kelma ta’ Alla.


 

L-EWWEL PARTI

VERBUM DEI

“Fil-bidu kien il-Verb,

u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla…

u l-Verb sar bniedem” (Ġw 1:1,14)

 

Alla li jitkellem

 

Alla li jiddjaloga

6. L-aspett ġdid tar-rivelazzjoni biblika jikkonsisti fil-fatt li Alla juri min hu fid-djalogu li jixtieq jibni magħna.[14] Il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum kienet ħarġet għad-dawl din ir-realtà meta għarfet li “Alla li ma jidhirx, fl-imħabba kbira tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb u jgħix magħhom biex jistedinhom u jdaħħalhom f’għaqda miegħu”.[15] Imma ma nkunux għadna fhimna biżżejjed il-messaġġ tal-Prologu ta’ San Ġwann jekk nieqfu mal-istqarrija li Alla juri ruħu kollha mħabba lilna. Fir-realtà l-Verb ta’ Alla, li “kollox bih sar” (Ġw 1:3) u li “sar bniedem” (Ġw 1:14), hu l-istess wieħed li hu “fil-bidu” (Ġw 1:1). Jekk hawn nilmħu riferenza għall-bidu tal-ktieb tal-Ġenesi (ara Ġen 1:1), fir-realtà hawn ninsabu quddiem prinċipju ta’ karattru assolut u li jirrakkontalna l-ħajja intima ta’ Alla. Il-Prologu ta’ Ġwanni jqegħidna quddiem il-fatt li l-Logós hu tassew minn dejjem, u minn dejjem hu stess hu Alla. Għalhekk, Alla qatt ma kien mingħajr il-Lógos tiegħu. Il-Verb jeżisti sa minn qabel il-ħolqien. Mela, fil-qalba tal-ħajja divina hemm il-komunjoni, hemm id-don assolut. “Alla hu mħabba” (1 Ġw 4:16), jgħidilna band’oħra l-istess Appostlu, u hekk jurina “x-xbieha Nisranija ta’ Alla kif ukoll ix-xbieha tal-bniedem li ġejja minnu u d-destin tiegħu”.[16] Alla jurina li hu misteru ta’ mħabba infinita fejn il-Missier sa minn dejjem ilissen il-Kelma tiegħu fl-Ispirtu s-Santu. Għalhekk il-Verb, li sa mill-bidu hu ma’ Alla u hu Alla, jirrivelalna lil Alla nnifsu fid-djalogu ta’ mħabba bejn il-Persuni divini u jistedinna nieħdu sehem fih. U hekk, maħluqin fis-sura u x-xbieha ta’ Alla mħabba, nistgħu biss nifhmu lilna nfusna jekk nilqgħu lill-Verb u jekk inkunu doċli għall-opra tal-Ispirtu s-Santu. Huwa fid-dawl tar-Rivelazzjoni mwettqa mill-Verb divin li jiġi ċċarat darba għal dejjem il-misteru tal-qagħda umana.

 

Analoġija tal-Kelma ta’ Alla

7. Minn dawn l-osservazzjonijiet li joħorġu mill-meditazzjoni fuq il-misteru Nisrani espress fil-Prologu ta’ Ġwanni issa hemm bżonn nisiltu x’qalu l-Padri Sinodali f’rabta mad-diversi modi li bihom nużaw l-espressjoni “Kelma ta’ Alla”. Bir-raġun kien hemm min tkellem dwar sinfonija tal-Kelma, ta’ Kelma unika li tesprimi ruħha b’diversi modi: għana b’ħafna ilħna”.[17] Hawnhekk il-Padri Sinodali tkellmu fuq tħaddim analoġiku tal-lingwaġġ uman f’riferiment għall-Kelma ta’ Alla. Fil-fatt, din l-espressjoni, jekk minn naħa tolqot il-komunikazzjoni li Alla jagħmel tiegħu nnifsu, mill-oħra tassumi bosta tifsiriet li għandhom jitqiesu b’attenzjoni u jitqiegħdu f’relazzjoni bejniethom, kemm mill-perspettiva tar-riflessjoni teoloġika u kemm minn dik tal-użu pastorali. Kif jurina b’mod ċar il-Prologu ta’ Ġwanni, il-Lógos l-ewwel nett jindika l-Verb etern, jiġifieri l-Iben il-waħdieni, imnissel mill-Missier qabel kull żmien u natura waħda miegħu: il-Verb kien ma’ Alla, il-Verb kien Alla. Imma dan l-istess Verb, kif jafferma San Ġwann, “sar bniedem” (Ġw 1:14); għalhekk Ġesù Kristu, imwieled mill-Verġni Marija, hu tassew il-Verb ta’ Alla li ssieħeb fin-natura tagħna l-bnedmin. Għalhekk l-espressjoni “Kelma ta’ Alla” hawn tindika l-persuna ta’ Ġesù Kristu, sa minn dejjem Iben tal-Missier, li sar bniedem.

 

Barra minn dan, jekk fil-qalba tar-Rivelazzjoni divina hemm il-ġrajja ta’ Kristu, jeħtieġ nagħrfu wkoll li l-ħolqien innifsu, il-liber naturæ [il-ktieb tan-natura], huwa wkoll essenzjalment parti minn din is-sinfonija ta’ ħafna ilħna fejn jesprimi ruħu l-Verb waħdieni. Bl-istess mod nistqarru li Alla għarraf il-Kelma tiegħu fl-istorja tas-salvazzjoni, semma’ l-leħen tiegħu; bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu “tkellem bil-fomm tal-profeti”.[18] Għalhekk, il-Kelma divina tesprimi ruħha tul l-istorja kollha tas-salvazzjoni u għandha l-milja tagħha fil-Misteru tal-inkarnazzjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Iben ta’ Alla. U mill-ġdid, hi Kelma ta’ Alla dik imxandra mill-Appostli, f’ubbidjenza għall-kmand ta’ Kristu Rxoxt: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Għalhekk, il-Kelma ta’ Alla tgħaddi mit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja. Fl-aħħar nett, il-Kelma ta’ Alla miktuba u mnebbħa b’mod divin hi l-Iskrittura Mqaddsa, it-Testment il-Qadim u l-Ġdid. Dan kollu jispjega għaliex fil-Knisja nqimu bil-kbir l-Iskrittura Mqaddsa, imqar jekk il-fidi Nisranija mhijiex “reliġjon tal-Ktieb”: il-Kristjaneżmu hu r-“reliġjon tal-Kelma ta’ Alla”, mhux ta’ “kelma miktuba u muta, imma tal-Verb inkarnat u ħaj”.[19] Għalhekk l-Iskrittura għandna nxandruha, nisimgħuha, naqrawha, nilqgħuha u ngħixuha bħala Kelma ta’ Alla, fid-dawl tat-Tradizzjoni Appostolika li minnha ma tista’ qatt tinfired.[20]

 

Kif stqarru l-Padri Sinodali, tassew ninsabu quddiem tħaddim analoġiku tal-espressjoni “Kelma ta’ Alla”, li tajjeb inkunu nafu bih. Għalhekk jeħtieġ li l-fidili jiġu edukati iktar biex jifhmu l-għadd ta’ tifsiriet kif ukoll is-sens unitarju tagħha. Anki mill-perspettiva teoloġika jeħtieġ ninżlu iktar fil-fond tal-artikulazzjoni tal-bosta tifsiriet ta’ din l-espressjoni biex tilma aħjar l-għaqda tal-pjan divin u ċ-ċentralità tal-persuna ta’ Kristu fiha.[21]

 

Id-dimensjoni kożmika tal-Kelma

8. Konxji mit-tifsira fundamentali tal-Kelma ta’ Alla f’riferiment għall-Verb etern ta’ Alla magħmul bniedem, feddej u medjatur waħdieni bejn Alla u l-bniedem,[22] u fis-smigħ ta’ din il-Kelma, inħossuna misjuqa mir-Rivelazzjoni biblika biex nagħrfu li din hi l-pedament tar-realtà kollha. Il-Prologu ta’ San Ġwann, huwa u jirriferi għal-Lógos divin, jgħid li “kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru” (Ġw 1:3); anki fl-Ittra lill-Kolossin, b’riferenza għal Kristu, naqraw li hu “l-kbir fost il-ħlejjaq kollha” (1:15), li “kollox bih u għalih kien maħluq” (1:17). U l-awtur tal-Ittra lil-Lhud ifakkarna li “hu permezz tal-fidi li aħna nemmnu kif Alla ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu, hekk li minn dak li ma narawx sar dak li jidher” (11:3).

 

Din it-tħabbira hi għalina kelma ħelliesa. Fil-fatt, l-affermazzjonijiet tal-Iskrittura jindikaw li dak kollu li jeżisti mhuwiex frott ta’ każ irrazzjonali, imma hu mixtieq minn Alla, hu fil-pjan tiegħu, li fil-qalba tiegħu hemm l-offerta biex nieħdu sehem mill-ħajja divina fi Kristu. Il-ħolqien jitwieled mil-Lógos u jġorr fih b’mod li ma jitħassarx il-marka tar-Raġuni ħallieqa li tordna u tmexxi. Din iċ-ċertezza hienja jgħannuha s-Salmi: “Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom” (Salm 33:6); u mill-ġdid: “hu tkellem, u hi saret; hu ordna, u hi twaqqfet” (Salm 33:9). Ir-realtà kollha tesprimi dan il-misteru: “Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema” (Salm 19:2). Għalhekk hi l-istess Skrittura Mqaddsa li tistedinna nagħrfu lill-Ħallieq billi nosservaw il-ħolqien tiegħu (ara Għerf 13:5; Rum 1:19-20). It-tradizzjoni tal-ħsieb Nisrani għarfet tħaffer iktar fil-fond ta’ dan l-element-muftieħ tas-sinfonija tal-Kelma, meta, ngħidu aħna, San Bonaventura, li flimkien mat-tradizzjoni kbira tal-Padri Griegi jilmaħ il-possibbiltajiet kollha tal-ħolqien fil-Lógos,[23] jafferma li “kull ħlejqa hi kelma ta’ Alla, għax ixxandar lil Alla”.[24] Il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum kienet ġabret fil-qosor dan l-għarfien u ddikjarat li “Alla li ħalaq u jżomm il-ħwejjeġ kollha permezz tal-Verb (ara Ġw 1:3) jagħti lill-bnedmin fil-ħwejjeġ maħluqa xhieda li ma tiqafx tiegħu nnifsu”.[25]

 

Il-ħolqien tal-bniedem

9. Għalhekk, ir-realtà titwieled mill-Kelma bħala creatura Verbi u kollox huwa msejjaħ biex ikun għall-qadi tal-Kelma. Il-ħolqien hu post fejn tiżviluppa l-istorja kollha tal-imħabba bejn Alla u l-ħlejqa tiegħu; għalhekk is-salvazzjoni tal-bniedem hi r-raġuni ta’ kollox. Meta nikkontemplaw l-univers fil-perspettiva tal-istorja tas-salvazzjoni naslu biex niskopru l-qagħda unika u singulari li għandu l-bniedem fil-ħolqien: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27). B’hekk nistgħu nagħrfu b’mod sħiħ id-doni prezzjużi li tana l-Ħallieq: il-valur ta’ ġisimna, id-don tar-raġuni, tal-libertà u tal-kuxjenza. F’dan nilmħu wkoll dik li t-tradizzjoni filosofika ssejjaħ “liġi naturali”.[26] Fil-fatt, “kull essri uman li għandu l-kuxjenza u r-responsabbiltà jagħmel l-esperjenza ta’ sejħa li jħoss ġo fih biex jagħmel dak li hu tajjeb”[27] u, għalhekk, biex jaħrab il-ħażin. Kif ifakkarna San Tumas ta’ Aquino, fuq dan il-prinċipju jissejsu wkoll il-preċetti l-oħra kollha tal-liġi naturali.[28] Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla qabelxejn iwassalna biex nagħtu importanza lill-esiġenza li ngħixu skont din il-liġi “miktuba fil-qalb” (ara Rum 2:15; 7:23).[29] Imbagħad, Ġesù Kristu jagħti lill-bnedmin il-Liġi l-ġdida, il-Liġi tal-Evanġelju, li tassumi u twettaq b’mod eminenti l-liġi naturali, u hekk teħlisna mil-liġi tad-dnub, li minħabba fiha, kif jgħid San Pawl, “ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm” (Rum 7:18), u trodd lill-bnedmin, permezz tal-grazzja, sehem fil-ħajja divina u ħila li jegħlbu l-egoiżmu.[30]

 

Ir-realiżmu tal-Kelma

10. Min jaf il-Kelma divina jaf ukoll b’mod sħiħ x’inhi t-tifsira ta’ kull ħlejqa. Fil-fatt, jekk kollox “fih qiegħed iżomm”, hu li “hu qabel kollox” (ara Kol 1:17), allura min jibni ħajtu fuq il-Kelma tiegħu jkun qed jibni tassew fis-sod u li jżomm fit-tul. Il-Kelma ta’ Alla tqanqalna biex nibdlu l-kunċett tagħna ta’ realiżmu: hu realista min jagħraf fil-Verb ta’ Alla l-pedament ta’ kollox.[31] Dan għandna bżonnu b’mod partikulari fi żmienna, fejn ħafna ħwejjeġ li fuqhom inserrħu biex nibnu ħajjitna, li fuqhom aħna ttentati nqiegħdu t-tama tagħna, niskopru li ma jdumux ma jgħaddu. Il-proprjetà tal-ġid, il-pjaċir u l-poter illum jew għada niskopru li ma jistgħux jaqtgħu l-aktar għatx profond ta’ qalb il-bniedem. Fil-fatt, biex jibni ħajtu hu għandu bżonn ta’ pedamenti sodi, li jibqgħu anki meta jonqsu ċ-ċertezzi umani. Fil-verità, ladarba “għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek, hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet” u l-fedeltà tal-Mulej tibqa’ “minn nisel għal nisel” (Salm 119:89-90), min jibni fuq din il-Kelma jkun qed jibni d-dar ta’ ħajtu fuq il-blat (ara Mt 7:24). Jalla qalbna tkun tista’ tgħid ta’ kuljum lil Alla: “Inti l-kenn u t-tarka tiegħi; fil-kelma tiegħek jien nittama” (Salm 119:114) u bħal San Pietru nistgħu ngħixu kull ġurnata b’fiduċja fil-Mulej Ġesù: “La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5).

 

Kristoloġija tal-Kelma

11. Minn din il-ħarsa lejn ir-realtà bħala opra tat-Trinità Qaddisa, permezz tal-Verb divin, nistgħu nifhmu l-kelmiet tal-awtur tal-Ittra lil-Lhud: “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien” (1:1-2). Kemm hi ħaġa sabiħa nosservaw kif diġà t-Testment il-Qadim kollu jidher quddiemna bħala storja li fiha Alla jtarrfilna l-Kelma tiegħu: fil-fatt, “bil-patt ma’ Abraham (ara Ġen 15:18) u mal-poplu ta’ Iżrael permezz ta’ Mosè (ara Eż 24:8) huwa rrivela lilu nnifsu, bi kliem u għemil, lill-poplu li kien kiseb għalih; irrivela lilu nnifsu bħala l-uniku Alla ħaj u veru, b’tali mod li Iżrael għaraf liema kienu t-triqat ta’ Alla mal-bnedmin. U hekk, billi Alla kien jitkellem bil-fomm tal-profeti, Iżrael fehemhom aktar fil-fond u aktar ċar u għarrafhom aktar fil-wisa’ lill-ġnus (ara Salm 21:28-29; 95:1-3; Iż 2:1-4; Ġer 3:17)”.[32]

 

Din il-“kondixxendenza” ta’ Alla sseħħ bl-ogħla mod fl-inkarnazzjoni tal-Verb. Il-Kelma eterna li tesprimi ruħha fil-ħolqien u li titlissen fl-istorja tas-salvazzjoni, fi Kristu saret bniedem, “imwieled minn mara” (Gal 4:4). Il-Kelma hawn ma tesprimix ruħha qabelxejn f’diskors, f’kunċetti jew regoli. Hawn ninsabu quddiem l-istess persuna ta’ Ġesù. L-istorja unika u singulari tiegħu hi l-Kelma definittiva li Alla jlissen lill-bnedmin. Minn hawn nifhmu għaliex “bħala bidu għall-eżistenza Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva”.[33] It-tiġdid ta’ din il-laqgħa u ta’ dan l-għarfien inissel fil-qalb ta’ min jemmen l-istagħġib għall-inizjattiva divina li l-bniedem bil-ħiliet tiegħu tar-raġuni u bl-immaġinazzjoni tiegħu qatt ma seta’ jasal għaliha. Hawn għandna karatteristika ġdida li qatt ma dehret qabel u li l-bniedem waħdu ma jistax jistħajjel: “il-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14a). Dawn l-espressjonijiet ma jindikawx xi figura rettorika, imma esperjenza li ngħaxet! Jgħarrafna biha San Ġwann, xhud li ra b’għajnejh: “Aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1:14b). Il-fidi tal-Appostli tixhdilna li l-Kelma eterna saret Wieħed minna. Il-Kelma divina tesprimi ruħha tassew fi kliem uman.

 

12. It-Tradizzjoni Patristika u Medjevali, hija u tikkontempla din il-“Kristoloġija tal-Kelma”, inqdiet b’espressjoni suġġestiva: Il-Verb tqassar.[34] “Missirijiet il-Knisja, fit-traduzzjoni Griega tagħhom tat-Testment il-Qadim, sabu kelma tal-profeta Iżaija, li anki San Pawl jikkwotaha biex juri kif it-toroq ġodda ta’ Alla kienu ġa mħabbra sa minn qabel fit-Testment il-Qadim. Hemmhekk hemm miktub: ‘Alla qata’ fil-qasir il-Kelma tiegħu, qassarha’ ( 10:23; Rum 9:28)… L-Iben innifsu huwa l-Kelma, huwa l-Lógos: il-Kelma eterna ċċekknet – ċkienet tant li setgħet tidħol f’maxtura. Saret tarbija, biex il-Kelma ssir għalina xi ħaġa li nistgħu nifhmu”.[35] Issa, il-Kelma mhux biss nistgħu nisimgħuha, mhux biss għandha leħen, imma issa l-Kelma għandha wiċċ, li allura nistgħu narawh: Ġesù ta’ Nazaret.[36]

 

Jekk naqraw ir-rakkont tal-Evanġelji, ninnutaw kif l-istess umanità ta’ Ġesù tidher b’mod hekk singulari proprju f’riferiment għall-Kelma ta’ Alla. Fil-fatt, fl-umanità perfetta tiegħu hu jwettaq ir-rieda tal-Missier, ħaġa b’ħaġa; Ġesù jagħti widen għal leħnu u jobdi b’dak kollu li hu; hu jagħraf lill-Missier u josserva l-kelma tiegħu (ara Ġw 8:55); jirrakkontalna l-ħwejjeġ tal-Missier (ara Ġw 12:50); “il-kliem li int tajt lili jiena tajtu lilhom” (Ġw 17:8). Għalhekk Ġesù juri li hu l-Lógos divin li jingħata għalina, imma anki Adam il-ġdid, il-bniedem veru, dak li f’kull waqt jagħmel mhux ir-rieda tiegħu imma dik tal-Missier. Hu “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2:52). B’mod perfett, huwa jisma’, iwettaq fih u jgħaddi lilna l-Kelma divina (ara Lq 5:1).

 

Il-missjoni ta’ Ġesù fl-aħħar mill-aħħar issib il-milja tagħha fil-Misteru tal-Għid: hawn ninsabu quddiem il-“predikazzjoni tas-salib” (1 Kor 1:18). Il-Verb jiskot, isir skiet tal-mewt, għax ġie “mlissen” sa ma ntebaq fommu, ma żamm xejn għalih minn dak li kellu jgħaddilna. Suġġestivament il-Missirijiet tal-Knisja, xħin jikkontemplaw dan il-misteru, iqiegħdu din l-espressjoni fuq xofftejn Omm Alla: “Issa hi bla kliem il-Kelma tal-Missier, li għamlet kull ħlejqa li titkellem; huma bla ħajja l-għajnejn magħluqa ta’ dak li għall-kelma tiegħu u għal ismu jiċċaqlaq dak kollu li għandu fih il-ħajja”.[37] Hawn tabilħaqq hi mgħoddija lilna l-“akbar” imħabba, dik li tagħti ħajjitha għal ħbiebha (ara Ġw 15:13).

 

F’dan il-misteru kbir Ġesù jidher bħala l-Kelma tal-Patt il-ġdid u li jibqa’ għal dejjem: il-libertà ta’ Alla u l-libertà tal-bniedem iltaqgħu b’mod definittiv fil-ġisem mislub tiegħu, f’patt li ma jitkissirx, li jibqa’ jiswa għal dejjem. Ġesù nnifsu fl-Aħħar Ċena, fit-twaqqif tal-Ewkaristija, kien tkellem fuq “Patt ġdid u li jibqa’ għal dejjem”, miktub fid-demm tiegħu mxerred (ara Mt 26:28; Mk 14:24; Lq 22:20), u hekk uriena kif kien hu l-veru Ħaruf maqtul, li fih iseħħ il-ħelsien darba għal dejjem minn kull jasar.[38]

 

Fil-misteru kollu dawl tal-qawmien dan is-skiet tal-Kelma jidher fit-tifsira awtentika u definittiva tiegħu. Kristu, Kelma ta’ Alla inkarnata, misluba u rxuxtata, hu Sid ta’ kollox; hu r-Rebbieħ, il-Pantocrator, u hekk il-ħwejjeġ kollha huma miġbura mill-ġdid għal dejjem fih (ara Efes 1:10). Għalhekk Kristu hu “d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12), dak id-dawl li “jiddi fid-dlam” (Ġw 1:5) u li d-dlamijiet ma għelbuhx (ara Ġw 1:5). Hawn nifhmu għalkollox it-tifsira tas-Salm 119: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (v. 105); il-Kelma li tqum hi dan id-dawl definittiv għat-triq tagħna. L-Insara sa mill-bidu fehmu li fi Kristu l-Kelma ta’ Alla hi preżenti bħala Persuna. Il-Kelma ta’ Alla hi l-veru dawl li għandu bżonn il-bniedem. Iva, fil-qawmien l-Iben ta’ Alla deher bħala Dawl għad-dinja. Issa, jekk ngħixu miegħu u għalih, nistgħu ngħixu fid-dawl.

 

13. Issa li wasalna, biex ngħidu hekk, fil-qalba tal-“Kristoloġija tal-Kelma”, importanti nisħqu fuq l-għaqda tal-pjan divin fil-Verb inkarnat: għalhekk it-Testment il-Ġdid jippreżentalna l-Misteru tal-Għid fi qbil mal-Iskrittura Mqaddsa, bħala l-aqwa milja tagħha. San Pawl, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, jafferma li Ġesù Kristu miet għal dnubietna “skont l-Iskrittura” (15:3) u li qam fit-tielet jum “skont l-Iskrittura” (15:4). B’dan l-Appostlu jqiegħed il-ġrajja tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej f’relazzjoni mal-istorja ta’ Alla mal-poplu tiegħu tal-Patt il-Qadim. Anzi, ifissrilna kif din l-istorja fiha ssib il-loġika u t-tifsira vera tagħha. Fil-Misteru tal-Għid jitwettqu “l-kelmiet tal-Iskrittura, jiġifieri, din il-mewt imwettqa ‘skont l-Iskrittura’ hi ġrajja li ġġorr fiha Lógos, loġika: il-mewt ta’ Kristu turi li l-Kelma ta’ Alla saret kollha kemm hi ‘laħam’, ‘storja’ umana”.[39] Anki l-qawmien ta’ Ġesù jseħħ “fit-tielet jum skont l-Iskrittura”: billi skont l-interpretazzjoni Lhudija t-taħsir tal-ġisem kien jibda wara t-tielet jum, il-kelma tal-Iskrittura sseħħ f’Ġesù li jqum qabel ma jibda dan it-taħsir. Hekk San Pawl, huwa u jgħaddilna fedelment it-tagħlim tal-Appostli (ara 1 Kor 15:3), jisħaq li r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt isseħħ permezz tal-qawwa ħallieqa tal-Kelma ta’ Alla. Din il-qawwa divina ġġib tama u ferħ: dan hu tabilħaqq il-kontenut ħellies tar-Rivelazzjoni tal-Għid. Fl-Għid, Alla juri lilu nnifsu u l-qawwa tal-Imħabba Trinitarja li xxejjen il-qawwiet qerrieda tal-ħażen u tal-mewt.

 

Xħin niftakru f’dawn il-karatteristiċi essenzjali tal-fidi tagħna, nistgħu hekk nikkontemplaw l-għaqda qawwija bejn ħolqien u ħolqien ġdid u tal-istorja kollha tas-salvazzjoni fi Kristu. Jekk nesprimu ruħna bi xbieha, nistgħu nqabblu l-univers ma’ “ktieb” – hekk ukoll kien jgħid Galileo Galilei –, u nqisuh bħala “l-opra ta’ Awtur li tesprimi ruħha permezz tas-‘sinfonija’ tal-ħolqien. Fi ħdan din is-sinfonija, xi mkien, insibu dak li f’lingwaġġ mużikali nsejħulu ‘solo’, tema fdata lil strument wieħed jew vuċi waħda; u hu tant importanti li minnu tiddipendi t-tifsira tal-opra kollha kemm hi. Dan is-‘solo’ hu Ġesù… Bin il-bniedem jiġbor fih l-art u s-sema, il-ħolqien u l-Ħallieq, il-ġisem u l-Ispirtu. Dan hu ċ-ċentru tal-kożmu u tal-istorja, għax fih jixxierku mingħajr ma jitħawdu bejniethom l-Awtur u l-opra tiegħu”.[40]

 

Id-dimensjoni eskatoloġika tal-Kelma ta’ Alla

14. B’dan kollu l-Knisja tesprimi l-għarfien li flimkien ma’ Ġesù Kristu ssib ruħha quddiem il-Kelma definittiva ta’ Alla; hu “l-Ewwel u l-Aħħar” (Apk 1:17). Hu ta lill-ħolqien u lill-istorja s-sens definittiv tagħhom; għalhekk aħna msejħa ngħixu ż-żmien, u ngħammru fil-ħolqien ta’ Alla f’dan ir-ritmu eskatoloġiku tal-Kelma; dak li ġara fl-inkarnazzjoni ta Kristu skont il-Pjan ta Alla, ladarba hu alleanza ġdida u definittiva, ma jgħaddi qatt iżjed, u ma għandna nistennew l-ebda rivelazzjoni pubblika oħra qabel id-dehra glorjuża ta Sidna Ġesù Kristu (ara 1 Tim 6:14 u Tit 2:13)”.[41] Fil-fatt, kif fakkruna l-Padri waqt is-Sinodu, l-“ispeċifiċità tal-Kristjaneżmu tidher fil-ġrajja li hi Ġesù Kristu, quċċata tar-Rivelazzjoni, milja tal-wegħdiet ta’ Alla u medjatur tal-laqgħa bejn il-bniedem u Alla. Hu li ‘għarrfilna’ lil Alla (ara Ġw 1:18) huwa l-Kelma waħdanija u definittiva mogħtija lill-bnedmin”.[42] San Ġwann tas-Salib esprima din il-verità b’mod tal-għaġeb: “Għax meta tana lil Ibnu, li huwa l-Kelma tiegħu, kif għamel tassew, hu – li ma għandu ebda kelma oħra – kellimna lkoll flimkien, darba u għal kulħadd, f’din il-Kelma waħdanija tiegħu, u ma għandu ebda okkażjoni li jkellimna aktar… ladarba dak li tkellem fuqu qabel, biċċa biċċa lill-profeti, issa qalu f’daqqa waħda f’Ibnu, billi tana kollox li huwa Ibnu. Mela, dak li jkun irid joqgħod isaqsi lil Alla, jew ifittex xi viżjoni jew rivelazzjonijiet, mhux biss ikun qed jimxi ta’ iblah, imma jaqa’ f’offiża kontra Alla, billi ma jitfax għajnejh għalkollox fuq Kristu, u jfittex xi ħaġa ġdida jew kull ħaġa oħra barra minnu”.[43]

 

Għaldaqstant, is-Sinodu rrakkomanda li “ngħinu lill-fidili jagħżlu tajjeb il-Kelma ta’ Alla mir-rivelazzjonijiet privati”,[44] li xogħolhom “mhux li ‘jtejbu’ jew li ‘jagħmlu iktar sħiħa’ r-Rivelazzjoni definittiva ta’ Kristu, imma li jgħinu biex wieħed jgħixha b’mod iżjed sħiħ f’xi żmien tal-istorja tal-bniedem”.[45] Il-valur tar-rivelazzjonijiet privati hu essenzjalment differenti mir-Rivelazzjoni pubblika waħdanija: dan tesiġih il-fidi tagħna; fil-fatt, fiha, permezz ta’ kelmiet tal-bnedmin u tal-medjazzjoni tal-komunità ħajja tal-Knisja, Alla nnifsu hu li jkellimna. Il-kriterju għall-verità ta’ rivelazzjoni privata hu l-orjentament tagħha lejn Kristu nnifsu. Meta din tbegħidna minnu, allura żgur ma tkunx ġejja mill-Ispirtu s-Santu, li jmexxina fl-Evanġelju u mhux ’il barra minnu. Ir-rivelazzjoni privata hi għajnuna għal din il-fidi, u tidher kredibbli proprju għax tindirizzana lejn ir-Rivelazzjoni pubblika waħdanija. Għalhekk l-approvazzjoni ekkleżjastika ta’ rivelazzjoni privata essenzjalment qiegħda biex tindika li l-messaġġ marbut magħha ma jkollu xejn fih li jistona mal-fidi u d-drawwiet tajba; tkun ħaġa leċita li din issir pubblika, u l-fidili huma awtorizzati biex b’mod prudenti jesprimu t-twemmin tagħhom fiha. Rivelazzjoni privata tista’ ddaħħal aċċenti ġodda, toħroġ xejriet ġodda ta’ devozzjoni jew tinżel iktar fil-fond ta’ oħrajn qodma. Jista’ jkollha ċertu karattru profetiku (ara 1 Tess 5:19-21) u tista’ tkun għajnuna siewja biex nifhmu u ngħixu aħjar l-Evanġelju fi żmienna; għalhekk m’għandniex nittraskurawha. Hi għajnuna, offruta, imma li m’aħniex obbligati nużawha. Hu x’inhu, għandha sservi bħala nutriment għall-fidi, għat-tama u għall-imħabba, li huma għal kulħadd it-triq permanenti tas-salvazzjoni.[46]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Ispirtu s-Santu

15. Wara li waqafna fuq il-Kelma aħħarija u definittiva ta’ Alla lid-dinja, jeħtieġ issa nfakkru l-missjoni tal-Ispirtu s-Santu f’relazzjoni mal-Kelma divina. Fil-fatt, ma nistgħux nifhmu tassew ir-Rivelazzjoni Nisranija ’l barra mill-azzjoni tal-Paraklitu. Dan jiddipendi mill-fatt li l-komunikazzjoni li Alla jagħmel tiegħu nnifsu timplika dejjem ir-relazzjoni bejn l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, li Irinew ta’ Lyons, fil-fatt, isejjaħ “iż-żewġ dirgħajn tal-Missier”.[47] Mill-bqija, hi l-Iskrittura Mqaddsa li turina l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fl-istorja tas-salvazzjoni u b’mod partikulari fil-ħajja ta’ Ġesù, li jitnissel mill-Verġni Marija bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu (ara Mt 1:18; Lq 1:35); fil-bidu tal-missjoni pubblika tiegħu, fuq ix-xatt tal-Ġordan, jilmħu nieżel fuqu f’għamla ta’ ħamiema (ara Mt 3:16); f’dan l-istess Spirtu Ġesù jaġixxi, jitkellem u jfaħħar (ara Lq 10:21); u hu fl-Ispirtu li hu joffri lilu nnifsu (ara Lhud 9:14). Lejn tmiem il-missjoni tiegħu, skont ir-rakkont tal-Evanġelista Ġwanni, hu Ġesù nnifsu li jqiegħed f’relazzjoni ċara bejniethom id-don ta’ ħajtu u l-għoti tal-Ispirtu lid-dixxipli tiegħu (ara Ġw 16:7). Imbagħad, Kristu Rxoxt, bis-sinjali tal-passjoni f’ġismu, isawwab l-Ispirtu (ara Ġw 20:22) fuq id-dixxipli tiegħu, u hekk jagħtihom sehem fl-istess missjoni tiegħu (ara Ġw 20:21). L-Ispirtu s-Santu lid-dixxipli tiegħu jgħallimhom kollox u jfakkarhom f’dak kollu li Kristu qal (ara Ġw 14:26), għax se jkun hu, l-Ispirtu tal-Verità (ara Ġw 15:26), li jmexxi lid-dixxipli lejn il-Verità sħiħa (ara Ġw 16:13). Fl-aħħar nett, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli, l-Ispirtu jinżel fuq it-Tnax miġbura fit-talb flimkien ma’ Marija nhar Għid il-Ħamsin (ara 2:1-4), u jseddaqhom fil-missjoni li jħabbru l-Bxara t-Tajba lill-ġnus kollha.[48]

 

Għalhekk, il-Kelma ta’ Alla tesprimi ruħha fi kliem tal-bnedmin grazzi għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Il-missjoni tal-Iben u dik tal-Ispirtu s-Santu ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, u jsawru ekonomija waħda tas-salvazzjoni. L-istess Spirtu li jaġixxi fl-inkarnazzjoni tal-Verb fil-ġuf tal-Verġni Marija huwa dak li jmexxi lil Ġesù tul il-missjoni kollha tiegħu u li jiġi mwiegħed lid-dixxipli. L-istess Spirtu, li tkellem permezz tal-profeti, iwieżen u jnebbaħ lill-Knisja fil-ħidma tagħha li xxandar il-Kelma ta’ Alla u fil-predikazzjoni tal-Appostli; fl-aħħar nett, huwa dan l-Ispirtu li jnebbaħ lill-awturi tal-Iskrittura Mqaddsa.

 

16. Konxji minn dan ix-xefaq pnewmatoloġiku, il-Padri Sinodali riedu jfakkruna fl-importanza tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-Knisja u fil-qalb ta’ min jemmen f’relazzjoni mal-Iskrittura Mqaddsa:[49] mingħajr l-azzjoni effikaċi tal-“Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:16) ma nistgħux nifhmu kliem il-Mulej. Kif ifakkarna mill-ġdid Sant’Irinew: “Dawk li ma jiħdux sehem mill-Ispirtu ma jistgħux jixorbu minn sider ommhom (il-Knisja) l-ikel tal-ħajja, huma ma jirċievu xejn mill-għajn l-aktar safja li tgelgel mill-ġisem ta’ Kristu”.[50] Kif il-Kelma ta’ Alla tasal għandna fil-ġisem ta’ Kristu, fil-ġisem Ewkaristiku u fil-ġisem tal-Iskrittura bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, hekk hi tista’ biss tiġi milqugħa u mifhuma tassew grazzi għal dan l-istess Spirtu.

 

Il-kittieba l-kbar tat-tradizzjoni Nisranija huma kelma waħda fil-mod kif iħarsu lejn ir-rwol tal-Ispirtu s-Santu fir-relazzjoni li min jemmen għandu jkollu mal-Iskrittura. San Ġwann Griżostmu jafferma li l-Iskrittura “għandha bżonn tar-rivelazzjoni tal-Ispirtu, biex mill-għarfien tat-tifsir veru tal-ħwejjeġ li nsibu miġbura fiha, niksbu ġid kotran għalina”.[51] San Ġlormu wkoll hu konvint bil-kbir li “ma nistgħux naslu biex nifhmu l-Iskrittura mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li nebbaħha”.[52] Imbagħad, San Girgor il-Kbir b’mod suġġestiv jagħfas fuq il-ħidma tal-istess Spirtu fit-tiswir u fl-interpretazzzjoni tal-Bibbja: “Hu stess li ħalaq il-kelmiet tat-Testmenti mqaddsa, hu stess li wriehomlna”.[53] Rikkardu ta’ San Vitor ifakkarna li trid “għajnejn ta’ ħamiema”, imdawlin u mgħallma mill-Ispirtu, biex tista’ tifhem it-test sagru.[54]

 

Nixtieq nerġa’ nisħaq kemm hi sinifikattiva x-xhieda li nsibu dwar ir-relazzjoni bejn l-Ispirtu s-Santu u l-Iskrittura fit-testi liturġiċi, fejn il-Kelma ta’ Alla tiġi mxandra, mismugħa u mfissra lill-fidili. Dan hu l-każ ta’ talbiet qodma li f’għamla ta’ epikleżi jsejħu lill-Ispirtu qabel ix-xandir tal-qari: “Ibgħat lill-Ispirtu Paraklitu tiegħek fir-ruħ tagħna biex nifhmu l-Kitbiet minnu mnebbħa; u agħtini li ninterpretahom b’mod xieraq, biex il-fidili hawn miġbura jiksbu minnhom kull ġid”. Bl-istess mod, insibu talbiet li, fi tmiem l-omelija, mill-ġdid isejħu mingħand Alla d-don tal-Ispirtu fuq il-fidili: “Alla Feddej… nitolbuk għal dan il-poplu: ibgħat fuqu l-Ispirtu s-Santu; ħa jiġi jżuru l-Mulej Ġesù, ikellem lill-moħħ ta’ kulħadd u jħejji l-qlub għall-fidi u jwassal lil ruħna għandek, Alla tal-Ħniena”.[55] Minn dan kollu nistgħu nifhmu tajjeb għaliex ma tistax tasal biex tifhem it-tifsira tal-Kelma jekk l-ewwel l-azzjoni tal-Paraklitu ma tiġix milqugħa fil-Knisja u fil-qlub ta’ min jemmen.

 

Tradizzjoni u Skrittura

17. Meta sħaqna tant fuq ir-rabta qawwija bejn l-Ispirtu s-Santu u l-Kelma ta’ Alla, qegħidna wkoll is-sisien biex nifhmu t-tifsira u l-valur deċiżiv tat-Tradizzjoni ħajja u tal-Iskrittura Mqaddsa fil-Knisja. Fil-fatt, ladarba Alla “hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta dejjem” (Ġw 3:16), il-Kelma divina, imlissna fiż-żmien, ingħatat u “ġiet mgħoddija” lill-Knisja b’mod definittiv, u hekk il-bxara tas-salvazzjoni tista’ titwassal b’mod effikaċi fiż-żminijiet u fil-postijiet kollha. Kif tfakkarna l-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, Ġesù Kristu nnifsu “ordna lill-Appostli li jippritkaw lil kulħadd l-Evanġelju bħala l-għajn ta’ kull verità li ssalva u ta’ kull regola morali u b’hekk iqassmu d-doni ta’ Alla. Dan l-Evanġelju kien qabel imwiegħed mill-profeti u wara ntemm u xxandar minn Kristu nnifsu. L-Appostli temmew bil-fedeltà l-kmand ta’ Kristu. Bix-xandir tal-fomm, bl-eżempju u bl-istituzzjonijiet huma għaddew kemm dak li kienu rċevew minn fomm Kristu, mill-ħajja li għaddew miegħu u minn dak li kien għamel, kemm dak li kienu tgħallmu mill-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Il-kmand ta’ Kristu ntemm ukoll minn dawk l-Appostli u n-nies ta’ madwarhom li, bl-ispirazzjoni tal-istess Spirtu s-Santu, xandru bil-kitba l-aħbar tas-salvazzjoni”.[56]

 

Barra minn hekk, il-Konċilju Vatikan II ifakkarna kif din it-Tradizzjoni li ġejja minn żmien l-Appostli hi realtà ħajja u dinamika: hi “tiżviluppa ruħha fil-Knisja bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu”; mhux fis-sens li tinbidel fil-verità tagħha, li hi waħda u għal dejjem. Pjuttost, “sew il-ħwejjeġ sew il-kliem li t-tradizzjoni tgħallem jinftiehmu aħjar b’diversi modi”, bil-kontemplazzjoni u l-istudju, bl-intelliġenza mogħtija minn esperjenza spiritwali iktar qawwija, u permezz tal-“predikazzjoni ta’ dawk li flimkien mas-suċċessjoni tal-Isqfijiet irċevew id-don ċert tal-verità”.[57]

 

It-Tradizzjoni ħajja hi essenzjali biex il-Knisja matul iż-żmien tista’ tikber fl-għarfien tagħha tal-verità rivelata fl-Iskrittura; fil-fatt, “huwa fit-Tradizzjoni li l-Knisja tfiehem aħjar u tħaddem il-ħin kollu l-istess Kotba Mqaddsa”.[58] Tabilħaqq, hija t-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja li tfehimna kif jixraq l-Iskrittura Mqaddsa bħala Kelma ta’ Alla. Għalkemm il-Verb ta’ Alla jiġi qabel u jmur lil hemm mill-Iskrittura Mqaddsa, madankollu, bħala ħaġa mnebbħa minn Alla, hi fiha l-Kelma divina (ara 2 Tim 3:16) “b’mod għalkollox waħdieni”.[59]

 

18. Minn hawn joħroġ kemm hu importanti li l-Poplu ta’ Alla jiġi edukat u ffurmat b’mod ċar biex jersaq qrib tal-Iskrittura Mqaddsa f’relazzjoni mat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, huwa u jagħraf fiha l-istess Kelma ta’ Alla. Li mġiba bħal din tikber fil-fidili hu importanti ħafna mill-perspettiva tal-ħajja spiritwali. Hawnhekk jista’ jiswa ta’ għajnuna li nfakkru f’analoġija żviluppata mill-Missirijiet tal-Knisja bejn il-Verb ta’ Alla li jsir “laħam” u l-Kelma li ssir “ktieb”.[60] Il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum taqbad din it-tradizzjoni antika li “l-ġisem tal-Iben huwa l-Iskrittura mgħoddija lilna” – kif jafferma Sant’Ambroġ ,[61] u tistqarr: “Il-kliem ta’ Alla mogħti lilna b’ilsna ta’ bnedmin sar jixbah il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħufija tan-natura ta’ bniedem, sar jixbah lill-bniedem”.[62] Meta nifhmuha b’dan il-mod, l-Iskrittura Mqaddsa, imqar fil-kotra ta’ għamliet u kontenuti tagħha, tidher quddiemna bħala realtà waħda magħquda. Fil-fatt, “permezz tal-kliem kollu tal-Iskrittura Mqaddsa, Alla ma qalx ħlief Kelma waħda. Il-Verb waħdieni tiegħu li fih wera lilu nnifsu kollu kemm hu (ara Lhud 1:1-3)”,[63] kif diġà kien stqarr b’mod ċar Santu Wistin: “Ftakru li wieħed biss hu t-taħdit ta’ Alla li jiżviluppa fl-Iskrittura Mqaddsa kollha u wieħed biss hu l-Verb li jidwi fuq fomm il-kittieba mqaddsa kollha”.[64]

 

Tabilħaqq, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u għad-dawl tal-Maġisteru, il-Knisja tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet kollha dak li ġie rrivelat fi Kristu. Il-Knisja tgħix biċ-ċertezza li l-Mulej tagħha, li tkellem fl-imgħoddi, ma jehdiex illum ukoll ilissen il-Kelma tiegħu fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja u fl-Iskrittura Mqaddsa. Fil-fatt, il-Kelma ta’ Alla tingħata lilna fl-Iskrittura Mqaddsa, xhieda mnebbħa tar-Rivelazzjoni, li flimkien mat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja hija l-ogħla regola tal-fidi.[65]

 

L-Iskrittura Mqaddsa, l-ispirazzjoni u l-verità

19. Kunċett li neħtieġu biex nistgħu nifhmu t-test sagru bħala Kelma ta’ Alla fi kliem il-bniedem hu bla dubju ta’ xejn dak tal-ispirazzjoni. Hawn ukoll nistgħu nissuġġerixxu analoġija: kif il-Verb ta’ Alla sar bniedem bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-ġuf tal-Verġni Marija, hekk l-Iskrittura Mqaddsa titwieled mill-ġuf tal-Knisja bil-ħidma tal-istess Spirtu. L-Iskrittura Mqaddsa hi “l-Kelma ta’ Alla inkwantu miktuba bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla”.[66] B’dan il-mod tingħaraf l-importanza kollha tal-awtur uman li kiteb it-testi ispirati u, fl-istess ħin, ta’ Alla nnifsu bħala l-awtur veru.

 

Kif stqarru l-Padri Sinodali, jidher b’mod l-aktar ċar kif it-tema tal-ispirazzjoni hija deċiżiva biex nistgħu nqiegħdu l-Iskrittura fil-post veru li jixirqilha u għall-ermenewtika korretta tagħha,[67] li min-naħa tagħha għandha ssir fl-istess Spirtu li fih inkitbet.[68] Meta jonqos fina l-għarfien tal-ispirazzjoni, nirriskjaw li naqraw l-Iskrittura bħala oġġett ta’ kurżità storika u mhux bħala opra tal-Ispirtu s-Santu, li fiha nistgħu nisimgħu l-istess leħen tal-Mulej u nagħrfu l-preżenza tiegħu fl-istorja.

 

Barra minn dan, il-Padri Sinodali wrewna biċ-ċar kif mat-tema tal-ispirazzjoni hemm marbuta wkoll dik tal-verità tal-Iskrittura.[69] Għalhekk, approfondiment tad-dinamika tal-ispirazzjoni bla dubju ta’ xejn iwassal ukoll għal għarfien ikbar tal-verità li hemm fil-Kotba Mqaddsa. Kif tafferma d-duttrina Konċiljari fuq dan is-suġġett, il-kotba ispirati jgħallmu l-verità: “Għalhekk, billi dak kollu li l-awturi ispirati, jew aġjografi, kitbu għandna nżommuh bħala dak li ntqal mill-Ispirtu s-Santu, hekk ukoll, bħala konsegwenza, għandna nemmnu li l-Kotba tal-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu bċertezza, bfedeltà u mingħajr żbalji l-verità li għas-salvazzjoni tagħna, Alla ried li tinġabar fil-Kotba Mqaddsa. Għalhekk ‘l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba’ (2 Tim 3:16-17)”.[70]

 

Bla dubju, ir-riflessjoni teoloġika dejjem qieset l-ispirazzjoni u l-verità bħala żewġ kunċetti essenzjali biex nistgħu nagħmlu ermenewtika ekkleżjali tal-Iskrittura Mqaddsa. Madankollu, jeħtieġ nagħrfu l-ħtieġa li għandna fi żmienna li ninżlu kif jixraq iżjed fil-fond ta’ dawn ir-realtajiet, biex hekk nistgħu nwieġbu aħjar għall-esiġenzi dwar l-interpretazzjoni tat-testi sagri skont in-natura tagħhom. F’din il-perspettiva nixtieq nawgura tassew li t-tiftix f’dan il-qasam jista’ joktor u jġib frott għax-xjenza biblika u għall-ħajja spiritwali tal-fidili.

 

Alla Missier, għajn u bidu tal-Kelma

20. L-ekonomija tar-Rivelazzjoni għandha l-bidu u l-għajn tagħha f’Alla l-Missier. Bil-kelma tiegħu “saru s-smewwiet, u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom” (Salm 33:6). Hu li “jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu” (2 Kor 4:6; ara Mt 16:17; Lq 9:29).

 

Fl-Iben, “Lógos magħmul bniedem” (ara Ġw 1:14), li ġie biex iwettaq ir-rieda ta’ Dak li bagħtu (ara Ġw 4:34), Alla, għajn tar-Rivelazzjoni, jidher bħala Missier u jwassal għall-milja tagħha l-edukazzjoni divina tal-bniedem, diġà sa minn qabel imwettqa minn kliem il-profeti u mill-għeġubijiet tal-ħolqien u fl-istorja tal-poplu tiegħu u tal-bnedmin kollha. Il-qofol tar-Rivelazzjoni ta’ Alla l-Missier joffrihulna l-Iben bid-don tal-Paraklitu (ara Ġw 14:16), Spirtu tal-Missier u tal-Iben, li “jwassalkom għall-verità kollha” (Ġw 16:13).

 

Huwa b’dan il-mod li l-wegħdiet kollha ta’ Alla jsiru “iva” f’Ġesù Kristu (ara 2 Kor 1:20). Hekk tinfetaħ għall-bniedem il-possibbiltà li jimxi t-triq li twasslu għal għand il-Missier (ara Ġw 14:6), biex fl-aħħar “Alla jkun kollox f’kollox” (1 Kor 15:28).

 

21. Kif naraw mis-salib ta’ Kristu, Alla jitkellem ukoll bis-skiet tiegħu. Is-skiet ta’ Alla, l-esperjenza li jħoss imbiegħed lil Dak li jista’ kollox u hu Missier, hi tappa deċiżiva fil-mixja tal-Iben ta’ Alla fuq din l-art, hu li hu l-Kelma inkarnata. Imdendel mal-għuda tas-salib, korob bl-uġigħ li kkawżalu dan is-skiet: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mk 15:34; Mt 27:46). Miexi fl-ubbidjenza sal-aħħar nifs ta’ ħajtu, fid-dalma tal-mewt, Ġesù sejjaħ lill-Missier. F’idejh intelaq fil-mument tal-mogħdija mill-mewt għall-ħajja ta’ dejjem: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46).

 

Din l-esperjenza ta’ Ġesù ddawwal lill-bniedem fil-qagħda tiegħu, li, wara li jkun sema’ u għaraf il-Kelma ta’ Alla, jeħtieġ ikejjel lilu nnifsu wkoll mas-skiet tiegħu. Hija esperjenza li għexuha tant qaddisin u mistiċi, u li llum ukoll tidħol fil-mixja ta’ ħafna nies ta’ fidi. Is-skiet ta’ Alla jtawwal il-kliem li lissen qabel. F’dawn il-mumenti mudlama hu jitkellem fil-misteru tas-skiet tiegħu. Għalhekk, fid-dinamika tar-Rivelazzjoni Nisranija, is-skiet jidher bħala espressjoni importanti tal-Kelma ta’ Alla.

 

It-tweġiba tal-bniedem għal Alla li jitkellem

 

Imsejħin nidħlu fil-Patt ma’ Alla

22. B’dan id-dawl li xħitna fuq il-bosta xejriet tal-Kelma, stajna nikkontemplaw b’kemm-il mod Alla jkellem u jiġi jiltaqa’ mal-bniedem, u jgħarraf lilu nnifsu fid-djalogu. Ċertament, kif affermaw il-Padri Sinodali, “id-djalogu meta hu attribwit lir-Rivelazzjoni jitlob il-primat tal-Kelma ta’ Alla mlissna lill-bniedem”.[71] Il-misteru tal-Patt jesprimi din ir-relazzjoni bejn Alla li jsejjaħ bil-Kelma tiegħu u l-bniedem li jwieġeb, fl-għarfien ċar li din mhix xi laqgħa bejn żewġ partijiet indaqs f’kuntratt; dak li aħna nsejħulu l-Patt il-Qadim u l-Ġdid mhuwiex xi ftehim bejn żewġ partijiet indaqs, imma purament don ta’ Alla. Permezz ta’ dan id-don ta’ mħabbtu huwa jegħleb kull distanza u jagħmilna tassew “sieħba” tiegħu, biex hekk iwettaq il-misteru taż-żwieġ ta’ mħabba bejn Kristu u l-Knisja. F’din il-viżjoni kull bniedem hu d-destinatarju tal-Kelma, imqanqal u msejjaħ jidħol f’dan id-djalogu ta’ mħabba ma’ tweġiba ħielsa. Hekk, lil kull wieħed u waħda minna Alla jagħmlu kapaċi jagħti widen u jwieġeb għall-Kelma divina. Il-bniedem hu maħluq fil-Kelma u jgħix fiha; hu ma jistax jifhem lilu nnifsu jekk ma jinfetaħx għal dan id-djalogu. Il-Kelma ta’ Alla tikxef in-natura filjali u relazzjonali tal-ħajja tagħna. Aħna tabilħaqq imsejħa bi grazzja biex nitwaħħdu ma’ Kristu, l-Iben tal-Missier, u niġu mibdula fih.

 

Alla jisma’ lill-bniedem u jwieġeb għall-mistoqsijiet tiegħu

23. F’dan id-djalogu ma’ Alla nifhmu lilna nfusna u nsibu tweġiba għall-mistoqsijiet l-aktar profondi li jgħammru fil-qalb tagħna. Fil-fatt, il-Kelma ta’ Alla ma teħodhiex kontra l-bniedem, ma tinjorax ix-xewqat l-aktar awtentiċi tiegħu, anzi ddawwalhom, issaffihom u twassalhom għall-milja tagħhom. Kemm hu importanti li fi żmienna niskopru li Alla waħdu jista’ jwieġeb għall-għatx li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem! Fi żmienna b’xorti ħażina xterdet, l-aktar fil-Punent, l-idea li Alla hu barrani għall-ħajja u għall-problemi tal-bniedem u li, anzi, il-preżenza tiegħu tista’ tkun theddida għall-awtonomija tiegħu. Fir-realtà, l-ekonomija kollha tas-salvazzjoni turina li Alla jitkellem u jindaħal fl-istorja għall-ġid tal-bniedem u tas-salvazzjoni sħiħa tiegħu. Għalhekk, mill-perspettiva pastorali, hu deċiżiv li nippreżentaw il-Kelma ta’ Alla fil-ħila tagħha li tiddjaloga mal-problemi li l-bniedem ikollu jħabbat wiċċu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Ġesù nnifsu hu għalina dak li ġie biex jista’ jkollna l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10:10). Għalhekk, għandna nagħmlu kull sforz biex nuru l-Kelma ta’ Alla bħala ftuħ għall-problemi tagħna, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tagħna, twessigħ tal-valuri tagħna u bħala sodisfazzjon għax-xewqat tagħna. Il-ħidma pastorali tal-Knisja għandha turi tajjeb kif Alla jagħti widen għall-ħtiġijiet tal-bniedem u għall-karba tiegħu. San Bonaventura fil-Breviloquium jafferma: “Il-frott tal-Iskrittura Mqaddsa mhux wieħed kien li kien, imma saħansitra l-milja tal-ferħ etern. Fil-fatt l-Iskrittura Mqaddsa hi tabilħaqq il-ktieb li fih hemm miktuba kelmiet ta’ ħajja eterna biex, mhux biss nemmnu, imma saħansitra niksbu l-ħajja eterna, li fiha għad naraw, inħobbu u naraw imwettqa x-xewqat kollha tagħna”.[72]

 

Niddjalogaw ma’ Alla permezz tal-kelma tiegħu

24. Il-Kelma divina ddaħħal lil kull wieħed u waħda minna f’kollokju mal-Mulej: Alla li jitkellem jgħallimna kif nistgħu nitkellmu miegħu. Il-ħsieb imur dritt għall-Ktieb tas-Salmi, li fih hu jnewlilna l-kelmiet li bihom nistgħu nduru lejh, inqiegħdu ħajjitna quddiemu f’kollokju miegħu, u hekk nibdlu l-istess ħajja f’taħrika lejn Alla.[73] Fil-fatt fis-Salmi nsibu espressa l-firxa kollha ta’ sentimenti li l-bniedem jista’ jġarrab f’ħajtu u li jitqiegħdu bl-għerf quddiem Alla; ferħ u niket, dwejjaq u tama, biża’ u tregħid hawn isibu l-espressjoni tagħhom. Flimkien mas-Salmi naħsbu wkoll fl-għadd ta’ kitbiet oħra tal-Iskrittura Mqaddsa li jesprimu kif il-bniedem idur lejn Alla fl-għamla ta’ talb ta’ interċessjoni (ara 33:12-16), tal-għana ta’ ferħ għar-rebħa (ara 15), jew ta’ karba huwa u jwettaq il-missjoni tiegħu (ara Ġer 20:7-18). Hekk il-kelma li l-bniedem ilissen lil Alla ssir hija wkoll Kelma ta’ Alla, b’konferma tal-karattru djaloġiku tar-Rivelazzjoni Nisranija kollha,[74] u l-ħajja kollha tal-bniedem issir djalogu ma’ Alla li jitkellem u jisma’, li jsejjaħ u jċaqlaq lil ħajjitna. Il-Kelma ta’ Alla hawn turi li l-ħajja kollha tal-bniedem hi taħt is-sejħa divina.[75]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-fidi

25. “Lil Alla li jirrivela ruħu għandna nagħtu l-ubbidjenza tal-fidi (ara Rum 16:26; ara Rum 1:5; 2 Kor 10:5-6) li biha l-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f’idejn Alla billi ‘lil Alla li jirrivela ruħu jagħtih, għax irid, il-qima kollha tal-intellett u tar-rieda’ u jilqa’ bil-qalb ir-Rivelazzjoni mogħtija minnu”.[76] B’dawn il-kelmiet il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum esprimiet b’mod preċiż l-imġiba tal-bniedem quddiem Alla. It-tweġiba proprja tal-bniedem lil Alla li jitkellem hija l-fidi. Hawn jidher li “biex jilqa’ r-Rivelazzjoni, il-bniedem għandu jiftaħ moħħu u qalbu għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jfiehmu l-Kelma ta’ Alla preżenti fl-Iskrittura Mqaddsa”.[77] Fil-fatt, hi sewwasew il-predikazzjoni tal-Kelma divina li tkebbes il-fidi, li biha nersqu minn qalbna lejn il-veritajiet irrivelati lilna u nafdaw lilna nfusna kollna hemm aħna lil Kristu: “Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17). Hija l-istorja kollha tas-salvazzjoni li b’mod progressiv turina din ir-rabta intima bejn il-Kelma ta’ Alla u l-fidi li sseħħ fil-laqgħa ma’ Kristu. Fil-fatt, bih il-fidi tieħu l-bixra tal-laqgħa ma’ Persuna li lilha nafdaw ħajjitna. Kristu Ġesù jibqa’ preżenti llum fl-istorja, fil-ġisem tiegħu li hu l-Knisja, u għalhekk l-att tal-fidi tagħna hu att personali u ekkleżjali fl-istess ħin.

 

Id-dnub bħala n-nuqqas ta’ smigħ tal-Kelma ta’ Alla

26. Il-Kelma ta’ Alla bla dubju ta’ xejn tikxef ukoll il-possibbiltà drammatika min-naħa tal-libertà tal-bniedem li jaħrab dan id-djalogu ta’ patt ma’ Alla li għalih ġejna maħluqa. Fil-fatt, il-Kelma divina tikxef ukoll id-dnub li jgħammar fil-qalb tal-bniedem. Ta’ spiss insibu, kemm fit-Testment il-Qadim u kemm fil-Ġdid, it-tifsira tad-dnub bħala n-nuqqas ta’ smigħ tal-Kelma, bħala ksur tal-Patt u għalhekk bħala għeluq fil-konfront ta’ Alla li jsejħilna għall-komunjoni miegħu.[78] Fil-fatt, l-Iskrittura Mqaddsa turina kif id-dnub tal-bniedem huwa essenzjalment diżubbidjenza u “nuqqas ta’ smigħ”. Hi sewwasew l-ubbidjenza radikali ta’ Ġesù sal-mewt tas-Salib (ara Fil 2:8) li tikxef il-maskri kollha ta’ dan id-dnub. Fl-ubbidjenza tiegħu jseħħ il-Patt il-Ġdid bejn Alla u l-bniedem u tingħatalna l-possibbiltà tar-rikonċiljazzjoni. Fil-fatt, Ġesù ġie mibgħut mill-Missier bħala vittma ta’ tpattija għal dnubietna u għal dawk tad-dinja kollha (ara 1 Ġw 2:2; 4:10; Lhud 7:27). Hekk, tiġi offruta lilna l-possibbiltà ħanina tal-fidwa u l-bidu ta’ ħajja ġdida fi Kristu. Għalhekk importanti li l-fidili jiġu edukati biex jagħrfu l-għeruq tad-dnub li hemm fin-nuqqas ta’ smigħ tal-Kelma tal-Mulej u f’Ġesù, il-Verb ta’ Alla, jilqgħu l-maħfra li tiftħilna qalbna għas-salvazzjoni.

 

Marija “Mater Verbi Dei” u “Mater fidei”

27. Il-Padri Sinodali ddikjaraw li l-għan fundamentali tat-XII-il Assemblea kien li “nġeddu l-fidi tal-Knisja fil-Kelma ta’ Alla”; għalhekk jeħtieġ inħarsu lejn dik li fiha r-reċiproċità bejn il-Kelma ta’ Alla u l-fidi twettqet perfettament, jew aħjar, il-Verġni Marija, “li bl-iva tagħha għall-Kelma tal-Patt u għall-missjoni tagħha, twettaq b’mod perfett il-vokazzjoni divina tal-bnedmin”.[79] Ir-realtà umana, maħluqa permezz tal-Verb, issib il-figura kompluta tagħha sewwasew fil-fidi ubbidjenti ta’ Marija. Mit-Tħabbira sa Għid il-Ħamsin hi tidher quddiemna bħala l-mara kollha kemm hi disponibbli għar-rieda ta’ Alla. Hi l-Immakulata Kunċizzjoni, dik li hi “mimlija bil-grazzja” ta’ Alla (ara Lq 1:28), doċli b’mod sħiħ għall-Kelma divina (ara Lq 1:38). Il-fidi ubbidjenti tagħha tagħġen lil ħajjitha f’kull mument tagħha quddiem l-inizjattiva ta’ Alla. Verġni li tisma’, hi tgħix f’sintonija sħiħa mal-Kelma divina; tgħożż f’qalbha l-ġrajjiet ta’ Binha, hija u tinsiġhom bħal f’mużajk waħdieni (ara Lq 2:19,51).[80]

 

Hemm bżonn fi żmienna li l-fidili jiġu megħjuna jiskopru aħjar ir-rabta bejn Marija ta’ Nazaret u s-smigħ bil-fidi għall-Kelma divina. Inħeġġeġ ukoll lill-istudjużi biex jinżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni bejn il-Marjoloġija u t-Teoloġija tal-Kelma. Minn dan nistgħu niksbu ġid kbir kemm għall-ħajja spiritwali u kemm għall-istudji teoloġiċi u bibliċi. Fil-fatt, dak li l-intelliġenza tal-fidi ffukat fuqu fejn tidħol Marija jinsab fl-iktar qalba intima tal-verità Nisranija. Fir-realtà, ma nistgħux naħsbu fl-inkarnazzjoni tal-Verb mingħajr ma naħsbu fuq il-libertà ta’ din ix-xebba żagħżugħa li bil-kunsens tagħha tikkopera b’mod deċiżiv fid-dħul tal-Etern fiż-żmien. Hija l-figura tal-Knisja li tisma’ l-Kelma ta’ Alla li fiha titlaħħam. Marija hi wkoll simbolu tal-ftuħ tal-qalb lejn Alla u lejn l-oħrajn; smigħ attiv, li jinterjorizza, jassimila, fejn il-Kelma ssir it-tifsila tal-ħajja kollha.

 

28. F’din iċ-ċirkustanza nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq il-familjarità li kellha Marija mal-Kelma ta’ Alla. Din tilma b’qawwa partikulari fil-Magnificat. Hawn, f’ċertu sens, nara kif hi titwaħħad mal-Kelma, tidħol fiha; f’dan il-kantiku mill-isbaħ ta’ fidi l-Verġni tgħolli lill-Mulej billi tinqeda bl-istess Kelma tiegħu: “Il-Magnificat – biex ngħidu hekk, ritratt ta’ ruħha – huwa kollu minsuġ bi ħjut mill-Kotba Mqaddsa, bi ħjut mill-Kelma ta’ Alla. Hekk hija tidher kemm tassew kienet midħla tal-Kelma ta’ Alla, toħroġ u tidħol fiha bil-ħeffa. Hija titkellem u taħseb bil-Kelma ta’ Alla; il-Kelma ta’ Alla ssir il-kelma tagħha, u l-kelma tagħha toħroġ mill-Kelma ta’ Alla. Barra dan, jidher li ħsibijietha jixbhu l-ħsibijiet ta’ Alla, ir-rieda tagħha hija ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla. Billi hija kienet mimlija għalkollox bil-Kelma ta’ Alla, hija tista’ ssir Omm il-Kelma li saret bniedem”.[81]

 

Barra minn hekk, ir-riferiment għal Omm Alla jurina kif l-aġir ta’ Alla fid-dinja jinvolvi dejjem il-libertà tagħna, għax fil-fidi l-Kelma divina tibdilna. Anki l-azzjoni appostolika u pastorali tagħna ma tista’ qatt tħalli frott jekk ma nitgħallmux minn Marija kif inħallu l-opra ta’ Alla fina tagħġinna: “L-attenzjoni devota u kollha mħabba għall-figura ta’ Marija bħala xempju u arċitip tal-fidi tal-Knisja hi ta’ importanza kruċjali biex jista’ jkollna llum ukoll bidla konkreta ta’ paradigma fir-relazzjoni tal-Knisja mal-Kelma, fl-atteġġjament tas-smigħ fit-talb u fil-ġenerożità tal-impenn b’risq il-missjoni u t-tħabbira”.[82]

 

Meta fl-Omm ta’ Alla nikkontemplaw ħajja totalment imfassla mill-Kelma, niskopru li aħna wkoll aħna msejħin nidħlu fil-misteru tal-fidi, li permezz tiegħu Kristu jiġi u jgħammar f’ħajjitna. Kull Nisrani li jemmen, ifakkarna Sant’Ambroġ, f’ċertu sens, inissel u jagħti d-dawl lill-Verb ta’ Alla fih innifsu: jekk hemm biss Omm waħda ta’ Kristu skont il-ġisem, imma skont il-fidi Kristu hu l-frott ta’ kulħadd.[83] Għalhekk, dak li ġralha Marija jista’ jerġa’ jseħħ f’kull wieħed u waħda minna ta’ kuljum fis-smigħ tal-Kelma u fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti.

 

L-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa fil-Knisja

 

Il-Knisja l-ewwel post tal-ermenewtika tal-Bibbja

29. Tema oħra kbira li ħarġet tul is-Sinodu, li nixtieq niġbed l-attenzjoni dwarha, hi l-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa fil-Knisja. Proprju r-rabta intrinsika bejn Kelma u fidi turi kif l-awtentiċità ermenewtika tal-Bibbja ma tistax teżisti jekk mhux fi ħdan il-fidi tal-Knisja, li għandha fl-iva ta’ Marija l-mudell tagħha. Dwar dan, San Bonaventura jafferma li mingħajr il-fidi ma għandniex muftieħ biex nidħlu fit-test sagru: “Dan hu l-għarfien ta’ Ġesù Kristu, li fih jafu l-bidu tagħhom, bħal minn ġo għajn, iċ-ċertezza u l-intelliġenza tal-Iskrittura Mqaddsa kollha. Għalhekk hu impossibbli li wieħed jinfed biex isir jafha, jekk l-ewwel ma jkollux il-fidi li jagħtih Kristu, li hu musbieħ, bieb u anki pedament tal-Iskrittura kollha”.[84] U San Tumas ta’ Aquino, waqt li jsemmi lil Santu Wistin, jisħaq bil-qawwa kollha: “Anki l-ittra tal-Evanġelju toqtol jekk nieqsa mill-grazzja ġewwinija tal-fidi li tfejjaq”.[85]

 

Hekk nistgħu nfakkru kriterju fundamentali tal-ermenewtika biblika: il-post oriġinali tal-interpretazzjoni tal-Iskrittura hu l-ħajja tal-Knisja. Din l-istqarrija mhix qed tindika r-riferiment għall-Knisja bħala kriterju estern li għalih l-eseġeti jkollhom ibaxxu rashom, imma hi mitluba mill-istess realtà tal-Iskrittura u minn kif din issawret tul iż-żmien. Fil-fatt, “it-tradizzjonijiet tal-fidi sawru l-ambjent vitali li fih daħlet il-ħidma letterarja tal-awturi tal-Iskrittura Mqaddsa. F’dan id-dħul hemm ukoll is-sehem fil-ħajja liturġika u fl-attività esterna tal-komunità, fid-dinja spiritwali tagħhom, fil-kultura u fl-avventuri tad-destin storiku tagħhom. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa tesiġi, b’mod simili, is-sehem tal-eseġeti fil-ħajja kollha u l-fidi kollha tal-komunità li temmen, fi żmienhom”.[86] Konsegwentement, “billi l-Iskrittura Mqaddsa għandha tinqara u tkun interpretata bl-għajnuna tal-istess Spirtu li permezz tiegħu nkitbet”,[87] jeħtieġ li l-eseġeti, it-teologi u l-Poplu kollu ta’ Alla jersqu lejha għal dak li hi, jiġifieri Kelma ta’ Alla li tasal għandna bi kliem tal-bnedmin (ara 1 Tess 2:13). Dan hu fatt kostanti u impliċitu mogħti mill-Bibbja nfisha: “L-ebda profezija tal-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu” (2 Pt 1:20-21). Mill-bqija, hi sewwasew il-fidi tal-Knisja li tagħraf fil-Bibbja l-istess Kelma ta’ Alla; kif jgħid b’mod tassew sabiħ Santu Wistin, “ma kontx nemmen fl-Evanġelju li kieku ma pperswaditnix l-awtorità tal-Knisja Kattolika”.[88] Huwa l-Ispirtu s-Santu, dak li jagħti l-ħajja lill-Knisja, li jagħti l-ħila għall-interpretazzjoni awtentika tal-Iskrittura. Il-Bibbja hija l-ktieb tal-Knisja u mill-post essenzjali tagħha fil-ħajja tal-Knisja toħroġ ukoll l-ermenewtika vera tagħha.

 

30. San Ġlormu jfakkarna li ma nistgħu qatt naqraw l-Iskrittura waħidna. Sa nsibu wisq bibien magħluqa u faċilment niżolqu fl-iżball. Il-Bibbja nkitbet mill-Poplu ta’ Alla u għall-Poplu ta’ Alla, taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Huwa biss f’din il-komunjoni mal-Poplu ta’ Alla li nistgħu tabilħaqq nidħlu bl-“aħna” fil-qalba tal-verità li Alla nnifsu jrid itarrfilna.[89] Dan l-istudjuż kbir, li għalih “min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu”,[90] jafferma li d-dimensjoni ekkleżjali tal-interpretazzjoni biblika mhix xi esiġenza imposta minn barra; il-Ktieb hu proprju l-leħen tal-Poplu pellegrin ta’ Alla, u huwa biss fil-fidi ta’ dan il-Poplu li, biex ngħidu hekk, aħna intunati biex nifhmu l-Iskrittura Mqaddsa. Interpretazzjoni awtentika tal-Bibbja għandha tkun dejjem fi qbil u armonija mal-fidi tal-Knisja Kattolika. Hekk qal San Ġlormu lil wieħed saċerdot: “Ibqa’ marbut bis-sħiħ mat-tagħlim tradizzjonali li ġie mgħoddi lilek, biex tista’ ssejjaħ oħrajn skont it-tagħlim sod u tieqaf lil dawk li jeħduha kontrih”.[91]

 

Toroq għat-test sagru li jwarrbu l-fidi jistgħu jissuġġerixxu elementi interessanti, jieqfu fuq l-istruttura tat-test u x-xejriet tiegħu; madankollu, tentattiv bħal dan ma jistax ikun ħlief preliminari u mhux komplut fil-binja tiegħu. Fil-fatt, kif ġie affermat mill-Kummissjoni Pontifiċja Biblika, f’eku ta’ prinċipju mħaddan mill-ermenewtika moderna kollha, “l-għarfien tajjeb tat-test bibliku hu aċċessibbli biss għal min għandu rabta ta’ ħajja ma’ dak li fuqu jitkellem it-test”.[92] Dan kollu jixhed għall-importanza tar-relazzjoni bejn il-ħajja spiritwali u l-ermenewtika tal-Iskrittura. Fil-fatt, “iktar ma tikber il-ħajja fl-Ispirtu, iktar jikber ukoll, fil-qarrej, l-għarfien tar-realtà li dwarha jitkellem it-test bibliku”.[93] L-intensità ta’ esperjenza ekkleżjali awtentika ma tistax ma żżidx fl-intelliġenza awtentika tal-fidi dwar il-Kelma ta’ Alla; bl-istess mod, irid jingħad li meta wieħed jaqra l-Iskrittura bil-fidi, ikun qed jgħin tikber l-istess ħajja tal-Knisja. Minn hawn nistgħu nifhmu b’mod ġdid l-istqarrija magħrufa ta’ San Girgor il-Kbir: “Il-kelmiet divini jikbru flimkien ma’ min jaqrahom”.[94] B’dan il-mod is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla jintroduċi u jkabbar il-komunjoni ekkleżjali ma’ dawk li mexjin fit-triq tal-fidi.

 

“Ir-ruħ tat-Teoloġija mqaddsa”

31. “Għalhekk l-istudju tal-Kotba Mqaddsa għandu jkun bħar-ruħ tat-Teoloġija mqaddsa”:[95] f’dawn is-snin sirna dejjem iżjed familjari ma’ din l-espressjoni tal-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. Nistgħu ngħidu li l-epoka ta’ wara l-Konċilju Vatikan II, fejn jidħlu l-istudji teoloġiċi u eseġetiċi, spiss għamlet riferiment għal din l-espressjoni bħala simbolu tal-interess imġedded fl-Iskrittura Mqaddsa. Anki t-XII-il Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet spiss irreferiet għal din l-affermazzjoni magħrufa biex tindika r-relazzjoni bejn it-tiftix storiku u ermenewtiku tal-fidi b’riferiment għat-test sagru. F’din il-perspettiva, il-Padri Sinodali rrikonoxxew bil-ferħ l-istudju dejjem joktor tal-Kelma ta’ Alla fil-Knisja matul l-aħħar għaxriet ta’ snin u esprimew radd il-ħajr sinċier lill-għadd ta’ eseġeti u teologi li bid-dedikazzjoni, l-impenn u l-kompetenza tagħhom taw u qed jagħtu kontribut essenzjali lill-approfondiment tas-sens tal-Iskrittura, waqt li affrontaw il-problemi kumplessi li tħabbat wiċċha magħhom fi żmienna r-riċerka biblika.[96] Sentimenti ta’ gratitudni sinċiera anki għall-membri tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika li ħadmu f’dawn is-snin u li, f’relazzjoni stretta mal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, jissoktaw jagħtu l-kontribut kwalifikat tagħhom biex jaffrontaw kwistjonijiet partikulari marbuta mal-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa. Barra minn hekk, is-Sinodu ħass il-bżonn li jistaqsi dwar l-istat tal-istudji bibliċi attwali u dwar ir-relevanza tagħhom fil-qasam teoloġiku. Fil-fatt, mir-relazzjoni għammiela bejn eseġesi u teoloġija tiddependi l-parti l-kbira tal-effikaċja pastorali tal-azzjoni tal-Knisja u tal-ħajja spiritwali tal-fidili. Għalhekk inħoss li hu importanti naqbdu xi riflessjonijiet li ħarġu fid-diskussjoni li saret dwar din it-tema matul il-ħidma tas-Sinodu.

 

Żvilupp tar-riċerka biblika u Maġisteru tal-Knisja

32. Qabelxejn irridu nagħrfu l-ġid li għamlu lill-ħajja tal-Knisja l-eseġesi storika-kritika u l-metodi l-oħra ta’ analiżi tat-test żviluppati fl-aħħar żminijiet.[97] Għall-viżjoni Kattolika tal-Iskrittura Mqaddsa l-attenzjoni għal dawn il-metodi hi fundamentali u hi marbuta mar-realiżmu tal-inkarnazzjoni: “Din il-ħtieġa hi l-konsegwenza tal-prinċipju Nisrani fformulat fl-Evanġelju skont Ġwanni 1:14: Verbum caro factum est. Il-fatt storiku hu dimensjoni kostituttiva tal-fidi Nisranija. L-istorja tas-salvazzjoni mhix mitoloġija, imma vera storja u wieħed għalhekk irid jistudjaha bil-metodi tar-riċerka storika serja”.[98] Għalhekk, l-istudju tal-Bibbja jesiġi l-għarfien u l-użu f’loku ta’ dawn il-metodi ta’ tiftix. Jekk hu minnu li din is-sensibbiltà fil-qasam tal-istudji żviluppat b’mod iktar qawwi fl-epoka moderna, imqar jekk mhux kullimkien bl-istess mod, madankollu, fit-tradizzjoni soda tal-Knisja, dejjem kien hemm imħabba għall-istudju tal-“ittra”. Biżżejjed hawn infakkru l-kultura monastika, li fl-aħħar mill-aħħar lilha nafu l-bażi tal-kultura Ewropea, li fl-għeruq tagħha hemm l-interess fil-kelma. Ix-xewqa għal Alla tinkludi l-imħabba għall-kelma fid-dimensjonijiet kollha tagħha: “Billi fil-Kelma biblika Alla jinsab f’mixja lejna u aħna lejh, jeħtieġ nitgħallmu ninfdu fis-sigriet tal-lingwa, biex nifhmuha fil-binja tagħha u fil-mod kif tesprimi ruħha. Hekk, proprju minħabba t-tiftixa ta’ Alla, isiru importanti x-xjenzi profani li jindikawlna t-toroq lejn il-lingwa.[99]

 

33. Il-Maġisteru ħaj tal-Knisja, li għandu “d-dmir li jinterpreta awtentikament il-Kelma ta’ Alla miktuba jew imwassla mit-Tradizzjoni”,[100] interviena b’bilanċ għaref f’relazzjoni mal-pożizzjoni tajba li għandha tieħu quddiem l-introduzzjoni ta’ metodi ġodda ta’ analiżi storika. Qed nirreferi b’mod partikulari għall-enċikliċi Providentissimus Deus tal-Papa Ljun XIII u Divino afflante Spiritu tal-Papa Piju XII. Kien il-predeċessur meqjum tiegħi Ġwanni Pawlu II li fakkar fl-importanza ta’ dawn id-dokumenti għall-eseġesi u t-teoloġija fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju u taċ-ċinkwantenarju tal-promulgazzjoni tagħhom rispettivament.[101] L-intervent tal-Papa Ljun XIII kellu l-mertu li ħares l-interpretazzjoni Kattolika tal-Bibbja mill-attakki tar-razzjonaliżmu, imma mingħajr ma stkenn f’tifsira spiritwali maqtugħa mill-istorja. Ma beżax mill-kritika xjentifika, imma min-naħa l-oħra ma fadax biss “fil-preġudizzji li jippretendu li jistgħu jibnu fuq ix-xjenza imma li fir-realtà ħelu ħelu jżellqu x-xjenza ’l barra mill-kamp tagħha”.[102] Il-Papa Piju XII, min-naħa l-oħra, sab ruħu quddiem l-attakki ta’ dawk li kienu jħaddnu eseġesi hekk imsejħa mistika li kienet tirrifjuta kull metodu xjentifiku. L-Enċiklika Divino afflante Spiritu, b’sensibbiltà kbira, evitat l-idea ta’ dikotomija bejn l-“eseġesi xjentifika” għall-użu apoloġetiku u l-“interpretazzjoni spiritwali riservata biss għall-użu intern”, imma affermat kemm il-“karattru teoloġiku tat-tifsira litterali metodikament definita”, u kemm l-appartenenza tad-“determinazzjoni tat-tifsira spiritwali… għall-qasam tax-xjenza eseġetika”.[103] B’dan il-mod, iż-żewġ dokumenti t-tnejn jirrifjutaw “il-qasma bejn l-uman u d-divin, bejn ir-riċerka xjentifika u l-ħarsa tal-fidi, bejn it-tifsira litterali u t-tifsira spiritwali”.[104] Imbagħad dan il-bilanċ esprimieh ukoll id-dokument tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika tal-1993: “Fil-ħidma tagħhom ta’ interpretazzjoni, l-eseġeti Kattoliċi m’għandhom qatt jinsew li dak li qed jinterpretaw hu l-kelma ta’ Alla. Il-ħidma tagħhom ma tiqafx xħin ikunu għażlu l-għejun, iddefinew il-forom jew spjegaw il-metodi letterarji. L-għan tal-ħidma tagħhom jintlaħaq biss meta jkunu ċċaraw it-tifsira tat-test bibliku bħala Kelma ta’ Alla llum”.[105]

 

L-ermenewtika biblika Konċiljari: indikazzjoni li għandna nilqgħu

34. Minn dan ix-xefaq, nistgħu napprezzaw aktar il-prinċipji kbar tal-interpretazzjoni tal-eseġesi Kattolika li esprima l-Konċilju Vatikan II, partikularment fil-Kostituzzjoni dommatika De Verbum: “Billi Alla fl-Iskrittura Mqaddsa tkellem permezz ta’ bnedmin u bi kliem il-bnedmin, min ifisser l-Iskrittura Mqaddsa, biex jifhem sewwa dak li Alla ried jgħarrafna, għandu jfittex b’attenzjoni x’fehmu jfissru l-kittieba sagri u x’għoġbu Alla jgħarrafna bi kliemhom”.[106] Minn naħa l-Konċilju jisħaq fuq l-istudju tal-ġeneri letterarji u l-kuntestwalizzazzjoni bħala elementi fundamentali biex nifhmu s-sinifikat li fehem l-aġjografu. Min-naħa l-oħra, ladarba l-Iskrittura għandha tiġi interpretata fl-istess Spirtu li fih inkitbet, il-Kostituzzjoni dommatika tindika tliet kriterji bażiċi li għandna nżommu f’moħħna dwar id-dimensjoni divina tal-Bibbja: 1) ninterpretaw it-test billi nqisu l-għaqda tal-Iskrittura kollha; din illum tissejjaħ eseġesi kanonika; 2) inżommu quddiem għajnejna t-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja kollha; u, fl-aħħar nett, 3) nosservaw l-analoġija tal-fidi. “Huwa biss meta jiġu osservati ż-żewġ livelli metodoloġiċi, dak storiku-kritiku u dak teoloġiku, li nistgħu nitkellmu fuq eseġesi teoloġika – fuq eseġesi li tixraq lil dan il-Ktieb”.[107]

 

Il-Padri Sinodali bir-raġun kollu affermaw li ħadd ma jista’ jiċħad il-frott pożittiv li ġab miegħu t-tħaddim tar-riċerka storika-kritika moderna. Madankollu, waqt li l-eseġesi akkademika tal-lum, anki dik Kattolika, qed taħdem fuq livelli għoljin fejn tidħol il-metodoloġija storika-kritika, anki b’dak li rnexxielha tintegra fiha fl-aħħar żminijiet, hu doveruż nesiġu studju simili tad-dimensjoni teoloġika tat-testi bibliċi, biex jimxi ’l quddiem ukoll l-approfondiment skont it-tliet elementi indikati mill-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum.[108]

 

Il-periklu tad-duwaliżmu u l-ermenewtika sekularizzata

35. Dwar dan, jeħtieġ infakkru fir-riskju serju fi żmienna ta’ duwaliżmu li jinħoloq fil-mod kif naqbdu f’idejna l-Iskrittura Mqaddsa. Fil-fatt, meta nagħżlu bejn iż-żewġ livelli tal-qari tal-Bibbja bl-ebda mod ma rridu nifirduhom minn xulxin, lanqas inpoġġuhom kontra xulxin, imma sempliċiment inqegħduhom wieħed ħdejn l-ieħor. Fihom hemm biss reċiproċità. B’xorti ħażina, mhux darba u tnejn il-firda vojta bejniethom iġġib magħha qtugħ bejn l-eseġesi u t-teoloġija, li “jseħħ anki fuq livelli akkademiċi ogħla”.[109] Nixtieq hawn niġbed l-attenzjoni dwar il-konsegwenzi l-aktar preokkupanti li għandna nevitaw.

 

a) Qabelxejn, jekk il-ħidma tal-eseġesi tirriduċi ruħha biss għall-ewwel livell, allura l-istess Skrittura ssir test tal-imgħoddi biss: “Minna nistgħu niġbru konsegwenzi morali, nistgħu nitgħallmu l-istorja, imma l-Ktieb bħala tali jkellimna biss fuq l-imgħoddi u l-eseġesi ma tibqax tassew teoloġika, imma ssir storjografija pura, storja tal-letteratura”.[110] Huwa ċar li meta nfaqqruha hekk, ma nistgħu bl-ebda mod nifhmu l-ġrajja tar-Rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-Kelma tiegħu li tasal għandna fit-Tradizzjoni ħajja u fl-Iskrittura.

 

b) In-nuqqas ta’ ermenewtika tal-fidi fil-konfront tal-Iskrittura mhux biss jissarraf unikament f’termini ta’ assenza; flokha m’hemmx dubju li tidħol ħelu ħelu ermenewtika oħra, ermenewtika sekularizzata, pożittivista, li l-muftieħ fundamentali tagħha hu l-konvinzjoni li d-Divin ma jidhirx fl-istorja umana. Skont din l-ermenewtika, meta jidher li hemm xi element divin, jeħtieġ nispjegawh b’mod ieħor u nirriduċu kollox għall-element uman. B’konsegwenza ta’ dan, nipproponu interpretazzjonijiet li jiċħdu l-istoriċità tal-elementi divini.[111]

 

ċ) Pożizzjoni bħal din ma tistax ħlief tagħmel ħsara lill-ħajja tal-Knisja, tifrex dubju fuq misteri fundamentali tal-Kristjaneżmu u fuq il-valur storiku tagħhom, bħal ngħidu aħna t-twaqqif tal-Ewkaristija u l-qawmien ta’ Kristu. Fil-fatt, hemm inkunu nimponu ermenewtika filosofika li tiċħad il-possibbiltà tad-dħul u tal-preżenza tad-Divin fl-istorja. Meta din l-ermenewtika titħaddem bħala parti mill-istudji teoloġiċi bla dubju ta’ xejn inkunu qed indaħħlu duwaliżmu peżanti bejn l-eseġesi, li tinstab unikament fuq l-ewwel livell, u t-teoloġija, li xxaqleb lejn spiritwalizzazzjoni tas-sens tal-Iskrittura li ma tirrispettax il-karattru storiku tar-Rivelazzjoni.

 

Dan kollu bilfors iħalli impatt negattiv anki fuq il-ħajja spiritwali u l-ħidma pastorali; “il-konsegwenza tan-nuqqas tat-tieni livell metodoloġiku hi li nħoloq ħondoq fond bejn eseġesi xjentifika u lectio divina. Proprju minn hawn xi kultant toħroġ xorta ta’ perplessità anki fit-tħejjija tal-omeliji”.[112] Barra dan, irridu ngħidu li dan id-duwaliżmu xi kultant iġib inċertezza u ftit li xejn solidità fil-mixja formattiva intellettwali anki ta’ xi kandidati għall-ministeri ekkleżjali.[113] Bla dubju, “fejn l-eseġesi mhix teoloġija, l-Iskrittura ma tistax tkun ir-ruħ tat-teoloġija u, bil-maqlub, fejn it-teoloġija mhix essenzjalment interpretazzjoni tal-Iskrittura fil-Knisja, din it-teoloġija m’għandhiex iżjed bażi”.[114] Għalhekk hu meħtieġ nerġgħu lura b’konvinzjoni biex inqisu b’iktar attenzjoni l-indikazzjonijiet mogħtija dwar dan mill-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum.

 

Fidi u raġuni fil-ħarsa tagħna lejn l-Iskrittura

36. Nemmen li jista’ jkun ta’ għajnuna għalina biex nifhmu b’mod iżjed sħiħ x’inhi l-eseġesi u, għalhekk, x’relazzjoni għandha mat-teoloġija kollha, dak li kiteb dwar dan il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika Fides et ratio. Fil-fatt, hu stqarr li m’għandniex ma nqisux sewwa “l-periklu li jinsab fil-fehma li l-verità tal-Iskrittura  tista’ tinkiseb biss minn metodu wieħed, u ma tagħtix kas ta’ eseġesi aktar wiesgħa li flimkien mal-Knisja kollha tħallik tasal għall-għarfien sħiħ tat-test bibliku. Dawk kollha li huma dedikati għall-istudju tal-Iskrittura għandhom iqisu li kull tifsir metodoloġiku hu bbażat fuq xi opinjoni filosofika, u din il-bażi trid tiġi eżaminata sewwa qabel tiġi applikata għall-Kotba Mqaddsa”.[115]

 

Din ir-riflessjoni wiesgħa tgħinna nosservaw kif fil-ħarsa ermenewtika tagħna lejn l-Iskrittura Mqaddsa għandna naraw li jkun hemm dik ir-relazzjoni xierqa bejn il-fidi u r-raġuni. Fil-fatt, l-ermenewtika sekularizzata tal-Iskrittura Mqaddsa hi mqanqla minn raġuni li strutturalment tara kif teskludi minn qabel il-possibbiltà li Alla jidħol fil-ħajja tal-bnedmin u li jkellem lill-bnedmin bi kliem tal-bnedmin. Għalhekk, anki f’dan il-każ, hemm bżonn nagħmlu stedina biex inwessgħu l-ispazji tar-razzjonalità tagħna.[116] Għal dan il-għan, fl-użu tal-metodi ta’ analiżi storika għandna nevitaw li nassumu, hemm fejn niltaqgħu magħhom, kriterji li bi preġudizzju jingħalqu għar-rivelazzjoni ta’ Alla fil-ħajja tal-bnedmin. L-għaqda taż-żewġ livelli tal-ħidma interpretattiva tal-Iskrittura Mqaddsa tippresupponi għalkollox armonija bejn il-fidi u r-raġuni. Minn naħa, hemm bżonn ta’ fidi li, waqt li żżomm relazzjoni xierqa mar-raġuni retta, ma taqa’ qatt f’fideiżmu, li fil-konfront tal-Iskrittura jispiċċa jsir il-kawża ta’ qari fundamentalista. Min-naħa l-oħra, hemm bżonn ta’ raġuni li fl-istħarriġ tagħha tal-elementi storiċi preżenti fil-Bibbja turi li hi miftuħa u ma tirrifjutax sa minn qabel dak kollu li jmur lil hemm minn fejn tista’ tasal hi. Wara kollox, ir-reliġjon tal-Lógos inkarnat ma tistax ma tkunx profondament raġonevoli għall-bniedem li jfittex b’mod sinċier il-verità u s-sens aħħari ta’ ħajtu u tal-istorja.

 

Tifsira litterali u tifsira spiritwali

37. Kontribut sinifikattiv biex nistgħu nirkupraw ermenewtika xierqa tal-Iskrittura, kif stqarret l-Assemblea Sinodali, ġej ukoll minn smigħ imġedded tal-Missirijiet tal-Knisja u mill-eseġesi tagħhom.[117] Fil-fatt, il-Missirijiet tal-Knisja għadhom juruna sal-lum teoloġija ta’ valur għoli għax fil-qalba tagħha hemm l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa b’mod sħiħ. Fil-fatt, il-Missirijiet tal-Knisja huma qabelxejn u essenzjalment “kummentaturi tal-Iskrittura Mqaddsa”.[118] L-eżempju tagħhom jista’ “jgħallem lill-eseġeti moderni triq tassew reliġjuża għall-Iskrittura Mqaddsa, kif ukoll interpretazzjoni li tirrispetta dejjem il-kriterju ta’ komunjoni mal-esperjenza tal-Knisja, li timxi fl-istorja taħt il-gwida tal-Ispirtu s-Santu”.[119]

 

Imqar jekk, ovvjament, ma kellhiex f’idejha r-riżorsi ta’ ordni filoloġiku u storiku li għandha l-eseġesi moderna, it-tradizzjoni Patristika u Medjevali kienet taf tagħraf id-diversi tifsiriet tal-Iskrittura, ibda minn dak litterali, jiġifieri dak “imfisser mill-kliem tal-Iskrittura u [li] jingħaraf permezz tal-eseġesi li ssir skont ir-regoli tal-interpretazzjoni ġusta”.[120] Ngħidu aħna, San Tumas ta’ Aquino jistqarr: “It-tifsiriet kollha tal-Iskrittura Mqaddsa jissejsu fuq dik litterali”.[121] Imma hawn jeħtieġ niftakru li fiż-żmien Patristiku u Medjevali kull għamla ta’ eseġesi, anki dik litterali, kienet issir fuq il-bażi tal-fidi u mhux neċessarjament kienet issir distinzjoni bejn tifsira litterali u tifsira spiritwali. Dwar dan irridu niftakru fl-espressjoni klassika li tirrappreżenta r-relazzjoni bejn id-diversi tifsiriet tal-Iskrittura:

Littera gesta docet, quid credas allegoria,

moralis quid agas, quo tendas anagogia.

L-ittra tgħallmek x’ġara, l-allegorija tgħallmek x’temmen,

il-morali x’għandek tagħmel, l-anagoġija tgħallmek fejn sejjer”.[122]

Hawn ninnotaw l-għaqda u l-artikulazzjoni bejn sens litterali u sens spiritwali, li mbagħad jinqasmu fi tliet tifsiriet oħra, li bihom jiġu spjegati l-kontenuti tal-fidi, tal-morali u tat-tensjoni eskatoloġika.

 

Fl-aħħar mill-aħħar, waqt li nagħrfu l-valur u l-ħtieġa tal-metodu storiku-kritiku, imqar bil-limiti tiegħu, mill-eseġesi Patristika nitgħallmu li “nistgħu nkunu fidili għall-intenzjonalità tat-testi bibliċi biss skont kemm infittxu li nsibu, fil-qalba tal-formulazzjoni tagħhom, ir-realtà tal-fidi li huma jesprimu, u kemm norbtu din ir-realtà mal-esperjenza tal-fidi tad-dinja tagħna”.[123] F’din il-perspettiva biss nistgħu nifhmu li l-Kelma ta’ Alla hi ħajja u hi indirizzata lejn kulħadd fil-preżent ta’ ħajjitna. F’dan is-sens tibqa’ għalkollox valida l-istqarrija tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika li tiddefinixxi t-tifsira spiritwali skont il-fidi Nisranija, bħala “t-tifsira li jesprimu t-testi bibliċi meta jinqraw bid-dehen tal-Ispirtu s-Santu fid-dawl tal-misteru tal-Għid ta’ Kristu u tal-ħajja ġdida li jagħti hu. Dan id-dawl jeżisti tabilħaqq. It-Testment il-Ġdid jagħraf fih il-milja tal-Iskrittura. Għalhekk huwa normali li nerġgħu naqraw l-Iskrittura fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġdid, dak tal-ħajja fl-Ispirtu”.[124]

 

Jeħtieġ nittraxxendu l-“ittra”

38. F’dan l-isforz tagħna biex nerġgħu norbtu flimkien it-tifsiriet tal-Iskrittura hemm bżonn nifhmu l-passaġġ bejn l-ittra u l-ispirtu. Dan mhux xi passaġġ awtomatiku u spontanju; pjuttost hemm bżonn immorru ’l hemm mill-ittra: “Fil-fatt, il-Kelma ta’ Alla nfisha qatt mhi preżenti biss fis-sempliċi litteralità tat-test. Biex naslu għaliha hemm bżonn ta’ traxxendiment u proċess ta’ għarfien, li jħalli jmexxih iċ-ċaqliq ġewwieni tal-ġabra flimkien u għalhekk jeħtieġ isir ukoll proċess ta’ ħajja”.[125] U hekk niskopru li proċess interpretattiv awtentiku qatt mhu intellettwali biss, imma anki wieħed li jagħti l-ħajja, fejn hu meħtieġ l-involviment sħiħ fil-ħajja tal-Knisja, li hi ħajja “fl-Ispirtu” (Gal 5:16). Hekk isiru iżjed ċari l-kriterji li jitkellem dwarhom in-numru 12 tal-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum: traxxendiment bħal dan ma jistax iseħħ fi framment letterarju maqtugħ għalih waħdu jekk ma jkunx f’rabta mal-Iskrittura kollha kemm hi. Fil-fatt hi Kelma waħda dik li lejha aħna msejħin nittraxxendu. Dan il-proċess fih drammatiċità intima, għax, fil-proċess tat-traxxendiment, il-passaġġ li jseħħ bil-qawwa tal-Ispirtu bla dubju ta’ xejn għandu x’jaqsam mal-libertà ta’ kull persuna. San Pawl għex b’mod sħiħ dan il-passaġġ fl-istess ħajja tiegħu. Xi jfisser it-traxxendiment tal-ittra u l-għarfien tiegħu fid-dawl tal-ġabra ta’ kollox flimkien hu esprimieh b’mod radikali fil-frażi: “l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja” (2 Kor 3:6). San Pawl jiskopri li l-“Ispirtu ħellies għandu isem u l-libertà għalhekk għandha qies interjuri: ‘Il-Mulej huwa l-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien’ (2 Kor 3:17). L-Ispirtu ħellies mhux sempliċiment l-idea tiegħi, il-viżjoni personali ta’ min jinterpreta. L-Ispirtu huwa Kristu, u Kristu hu l-Mulej li jurina t-triq”.[126] Nafu kif anki għal Santu Wistin dan il-passaġġ kien drammatiku u ħellies fl-istess ħin; hu emmen fl-Iskrittura, li għall-ewwel dehritlu hekk mifruda fiha nfisha u xi drabi bħal donnha goffa f’dak li tgħid, proprju minħabba dan it-traxxendiment li hu tgħallem mingħand Sant’Ambroġ permezz tal-interpretazzjoni teoloġika, li għalih it-Testment il-Qadim hu mixja lejn Ġesù Kristu. Għal Santu Wistin it-traxxendiment tal-ittra għamel ħaġa li titwemmen l-ittra nfisha u hekk seta’ sa fl-aħħar isib it-tweġiba għat-tħassib l-aktar profond ta’ ruħu, għatxana għall-verità.[127]

 

L-għaqda intrinsika tal-Bibbja

39. Fl-iskola tat-tradizzjoni kbira tal-Knisja nitgħallmu nifhmu wkoll, fil-passaġġ mill-ittra għall-ispirtu, l-għaqda tal-Iskrittura kollha, għax waħda hi l-Kelma ta’ Alla li tisfida lil ħajjitna billi ssejħilna l-ħin kollu għall-konverżjoni.[128] Jibqgħu għalina gwida żgura l-espressjonijiet ta’ Ugo ta’ San Vitor: “L-Iskrittura divina kollha hi ktieb wieħed u dan il-ktieb wieħed huwa Kristu, jitkellem fuq Kristu u jsib il-milja tiegħu fi Kristu”.[129] Bla dubju, il-Bibbja, meta nħarsu lejha mill-aspett purament storiku jew letterarju, mhijiex sempliċiment ktieb, imma ġabra ta’ kitbiet letterarji, li t-tifsila tagħha hi mifruxa tul iżjed minn millennju u li l-kotba tagħha mhux lakemm tagħrafhom bħala appartenenti għal għaqda interjuri; anzi, jeżistu tensjonijiet ċari bejniethom. Dan diġà jgħodd għall-Bibbja ta’ Iżrael, li aħna l-Insara nsejħulha t-Testment il-Qadim. Jgħodd wisq aktar meta aħna, bħala Nsara, norbtu t-Testment il-Ġdid u l-kitbiet tiegħu, kważi bħala muftieħ ermenewtiku, mal-Bibbja ta’ Iżrael, u hekk ninterpretawha bħala triq lejn Kristu. Fit-Testment il-Ġdid, ġeneralment ma jintużax it-terminu “l-Iskrittura” (ara Rum 4:3; 1 Pt 2:6), imma l-Iskritturi” (ara Mt 21:43; Ġw 5:39; Rum 1:2; 2 Pt 3:16), li, madankollu, fil-ġabra tagħhom flimkien jitqiesu mbagħad bħala l-Kelma waħda ta’ Alla mlissna lilna.[130] Minn dan jidher ċar kif hi l-persuna ta’ Kristu li tagħti dan is-sens ta’ għaqda lill-“Iskritturi” kollha f’relazzjoni mal-“Kelma” waħda. Hekk nifhmu dak li jistqarr in-numru 12 tal-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, meta jindika l-għaqda ġewwenija tal-Bibbja kollha bħala kriterju deċiżiv għal ermenewtika tajba tal-fidi.

 

Ir-relazzjoni bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid

40. Fil-perspettiva tal-għaqda tal-Iskrittura kollha fi Kristu, kemm it-teologi u kemm ir-Ragħajja għandhom ikunu konxji mir-relazzjonijiet li hemm bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid. Qabelxejn, hu ċar li t-Testment il-Ġdid stess jagħraf lit-Testment il-Qadim bħala Kelma ta’ Alla u għalhekk jilqa’ l-awtorità tal-Kotba Mqaddsa tal-poplu Lhudi.[131] Jagħrafhom impliċitament billi jħaddem l-istess lingwaġġ u jirriferi ta’ spiss għal siltiet minn dawn il-Kotba. Jagħrafhom espliċitament, għax jikkwota bosta partijiet minnhom u jinqeda bihom biex jargumenta. Għalhekk, argumentazzjoni msejsa fuq it-testi tat-Testment il-Qadim għandha valur deċiżiv fit-Testment il-Ġdid, superjuri għal dak ta’ raġunamenti sempliċiment umani. Fir-raba’ Evanġelju, dwar hekk Ġesù jistqarr li “l-Iskrittura ma tistax titħassar” (Ġw 10:35) u San Pawl jippreċiża b’mod partikulari li r-rivelazzjoni tat-Testment il-Qadim tibqa’ tgħodd għalina l-Insara (ara Rum 15:4; 1 Kor 10:11).[132] Barra minn hekk nistqarru li “Ġesù ta’ Nazaret kien Lhudi u l-Art Imqaddsa hi l-art fejn twieldet il-Knisja”;[133] l-għeruq tal-Kristjaneżmu jinsabu fit-Testment il-Qadim u l-Kristjaneżmu jixrob dejjem minn dawn l-għeruq. Għalhekk, id-duttrina soda Nisranija dejjem irrifjutat kull xorta ta’ Marċjoniżmu ta’ żmienna, li għandu t-tendenza, b’modi diversi, li jpoġġi kontra xulxin it-Testment il-Qadim u dak Ġdid.[134]

 

Barra minn hekk, it-Testment il-Ġdid stess jafferma li hu fi qbil mal-Qadim u jxandar li fil-misteru tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, il-Kotba Mqaddsa tal-poplu Lhudi sabu t-twettiq perfett tagħhom. Imma hemm bżonn nosservaw li l-kunċett ta’ twettiq tal-Iskrittura hu kumpless, għax għandu dimensjoni triplika: aspett fundamentali ta’ kontinwità mar-Rivelazzjoni tat-Testment il-Qadim, aspett ta’ qtugħ, u aspett ta’ twettiq u tisbiq. Il-misteru ta’ Kristu hu f’kontinwità ta’ fehma mal-kult sagrifikali tat-Testment il-Qadim; imma twettaq b’mod differenti ħafna, li jikkorrispondi ma’ bosta orakli tal-profeti, u hekk laħaq perfezzjoni li kienet għadha qatt ma nkisbet qabel. Fil-fatt, it-Testment il-Qadim hu mimli tensjonijiet bejn l-aspetti istituzzjonali tiegħu u l-aspetti profetiċi tiegħu. Il-misteru tal-Għid ta’ Kristu jaqbel għalkollox – imma b’mod li kien imprevedibbli – mal-profeziji u mal-aspett prefigurattiv tal-Iskrittura; madankollu, jippreżenta wkoll aspetti ċari ta’ nuqqas ta’ kontinwità fejn jidħlu l-istituzzjonijiet tat-Testment il-Qadim.

 

41. Dan li għidna hawn b’hekk juri l-importanza tat-Testment il-Qadim għall-Insara, ħaġa li xejn ma jista’ jeħdilha postha, imma fl-istess waqt juri wkoll l-oriġinalità tal-qari Kristoloġiku. Sa minn żmien l-Appostli u mbagħad fit-Tradizzjoni ħajja tagħha, il-Knisja xeħtet dawl fuq l-għaqda tal-pjan divin fiż-żewġ Testmenti grazzi għat-tipoloġija, li m’għandhiex karattru arbitrarju imma hi intrinsika għall-ġrajjiet irrakkontati mit-test sagru u għalhekk tolqot lill-Iskrittura kollha. It-tipoloġija “fl-għemil ta’ Alla ta’ żmien il-Patt il-Qadim tara tħabbira minn qabel ta’ dak li Alla għamel fil-milja taż-żminijiet fil-Persuna ta’ Ibnu magħmul bniedem”.[135] Għalhekk l-Insara jaqraw it-Testment il-Qadim fid-dawl ta’ Kristu li miet u rxoxta. Jekk il-qari tipoloġiku jikxef il-kontenut bla qies tat-Testment il-Qadim f’relazzjoni mal-Ġdid, xorta waħda m’għandux inessina li hu stess iżomm dak il-valur proprju tiegħu ta’ Rivelazzjoni li l-istess Sidna Ġesù Kristu reġa’ afferma (ara Mk 12:29-31). Għalhekk, “it-Testment il-Ġdid ukoll jitlob li jinqara fid-dawl tat-Testment il-Qadim. Il-katekeżi Nisranija tal-ewwel żminijiet dejjem irrikorriet għalih (ara 1 Kor 5:6-8; 10:1-11)”.[136] Għal din ir-raġuni, il-Padri Sinodali saħqu li “l-għarfien Lhudi tal-Bibbja jista’ jgħin lill-intelliġenza u l-istudju tal-Iskrittura min-naħa tal-Insara”.[137]

 

“It-Testment il-Ġdid hu moħbi fil-Qadim u l-Qadim hu muri fil-Ġdid”,[138] hekk stqarr b’għerf liema bħalu Santu Wistin dwar dan is-suġġett. Għalhekk, hu importanti li kemm fil-ħidma pastorali u kemm fil-qasam akkademiku toħroġ ċara r-relazzjoni intima bejn iż-żewġ Testmenti, waqt li flimkien ma’ San Girgor il-Kbir infakkru li dak li “t-Testment il-Qadim wiegħed, it-Testment il-Ġdid urieh; dak li dak ħabbar b’mod mistur, dan ixandar fil-miftuħ bħala preżent. Għalhekk it-Testment il-Qadim hu profezija tat-Testment il-Ġdid; u l-aqwa kummentarju tat-Testment il-Qadim hu t-Testment il-Ġdid”.[139]

 

Il-paġni “mudlama” tal-Bibbja

42. Fid-dawl tar-relazzjoni bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid, is-Sinodu affronta wkoll it-tema tal-paġni tal-Bibbja li jidhru mudlama jew ibsin minħabba fil-vjolenza u l-immoralità li xi kultant insibu fihom. F’relazzjoni ma’ dan jeħtieġ qabelxejn inżommu quddiem għajnejna li r-Rivelazzjoni biblika għandha l-għeruq profondi tagħha fl-istorja. Il-pjan ta’ Alla jintwera biċċa biċċa u jitwettaq bil-mod il-mod permezz ta’ tarġa wara l-oħra, minkejja r-reżistenza tal-bnedmin. Alla jagħżel poplu u jedukah bis-sabar. Ir-Rivelazzjoni tadatta ruħha għal-livell kulturali u morali ta’ żminijiet imbiegħda u għalhekk tgħarrafna b’fatti u drawwiet, ngħidu aħna manuvri qarrieqa, interventi vjolenti, il-qtil ta’ popli sħaħ, mingħajr ma tikkundanna b’mod ċar l-immoralità ta’ dawn l-għemejjel; dan jispjegah il-kuntest storiku, imma lill-qarrej modern jista’ jissorprendih, fuq kollox meta ninsew il-ħafna mġibiet “mudlama” li l-bnedmin sa minn dejjem kellhom matul is-sekli, anki fi żmienna. Fit-Testment il-Qadim, il-predikazzjoni tal-profeti tgħolli leħinha b’qilla kontra kull għamla ta’ inġustizzja u ta’ vjolenza, kollettiva jew individwali, u hija għalhekk l-istrument tal-edukazzjoni li Alla jagħti lill-poplu tiegħu bi tħejjija għall-Evanġelju. Għaldaqstant, ikun żbaljat li ma nagħtux kas ta’ dawk is-siltiet tal-Iskrittura li jidhrulna problematiċi. Pjuttost, għandna nkunu nafu li l-qari ta’ dawn il-paġni jitlob li niksbu kompetenza xierqa, permezz ta’ formazzjoni li taqra t-testi fil-kuntest storiku-letterarju tagħhom u fil-perspettiva Nisranija, li għandha bħala muftieħ ermenewtiku aħħari “l-Evanġelju u l-kmandament il-ġdid ta’ Ġesù Kristu mwettaq fil-misteru tal-Għid”.[140] Għalhekk nistieden lill-istudjużi u lir-Ragħajja biex jgħinu lill-fidili kollha ħalli jersqu huma wkoll lejn dawk il-paġni permezz ta’ qari li jgħinhom jiskopru t-tifsira tagħhom fid-dawl tal-misteru ta’ Kristu.

 

L-Insara u l-Lhud quddiem l-Iskrittura Mqaddsa

43. Meta nqisu r-relazzjonijiet qawwija li jorbtu t-Testment il-Ġdid mal-Qadim, tiġi bħala ħaġa spontanja li issa nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq ir-rabta partikulari li minn hawn toħroġ bejn l-Insara u l-Lhud, rabta li ma għandha qatt tintesa. Lil-Lhud il-Papa Ġwanni Pawlu II qalilhom: intom “‘ħutna l-aktar għeżież’ fil-fidi ta’ Abraham, il-patrijarka tagħna”.[141] Bla dubju, dawn l-affermazzjonijiet ma jfissrux li ma nafux bil-qtugħ li nsibu fit-Testment il-Ġdid minn mal-istituzzjonijiet tat-Testment il-Qadim jew wisq inqas bit-twettiq tal-Iskrittura fil-misteru ta’ Ġesù Kristu, magħruf bħala Messija u Bin Alla. Madankollu, din id-differenza qawwija u radikali bl-ebda mod ma tfisser ostilità reċiproka. Għall-kuntrarju, l-eżempju ta’ San Pawl (ara Rum 9-11) juri li “atteġġjament ta’ rispett, ta’ stima u ta’ mħabba għall-poplu Lhudi hu l-uniku atteġġjament tabilħaqq Nisrani f’din is-sitwazzjoni li misterjożament tagħmel parti mill-pjan, kollu kemm hu pożittiv, ta’ Alla”.[142] Fil-fatt, San Pawl jafferma li l-Lhud “skont l-għażla huma maħbuba minħabba missirijiethom. Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu” (Rum 11:28-29).

 

Barra minn hekk, San Pawl jinqeda bix-xbieha sabiħa tas-siġra taż-żebbuġ biex ifisser ir-relazzjonijiet stretti ħafna bejn Insara u Lhud: il-Knisja tal-Ġentili hi bħal fergħa ta’ żebbuġa selvaġġa, imlaqqma fis-siġra tajba taż-żebbuġ li hu l-poplu tal-Patt (ara Rum 11:17-24). Għalhekk, aħna nitrejqu minn dawn l-istess għeruq spiritwali. Niltaqgħu bħala aħwa, aħwa li f’ċerti mumenti tal-istorja tagħhom kellhom relazzjoni kkaratterizzata minn tensjoni, imma li issa huma impenjati bis-sħiħ fil-bini ta’ pontijiet ta’ ħbiberija li ttul.[143] Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien qal ukoll: “Aħna għandna ħafna komuni bejnietna. Flimkien nistgħu nagħmlu ħafna b’risq il-paċi, il-ġustizzja u dinja iżjed fraterna u iżjed umana”.[144]

 

Nixtieq nisħaq mill-ġdid kemm hu prezzjuż għall-Knisja d-djalogu mal-Lhud. Jixraq li fejn tinstab l-opportunità jinħolqu possibbiltajiet anki pubbliċi ta’ laqgħa u diskussjoni li jgħinu biex jikbru l-għarfien reċiproku, l-istima lejn xulxin u l-kollaborazzjoni anki fl-istess studju tal-Iskrittura Mqaddsa.

 

L-interpretazzjoni fundamentalista tal-Iskrittura Mqaddsa

44. L-attenzjoni li ridna nagħtu sa issa lit-tema tal-ermenewtika biblika fid-diversi aspetti tagħha tagħtina li naffrontaw l-argument, li ħareġ kemm-il darba fid-dibattitu Sinodali, tal-interpretazzjoni fundamentalista tal-Iskrittura Mqaddsa.[145] Fuq dan is-suġġett il-Kummissjoni Pontifiċja Biblika fid-dokument L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja fformulat indikazzjonijiet importanti. F’dan il-kuntest nixtieq qabelxejn niġbed l-attenzjoni fuq dik l-għamla ta’ qari li ma tirrispettax it-test sagru fin-natura awtentika tiegħu, għax tippromovi interpretazzjonijiet suġġettivistiċi u arbitrarji. Fil-fatt, il-“litteraliżmu” ppropagat mill-qari fundamentalista fir-realtà jirrappreżenta tradiment kemm tat-tifsira litterali u kemm ta’ dik spiritwali, għax jiftaħ it-triq għal strumentalizzazzjonijiet ta’ bosta għamliet, u jxerred, ngħidu aħna, interpretazzjonijiet antiekkleżjali tal-istess Skrittura. L-aspett problematiku tal-“qari fundamentalista hu li, fir-rifjut tiegħu li jżomm quddiem għajnejh il-karattru storiku tar-Rivelazzjoni biblika, ma jibqax kapaċi jaċċetta b’mod sħiħ il-verità tal-istess Inkarnazzjoni. Il-fundamentaliżmu jevita r-relazzjoni stretta tad-divin u tal-uman fir-relazzjonijiet ma’ Alla. Għal din ir-raġuni, tendenzjalment jittratta t-test bibliku bħallikieku ġie ddettat kelma b’kelma mill-Ispirtu u ma jasalx biex jagħraf li l-Kelma ta’ Alla ġiet imsawra f’lingwaġġ u frażjoloġija kkundizzjonati minn epoka partikulari”.[146] Bil-maqlub, il-Kristjaneżmu fil-kelmiet jaqra l-Kelma, il-Lógos innifsu, li jwessa’ l-misteru tiegħu permezz ta’ din il-kotra ta’ kliem u tar-realtà ta’ storja umana.[147] It-tweġiba vera għal qari ta’ xejra fundamentalista hi: “il-qari tal-Iskrittura Mqaddsa bil-fidi”. Dan il-qari, “ipprattikat sa mill-qedem fit-Tradizzjoni tal-Knisja, ifittex il-verità li ssalva għall-ħajja ta’ kull fidil u għall-Knisja. Dan il-qari jagħraf il-valur storiku tat-tradizzjoni biblika. Huwa sewwasew minħabba f’dan il-valur ta’ xhieda storika li hu jfittex li jiskopri mill-ġdid it-tifsira ħajja tal-Iskrittura Mqaddsa indirizzata wkoll lill-ħajja ta’ min jemmen illum”,[148] mingħajr ma jinjora, allura, il-medjazzjoni umana tat-test ispirat u l-ġeneri letterarji tiegħu.

 

Djalogu bejn Ragħajja, teologi u eseġeti

45. L-ermenewtika awtentika tal-fidi ġġib magħha xi konsegwenzi importanti fil-qasam tal-ħidma pastorali tal-Knisja. Proprju dwar dan il-Padri Sinodali rrakkomandaw, ngħidu aħna, relazzjoni iżjed assidwa bejn Ragħajja, eseġeti u teologi. Jixraq li l-Konferenzi Episkopali jgħinu biex isiru dawn il-laqgħat bl-“għan li jippromovu komunjoni ikbar fil-qadi tal-Kelma ta’ Alla”.[149] Koperazzjoni bħal din tista’ tgħin lil kulħadd jiżvolġi aħjar il-ħidma tiegħu għall-ġid tal-Knisja kollha. Fil-fatt, b’din il-ħidma pastorali fix-xefaq, l-istudjużi wkoll għandhom joqogħdu quddiem it-test sagru fin-natura tiegħu ta’ komunikazzjoni li l-Mulej jagħmel mal-bnedmin biex huma jsalvaw. Għalhekk, kif affermat il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, nirrakkomandaw li “l-eseġeti Kattoliċi u dawk li jistudjaw it-Teoloġija mqaddsa, waqt li jaħdmu flimkien bil-ħerqa, ifittxu li taħt il-ħarsien tal-Maġisteru sagru jistudjaw u jfissru bil-mezzi addattati l-Kotba divini biex hekk għadd kemm jista’ jkun kbir ta’ ministri tal-Kelma ta’ Alla jistgħu bi frott iressqu quddiem il-Poplu ta’ Alla l-ikel tal-Iskrittura li jdawwal l-intelliġenza, isaħħaħ ir-rieda, jixgħel il-qlub tal-bnedmin bl-imħabba ta’ Alla”.[150]

 

Bibbja u ekumeniżmu

46. Fl-għarfien li l-Knisja għandha l-pedament tagħha fi Kristu, Verb ta’ Alla magħmul bniedem, is-Sinodu ried jagħfas fuq iċ-ċentralità tal-istudji bibliċi fid-djalogu ekumeniku fid-dawl tal-espressjoni sħiħa tax-xirka ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu.[151] Fil-fatt, fl-istess Skrittura nsibu t-talba qawwija ta’ Ġesù lill-Missier biex id-dixxipli tiegħu jkunu ħaġa waħda biex id-dinja temmen (ara Ġw 17:21). Dan kollu jsaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li s-smigħ u l-meditazzjoni flimkien tal-Iskrittura jgħinuna ngħixu komunjoni reali, anki jekk għadha mhix waħda sħiħa;[152] “għalhekk is-smigħ komuni tal-Iskrittura jwassal għad-djalogu tal-imħabba u jkattar dak tal-verità”.[153] Fil-fatt, meta nisimgħu flimkien il-Kelma ta’ Alla, nipprattikaw il-lectio divina tal-Bibbja, inħallu jissorprendina l-ġdid, li qatt ma jixjieħ u qatt ma jispiċċa, tal-Kelma ta’ Alla, niftħu l-widnejn torox tagħna għal dawk il-kelmiet li ma jaqblux mal-fehmiet jew il-preġudizzji tagħna, nisimgħu u nistudjaw fil-komunjoni ta’ dawk kollha li jemmnu f’kull żmien: dan kollu jsawwar it-triq li għandna nimxu biex nistgħu nilħqu l-għaqda tal-fidi, bħala tweġiba għas-smigħ tal-Kelma.[154] Kien tassew ta’ dawl għalina l-kliem tal-Konċilju Vatikan II: “Fid-djalogu [ekumeniku] nnifsu l-Kotba Mqaddsa huma l-mezzi l-kbar fl-id setgħana ta’ Alla biex tintlaħaq dik l-għaqda li s-Salvatur joffri lill-bnedmin kollha”.[155] Għalhekk tajjeb inkattru l-istudju, il-konfront u ċ-ċelebrazzjonijiet ekumeniċi tal-Kelma ta’ Alla, f’rispett lejn ir-regoli li japplikaw u d-diversi tradizzjonijiet.[156] Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jagħmlu ġid lill-kawża ekumenika u, meta jingħaxu fit-tifsira vera tagħhom, huma mumenti qawwija ta’ talb awtentiku fejn nitolbu lil Alla jħaffef dak il-jum li tant nixxennqu għalih meta għad inkunu nistgħu npoġġu lkoll madwar l-istess mejda u nixorbu mill-istess kalċi. Madankollu, fil-promozzjoni tajba u ta’ min ifaħħarha ta’ dawn il-mumenti, għandna nagħmlu mod li dawn il-laqgħat ma jiġux proposti lill-fidili flok is-sehem tagħhom fil-quddiesa tal-preċett.

 

F’din il-ħidma ta’ studju u ta’ talb nagħrfu b’serenità anki dawk l-aspetti li hemm bżonn ninżlu iktar fil-fond tagħhom u li minħabba fihom għadna mifrudin, bħal ngħidu aħna l-għarfien tas-suġġett awtorevoli tal-interpretazzjoni fil-Knisja u r-rwol deċiżiv tal-Maġisteru.[157]

 

Barra minn hekk, nixtieq intenni dak li qalu l-Padri Sinodali dwar l-importanza li għandhom f’din il-ħidma ekumenika t-traduzzjonijiet tal-Bibbja fid-diversi ilsna. Fil-fatt nafu li t-traduzzjoni ta’ test mhix sempliċiment xi ħidma mekkanika, imma f’ċertu sens hi parti mill-ħidma interpretattiva. Dwar dan, il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II sostna: “Min jiftakar x’influwenza kellhom fuq il-firda, speċjalment fil-Punent, id-diskussjonijiet dwar l-Iskrittura, jifhem xi progress sar permezz ta’ dawn it-traduzzjonijiet flimkien”.[158] Għalhekk il-promozzjoni tat-traduzzjonijiet komuni tal-Bibbja hi parti mill-ħidma ekumenika. Nixtieq hawn nirringrazzja lil dawk kollha li huma impenjati f’din il-ħidma importanti u nagħmlilhom il-qalb biex jibqgħu mexjin ’il quddiem fil-missjoni tagħhom.

 

Konsegwenzi fuq l-impostazzjoni tal-istudji teoloġiċi

47. Konsegwenza oħra ta’ ermenewtika xierqa tal-fidi hi dik dwar il-ħtieġa li nuru x’inhuma l-implikazzjonijiet tagħha fil-formazzjoni eseġetika u teoloġika, b’mod partikulari għal dawk li huma kandidati għas-saċerdozju. Jeħtieġ inħabirku biex l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa jkun tabilħaqq ir-ruħ tat-teoloġija ladarba fiha hemm il-Kelma ta’ Alla, li llum hi indirizzata lid-dinja, lill-Knisja u lil kull wieħed u waħda minna b’mod personali. Importanti li l-kriterji indikati min-numru 12 tal-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum nagħtu kashom tassew u nagħmluhom oġġett ta’ approfondiment. Nevitaw li jkollna kunċett ta’ tiftix xjentifiku li jżomm newtrali fil-konfront tal-Iskrittura. Għalhekk flimkien mal-istudju tal-ilsna proprji li fihom inkitbet il-Bibbja u tal-metodi xierqa ta’ interpretazzjoni, hu meħtieġ li l-istudenti jkollhom ħajja spiritwali profonda, biex jistgħu jifhmu li l-Iskrittura tista’ tifhimha biss jekk tgħixha.

 

F’din il-perspettiva nirrakkomanda li l-istudju tal-Kelma ta’ Alla, mgħoddija bil-fomm u miktuba, isir dejjem fi spirtu ekkleżjali qawwi, u fil-formazzjoni akkademika tingħata importanza xierqa lill-interventi li għamel dwar dawn it-temi l-Maġisteru, li “mhuwiex aqwa mill-Kelma ta’ Alla, imma jaqdiha billi jgħallem biss dak li ġie mgħoddi billi, bil-kmand ta’ Alla u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, jisimgħu bit-tjieba, iżommu bil-qdusija u jfissru bil-fedeltà”.[159] Għalhekk, għandna naraw li l-istudji jsiru fl-għarfien li “t-Tradizzjoni Mqaddsa, l-Iskrittura Mqaddsa u l-Maġisteru tal-Knisja, b’dispożizzjoni l-aktar għarfa ta’ Alla huma hekk marbutin u magħqudin flimkien li ma jistgħux jeżistu indipendentement”.[160] Għaldaqstant, nawgura li, skont it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa, moqrija fil-komunjoni tal-Knisja universali, ikun tabilħaqq bħar-ruħ tal-istudju teoloġiku.[161]

 

Il-qaddisin u l-interpretazzjoni tal-Iskrittura

48. L-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa ma tkunx sħiħa jekk ma tagħtix widen ukoll għal min għex tassew il-Kelma ta’ Alla, jiġifieri l-qaddisin.[162] Fil-fatt, “viva lectio est vita bonorum”.[163] L-interpretazzjoni l-aktar profonda tal-Iskrittura fil-fatt tiġi sewwasew minn dawk li ħallew il-Kelma ta’ Alla tagħġinhom, permezz tas-smigħ, il-qari u l-meditazzjoni assidwa.

 

Żgur li mhix xi kumbinazzjoni li l-mixjiet spiritwali l-kbar li mmarkaw l-istorja tal-Knisja nibtu minn riferiment espliċitu għall-Iskrittura. Jiġini f’moħħi, ngħidu aħna, Sant’Anton Abbati, imqanqal mis-smigħ ta’ kliem Kristu: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja” (Mt 19:21).[164] Mhux b’inqas suġġestiv San Bażilju l-Kbir li fl-opra Moralia jistaqsi: “X’inhu dak li tagħmel il-fidi? Tagħtina ċertezza sħiħa u żgura tal-verità tal-kliem imnebbaħ minn Alla… X’inhu dak li jagħmel min għandu l-fidi? Jitwaħħad b’ċertezza hekk sħiħa mat-tifsir tal-kliem tal-Iskrittura, u ma jissograx ineħħi jew iżid xejn iżjed”.[165] San Benedittu, fir-Regola tiegħu, ifakkarna fl-Iskrittura bħala “prinċipju tajjeb li fuqu l-bniedem għandu jfassal ħajtu”.[166] San Franġisk ta’ Assisi – jikteb Tumas minn Celano – “meta sema’ li d-dixxipli ta’ Kristu ma għandhomx deheb jew fidda, lanqas flus, lanqas ħorġa, lanqas ħobż, li ma kellhomx iġorru ħatar fit-triq, u lanqas ma jkollhom qrieq jew żewġ ilbiesi… hu mill-ewwel ħass l-ispirtu tiegħu jifraħ fl-Ispirtu tal-Mulej. Għalhekk qal: ‘Dan hu li rrid, dan hu dak li qiegħed infittex, dan hu dak li nixtieq inwettaq b’qalbi kollha’”.[167] Santa Kjara ta’ Assisi tħaddan hija wkoll b’mod sħiħ l-istess esperjenza ta’ San Franġisk: “L-għamla ta’ ħajja tal-Ordni tas-Sorijiet Foqra… hija din: li jħarsu l-Evanġelju mqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu”.[168] San Duminku ta’ Guzman, imbagħad, “kullimkien kien iġib ruħu bħala bniedem tal-Evanġelju, fil-kliem kif ukoll fl-għemejjel”[169] u hekk ukoll ried li jkunu l-patrijiet predikaturi tiegħu, “nies tal-Evanġelju”.[170] Santa Tereża ta’ Ġesù, Karmelitana, li fil-kitbiet tagħha l-ħin kollu tinqeda bi xbihat bibliċi biex tfisser l-esperjenza mistika tagħha, tiftakar kif Ġesù nnifsu wrieha li “l-ħsara kollha li tiġi lid-dinja tiġiha minħabba li ma tafx il-veritajiet tal-Iskrittura b’mod ċar u sħiħ”.[171] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù ssib l-Imħabba bħala l-vokazzjoni personali tagħha hija u tgħarbel l-Iskrittura, b’mod partikulari l-kapitli 12 u 13 tal-Ewwel Ittra lill-Korintin;[172] hija l-istess qaddisa li tfisser kif l-Iskrittura ssaħħarha: “Ma għandix ħlief nitfa’ għajnejja fuq l-Evanġelju mqaddes u nieħu n-nifs mill-fwieħa tal-ħajja ta’ Ġesù, biex inkun naf lejn liema naħa għandi niġri”.[173] Kull qaddis u qaddisa huma bħal raġġ ta’ dawl ħiereġ mill-Kelma ta’ Alla: hekk jiġuna f’moħħna wkoll Sant’Injazju ta’ Loyola huwa u jfittex il-verità u jagħmel id-dixxerniment spiritwali tiegħu; San Ġwann Bosco fil-passjoni tiegħu għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ; San Ġwann Marija Vianney fl-għarfien tiegħu tal-kobor tas-saċerdozju bħala don u missjoni; San Piju ta’ Pietrelcina fl-għotja tiegħu nnifsu bħala strument ta’ ħniena divina; San Josemaría Escrivá fil-predikazzjoni tiegħu dwar is-sejħa universali għall-qdusija; il-Beata Tereża ta’ Calcutta, missjunarja tal-Imħabba ta’ Alla għall-ifqar fost il-fqar; sal-martri tan-Nażiżmu u tal-Komuniżmu, irrappreżentati, minn naħa, minn Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein), monaka Karmelitana, u, mill-oħra, mill-Beatu Lwiġi Stepinac, kardinal arċisqof ta’ Zagreb.

 

49. B’dan il-mod, il-qdusija f’relazzjoni mal-Kelma ta’ Alla tinkiteb, f’ċertu sens, fit-tradizzjoni profetika, fejn il-Kelma ta’ Alla tagħżel għas-servizz tagħha l-istess ħajja tal-profeta. F’dan is-sens il-qdusija fil-Knisja tirrappreżenta ermenewtika tal-Iskrittura li ħadd ma jista’ jgħaddi mingħajrha. L-Ispirtu s-Santu li nebbaħ lill-awturi sagri hu l-istess wieħed li jqanqal lill-qaddisin biex jagħtu ħajjithom għall-Evanġelju. Meta noqogħdu fl-iskola tagħhom inkunu qed nimxu fi triq żgura lejn ermenewtika ħajja u effikaċi tal-Kelma ta’ Alla.

 

Ta’ din ir-rabta bejn Kelma ta’ Alla u qdusija kellna xhieda diretta matul it-XII-il Assemblea tas-Sinodu, meta fit-12 ta’ Ottubru fi Pjazza San Pietru nżammet il-kanonizzazzjoni ta’ erba’ qaddisin ġodda: is-saċerdot Gaetano Errico, fundatur tal-Kongregazzjoni tal-Missjunarji tal-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Marija; Madre Marija Bernarda Bütler, imwielda l-Iżvizzera u missjunarja fl-Ekwador u fil-Kolombja; Swor Alfonsa tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-ewwel qaddisa kkanonizzata li twieldet l-Indja; il-lajka żagħżugħa Ekwadorjana Narċisa ta’ Ġesù Martillo Morán. Bil-ħajja tagħhom huma taw xhieda lid-dinja u lill-Knisja ta’ kemm l-Evanġelju ta’ Kristu jagħti l-frott f’kull żmien. Nitolbu lill-Mulej biex għall-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin, ikkanonizzati proprju fil-jiem tal-Assemblea Sinodali fuq il-Kelma ta’ Alla, ħajjitna tkun dik l-“art tajba” li fiha l-Bidwi divin jista’ jiżra’ l-Kelma biex tagħmel fina frott ta’ qdusija, “min tletin, min sittin u min mija” (Mk 4:20).


 

IT-TIENI PARTI

VERBUM IN ECCLESIA

“Imma lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:12)

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Knisja

 

Il-Knisja tilqa’ l-Kelma

50. Il-Mulej ilissen il-Kelma tiegħu biex tiġi milqugħa minn dawk li ġew maħluqa sewwasew “permezz” tal-istess Verb. “Ġie f’daru” (Ġw 1:11): il-Kelma sa mill-bidu ma hix barranija għalina u l-ħolqien sar b’relazzjoni ta’ familjarità mal-ħajja ta’ Alla. Il-Prologu tar-raba’ Evanġelju jqegħidna wkoll quddiem ir-rifjut fil-konfront tal-Kelma ta’ Alla min-naħa ta’ “niesu” li “ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Li ma tilqgħux ifisser ma tagħtix widen għal leħnu, ma titwaħħadx mal-Lógos. Mill-banda l-oħra, hemm fejn il-bniedem, imqar jekk dgħajjef u midneb, jiftaħ qalbu sinċerament għal-laqgħa ma’ Kristu, tibda trasformazzjoni radikali: “Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:12). Li nilqgħu lill-Verb ifisser inħalluh isawwarna hu, biex, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, insiru ħaġa waħda ma’ Kristu, mal-“glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni” (Ġw 1:14). Dan hu l-bidu ta’ ħolqien ġdid; titwieled il-ħlejqa ġdida, poplu ġdid. Dawk li jemmnu, jew aħjar, dawk li jgħixu fl-ubbidjenza tal-fidi, “twieldu minn Alla” (Ġw 1:13), jingħataw sehem fil-ħajja divina: ulied fl-Iben (ara Gal 4:5-6; Rum 8:14-17). Jgħidilna Santu Wistin b’mod suġġestiv ħafna huwa u jikkummenta din is-silta fl-Evanġelju ta’ Ġwanni: “Permezz tal-Verb int ġejt maħluq, imma hu meħtieġ li permezz tal-Verb terġa’ tiġi maħluq mill-ġdid”.[174] Hawn nilmħu jitfassal il-wiċċ tal-Knisja, bħala realtà msawra mil-laqgħa tagħna mal-Verb ta’ Alla li meta sar bniedem ġie jwaqqaf l-għarix tiegħu fostna (ara Ġw 1:14). Din l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin, din ix-xekinà (ara 26:1), ipprefigurata fit-Testment il-Qadim, issa sseħħ fil-preżenza definittiva ta’ Alla mal-bnedmin fi Kristu.

 

Il-preżenza dejjiema ta’ Kristu fil-ħajja tal-Knisja

51. Ir-relazzjoni bejn Kristu, il-Kelma tal-Missier, u l-Knisja ma nistgħux inħarsu lejha f’termini ta’ ġrajja sempliċiment tal-imgħoddi, imma hi relazzjoni li tagħti l-ħajja u li kull fidil hu msejjaħ jidħol personalment fiha. Fil-fatt qegħdin nitkellmu fuq il-preżenza tal-Kelma ta’ Alla għalina llum: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Kif stqarr il-Papa Ġwanni Pawlu II: “Kristu hu dejjem mal-bniedem f’kull żmien permezz tal-ġisem tiegħu, li hu l-Knisja: għalhekk il-Mulej wiegħed l-Ispirtu s-Santu lid-dixxipli tiegħu biex jibqa’ magħhom u jfakkarhom u jgħallimhom il-kmandamenti tiegħu (ara Ġw 14:26) u jkun dejjem il-bidu ta’ ħajja ġdida fid-dinja (ara Ġw 3:5-8; Rum 8:1-13)”.[175] Il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum tesprimi dan il-misteru fit-termini bibliċi ta’ djalogu bejn żewġ maħbubin: “Alla, li tkellem fl-imgħoddi, ma jiqafx jitkellem mal-Għarusa tal-Iben maħbub tiegħu. Hekk l-Ispirtu s-Santu li permezz tiegħu l-leħen ħaj tal-Evanġelju jinstama’ fil-Knisja u permezz tagħha fid-dinja, iwassal lil dawk li jemmnu għall-verità sħiħa u jagħmel li l-Kelma ta’ Kristu tgħammar fihom fl-għana kollu tagħha (ara Kol 3:16)”.[176]

 

L-Għarusa ta’ Kristu, mgħallma tas-smigħ, illum ukoll ittenni bil-fidi: “Tkellem, Mulej, il-Knisja tiegħek qiegħda tisimgħek”.[177] Għalhekk il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum tiftaħ b’dan il-kliem: “Il-Konċilju Mqaddes, filwaqt li jisma’ bil-qima l-kelma ta’ Alla u jipproklamaha b’fiduċja…”.[178] Fil-fatt din hi definizzjoni dinamika tal-ħajja tal-Knisja: “Huma kelmiet li bihom il-Konċilju jindika karatteristika li tikkwalifika lill-Knisja: hi komunità li tisma’ u tħabbar il-Kelma ta’ Alla. Il-Knisja ma tgħixx biha nfisha imma bl-Evanġelju, u mill-Evanġelju dejjem u mill-ġdid tikseb l-orjentament għall-mixja tagħha. Hi nota li kull Nisrani għandu jifhem u japplika għalih innifsu: huwa biss min qabelxejn jagħti widen għall-Kelma li mbagħad jista’ jsir ħabbar tagħha”.[179] Fil-Kelma ta’ Alla mxandra u mismugħa u fis-Sagramenti, Ġesù llum ilissen, hawn u issa, lil kull wieħed u waħda minna: “Jiena tiegħek, ningħata għalik”; biex il-bniedem jista’ jilqgħu u jwieġbu, u min-naħa tiegħu jgħidlu: “Jiena tiegħek”.[180] Hekk il-Knisja tidher bħala l-post li fih bi grazzja nistgħu nagħmlu esperjenza ta’ dak li jirrakkonta l-Prologu ta’ Ġwanni: “Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:12).

 

Il-Liturġija, post ipprivileġġjat tal-Kelma ta’ Alla

 

Il-Kelma ta’ Alla fil-Liturġija mqaddsa

52. Aħna u nqisu lill-Knisja bħala “dar il-Kelma”,[181] jeħtieġ qabelxejn nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq il-Liturġija mqaddsa. Fil-fatt dan hu l-post ipprivileġġjat fejn Alla jkellimna fil-preżent tal-ħajja tagħna, ikellem illum lill-poplu tiegħu, li jagħti widen u jwieġeb. Kull azzjoni liturġika hi min-naħa tagħha stess mgħaddsa fl-Iskrittura Mqaddsa. Kif tafferma l-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, “il-Kotba Mqaddsa huma ta’ importanza l-iżjed kbira fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija. Għaliex minnhom jinqraw il-lezzjonijiet li jitfissru fl-omelija u jitkantaw is-salmi; it-talbiet, il-kolletti u l-innijiet liturġiċi jittieħdu mill-ispirtu u n-nebħ tagħhom; u minnhom jieħdu tifsira l-għemejjel u s-simboli liturġiċi”.[182] Iktar minn hekk, irridu ngħidu li Kristu nnifsu “huwa preżenti fil-kelma tiegħu għaliex ikun hu nnifsu li jitkellem meta fil-Knisja jinqraw il-Kotba Mqaddsa”.[183] Fil-fatt, “iċ-ċelebrazzjoni liturġika ssir it-tħabbira kontinwa sħiħa u qawwija tal-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma ta’ Alla, imħabbra bla waqfien fil-Liturġija, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, issir ħajja u qawwija u turi dik l-imħabba tal-Missier li taħdem fina l-bnedmin u li qatt ma tonqos mill-qawwa kollha tagħha”.[184] Fil-fatt, il-Knisja dejjem uriet li taf li fl-azzjoni liturġika l-Kelma ta’ Alla hi msieħba mill-azzjoni qawwija tal-Ispirtu s-Santu li jagħmel li taħdem fil-qalb tal-fidili. Fir-realtà, hu grazzi għall-Paraklitu li “l-Kelma ta’ Alla ssir il-pedament taċ-ċelebrazzjoni liturġika u regola u għajnuna tal-ħajja kollha. Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu… fil-qalb ta’ kull Nisrani tnebbaħ dak li tħabbar fix-xandir tal-Kelma ta’ Alla lix-xirka kollha tal-Insara, u waqt li ssaħħaħ ir-rabta bejn kulħadd, tqawwi l-ħafna kariżmi u tkabbar il-ħafna ħidmiet tal-membri”.[185]

 

Għalhekk, jeħtieġ nifhmu u ngħixu l-valur essenzjali tal-azzjoni liturġika biex nistgħu nifhmu l-Kelma ta’ Alla. F’ċertu sens, l-għarfien mimli fidi tal-Iskrittura Mqaddsa għandu dejjem ikollu l-liturġija bħala punt ta’ riferiment, għax hawn il-Kelma ta’ Alla hi ċċelebrata bħala kelma attwali u ħajja: “Il-Knisja bil-mod kif taqra u tfisser l-Iskrittura Mqaddsa, tagħmel kif kien jagħmel Kristu, li jħeġġiġna naraw fl-Iskrittura Mqaddsa kollha kemm hi l-‘illum’ tal-ġrajja kollha tiegħu”.[186]

 

Hawn tidher ukoll il-pedagoġija kollha għerf tal-Knisja li tħabbar u tisma’ l-Iskrittura Mqaddsa skont ir-ritmu tas-sena liturġika. Din il-firxa tal-Kelma ta’ Alla fuq iż-żmien isseħħ b’mod partikulari fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u fil-Liturġija tas-Sigħat. Fil-qalba ta’ kollox jilma l-Misteru tal-Għid, li miegħu jintrabtu l-misteri kollha ta’ Kristu u tal-istorja tas-salvazzjoni li jitwettqu llum b’mod sagramentali: “Waqt li b’dan il-mod tfakkar il-misteri tal-fidwa, hija [l-Knisja] turi lill-fidili l-għana tal-għemil li jsalva u tal-merti tal-Mulej hekk li b’xi mod tagħmilhom preżenti fiż-żminijiet kollha biex il-fidili jkunu f’rabta magħhom u jimtlew bil-grazzja tas-salvazzjoni”.[187] Għalhekk insejjaħ lir-Ragħajja tal-Knisja u lill-operaturi pastorali biex iħabirku ħalli l-fidili kollha jiġu edukati kif jiggustaw it-tifsira profonda tal-Kelma ta’ Alla li tinfirex matul is-sena fil-liturġija, u tikxef il-misteru fundamentali tal-fidi tagħna. Minn dan jiddipendi wkoll il-mod tajjeb ta’ kif nersqu lejn l-Iskrittura Mqaddsa.

 

L-Iskrittura Mqaddsa u s-Sagramenti

53. Meta ttratta t-tema tal-valur li għandha l-liturġija għall-għarfien tal-Kelma ta’ Alla, is-Sinodu tal-Isqfijiet ried jisħaq ukoll fuq ir-relazzjoni bejn l-Iskrittura Mqaddsa u l-azzjoni sagramentali. Illum iżjed minn qatt qabel jeħtieġ ninżlu iktar fil-fond tar-rabta bejn Kelma u Sagrament, kemm fl-azzjoni pastorali tal-Knisja u kemm fit-tiftix teoloġiku.[188] Bla dubju “l-Liturġija tal-Kelma hi element deċiżiv fiċ-ċelebrazzjoni ta’ kull sagrament tal-Knisja”;[189] madankollu fil-prassi pastorali l-fidili mhux dejjem jafu b’din ir-rabta u jifhmu l-għaqda li teżisti bejn il-ġest u l-kelma. Hu “dmir tas-saċerdoti u tad-djakni, fuq kollox meta jamministraw is-sagramenti, li jixħtu dawl fuq l-għaqda li Kelma u Sagrament isawru fil-ministeru tal-Knisja”.[190] Fil-fatt, fir-relazzjoni bejn Kelma u ġest sagramentali tidher f’għamla liturġika l-azzjoni ta’ Alla nnifsu fl-istorja permezz tal-karattru performattiv tal-Kelma nfisha. Fil-fatt, fl-istorja tas-salvazzjoni m’hemmx firda bejn dak li Alla jgħid u jagħmel; l-istess Kelma tiegħu hi ħajja u qawwija (ara Lhud 4:12), kif, fl-aħħar mill-aħħar, tindika l-istess tifsira tal-espressjoni Lhudija dabàr. Bl-istess mod, fl-azzjoni liturġika aħna ninsabu quddiem il-Kelma tiegħu li twettaq dak kollu li tgħid. Meta nedukaw lill-Poplu ta’ Alla jiskopri l-karattru performattiv tal-Kelma ta’ Alla fil-liturġija, inkunu ngħinuh ukoll jifhem kif jaħdem Alla fl-istorja tas-salvazzjoni u fl-istorja personali ta’ kull membru tiegħu.

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija

54. Dak li ġeneralment ngħidu dwar ir-relazzjoni bejn il-Kelma u s-Sagramenti jinżel aktar fil-fond meta nirriferu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Mill-bqija, l-għaqda qawwija bejn Kelma u Ewkaristija għandha għeruqha mniżżla fix-xhieda mill-Iskrittura stess (ara Ġw 6; Lq 24), jagħtu xhieda tagħha wkoll Missirijiet il-Knisja, u jikkonfermaha l-Konċilju Vatikan II.[191] Hawn naħsbu fid-diskors kbir ta’ Ġesù dwar il-ħobż tal-ħajja fis-sinagoga ta’ Kafarnahum (ara Ġw 6:22-69), li fl-isfond tiegħu għandu l-paragun bejn Mosè u Ġesù, bejn dak li tkellem wiċċ imb wiċċ ma’ Alla (ara 33:11) u dak li wriena lil Alla (ara Ġw 1:18). Fil-fatt, id-diskors fuq il-ħobż ifakkarna fid-don ta’ Alla, li Mosè kiseb għall-poplu tiegħu bil-manna fid-deżert u li fir-realtà huwa t-Torà, il-Kelma ta’ Alla li tgħajjex (ara Salm 119; Prov 9:5). Ġesù fil-persuna tiegħu jwassal għall-milja tagħha l-figura tal-qedem: “Il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja… Jiena hu l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:33-35). Hawn “il-Liġi saret persuna. Fil-laqgħa ma’ Ġesù aħna nitrejqu, biex ngħidu hekk, bl-istess Alla l-ħaj, nieklu tabilħaqq ‘il-ħobż tas-sema’”.[192] Fid-diskors ta’ Kafarnahum ninżlu iktar fil-fond tal-Prologu ta’ Ġwanni: jekk hemmhekk il-Lógos ta’ Alla jsir laħam, hawn dan il-laħam isir “ħobż” mogħti għall-ħajja tad-dinja (ara Ġw 6:51), u hekk jalludi għad-don li Ġesù kien se jagħmel tiegħu nnifsu fil-misteru tas-salib, ikkonfermat mill-istqarrija dwar demmu mogħti għalina biex “nixorbu” (ara Ġw 6:53). Hekk fil-misteru tal-Ewkaristija tidher liema hi l-vera manna, il-veru ħobż tas-sema: hu l-Lógos ta’ Alla li jsir laħam, li ta lilu nnifsu għalina fil-Misteru tal-Għid.

 

Ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws f’Luqa jgħinna nagħmlu riflessjoni oħra fuq ir-rabta bejn is-smigħ tal-Kelma u l-qsim tal-ħobż (ara Lq 24:13-35). Ġesù jmur jiltaqa’ magħhom l-għada tas-Sibt, jisma’ l-espressjonijiet tal-qalb maqtugħa tagħhom u, waqt li jsir sieħeb tagħhom fil-vjaġġ, “ifissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (24:27). Iż-żewġ dixxipli jibdew iħarsu b’mod ġdid lejn l-Iskrittura flimkien ma’ dan il-vjaġġatur misterjuż li bla ma qatt stennew jidher hekk familjari mal-ħajja tagħhom. Dak li seħħ f’dawk il-jiem ma jibqax jidher bħala falliment, imma bħala milja u bidu ġdid. Madankollu, lanqas dawn il-kelmiet donnhom ma kienu biżżejjed għaż-żewġ dixxipli. L-Evanġelju ta’ Luqa jgħidilna li “nfetħulhom għajnejhom u għarfuh” (24:31) biss meta Ġesù qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom, filwaqt li qabel “għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh” (24:16). Il-preżenza ta’ Ġesù, l-ewwel bil-kliem, imbagħad bil-ġest tal-qsim tal-ħobż, għamlitha possibbli għad-dixxipli li jagħrfuh, u issa huma jistgħu jerġgħu jħossu b’mod ġdid dak li kienu diġà għexu qabel flimkien miegħu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (24:32).

 

55. Minn dawn ir-rakkonti joħroġ kif l-Iskrittura nfisha torjentana biex nifhmu r-rabta li ma tinħallx tagħha mal-Ewkaristija. “Għalhekk jeħtieġ li nżommu dejjem quddiem għajnejna li l-Kelma ta’ Alla, li tinqara u titħabbar mill-Knisja fil-Liturġija, qisha twassal b’xi mod, bħallikieku għall-għan tagħha, għas-sagrifiċċju tal-patt, għall-ikla ta’ radd il-ħajr, jiġifieri għall-Ewkaristija”.[193] Kelma u Ewkaristija huma hekk ta’ xulxin li ma nistgħux nifhmuhom mingħajr xulxin: il-Kelma ta’ Alla ssir ġisem sagramentali fl-Ewkaristija. L-Ewkaristija tiftħilna moħħna għall-għerf tal-Iskrittura Mqaddsa, l-istess kif l-Iskrittura Mqaddsa min-naħa tagħha ddawwal u tfisser il-Misteru Ewkaristiku. Fil-fatt, mingħajr l-għarfien tal-preżenza reali tal-Mulej fl-Ewkaristija, l-għerf tal-Iskrittura jibqa’ mhux sħiħ. Għaldaqstant, “il-Knisja wriet dejjem l-istess venerazzjoni, u dejjem u kullimkien insistiet li tingħata l-istess venerazzjoni lill-Kelma ta’ Alla u l-misteru tal-Ewkaristija għalkemm ma tathomx l-istess qima. Il-Knisja dejjem u f’kull imkien riedet u wettqet dan meta, imqanqla mill-eżempju tal-Fundatur tagħha, qatt ma waqfet tiċċelebra l-misteru tiegħu tal-Għid, waqt li tinġabar f’xirka waħda ħa taqra ‘kulma hemm fl-Iskrittura fuqu’ (Lq 24:27), u twettaq il-misteru tas-salvazzjoni hija u tagħmel it-tifkira tal-Mulej u tiċċelebra s-sagramenti, li huma l-opra tal-fidwa”.[194]

 

Is-sagramentalità tal-Kelma

56. Issa li missejna mal-karattru performattiv tal-Kelma ta’ Alla fl-azzjoni sagramentali u l-approfondiment tar-relazzjoni bejn Kelma u Ewkaristija, jeħtieġ nixħtu ħarsitna wkoll fuq tema sinifikattiva, li ħarġet matul l-Assemblea tas-Sinodu, li hi s-sagramentalità tal-Kelma.[195] Dwar dan jiswa li nfakkru li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien irrifera għan-“natura sagramentali tar-Rivelazzjoni, u b’mod partikulari s-sinjal Ewkaristiku, li fih hemm rabta li ma tinħall qatt bejn il-verità u s-sinjal tagħha, u f’din ir-rabta nistgħu naraw kemm hu għoli dan il-misteru”.[196] Hawn nifhmu li fl-oriġni tas-sagramentalità tal-Kelma ta’ Alla hemm sewwasew il-Misteru tal-Inkarnazzjoni: “il-Verb sar bniedem” (Ġw 1:14), ir-realtà tal-misteru rivelat hi offruta lilna fil-“ġisem” tal-Iben. Il-Kelma ta’ Alla tista’ tinqara mill-fidi permezz tas-“sinjal” ta’ kliem u ta’ ġesti umani. Għalhekk, il-fidi tagħraf il-Verb ta’ Alla billi tilqa’ l-ġesti u l-kliem li bihom hu nnifsu jippreżenta ruħu lilna. Għalhekk ix-xefaq sagramentali tar-Rivelazzjoni juri l-modalità storika-salvifika li biha l-Verb ta’ Alla jidħol fiż-żmien u fl-ispazju, u hekk jidħol f’komunikazzjoni mal-bniedem, imsejjaħ biex jilqa’ d-don tiegħu bil-fidi.

 

Għalhekk is-sagramentalità tal-Kelma nistgħu nifhmuha f’analoġija għall-preżenza reali ta’ Kristu taħt l-ispeċi kkonsagrati tal-ħobż u tal-inbid.[197] Meta nersqu lejn l-altar u nieħdu sehem mill-ikla Ewkaristika, aħna nikkomunikaw tassew mal-ġisem u mad-demm ta’ Kristu. Ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjoni jitlob l-għarfien li huwa Kristu nnifsu li hu preżenti u li jdur lejna[198] biex nilqgħuh. Fuq l-imġiba li għandu jkollna kemm quddiem l-Ewkaristija, u kemm quddiem il-Kelma ta’ Alla, San Ġlormu jistqarr: “Aħna naqraw l-Iskrittura Mqaddsa. Jiena nemmen li l-Evanġelju huwa l-Ġisem ta’ Kristu; jiena nemmen li l-Iskrittura Mqaddsa hi t-tagħlim tiegħu. U meta huwa jgħid: Min ma jikolx ġismi u ma jixrobx demmi (Ġw 6:53), imqar jekk dawn il-kelmiet jistgħu jinftiehmu wkoll għall-Misteru [Ewkaristiku], madankollu l-ġisem ta’ Kristu u d-demm tiegħu huma tabilħaqq il-kelma tal-Iskrittura, tagħlim ta’ Alla. Meta nersqu lejn il-Misteru [Ewkaristiku], jekk taqa’ mqar fraka, inħossuna mitlufa. U meta nkunu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u tiġi msawba fuq widnejna l-Kelma ta’ Alla u l-ġisem ta’ Kristu u demmu, u moħħna jkun band’oħra, f’liema periklu kbir ma nkunux ninxteħtu?”.[199] Kristu, li hu tabilħaqq preżenti fl-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid, huwa preżenti, b’mod analogu, anki fil-Kelma mxandra fil-liturġija. Għalhekk, jekk ninżlu fil-fond tat-tifsira tas-sagramentalità tal-Kelma ta’ Alla, nistgħu nifhmu aħjar u b’mod iżjed magħqud il-misteru tar-Rivelazzjoni fi “ġrajjiet u kliem magħqudin sewwa flimkien”,[200] b’ġid għall-ħajja spiritwali tal-fidili u għall-azzjoni pastorali tal-Knisja.

 

L-Iskrittura Mqaddsa u l-Lezzjonarju

57. Is-Sinodu għafas qatigħ fuq ir-rabta bejn il-Kelma u l-Ewkaristija, u għalhekk ġustament ried ifakkar ukoll f’xi aspetti taċ-ċelebrazzjoni fejn jidħol il-qadi tal-Kelma. Irrid qabelxejn nirriferi għall-importanza tal-Lezzjonarju. Ir-riforma li ried il-Konċilju Vatikan II[201] tat il-frott tagħha għax minnha stagħna l-aċċess għall-Iskrittura Mqaddsa offruta b’mod kotran, fuq kollox fil-liturġija tal-Ħadd. Il-binja attwali, barra li tippreżenta ta’ spiss it-testi l-aktar importanti tal-Iskrittura, tgħinna nifhmu aħjar l-għaqda tal-pjan divin, permezz tal-korrelazzjoni bejn il-qari tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid, “li ċ-ċentru tagħha hu Kristu fit-tifkira tal-misteru tiegħu tal-Għid”.[202] Jibqgħu xi diffikultajiet biex nifhmu r-relazzjonijiet bejn il-qari taż-żewġ Testmenti, u dawn għandna nqisuhom fid-dawl tal-qari kanoniku, jew aħjar tal-għaqda intrinsika tal-Bibbja kollha. Hemm fejn tinħass il-ħtieġa, l-organi kompetenti jistgħu jieħdu ħsieb jippubblikaw sussidji li jiffaċilitaw biex nifhmu r-rabta bejn qari u ieħor propost mil-Lezzjonarju, li dejjem għandu jiġi mxandar kollu lill-ġemgħa liturġika, kif previst mil-liturġija tal-ġurnata. Problemi u diffikultajiet oħra li jinqalgħu għandha tiġi mgħarrfa bihom il-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti.

 

Barra minn hekk, ma rridux ninsew li l-Lezzjonarju attwali tar-rit Latin għandu wkoll sinifikat ekumeniku, għax jintuża u hu apprezzat ukoll minn konfessjonijiet li għadhom mhumiex f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika. Il-problema tal-Lezzjonarju fil-liturġiji tal-Knejjes Kattoliċi Orjentali hi waħda differenti, u s-Sinodu jitlob li “tiġi eżaminata b’mod awtorevoli”[203] skont it-tradizzjoni proprja u l-kompetenzi tal-Knejjes sui iuris u billi, anki hawn, wieħed iżomm quddiem għajnejh il-kuntest ekumeniku.

 

Ix-xandir tal-Kelma u l-ministeru tal-lettorat

58. Diġà l-Assemblea Sinodali dwar l-Ewkaristija talbet li jiġi kkurat iktar ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla.[204] Kif nafu, waqt li l-Evanġelju hu mxandar mis-saċerdot jew mid-djaknu, l-ewwel u t-tieni qari fit-tradizzjoni Latina jiġu mxandra mil-lettur imqabbad, raġel jew mara. Hawn nixtieq nitkellem f’isem il-Padri Sinodali li anki f’din iċ-ċirkustanza saħqu fuq il-ħtieġa li nikkuraw b’formazzjoni xierqa[205] t-tħaddim tal-munus ta’ lettur fiċ-ċelebrazzjoni liturġika[206] u b’mod partikulari l-ministeru tal-lettorat, li, bħala tali, fir-rit Latin, hu ministeru lajkali. Hemm bżonn li l-letturi mqabbda għal dan l-uffiċċju, imqar jekk ma jkunux ġew istitwiti, ikunu tabilħaqq idonji u mħejjija b’impenn. Din it-tħejjija għandha tkun kemm biblika u kemm liturġika, kif ukoll teknika: “It-tagħrif fuq l-Iskrittura għandu jwassal lil-lettur biex jifhem il-qari fil-kuntest proprju tiegħu, u jagħraf il-qofol tat-tħabbira li ġiet rivelata minn Alla fid-dawl tal-fidi. It-tagħrif dwar il-Liturġija jgħin lil-lettur ħa jagħraf it-tifsir u l-istruttura tal-Liturġija tal-Kelma u r-rabta li hemm bejn il-Liturġija tal-Kelma u l-Liturġija tal-Ewkaristija. It-tħejjija teknika twassal lil-lettur biex minn jum għal ieħor ikollu dejjem aktar ħila jaqra quddiem in-nies kemm bl-għajnuna tal-mikrofonu u kemm mingħajr l-għajnuna tiegħu”.[207]

 

L-importanza tal-omelija

59. “Hemm ukoll bosta suriet ta’ uffiċċji u ta’ dmirijiet dwar il-Kelma ta’ Alla, hekk li din jisimgħuha u jimmeditawha l-Insara kollha, imma jfissruha dawk biss li, permezz tal-ordinazzjoni sagra għandhom il-mandat li jgħallmu, jew dawk li ġie lilhom fdat dan il-ministeru,[208] jiġifieri l-Isqfijiet, il-presbiteri u d-djakni. Minn hawn nifhmu għaliex is-Sinodu ta dik l-attenzjoni kollha lis-suġġett tal-omelija. Diġà fl-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis, kont fakkart li “f’relazzjoni mal-importanza tal-Kelma ta’ Alla tidħol il-ħtieġa li ntejbu l-kwalità tal-omelija. Din fil-fatt ‘hi parti mill-azzjoni liturġika’, għandha tiswa biex tqajjem għarfien u siwi aktar sħaħ tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Insara”.[209] L-omelija hi t-twettiq tal-messaġġ tal-Iskrittura, b’mod li l-fidili jiġu megħjuna jiskopru l-preżenza u l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla f’ħajjithom illum. Hija għandha twassal għall-għarfien tal-misteru li qed jiġi ċċelebrat, tistieden għall-missjoni, tħejji l-ġemgħa għall-istqarrija tal-fidi, għat-talb universali u għal-Liturġija tal-Ewkaristija. Għalhekk, dawk li b’ministeru speċifiku huma magħżula għall-predikazzjoni għandu jkollhom tassew għal qalbhom dan id-dmir. Għandhom jevitaw omeliji ġeneriċi u astratti, li jdallmu s-sempliċità tal-Kelma ta’ Alla, kif ukoll żvijar bla siwi li jirriskja li aktar jiġbed l-attenzjoni fuq il-predikatur milli fuq il-qalba tal-messaġġ tal-Evanġelju. Għandu jkun ċar għall-fidili li dak li hu għal qalb il-predikatur hu li jurihom lil Kristu, li għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull omelija. Għalhekk hu meħtieġ li l-predikaturi jkunu f’familjarità u kuntatt kontinwu mat-test sagru;[210] iħejju l-omelija fil-meditazzjoni u fit-talb, biex jistgħu jippritkaw b’konvinzjoni u passjoni. L-Assemblea Sinodali talbet lill-predikaturi jżommu quddiem għajnejhom dawn il-mistoqsijiet: “X’qed jgħid il-qari li ġie mxandar? X’qed jgħid lili personalment? X’għandi ngħid lill-komunità, waqt li nżomm quddiem għajnejja l-qagħda konkreta tagħha?”.[211] Il-predikatur għandu jħalli “l-ewwel tisfida lilu dik il-Kelma ta’ Alla li ħa jxandar”,[212] għaliex, kif jgħid Santu Wistin, “bla dubju ma jagħtix frott min jipprietka minn barra l-kelma ta’ Alla u ma jismagħhiex fil-ġewwieni tiegħu”.[213] Wieħed għandu jieħu ħsieb b’attenzjoni partikulari l-omelija tal-Ħadd u tas-solennitajiet; imma lanqas għandu jittraskura li, fil-quddies cum populo ta’ matul il-ġimgħa, meta jkun possibbli, joffri riflessjonijiet qosra, li jixirqu lil dik is-sitwazzjoni, biex jgħin lill-fidili jilqgħu u jagħmlu l-frott mill-Kelma li jkunu semgħu.

 

Opportunità ta’ Direttorju omeletiku

60. Il-prietka tajba li tirriferi għal-Lezzjonarju hi tabilħaqq arti li għandha tiġi kkultivata. Għalhekk, f’kontinwità ma’ dak li talab is-Sinodu ta’ qabel dan,[214] nitlob lill-awtoritajiet kompetenti li, f’rabta mal-Kompendju Ewkaristiku,[215] jaħsbu wkoll f’għodod u sussidji xierqa biex jgħinu lill-ministri jiżvolġu dmirhom bl-aħjar mod, bħal ngħidu aħna Direttorju fuq l-omelija, biex il-predikaturi jistgħu jsibu fih għajnuna siewja biex jitħejjew fit-tħaddim tal-ministeru. Imbagħad, kif ifakkarna San Ġlormu, il-predikazzjoni għandha tkun imsieħba mix-xhieda tal-ħajja ta’ dak li jkun: “L-għemejjel tiegħek m’għandhomx igiddbu kliemek, biex ma jiġrix li, meta int tipprietka fil-knisja, xi ħadd bejnu u bejn ruħu jikkummenta: ‘Mela għaliex int ma timxix hekk?’… Fis-saċerdot ta’ Kristu l-ħsieb u l-kelma għandhom jaqblu”.[216]

 

Il-Kelma ta’ Alla, ir-Rikonċiljazzjoni u d-Dilka tal-Morda

61. Jekk fil-qalba tar-relazzjoni bejn il-Kelma ta’ Alla u s-Sagramenti hemm bla dubju ta’ xejn l-Ewkaristija, madankollu tajjeb nisħqu fuq l-importanza tal-Iskrittura Mqaddsa anki fis-Sagramenti l-oħra, b’mod partikulari dawk tal-fejqan: jew aħjar, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jew tal-Penitenza, u s-Sagrament tad-Dilka tal-Morda. Spiss nittraskuraw ir-riferiment għall-Iskrittura Mqaddsa f’dawn is-Sagramenti, meta din għandha tingħata l-ispazju li jixirqilha. Fil-fatt, ma rridu qatt ninsew li “l-Kelma ta’ Alla hi kelma ta’ rikonċiljazzjoni għax fiha Alla jerġa’ jħabbeb kollox miegħu (ara 2 Kor 5:18-20; Efes 1:10). Il-maħfra ħanina ta’ Alla, inkarnat f’Ġesù, terfa’ mill-ġdid lill-midneb”.[217] Il-Kelma ta’ Alla tagħti lil dak li jkun “dawl biex jagħraf dnubietu, u jissejjaħ għall-konverżjoni u jiġi mistieden biex jafda fil-ħniena ta’ Alla”.[218] Biex jista’ jinżel aktar fil-fond tal-qawwa rikonċiljatriċi li għandha l-Kelma ta’ Alla, tajjeb li kull penitent iħejji ruħu għall-qrar billi jimmedita silta adatta mill-Iskrittura Mqaddsa u jibda l-qrara permezz tal-qari jew is-smigħ ta’ twissija biblika, kif jipprevedi r-rit proprju. Biex juri l-indiema tiegħu, imbagħad, tajjeb li l-penitent juża “talba magħmula minn kliem meħud mill-Kotba Mqaddsa”,[219] prevista mir-rit. Meta hu possibbli, tajjeb ukoll li, b’mumenti partikulari tas-sena jew meta tiġi l-opportunità, il-qrara individwali ta’ aktar minn penitent wieħed issir fi ħdan ċelebrazzjonijiet penitenzjali, kif previst mir-ritwal, b’rispett lejn id-diversi tradizzjonijiet liturġiċi, fejn tista’ titħalla biżżejjed wisa’ għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma bl-użu ta’ qari apposta.

 

Anki fejn jidħol is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, ma ninsewx li “l-qawwa ta’ fejqan li għandha l-Kelma ta’ Alla hi sejħa ħajja għal konverżjoni personali kontinwa fl-istess semmiegħ tagħha”.[220] L-Iskrittura Mqaddsa fiha għadd ta’ paġni li fihom Alla jfarraġ, iwieżen u jfejjaq. B’mod partikulari niftakru fil-qrubija ta’ Ġesù lejn min kien qed ibati u li hu nnifsu, il-Verb ta’ Alla inkarnat, tgħabba bl-uġigħ tagħna u bata għall-imħabba tal-bnedmin, u hekk ta tifsira lill-mard u lill-mewt. Tajjeb li fil-parroċċi u fuq kollox fl-isptarijiet jiġi ċċelebrat, skont iċ-ċirkustanzi, is-Sagrament tal-Morda f’għamla komunitarja. F’dawn l-okkażjonijiet jixraq li tingħata wisa’ biżżejjed liċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma u l-fidili morda jiġu megħjuna jgħixu bil-fidi l-qagħda ta’ tbatija tagħhom, f’għaqda mas-Sagrifiċċju feddej ta’ Kristu li jeħlisna mill-ħażen.

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Liturġija tas-Sigħat

62. Fost l-għamliet ta’ talb li jgħollu lill-Iskrittura Mqaddsa hemm bla dubju ta’ xejn il-Liturġija tas-Sigħat. Il-Padri Sinodali affermaw li din hi “għamla pprivileġġjata ta’ smigħ tal-Kelma ta’ Alla għax tqiegħed lill-fidili f’kuntatt mal-Iskrittura Mqaddsa u mat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja”.[221] Qabelxejn irridu nfakkru fid-dinjità profonda teoloġika u ekkleżjali ta’ din it-talba. Fil-fatt, “fil-Liturġija tas-Sigħat il-Knisja taqdi l-uffiċċju saċerdotali tar-Ras tagħha u toffri ‘bla heda’ (1 Tess 5:17) lil Alla s-sagrifiċċju ta’ tifħir, jiġifieri l-‘qima ta’ xufftejna li jistqarru ismu’ (ara Lhud 13:15). Din it-talba hija ‘leħen l-Għarusa hija u titkellem mal-Għarus tagħha, anzi hija t-talba li Kristu nnifsu flimkien mal-Ġisem tiegħu jagħmel lill-Missier’”.[222] Il-Konċilju Vatikan II dwar dan kien qal hekk: “Dawk kollha li jgħidu din it-talba jkunu fl-istess waqt qegħdin jagħmlu d-dmir tal-Knisja u jieħdu sehem mill-ġieħ l-aktar kbir tal-Għarusa ta’ Kristu, għax meta jfaħħru lill-Mulej ikunu qegħdin quddiem it-tron ta’ Alla f’isem il-Knisja Omm”.[223] Fil-Liturġija tas-Sigħat, bħala talba pubblika tal-Knisja, jidher l-ideal Nisrani ta’ tqaddis tal-jum kollu kemm hu, bir-ritmu tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u tat-talb tas-salmi, hekk li kull ħidma ssib il-punt ta’ riferiment tagħha fil-ġieħ li jingħata lil Alla.

 

Dawk li minħabba l-istat proprju ta’ ħajjithom huma obbligati jitolbu l-Liturġija tas-Sigħat għandhom jgħixu b’fedeltà dan l-impenn għall-ġid tal-Knisja kollha. L-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni aspiranti għas-saċerdozju, li rċivew mill-Knisja l-mandat li jiċċelebrawha, għandhom l-obbligu li jwettqu ta’ kuljum is-Sigħat kollha.[224] Dwar l-obbligu ta’ din il-liturġija fil-Knejjes Kattoliċi Orjentali sui iuris, dawn għandhom isegwu dak li hu indikat mid-dritt tagħhom.[225] Barra minn hekk, inħeġġeġ lill-komunitajiet ta’ ħajja kkonsagrata biex ikunu eżemplari fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, biex tkun punt ta’ riferiment u ta’ ispirazzjoni għall-ħajja spiritwali u pastorali tal-Knisja kollha.

 

Is-Sinodu esprima x-xewqa li tixtered iżjed fost il-Poplu ta’ Alla din l-għamla ta’ talb, speċjament it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u l-Għasar. Dan ma jistax ma jżidx fost il-fidili l-familjarità mal-Kelma ta’ Alla. Ta’ min jisħaq ukoll fuq il-valur tal-Liturġija tas-Sigħat prevista għall-Ewwel Għasar tal-Ħadd u tas-Solennitajiet, b’mod partikulari għall-Knejjes Kattoliċi Orjentali. Għal dan il-għan nirrakkomanda li, fejn ikun possibbli, il-parroċċi u l-komunitajiet ta’ ħajja reliġjuża jiffavorixxu din it-talba bis-sehem tal-fidili.

 

Il-Kelma ta’ Alla u Ktieb il-Barkiet

63. Anki fl-użu ta’ Ktieb il-Barkiet għandha tingħata attenzjoni għall-ispazju previst għax-xandir, is-smigħ u t-tifsir tal-Kelma ta’ Alla, permezz ta’ twiddib qasir. Fil-fatt, il-ġest tal-barka, fil-każi previsti mill-Knisja u meta mitlub mill-fidili, m’għandux jiġi iżolat għalih waħdu, imma jkun fil-kuntest tal-ħajja liturġika kollha tal-Poplu ta’ Alla. F’dan is-sens il-barka hi veru sinjal qaddis li “jikseb it-tifsir u l-qawwa tiegħu mit-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla”.[226] Għalhekk, importanti ninqdew ukoll b’dawn iċ-ċirkustanzi biex nerġgħu nqanqlu fil-fidili l-ġuħ u l-għatx għal kull kelma li toħroġ minn fomm Alla (ara Mt 4:4).

 

Suġġerimenti u proposti konkreti għall-animazzjoni liturġika

64. Wara li rajna xi elementi fundamentali tar-relazzjoni bejn liturġija u Kelma ta’ Alla, nixtieq issa niġbor fil-qosor u nivvalorizza xi proposti u suġġerimenti rrakkomandati mill-Padri Sinodali biex ngħinu lill-Poplu ta’ Alla jidħol dejjem f’familjarità ikbar mal-Kelma ta’ Alla fil-qafas tal-azzjonijiet liturġiċi jew inkella b’xi mod marbuta magħhom.

 

a) Ċelebrazzjonijiet tal-Kelma ta’ Alla

65. Il-Padri Sinodali sejħu lir-Ragħajja kollha biex ixerrdu iżjed fil-komunitajiet fdati f’idejhom il-mumenti ta’ ċelebrazzjoni tal-Kelma:[227] huma okkażjonijiet ipprivileġġjati ta’ laqgħa mal-Mulej. Għalhekk, prassi bħal din ma tistax ma tagħmilx ġid kbir lill-fidili u għandha titqies bħala element importanti tal-pastorali liturġika. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jassumu rilevanza partikulari bi tħejjija għall-Ewkaristija tal-Ħadd, hekk li dawk li jemmnu jkollhom il-possibbiltà li jgħarrxu iktar qalb l-għana tal-Lezzjonarju biex jimmeditaw u jitolbu bl-Iskrittura Mqaddsa, fuq kollox fiż-żminijiet liturġiċi qawwija, l-Avvent u l-Milied, ir-Randan u l-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla mbagħad hi rrakkomandata bil-kbir f’dawk il-komunitajiet fejn, minħabba fin-nuqqas ta’ saċerdoti, ma jkunx possibbli li jiġi ċċelebrat is-Sagrifiċċju Ewkaristiku fil-jiem tal-preċett festiv. Fid-dawl tal-indikazzjonijiet diġà espressi fl-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis dwar l-assemblej tal-Ħadd fin-nuqqas ta’ saċerdot,[228] nirrakkomanda li jiġu mfassla mill-awtoritajiet kompetenti tad-direttorji ritwali, biex jingħata aktar valur lill-esperjenza tal-Knejjes partikulari. Hekk, f’dawn is-sitwazzjonijiet, ikun hemm il-possibbiltà li jsiru ċelebrazzjonijiet tal-Kelma li jgħinu l-fidi ta’ dawk li jemmnu, imma jevitaw li dawn jiġu mħallta maċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi; “pjuttost għandhom ikunu okkażjonijiet ipprivileġġjati ta’ talb lil Alla biex jibgħat saċerdoti qaddisa skont il-qalb tiegħu”.[229]

 

Barra minn hekk, il-Padri Sinodali stiednu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla anki fl-okkażjoni ta’ pellegrinaġġi, festi partikulari, missjonijiet għall-poplu, irtiri spiritwali u jiem speċjali ta’ penitenza, tpattija u maħfra. F’dak li għandu x’jaqsam mal-bosta xejriet ta’ pjetà popolari, imqar jekk dawn mhumiex atti liturġiċi u m’għandhomx jiġu mħallta maċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, madankollu tajjeb li jkunu mnebbħin minnhom u fuq kollox jagħmlu biżżejjed wisa’ għax-xandir u għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla; fil-fatt, “fil-kelma biblika l-pjetà popolari ssib għajn bla tarf ta’ ispirazzjoni, l-aħjar mudelli ta’ talb u proposti tematiċi għammiela”.[230]

 

b) Il-Kelma u s-skiet

66. Mhux wieħed jew tnejn kienu l-interventi tal-Padri Sinodali li saħqu fuq il-valur tas-skiet f’rabta mal-Kelma ta’ Alla u mal-mod kif għandha tiġi milqugħa fil-ħajja tal-fidili.[231] Fil-fatt, il-kelma tista’ tiġi mlissna u mismugħa biss fis-skiet, kemm minn barra u kemm minn ġewwa. Iż-żminijiet tagħna ma tantx jgħinu għall-ġabra u xi drabi l-impressjoni hi li kważi nibżgħu ninqatgħu, imqar għal waqt wieħed biss, mill-għodda ta’ komunikazzjoni tal-massa. Għalhekk illum jeħtieġ nedukaw lill-Poplu ta’ Alla fil-valur tas-skiet. Li niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja jfisser ukoll niskopru mill-ġdid is-sens tal-ġabra u tal-ħemda interjuri. It-tradizzjoni kbira Patristika tgħallimna li l-misteri ta’ Kristu huma marbuta mas-skiet[232] u fih biss il-Kelma tista’ ssib fina għamara, kif seħħ f’Marija, mara li fiha l-Kelma u s-skiet kienu ħaġa waħda. Il-liturġiji tagħna għandhom jiffaċilitaw dan is-smigħ awtentiku: Verbo crescente, verba deficiunt.[233]

 

Dan il-valur jilma b’mod partikulari fil-Liturġija tal-Kelma, li “ċ-ċelebrazzjoni tagħha għandha tgħin il-meditazzjoni”.[234] Is-skiet, meta previst, għandu jitqies “parti miċ-ċelebrazzjoni”.[235] Għalhekk, insejjaħ lir-Ragħajja biex iħeġġu l-mumenti ta’ ġabra, li permezz tagħhom, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, il-Kelma ta’ Alla tiġi milqugħa fil-qlub.

 

ċ) Ix-xandir solenni tal-Kelma ta’ Alla

67. Suġġeriment ieħor li ħareġ mis-Sinodu kien li, speċjalment fil-festi liturġiċi li jixirqilhom, nissollennizzaw ix-xandir tal-Kelma, l-aktar tal-Evanġelju, billi jintuża l-Evanġelarju, li jinġarr proċessjonalment fir-riti tal-bidu u mbagħad jittieħed fuq l-ambone mid-djaknu jew minn saċerdot fejn jiġi mxandar. Hekk il-Poplu ta’ Alla jiġi megħjun jagħraf li “l-qari tal-Evanġelju hu l-qofol tal-Liturġija tal-Kelma”.[236] Skont l-indikazzjonijiet li hemm fl-Ordni għall-Qari tal-Quddiesa, tajjeb nagħtu l-valur li jistħoqqlu lix-xandir tal-Kelma ta’ Alla permezz tal-kant, b’mod partikulari tal-Evanġelju, speċjalment f’solennitajiet determinati. It-tislima, it-tħabbira tal-bidu: “Qari mill-Evanġelju…” u dik tal-aħħar “Il-Kelma tal-Mulej” ikun aħjar jekk jingħadu bil-kant biex tiġi enfasizzata l-importanza ta’ dak li jinqara.[237]

 

d) Il-Kelma ta’ Alla fit-tempju Nisrani

68. Biex ngħinu aktar fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla ma rridux inwarrbu fil-ġenb dawk il-mezzi li jistgħu jgħinu iktar l-attenzjoni tal-fidili. F’dan is-sens hemm bżonn li fil-binjiet qaddisa ma nittraskuraw qatt l-akustika, f’rispett lejn in-normi liturġiċi u arkitettoniċi. “L-isqfijiet, megħjuna kif imiss, fil-bini tal-knejjes għandhom jaraw li dawn ikunu mkejjen adatti għax-xandir tal-Kelma, għall-meditazzjoni u għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Imqar barra mill-azzjoni liturġika, l-ispazji sagri għandhom ikunu elokwenti, biex jistgħu jippreżentaw il-misteru Nisrani f’rabta mal-Kelma ta’ Alla”.[238] Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ambone, bħala post liturġiku li minnu tiġi mxandra l-Kelma ta’ Alla. Dan għandu jkun fejn jidher sew, li bla ħafna sforz żejjed jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-fidili matul il-Liturġija tal-Kelma. Tajjeb li dan ikun fiss, imsawwar minn element skultorju f’armonija estetika mal-altar, biex jirrappreżenta wkoll b’mod viżiv it-tifsira teoloġika tal-mejda doppja tal-Kelma u tal-Ewkaristija. Mill-ambone jixxandar il-qari, is-salm responsorjali u l-Prekonju tal-Għid; minnu wkoll jistgħu jsiru l-omelija u t-talbiet tal-fidili.[239]

 

Barra dan, il-Padri Sinodali jissuġġerixxu li fil-knejjes ikun hemm post speċjali fejn titqiegħed l-Iskrittura Mqaddsa anki barra miċ-ċelebrazzjoni.[240] Fil-fatt, tajjeb li l-ktieb bil-Kelma ta’ Alla jkollu post li jidher u ta’ ġieħ fit-tempju Nisrani, mingħajr, imma, ma jneħħi xejn miċ-ċentralità li jixraqlu t-tabernaklu bis-Santissmu Sagrament.[241]

 

e) L-esklussività tat-testi bibliċi fil-Liturġija

69. Is-Sinodu saħaq ukoll bil-qawwa dak li diġà hu stabbilit min-norma liturġika tal-Knisja,[242] li l-qari meħud mill-Iskrittura Mqaddsa m’għandhom qatt jeħdulu postu testi oħra, ikunu kemm ikunu sinifikattivi mill-perspettiva pastorali jew spiritwali: “L-ebda test ta’ spiritwalità jew ta’ letteratura ma jista’ jilħaq il-valur u l-għana li fiha l-Iskrittura Mqaddsa li hi Kelma ta’ Alla”.[243] Din hi dispożizzjoni antika tal-Knisja li għandha tinżamm.[244] Quddiem ċerti abbużi, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien diġà fakkar fl-importanza li ma nibdlu l-Iskrittura Mqaddsa mal-ebda qari ieħor.[245] Infakkru li anki s-Salm Responsorjali huwa Kelma ta’ Alla, li biha nwieġbu għal leħen il-Mulej, u għalhekk m’għandhom qatt jeħdulu postu testi oħra; waqt li hu opportun sew li jiġi kantat.

 

f) Kant liturġiku mnebbaħ mill-Bibbja

70. Fil-qasam tal-valorizzazzjoni tal-Kelma ta’ Alla tul iċ-ċelebrazzjoni liturġika għandna nżommu f’moħħna wkoll il-kant fil-mumenti previsti mill-istess rit, bi preferenza għal dak b’ispirazzjoni biblika ċara li jista’ jesprimi, permezz tal-fehma waħda fil-kliem u l-mużika, il-ġmiel tal-Kelma divina. F’dan is-sens tajjeb nagħtu valur lil dak il-kant li t-tradizzjoni tal-Knisja għaddietilna u li jirrispetta dan il-kriterju. Taħbat ma’ moħħi b’mod partikulari l-importanza tal-kant Gregorjan.[246]

 

ġ) Attenzjoni partikulari għal dawk neqsin mis-smigħ u mill-vista

71. F’dan il-kuntest nixtieq infakkar ukoll li s-Sinodu rrakkomanda attenzjoni partikulari għal dawk li minħabba fil-kundizzjonijiet tagħhom għandhom problemi biex jieħdu sehem attiv fil-liturġija, bħal ngħidu aħna dawk neqsin mis-smigħ u mill-vista. Sakemm hu possibbli, inħeġġeġ lill-komunitajiet Insara biex jaħsbu għal strumenti xierqa biex jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-aħwa li qed ibatu minn din id-diffikultà, biex anki lilhom tingħata l-possibbiltà li jkollhom kuntatt ħaj mal-Kelma tal-Mulej.[247]

 

Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja

 

Il-laqgħa mal-Kelma ta’ Alla fl-Iskrittura Mqaddsa

72. Jekk hu minnu li l-Liturġija hija l-post ipprivileġġjat għax-xandir, is-smigħ u ċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, daqshekk ieħor hu minnu li din il-laqgħa għandha tiġi mħejjija fil-qlub tal-fidili u fuq kollox jinżlu fil-fond tagħha u jagħmluha tagħhom. Fil-fatt, il-ħajja Nisranija hi kkaratterizzata essenzjalment mil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu li jsejħilna biex nimxu warajh. Għalhekk is-Sinodu tal-Isqfijiet kemm-il darba tenna l-importanza tal-ħidma pastorali fil-komunitajiet Insara bħala qasam proprju li fiha għandha ssir mixja personali u komunitarja mal-Kelma ta’ Alla, hekk li din tkun tabilħaqq il-pedament tal-ħajja spiritwali. Flimkien mal-Padri Sinodali nesprimi x-xewqa sħiħa tiegħi li jwarrad “staġun ġdid ta’ mħabba ikbar għall-Iskrittura Mqaddsa min-naħa tal-membri kollha tal-Poplu ta’ Alla, biex hekk mill-qari tagħha fit-talb u b’fedeltà tul iż-żmien huma jistgħu jinżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni tagħhom mal-istess persuna ta’ Ġesù”.[248]

 

Fl-istorja tal-Knisja ma naqsux rakkomandazzjonijiet min-naħa tal-qaddisin dwar kemm hu meħtieġ li nkunu nafu l-Iskrittura biex nistgħu nikbru fl-imħabba ta’ Kristu. Dan hu partikularment evidenti fil-Padri tal-Knisja. San Ġlormu, “namrat” kbir tal-Kelma ta’ Alla, kien iħobb jistaqsi: “Kif jista’ wieħed jgħix mingħajr l-għerf tal-Iskrittura, li permezz tagħha jitgħallem isir jaf lil Kristu nnifsu, li hu l-ħajja ta’ kull min jemmen?”.[249] Kien jaf tajjeb li l-Bibbja hi l-istrument “li bih ta’ kuljum Alla jkellem lil dawk li jemmnu”.[250] Hekk, lil Leta, mara Rumana ta’ ċerta influwenza, hu jagħtiha dan il-parir għall-edukazzjoni ta’ bintha: “Ara li hi ta’ kuljum tistudja xi silta mill-Iskrittura… Wara t-talb jiġi l-qari, wara l-qari t-talb… Flok il-ġawhar u l-ilbies tal-ħarir, ħa tħobb il-Kotba divini”.[251] Jgħodd għalina dak li għal darb’oħra San Ġlormu kiteb lis-saċerdot Nepozjanu: “Aqra ta’ spiss il-Kitbiet divini; anzi, qatt tħalli minn idejk il-Ktieb Imqaddes. Tgħallem minnu għalik dak li int għandek tgħallem lil oħrajn”.[252] Fuq l-eżempju tal-kbir qaddis, li ddedika ħajtu għall-istudju tal-Bibbja u li ta lill-Knisja t-traduzzjoni tagħha għal-Latin, l-hekk imsejħa Vulgata, u tal-qaddisin kollha, li qiegħdu fiċ-ċentru tal-ħajja spiritwali tagħhom il-laqgħa ma’ Kristu, ejjew inġeddu l-impenn tagħna li ninżlu fil-fond tal-Kelma li Alla ta lill-Knisja; hekk nistgħu naslu għal dak il-“livell għoli ta’ ħajja Nisranija ordinarja”,[253] li ħeġġiġna għalih il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-bidu tat-tielet millennju tal-Kristjaneżmu, li jixrob il-ħin kollu mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.

 

L-animazzjoni biblika tal-ħidma pastorali

73. F’din il-linja, is-Sinodu stieden għal impenn pastorali partikulari biex jidher iżjed il-post ċentrali tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja, u rrakkomanda li “nżidu l-‘pastorali biblika’ mhux maġenb xejriet oħra ta’ ħidma pastorali, imma bħala animazzjoni biblika tal-ħidma pastorali kollha.[254] Mela, hawn m’aħniex nitkellmu fuq li nżidu xi laqgħa jew tnejn oħra fil-parroċċa jew fid-djoċesi, imma li naraw li fil-ħidmiet tas-soltu tal-komunitajiet Insara, fil-parroċċi, fl-għaqdiet u fil-movimenti, ikollna tassew għal qalbna l-laqgħa personali ma’ Kristu li jasal għandna fil-Kelma tiegħu. F’dan is-sens, billi “min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu”,[255] l-animazzjoni biblika tal-pastorali ordinarja u straordinarja kollha tista’ twassal għal għarfien ikbar tal-persuna ta’ Kristu, Rivelatur tal-Missier u milja tar-Rivelazzjoni divina.

 

Għalhekk, insejjaħ lir-Ragħajja u l-fidili biex iżommu quddiem għajnejhom l-importanza ta’ din l-animazzjoni: dan ikun ukoll l-aħjar mod kif naffrontaw ċerti problemi pastorali li ħarġu tul l-Assemblea Sinodali marbuta, ngħidu aħna, mat-tifrix ta’ setet, li qed ixerrdu qari mgħawweġ u qarrieq tal-Iskrittura Mqaddsa. Fejn ma jiġux iffurmati l-fidili għal għarfien tal-Bibbja skont il-fidi tal-Knisja fin-nixxiegħa tat-Tradizzjoni ħajja tagħha, fil-verità nkunu qed inħallu vojt pastorali fejn realtajiet bħas-setet jistgħu jsibu ħamrija fejn iniżżlu l-għeruq tagħhom. Għalhekk hu meħtieġ ukoll li nipprovdu tħejjija xierqa lis-saċerdoti u l-lajċi li jistgħu jgħallmu lill-Poplu ta’ Alla l-mod ġenwin kif jieħdu f’idejhom l-Iskrittura.

 

Barra minn hekk, kif ħareġ tul il-ħidmiet Sinodali, tajjeb li fil-ħidma pastorali niffavorixxu wkoll it-tixrid ta’ komunitajiet żgħar, “iffurmati minn familji jew b’għeruqhom fil-parroċċi jew marbuta mad-diversi movimenti ekkleżjali u komunitajiet ġodda”,[256] fejn nistgħu nippromovu l-formazzjoni, it-talb u l-għarfien tal-Bibbja skont il-fidi tal-Knisja.

 

Id-dimensjoni biblika tal-katekeżi

74. Mument importanti tal-animazzjoni pastorali tal-Knisja li fih tista’ tiskopri mill-ġdid u b’mod għaref iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla huwa l-katekeżi, li fid-diversi bixriet u fażijiet tagħha għandha dejjem issieħeb lill-Poplu ta’ Alla. Il-laqgħa tad-dixxipli ta’ Għemmaws ma’ Ġesù, imfissra lilna mill-evanġelista Luqa (ara Lq 24:13-35), f’ċertu sens hi bħal mudell ta’ katekeżi li fiċ-ċentru tagħha hemm it-“tifsir tal-Iskrittura”, li Kristu biss jista’ jagħti (ara Lq 24:27-28), billi juri li hu l-istess milja tagħha.[257] Hekk tinbet mill-ġdid it-tama li hi aqwa minn kull telfa, li tibdel lil dawk id-dixxipli f’xhieda konvinti u kredibbli tal-Irxoxt.

 

Fid-Direttorju Ġenerali għall-Katekeżi nsibu indikazzjonijiet validi biex nanimaw biblikament il-katekeżi, u nħeġġiġkom tassew biex taqrawhom.[258] F’din iċ-ċirkustanza nixtieq fuq kollox nisħaq li l-katekeżi “għandha tkun imxappa u maħkuma mill-ħsieb, mill-ispirtu u mill-atteġġjamenti bibliċi u evanġeliċi permezz ta’ kuntatt assidwu ma’ dawn l-istess testi; imma rridu wkoll infakkru li l-katekeżi tkun iżjed għanja u effikaċi, aktar ma taqra t-testi bl-intelliġenza u l-qalb tal-Knisja”,[259] u aktar ma tħalli tnebbaħha r-riflessjoni u l-ħajja bimillenarja tal-Knisja nfisha. Għalhekk għandha tħeġġeġ l-għarfien tal-figuri, tal-ġrajjiet u tal-espressjonijiet fundamentali tat-test sagru; għal dan il-għan, tista’ tgħin ukoll memorizzazzjoni intelliġenti ta’ xi siltiet bibliċi partikularment elokwenti tal-misteri Nsara. Il-ħidma kateketika dejjem titlob li wieħed jersaq lejn l-Iskrittura fil-fidi u fit-Tradizzjoni tal-Knisja, hekk li dawk il-kelmiet jiġu milqugħa bħala ħaġa ħajja, kif ħaj huwa Kristu llum kull fejn tnejn jew tlieta jinġabru f’ismu (ara Mt 18:20). Hi għandha twassal b’mod ħaj l-istorja tas-salvazzjoni u l-kontenut tal-fidi tal-Knisja, biex kull fidil jista’ jagħraf kif għal dik l-istorja tappartieni wkoll il-ġrajja personali tiegħu.

 

F’din il-perspettiva importanti nagħfsu fuq ir-rabta bejn l-Iskrittura Mqaddsa u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, kif afferma d-Direttorju Ġenerali għall-Katekeżi: “Fil-fatt, l-Iskrittura Mqaddsa bħala ‘kelma ta’ Alla miktuba taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu’, u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li hu espressjoni relevanti għal-lum tat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, u norma żgura għat-tagħlim tal-fidi, huma msejħa, kull wieħed bil-mod tiegħu u skont l-awtorità speċifika tiegħu, biex jagħmlu aktar għammiela l-katekeżi fil-Knisja llum”.[260]

 

Il-formazzjoni biblika tal-Insara

75. Biex jintlaħaq l-iskop li awgura s-Sinodu li l-ħidma pastorali tal-Knisja jkollha karattru bibliku ikbar, hemm bżonn ta’ formazzjoni xierqa tal-Insara u, b’mod partikulari, tal-katekisti. F’dan il-qasam, hemm bżonn nagħtu attenzjoni lill-appostolat bibliku, metodu pjuttost validu biex nistgħu nilħqu dan il-għan, kif turi l-istess esperjenza ekkleżjali. Barra minn hekk, il-Padri Sinodali rrakkomandaw li, possibbilment permezz tal-valorizzazzjoni ta’ strutturi akkademiċi li diġà jeżistu, jitwaqqfu ċentri ta’ formazzjoni għal-lajċi u għall-missjunarji, fejn jitgħallmu jifhmu, jgħixu u jħabbru l-Kelma ta’ Alla, u fejn, jekk tinħass il-ħtieġa, jissawru istituti speċjalizzati fl-istudji bibliċi biex l-eseġeti jkollhom għarfien teoloġiku sod u sensibbiltà li taqbel mal-kuntesti tal-missjoni tagħhom.[261]

 

L-Iskrittura Mqaddsa fil-laqgħat kbar ekkleżjali

76. Fost l-għadd ta’ inizjattivi li jistgħu jittieħdu, is-Sinodu jissuġġerixxi li fil-laqgħat, kemm fuq livell djoċesan u kemm nazzjonali jew internazzjonali, issir enfasi ikbar fuq l-importanza tal-Kelma ta’ Alla, tas-smigħ tagħha u tal-qari tal-Bibbja fi spirtu ta’ fidi u talb. Għalhekk, fil-Kungressi Ewkaristiċi, nazzjonali u internazzjonali, fil-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ u f’laqgħat oħra, tkun ħaġa tabilħaqq tajba li jinstab aktar spazju għal ċelebrazzjonijiet tal-Kelma u għal mumenti ta’ formazzjoni ta’ xejra biblika.[262]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-vokazzjonijiet

77. Is-Sinodu, meta saħaq fuq l-esiġenza intrinsika li għandha l-fidi li tinżel iktar fil-fond tar-relazzjoni ma’ Kristu, il-Kelma ta’ Alla fostna, ried juri wkoll il-fatt li din il-Kelma ssejjaħ lil kull wieħed u waħda minna b’mod personali, u hekk turi li l-ħajja nfisha hi vokazzjoni f’relazzjoni ma’ Alla. Dan ifisser li iktar ma nidħlu fil-qalba tar-relazzjoni personali tagħna mal-Mulej Ġesù, iktar nintebħu li hu qed isejħilna għall-qdusija, permezz ta’ għażliet definittivi, li biha ħajjitna twieġeb għal imħabbtu, u tassumi ħidmiet u ministeri biex tibni lill-Knisja. F’dan ix-xefaq nistgħu nifhmu iktar l-istediniet tas-Sinodu lill-Insara kollha biex jinżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni tagħhom mal-Kelma ta’ Alla bħala mgħammdin, imma anki bħala msejħin biex jgħixu skont id-diversi stati ta’ ħajjithom. Hawn qed immissu wieħed mill-punti kardinali tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II li għafas fuq il-vokazzjoni għall-qdusija ta’ kull fidil, kull wieħed fl-istat partikulari tal-ħajja tiegħu.[263] Huwa fl-Iskrittura Mqaddsa li nsibu rrivelata l-vokazzjoni tagħna għall-qdusija: “Għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin” (Lev 11:44; 19:2; 20:7). Imbagħad San Pawl juri l-għeruq Kristoloġiċi tagħha: fi Kristu, il-Missier “għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Efes 1:4). Hekk nistgħu nisimgħu indirizzata lil kull wieħed u waħda minna t-tislima tiegħu lill-aħwa tal-komunità ta’ Ruma: “Lill-maħbubin kollha ta’ Alla msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu” (Rum 1:7).

 

a) Il-Kelma ta’ Alla u l-Ministri ordnati

78. Qabelxejn, indur issa lejn il-Ministri ordnati tal-Knisja u nfakkarhom f’dak li qal is-Sinodu: “Il-Kelma ta’ Alla hi indispensabbli biex issawwar il-qalb ta’ ragħaj tajjeb u ministru tal-Kelma”.[264] Isqfijiet, presbiteri u djakni ma jistgħu bl-ebda mod jaħsbu li jistgħu jgħixu l-vokazzjoni u l-missjoni tagħhom mingħajr impenn deċiżiv u mġedded ta’ tqaddis li jsib fil-kuntatt mal-Bibbja wieħed mill-pilastri tiegħu.

 

79. Għal dawk li huma msejħa għall-episkopat, u huma l-ewwel u l-aktar ħabbara awtorevoli tal-Kelma, nixtieq intenni dak li stqarr il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores gregis. Biex il-ħajja spiritwali tista’ ssib l-ikel meħtieġ u tikber, l-Isqof għandu dejjem iqiegħed “fl-ewwel post, il-qari u l-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla. Kull Isqof għandu dejjem jafda ruħu u jħossu fdat ‘f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu’ (Atti 20:32). Mela, qabel ma jkun dak li jgħaddi l-Kelma, l-Isqof, flimkien mas-saċerdoti tiegħu u bħal kull fidil, anzi bħall-Knisja nfisha, għandu jkun semmiegħ tal-Kelma. Hu għandu jgħammar ‘fil’-Kelma, biex iħalliha tħarsu u titimgħu kif jagħmel ġuf ta’ omm”.[265] Bħal Marija, Virgo audiens u Sultana tal-Appostli, lill-aħwa kollha fl-episkopat nirrakkomanda l-qari personali ta’ spiss u l-istudju assidwu tal-Iskrittura Mqaddsa.

 

80. Anki fejn jidħlu s-saċerdoti nixtieq infakkar fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, li fl-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores dabo vobis fakkar li “s-saċerdot hu qabelxejn ministru tal-Kelma ta’ Alla: ġie kkonsagrat u mibgħut ixandar lil kulħadd il-Bxara t-Tajba tas-Saltna, u jsejjaħ kull bniedem għall-ubbidjenza tal-fidi u jwassal lil dawk li jemmnu għall-għarfien u għal xirka dejjem aqwa mal-misteru ta’ Alla, irrivelat u mwassal lilna minn Kristu. Għalhekk is-saċerdot innifsu jrid ikun dejjem aktar personalment midħla tal-Kelma ta’ Alla; mhux biżżejjed li jkun intiż mill-problemi lingwistiċi u eseġetiċi tal-Iskrittura, għalkemm dan żgur meħtieġ, iżda jeħtieġlu jersaq lejn il-Kelma ta’ Alla b’qalb doċli u fi spirtu ta’ talb, biex din il-Kelma tidħol fil-fond ta’ ħsibijietu, tas-sentimenti tiegħu u toħloq fih mentalità ġdida ‘il-ħsieb ta’ Kristu’ (1 Kor 2:16)”.[266] Għalhekk, kliemu, l-għażliet tiegħu u l-atteġġjamenti tiegħu għandhom ikunu dejjem iżjed mera, tħabbira u xhieda tal-Evanġelju; “biss jekk is-saċerdot ‘jibqa’’ fil-Kelma, isir dixxiplu tal-Mulej, jagħraf il-verità u jkun tassew ħieles”.[267]

 

Bla dubju, is-sejħa għas-saċerdozju titlob minnhom li huma jkunu mqaddsa “fil-verità”. Ġesù nnifsu jesprimi din l-esiġenza għad-dixxipli tiegħu: “Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja” (Ġw 17:17-18). Id-dixxipli jiġu f’ċertu sens “miġbudin fil-ġewwieni ta’ Alla billi jiġu mgħaddsa fil-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma ta’ Alla hi, biex ngħidu hekk, dak li jsaffihom, il-qawwa ħallieqa li tibdilhom biex isiru ta’ Alla”.[268] U billi Kristu nnifsu hu l-Kelma ta’ Alla li saret laħam (Ġw 1:14), hu l-Verità” (Ġw 14:6), allura t-talba ta’ Ġesù lill-Missier “Qaddishom permezz tal-verità” fil-fond tagħha tfisser: “Agħmilhom ħaġa waħda miegħi, Kristu. Orbothom miegħi. Iġbidhom ġewwa fija. U fil-fatt jeżisti saċerdot wieħed tal-Patt il-Ġdid, Ġesù Kristu nnifsu”.[269] Għalhekk hemm bżonn li s-saċerdoti jġeddu dejjem iżjed bil-qawwa l-għarfien tagħhom ta’ din ir-realtà.

 

81. Nixtieq nirriferi għall-post li għandha l-Kelma ta’ Alla wkoll fil-ħajja ta’ dawk li huma msejħa għad-djakonat, mhux biss bħala grad qabel l-ordni tal-presbiterat, imma bħala servizz permanenti. Id-Direttorju għad-Djakonat Permanenti jafferma li “mill-identità teoloġika tad-djaknu joħorġu b’mod ċar il-linji għall-ispiritwalità speċifika tiegħu, li tippreżenta ruħha essenzjalment bħala spiritwalità tal-qadi. Il-mudell per eċċellenza hu Kristu l-qaddej, li għex kollu kemm hu għall-qadi ta’ Alla, għall-ġid tal-bnedmin”.[270] F’din il-perspettiva nistgħu nifhmu kif, fil-bosta dimensjonijiet tal-ministeru djakonali, “element li jikkaratterizza l-ispiritwalità djakonali hu l-Kelma ta’ Alla, li tagħha d-djaknu hu msejjaħ ikun ħabbar awtorevoli, billi jemmen dak li jxandar, jgħallem dak li jemmen, u jgħix dak li jgħallem”.[271] Għaldaqstant, nirrakkomanda li d-djakni jrawmu f’ħajjithom qari bil-fidi tal-Iskrittura Mqaddsa msaħħaħ mill-istudju u t-talb. Ħa jsiru familjari mal-Iskrittura Mqaddsa u mal-interpretazzjoni tajba tagħha; mar-rabta bejn Skrittura u Tradizzjoni; b’mod partikulari mal-użu tal-Iskrittura fil-predikazzjoni, fil-katekeżi u fil-ħidma pastorali b’mod ġenerali.[272]

 

b) Il-Kelma ta’ Alla u l-kandidati għall-Ordni Sagri

82. Is-Sinodu ta importanza partikulari lir-rwol deċiżiv tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja spiritwali tal-kandidati għas-saċerdozju ministerjali: “Il-kandidati għas-saċerdozju għandhom jitgħallmu jħobbu l-Kelma ta’ Alla. Ħa tkun mela l-Iskrittura r-ruħ tal-formazzjoni teoloġika tagħhom, b’enfasi fuq ir-rabta indispensabbli bejn eseġesi, teoloġija, spiritwalità u missjoni”.[273] L-aspiranti għas-saċerdozju ministerjali huma msejħa għal relazzjoni personali profonda mal-Kelma ta’ Alla, b’mod partikulari fil-lectio divina, għax minn din ir-relazzjoni tikber l-istess vokazzjoni: huwa fid-dawl u bil-qawwa tal-Kelma ta’ Alla li wieħed jista’ jiskopri, jifhem, iħobb u jimxi t-triq tal-vokazzjoni tiegħu u jwettaq il-missjoni tiegħu, waqt li jseddaq f’qalbu l-ħsibijiet dwar Alla, biex hekk il-fidi, bħala tweġiba għall-Kelma, issir il-kriterju ġdid ta’ ġudizzju u ta’ valutazzjoni tal-bnedmin u tal-ħwejjeġ, tal-ġrajjiet u tal-problemi.[274]

 

Din l-attenzjoni għall-qari tal-Iskrittura fi spirtu ta’ talb bl-ebda mod m’għandha ġġib xi dikotomija fl-istudju eseġetiku li jitlob iż-żmien tal-formazzjoni. Is-Sinodu rrakkomanda li s-seminaristi jiġu megħjuna konkretement jaraw ir-relazzjoni bejn l-istudju bibliku u t-talb bl-Iskrittura. L-istudju tal-Iskrittura għandu jagħtihom għarfien ikbar tal-misteru tar-rivelazzjoni divina u jkattar fihom atteġġjament ta’ tweġiba fit-talb għall-Mulej li jitkellem. Min-naħa l-oħra, anki ħajja awtentika ta’ talb ma tistax ħlief tkabbar fil-qalb tal-kandidat ix-xewqa li jagħraf dejjem iżjed lil Alla li wera ruħu fil-Kelma tiegħu bħala mħabba bla tarf. Għalhekk għandna noqogħdu b’seba’ għajnejn biex fil-ħajja tas-seminaristi nikkultivaw din ir-reċiproċità bejn studju u talb. Għal dan il-għan, jiswa li l-kandidati jiġu introdotti għal studju tal-Iskrittura Mqaddsa permezz ta’ metodi li jġibu ’l quddiem din il-viżjoni integrali.

 

ċ) Il-Kelma ta’ Alla u l-ħajja kkonsagrata

83. F’rabta mal-ħajja kkonsagrata s-Sinodu fakkar qabelxejn li din “titwieled mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u tilqa’ l-Evanġelju bħala n-norma tal-ħajja tagħha”.[275] Hekk, il-ħajja tad-dixxipulat wara Kristu kast, fqir u ubbidjenti hi “‘eseġesi’ ħajja tal-Kelma ta’ Alla”.[276] L-Ispirtu s-Santu, li bil-qawwa tiegħu nkitbet il-Bibbja, hu l-istess wieħed li jdawwal “b’dawl ġdid il-Kelma ta’ Alla lill-fundaturi. Minnha nixxiet kull kariżma u tagħha kull regola trid tkun espressjoni”,[277] hija u tagħti bidu għal toroq ta’ ħajja Nisranija mmarkati mir-radikalità tal-Evanġelju.

 

Nixtieq infakkar li t-tradizzjoni kbira monastika dejjem kellha bħala fattur kostituttiv tal-ispiritwalità tagħha l-meditazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa, b’mod partikulari fl-għamla tal-lectio divina. Illum ukoll, ir-realtajiet qodma u ġodda ta’ konsagrazzjoni speċjali huma msejħin ikunu skejjel veri ta’ ħajja spiritwali li fihom naqraw l-Evanġelju skont l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja, b’tali mod li l-Poplu kollu ta’ Alla jista’ jibbenefika. Għalhekk, is-Sinodu jirrakkomanda li ma tonqos qatt fil-komunitajiet ta’ ħajja kkonsagrata formazzjoni soda għall-qari tal-Bibbja bil-fidi.[278]

 

Nixtieq għal darb’oħra ntenni l-attenzjoni u l-gratitudni li s-Sinodu esprima għax-xejriet ta’ ħajja kontemplattiva li b’kariżma speċifika tagħhom jiddedikaw ħafna mill-ħin tal-jiem tagħhom biex jimitaw lil Omm Alla li kienet timmedita ta’ spiss il-kliem u l-għemejjel ta’ Binha (ara Lq 2:19,51), u lil Marija ta’ Betanja li, mixħuta f’riġlejn il-Mulej, kienet tisma’ l-kelma tiegħu (ara Lq 10:38). Ħsiebi jmur b’mod partikulari fuq il-monaċi u s-sorijiet tal-klawsura, li, maqtugħin mid-dinja, huma magħquda b’mod l-aktar intimu ma’ Kristu, il-qalb tad-dinja. Il-Knisja iktar minn qatt qabel teħtieġ ix-xhieda ta’ min iħabrek biex ma jippreferi xejn għall-imħabba ta’ Kristu”.[279] Id-dinja tal-lum spiss hi mitlufa fl-attivitajiet esterjuri li fihom tirriskja li tintilef. Il-kontemplattivi, bil-ħajja tagħhom ta’ talb, ta’ smigħ u ta’ meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, ifakkruna li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla (ara Mt 4:4). Għalhekk, il-fidili kollha għandhom iżommu tajjeb quddiem għajnejhom li għamla ta’ ħajja bħal din “turi lid-dinja tal-lum dak li huwa l-iżjed importanti, mija fil-mija, l-unika ħaġa deċiżiva: hemm raġuni aħħarija li hi ta’ min jgħix għaliha, jiġifieri, Alla u l-misteru tal-imħabba tiegħu”.[280]

 

d) Il-Kelma ta’ Alla u l-fidili lajċi

84. Is-Sinodu kemm-il darba xeħet ħarstu fuq il-fidili lajċi u raddilhom ħajr għall-impenn ġeneruż tagħhom fit-tixrid tal-Evanġelju fid-diversi oqsma tal-ħajja ta’ kuljum, fuq ix-xogħol, fl-iskola, fil-familja u fl-edukazzjoni.[281] Din il-missjoni, li toħroġ mill-Magħmudija, għandha ssib l-iżvilupp tagħha f’ħajja Nisranija dejjem iżjed konxja u fi grad li tagħti “l-għala tat-tama” li hemm fina (ara 1 Pt 3:15). Ġesù fl-Evanġelju ta’ Mattew jindika li “l-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna” (13:38). Dawn il-kelmiet jiswew b’mod partikulari għal-lajċi Nsara, li jgħixu l-vokazzjoni tagħhom għall-qdusija b’ħajja skont l-Ispirtu li jesprimi ruħu “b’mod speċjali huma u jimpenjaw ruħhom fil-ħwejjeġ tad-dinja u jissieħbu fl-attivitajiet ta’ din l-art.[282] Huma jeħtieġ li jkunu ffurmati biex jiddixxernu r-rieda ta’ Alla permezz ta’ familjarità mal-Kelma ta’ Alla, moqrija u studjata fil-Knisja, taħt il-gwida ta’ Ragħajja leġittimi. Jistgħu jiksbu din il-formazzjoni fl-iskejjel tal-ispiritwalitajiet ekkleżjali l-kbar li fl-għeruq tagħhom hemm dejjem l-Iskrittura Mqaddsa. Skont il-possibbiltajiet, id-djoċesijiet infushom għandhom joffru opportunitajiet ta’ formazzjoni f’dan is-sens għal lajċi b’responsabbiltajiet partikulari fil-Knisja.[283]

 

e) Il-Kelma ta’ Alla, iż-żwieġ u l-familja

85. Is-Sinodu wissa dwar il-ħtieġa li nagħfsu anki fuq ir-rabta bejn il-Kelma ta’ Alla, iż-żwieġ u l-familja Nisranija. Fil-fatt, “bit-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla, il-Knisja turi lill-familja Nisranija x’inhi l-identità tagħha, jiġifieri twassalha tagħraf dak li tassew hi u li għandha tkun, skont il-pjan ta’ Alla”.[284] Għalhekk, m’għandna qatt ninsew li l-Kelma ta’ Alla qiegħda fil-bidu taż-żwieġ (ara Ġen 2:24) u li Ġesù nnifsu ried jinkludi ż-żwieġ fost l-istituzzjonijiet tas-Saltna tiegħu (ara Mt 19:4-8), meta għolla għal sagrament dak li sa mill-bidu kien miktub fin-natura umana. “Fiċ-ċelebrazzjoni sagramentali r-raġel u l-mara jlissnu kelma profetika ta’ għotja lil xulxin, li huma ‘ġisem wieħed’, sinjal tal-misteru tal-għaqda ta’ Kristu u tal-Knisja (ara Efes 5:31-32)”.[285] Il-fedeltà għall-Kelma ta’ Alla twassal ukoll biex turi li din l-istituzzjoni llum f’ħafna aspetti tinsab taħt l-attakk tal-mentalità ta’ żmienna. Quddiem id-diżordni mifrux tar-relazzjonijiet u l-qawmien ta’ mentalitajiet li jibbanalizzaw il-ġisem uman u d-differenza sesswali, il-Kelma ta’ Alla terġa’ tisħaq fuq it-tjieba oriġinali tal-bniedem, maħluq raġel u mara u msejjaħ għall-imħabba fidila, reċiproka u għammiela.

 

Mill-misteru kbir taż-żwieġ toħroġ ir-responsabbiltà tal-ġenituri għal uliedhom li ma jistgħux jaħarbu minnha. Fil-fatt il-paternità u maternità awtentika għandhom id-dmir li jgħaddu u jagħtu xhieda tas-sens tal-ħajja fi Kristu: permezz tal-fedeltà u l-għaqda tal-ħajja tal-familja l-miżżewġin huma quddiem uliedhom l-ewwel ħabbara tal-Kelma ta’ Alla. Il-komunità ekkleżjali għandha tweżinhom u tgħinhom jiżviluppaw it-talb fil-familja, is-smigħ tal-Kelma, l-għarfien tal-Bibbja. Għalhekk is-Sinodu jawgura li kull dar ikollha l-Bibbja tagħha u tieħu ħsiebha b’mod dinjituż, biex tista’ taqraha u tużaha għat-talb. L-għajnuna meħtieġa tista’ tingħata minn saċerdoti, djakni jew minn lajċi mħejjija tajjeb. Is-Sinodu rrakkomanda wkoll il-formazzjoni ta’ komunitajiet ċkejkna ta’ familji fejn jiġu kkultivati t-talb u l-meditazzjoni komuni ta’ siltiet adatti tal-Iskrittura.[286] Imbagħad, il-miżżewġin għandhom jiftakru li “l-Kelma ta’ Alla hi għajnuna prezzjuża wkoll fid-diffikultajiet tal-ħajja konjugali u tal-familja”.[287]

 

F’dan id-dawl, nixtieq ukoll infakkar dak li s-Sinodu rrakkomanda dwar il-missjoni tan-nisa f’relazzjoni mal-Kelma ta’ Alla. Il-kontribut tal-“ġenju femminili”, kif kien iħobb isejjaħlu l-Papa Ġwanni Pawlu II,[288] lill-għarfien tal-Iskrittura u lill-ħajja kollha tal-Knisja, illum huwa wisq usa’ milli fl-imgħoddi u issa jolqot ukoll il-qasam tal-istess studji bibliċi. Is-Sinodu waqaf b’mod speċjali fuq ir-rwol indispensabbli tan-nisa fil-familja, fl-edukazzjoni, fil-katekeżi u fit-trażmissjoni tal-valuri. Fil-fatt, huma “jafu jqanqlu s-smigħ tal-Kelma, ir-relazzjoni personali ma’ Alla u jikkomunikaw is-sens tal-maħfra u tal-qsim evanġeliku”,[289] kif ukoll huma dawk li jġorru l-imħabba, għalliema tal-ħniena u bennejja tal-paċi, komunikaturi tal-ħlewwa u l-umanità f’dinja li spiss tiżen il-persuni bi kriterji kiesħa ta’ sfruttament u profitt.

 

Il-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fi spirtu ta’ talb u l-“lectio divina”

86. Is-Sinodu kemm-il darba saħaq fuq kemm hu meħtieġ li wieħed jaqra t-test sagru fi spirtu ta’ talb, element fundamentali tal-ħajja spiritwali ta’ kull min jemmen, fid-diversi ministeri u stati ta’ ħajja, b’riferiment partikulari għal-lectio divina.[290] Fil-fatt, il-Kelma ta’ Alla qiegħda fil-bażi ta’ kull spiritwalità Nisranija awtentika. F’dan il-Padri Sinodali kienu f’sintonija ma’ dak li tafferma l-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum: “Jersqu għalhekk bil-qalb lejn il-Kotba Mqaddsa sew fil-Liturġija mqaddsa mogħnija bil-kelma ta’ Alla, sew permezz tal-qari devot, sew permezz ta’ inizjattivi addattati għal dan l-iskop jew għajnuniet oħra li, bl-approvazzjoni u bl-appoġġ tal-Isqfijiet qegħdin illum, b’mod ta’ min ifaħħru, joktru u jixterdu kullimkien. Imma għandhom jiftakru li l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa għandu jkollu miegħu wkoll it-talb”.[291] Ir-riflessjoni tal-Konċilju riedet taqbad mill-ġdid f’idejha t-tradizzjoni kbira Patristika li dejjem irrakkomandat li nersqu lejn l-Iskrittura fid-djalogu ma’ Alla. Kif jgħid Santu Wistin: “It-talba tiegħek hija l-kelma li tgħid lil Alla. Meta taqra, huwa Alla li jkellmek; meta titlob, huwa int li tkellem lil Alla”.[292] Oriġene, wieħed mill-imgħallma f’dan il-qari tal-Bibbja, jisħaq li l-intelliġenza tal-Iskrittura, iktar milli l-istudju, titlob l-intimità ma’ Kristu u t-talb. Fil-fatt, hu konvint li t-triq ipprivileġġjata biex insiru nafu lil Alla hija l-imħabba, u li ma nistgħux naslu għal scientia Christi awtentika jekk ma ninnamrawx miegħu. Fl-Ittra lil Girgor, it-teologu kbir ta’ Lixandra jirrakkomanda: “Agħti ruħek għal-lectio tal-Iskrittura Mqaddsa; aħdem għal dan b’perseveranza. Ħabrek fil-lectio bil-fehma li temmen u togħġob lil Alla. Jekk fil-lectio ssib ruħek quddiem bieb magħluq, ħabbat u jiftaħhulek dak il-ħarries, li dwaru Ġesù qal: ‘Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ’. Int u tħabrek hekk għal-lectio divina, fittex b’lealtà u fiduċja sħiħa f’Alla t-tifsira tal-Iskrittura Mqaddsa, li fiha hu jinħeba fil-wisa’. Imma m’għandekx tikkuntenta ruħek li tħabbat u li tfittex biss: biex tifhem il-ħwejjeġ ta’ Alla bilfors għandek bżonn tat-talb. Sewwasew biex iħeġġiġna għal dan, il-Feddej mhux biss qalilna: ‘Fittxu u ssibu’, u ‘Ħabbtu u jiftħulkom’, imma żied jgħid: ‘Itolbu u taqilgħu’”.[293]

 

Madankollu, f’dan il-każ, jeħtieġ nevitaw ir-riskju ta’ perspettiva individwalistika, u nżommu f’moħħna li l-Kelma ta’ Alla hi mogħtija lilna proprju biex nibnu l-komunjoni, biex nixxierku fil-Verità fil-mixja tagħna lejn Alla. Hija Kelma indirizzata lil kull wieħed u waħda minna b’mod personali, imma hija wkoll Kelma li tibni l-komunitajiet, li tibni lill-Knisja. Għalhekk, it-test sagru għandna dejjem nersqu lejh fil-komunjoni ekkleżjali. Fil-fatt, “huwa importanti ħafna l-qari komunitarju, għax is-suġġett ħaj tal-Iskrittura Mqaddsa huwa l-Poplu ta’ Alla, hija l-Knisja… l-Iskrittura mhix xi ħaġa tal-imgħoddi, għax is-suġġett tagħha, il-Poplu ta’ Alla ispirat minn Alla nnifsu, hu dejjem l-istess, u għalhekk il-Kelma hi dejjem ħajja fis-suġġett ħaj. Għalhekk huwa importanti li naqraw l-Iskrittura Mqaddsa u nisimgħu l-Iskrittura Mqaddsa fil-komunjoni tal-Knisja, jiġifieri max-xhieda kollha l-kbar ta’ din il-Kelma, ibda l-ewwel u qabelxejn mill-Missirijiet sal-qaddisin ta’ żmienna, u asal fil-Maġisteru tal-lum”.[294]

 

Għalhekk, fil-qari tal-Iskrittura fit-talb il-post ipprivileġġjat huwa l-liturġija, b’mod partikulari l-Ewkaristija, li fiha, aħna u niċċelebraw il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fis-Sagrament, titwettaq fostna l-Kelma nfisha. F’ċertu sens il-qari fi spirtu ta’ talb, personali u komunitarju, għandna ngħixuh dejjem f’relazzjoni maċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Kif l-adorazzjoni Ewkaristika tħejji, issieħeb u tissokta wara l-liturġija tal-Ewkaristija,[295] hekk il-qari fi spirtu ta’ talb, personali u komunitarju, iħejji, isieħeb u jinżel aktar fil-fond ta’ dak li l-Knisja tiċċelebra bix-xandir tal-Kelma fil-qasam liturġiku. Meta nqiegħdu f’rabta hekk mill-qrib lectio u liturġija, nistgħu nifhmu aħjar il-kriterji li għandhom idawlu dan il-qari fil-kuntest tal-pastorali u tal-ħajja spiritwali tal-Poplu ta’ Alla.

 

87. Fid-dokumenti li tħejjew qabel u sieħbu s-Sinodu ntqal ħafna fuq id-diversi metodi biex nistgħu nersqu lejn l-Iskrittura Mqaddsa bil-fidi u b’mod li jħalli l-frott. Madankollu, l-ikbar attenzjoni ngħatat lil-lectio divina, li tassew “għandha l-ħila li tiftaħ għall-fidili t-teżor tal-Kelma ta’ Alla, imma anki li ġġib fis-seħħ il-laqgħa ma’ Kristu, kelma divina ħajja”.[296] Nixtieq hawn fil-qosor infakkar fit-tappi fundamentali tagħha: hi tiftaħ bil-qari (lectio) tat-test, li jwassal għall-mistoqsija dwar l-għarfien awtentiku tal-kontenut tiegħu: x’qed jgħid it-test bibliku fih innifsu? Mingħajr dan il-mument inkunu nirriskjaw li t-test isir biss pretest biex ma ninqalgħu qatt mill-ħsibijiet tagħna. Imbagħad tiġi l-meditazzjoni (meditatio) li fiha l-mistoqsija hi: x’qed jgħid it-test bibliku lilna? Hawnhekk, kull wieħed u waħda personalment, imma anki bħala realtà komunitarja, għandu jħalli xi jmissu u jisfidah, għax m’aħniex nittrattaw kelmiet imlissna fl-imgħoddi, imma fil-preżent. Wara dan, naslu għall-mument tat-talb (oratio) li jitlob il-mistoqsija: x’se ngħidulu aħna lill-Mulej bi tweġiba għall-Kelma tiegħu? It-talb bħala petizzjoni, interċessjoni, radd il-ħajr u tifħir, huwa l-ewwel mod li bih il-Kelma tibdilna. Fl-aħħar, il-lectio divina tagħlaq bil-kontemplazzjoni (contemplatio) li tulha aħna nilqgħu bħala don ta’ Alla l-istess ħarsa tiegħu biex niżnu r-realtà u nistaqsu lilna nfusna: liema konverżjoni tal-ħsieb, tal-qalb u tal-ħajja qed jitlob minna l-Mulej? San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jgħidilna: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (12:2). Fil-fatt, il-kontemplazzjoni normalment toħloq fina viżjoni kollha għerf tar-realtà, skont Alla, u ssawwar fina l-ħsieb ta’ Kristu” (1 Kor 2:16). Il-Kelma ta’ Alla hawn tippreżenta ruħha bħala kriterju ta’ dixxerniment; hija “ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12). Imbagħad tajjeb infakkru li l-lectio divina fid-dinamika kollha tagħha ma tagħlaqx qabel ma tasal għall-azzjoni (actio), li ċċaqlaq il-ħajja kollha ta’ min jemmen u ssir don għall-oħrajn fil-karità.

 

Dawn it-tarġiet insibuhom miġbura mill-ġdid fil-qosor u bl-ogħla mod fil-figura tal-Omm ta’ Alla. Xempju għal kull fidil ta’ kif wieħed għandu jilqa’ bil-ħlewwa l-Kelma divina, hija “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19; ara 2:51), kienet taf issib l-għoqda b’saħħitha li torbot ġrajjiet, għemejjel u ħwejjeġ, li minn barra jidhru maqtugħa minn xulxin, fil-pjan kbir divin.[297]

 

Barra minn dan, nixtieq infakkar dak li rrakkomanda s-Sinodu dwar l-importanza tal-qari personali tal-Iskrittura anki bħala prattika li tipprevedi l-possibbiltà, skont id-dispożizzjonijiet tas-soltu tal-Knisja, li wieħed jikseb l-indulġenza għalih innifsu jew għall-mejtin.[298] Il-prattika tal-indulġenza[299] timplika d-duttrina tal-merti infiniti ta’ Kristu, li l-Knisja, bħala ministru tal-fidwa, tqassam u tapplika, imma timplika wkoll dik tax-xirka tal-qaddisin u tgħidilna “kemm aħna marbuta b’rabta qawwija fi Kristu u ma’ xulxin u kemm il-ħajja sopranaturali ta’ kull wieħed u waħda minna tista’ tagħmel ġid lill-oħrajn”.[300] F’din il-perspettiva, il-qari tal-Kelma ta’ Alla jweżinna fil-mixja ta’ penitenza u ta’ konverżjoni, jgħinna ninżlu iktar fil-fond tas-sens ta’ appartenenza għall-Knisja, u jseddaqna f’familjarità ikbar ma’ Alla. Kif qal Sant’Ambroġ: “Meta, bil-fidi, naqbdu f’idejna l-Iskrittura Mqaddsa u naqrawha mal-Knisja, mill-ġdid nippassiġġaw ma’ Alla fil-Ġnien”.[301]

 

Il-Kelma ta’ Alla u t-talb Marjan

88. Konxju mir-rabta li ma tinħallx bejn il-Kelma ta’ Alla u Marija ta’ Nazaret, flimkien mal-Padri Sinodali nagħmel stedina biex fost il-fidili, fuq kollox fil-ħajja tal-familja, nippromovu t-talbiet Marjani bħala għajnuna biex nimmeditaw il-misteri mqaddsa li tirrakkonta l-Iskrittura. Għodda siewja ħafna, ngħidu aħna, hi r-reċita personali jew komunitarja tar-Rużarju Mqaddes,[302] li flimkien ma’ Marija terġa’ lura fuq il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu[303] u li l-Papa Ġwanni Pawlu II ried jagħni bil-Misteri tad-Dawl.[304] Ikun f’loku li t-tħabbira ta’ kull misteru tkun imsieħba minn siltiet qosra mill-Bibbja marbuta mal-misteru mħabbar, biex wieħed ikun jista’ jżomm f’moħħu xi espressjonijiet sinifikattivi tal-Iskrittura f’rabta mal-misteri tal-ħajja ta’ Kristu.

 

Is-Sinodu barra minn hekk irrakkomanda wkoll li nippromovu fost il-fidili r-reċita tat-talba tal-Angelus Domini. Hi talba sempliċi u profonda li tgħinna “niftakru ta’ kuljum fil-Verb Inkarnat”.[305] Jixraq li l-Poplu ta’ Alla, il-familji u l-komunitajiet ta’ persuni kkonsagrati jkunu fidili lejn din it-talba Marjana, li t-tradizzjoni tistedinna nitolbu biha ma’ sbiħ il-jum, f’nofsinhar u ma’ nżul ix-xemx. Fit-talba tal-Angelus Domini nitolbu lil Alla biex għall-interċessjoni ta’ Marija jingħata lilna wkoll li, bħalha, inwettqu r-rieda ta’ Alla u nilqgħu fina l-Kelma tiegħu. Din il-prattika tista’ tgħinna nsaħħu mħabba awtentika lejn il-Misteru tal-Inkarnazzjoni.

 

Jixirqilhom li jiġu magħrufa, apprezzati u mxerrda wkoll xi talbiet qodma tal-Lvant Nisrani, li permezz ta’ riferiment għat-Theotokos, għal Omm Alla, iżuru l-istorja kollha tas-salvazzjoni. Qed nirriferi b’mod partikulari għall-Akáthistos u għall-Paráklesis. Huma innijiet ta’ tifħir kantati f’għamla litanika, imxappa fil-fidi tal-Knisja u b’riferimenti bibliċi, li jgħinu lill-fidili jimmeditaw flimkien ma’ Marija l-misteri ta’ Kristu. B’mod partikulari, l-innu meqjum lil Omm Alla, imsejjaħ Akáthistos jiġifieri kantat bilwieqfa –, jirrappreżenta waħda mill-ogħla espressjonijiet ta’ devozzjoni Marjana tat-tradizzjoni Biżantina.[306] Meta titlob b’dawn il-kelmiet, ir-ruħ titwessa’ u tkun aktar lesta biex tilqa’ s-sliem li jiġi mill-għoli, minn Alla, dak is-sliem li hu Kristu nnifsu, imwieled minn Marija għas-salvazzjoni tagħna.

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-Art Imqaddsa

89. Meta tiftakar fil-Verb ta’ Alla li jitlaħħam fil-ġuf ta’ Marija ta’ Nazaret, il-qalb tagħna issa ddur lejn dik l-Art li fiha twettaq il-misteru tal-fidwa tagħna u li minnha l-Kelma ta’ Alla xterdet sat-trufijiet tal-art. Fil-fatt, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, il-Verb tlaħħam f’mument preċiż u f’post determinat, fi strixxa ta’ art fit-trufijiet tal-Imperu Ruman. Għalhekk, aktar ma naraw l-universalità u l-uniċità tal-persuna ta’ Kristu, iżjed inħarsu bi gratitudni lejn dik l-Art li fiha Ġesù twieled, għex u ta lilu nnifsu għalina lkoll. Il-ġebliet li fuqhom mexa l-Feddej tagħna jibqgħu għalina mimlija b’memorja u jissoktaw “jgħajtu” l-Bxara t-Tajba. Għalhekk il-Padri Sinodali fakkruna fl-espressjoni hienja li ssejjaħ lill-Art Imqaddsa “l-ħames Evanġelju”.[307] Kemm hu importanti li f’dawk l-imkejjen ikun hemm komunitajiet Insara, minkejja l-ħafna diffikultajiet! Is-Sinodu tal-Isqfijiet jesprimi qrubija kbira lejn l-Insara kollha li jgħixu fl-Art ta’ Ġesù u jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom fl-Irxoxt. Dawk l-Insara huma msejħin iservu mhux biss bħala “musbieħ ta’ fidi għall-Knisja universali, imma wkoll bħala ħmira ta’ armonija, għerf u bilanċ fil-ħajja ta’ soċjetà li tradizzjonalment kienet u għadha pluralistika, multietnika u multireliġjuża”.[308]

 

L-Art Imqaddsa għadha llum ukoll post ta’ pellegrinaġġ għall-poplu Nisrani, li hu ġest ta’ talb u ta’ penitenza, kif jixhdu diġà sa mill-qedem awturi bħal San Ġlormu.[309] Aktar ma nixħtu ħarsitna u qalbna fuq Ġerusalemm ta’ din l-art, aktar titħeġġeġ fina x-xewqa għal Ġerusalemm tas-Sema, destinazzjoni vera ta’ kull pellegrinaġġ, u x-xewqa taħraq biex l-isem ta’ Ġesù, li fih biss hemm is-salvazzjoni, ikun magħruf fost kulħadd (ara Atti 4:12).


 

IT-TIELET PARTI

VERBUM MUNDO

“Lil Alla għadu ħadd ma rah;

imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18)

 

Il-missjoni tal-Knisja: li xxandar il-Kelma ta’ Alla lid-dinja

 

Il-Kelma tal-Missier u lejn il-Missier

90. San Ġwann jagħfas bil-qawwa kollha fuq il-paradoss fundamentali tal-fidi Nisranija: minn naħa, jafferma li lil Alla għadu ħadd ma rah” (Ġw 1:18; ara 1 Ġw 4:12). Ix-xbihat, kunċetti jew kliem tagħna bl-ebda mod ma jistgħu jiddefinixxu jew ikejlu r-realtà infinita tal-Aktar Għoli. Huwa jibqa’ d-Deus semper maior. Min-naħa l-oħra, hu jistqarr li l-Verb tassew sar bniedem” (Ġw 1:14). L-Iben il-waħdieni, li ġej minn ħdan il-Missier, uriena lil dak Alla li għadu ħadd ma rah” (Ġw 1:18). Ġesù Kristu jiġi għandna, “mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1:14), li permezz tiegħu jingħataw lilna (ara Ġw 1:17); fil-fatt, mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna grazzja fuq grazzja (Ġw 1:16). B’dan il-mod l-evanġelista Ġwanni fil-Prologu jikkontempla l-Verb minn xħin ikun għand Alla sal-inkarnazzjoni tiegħu, sa ma jerġa’ lura fi ħdan il-Missier u miegħu jieħu l-istess umanità tagħna, li hu għamel tiegħu għal dejjem. F’dan il-ħruġ tiegħu mingħand il-Missier u d-dħul tiegħu lura għandu (ara Ġw 13:3; 16:28; 17:8,10) hu jippreżenta ruħu quddiemna bħala n-“Narratur” ta’ Alla (ara Ġw 1:18). Fil-fatt, l-Iben, kif jafferma Sant’Irinew ta’ Lyons, “hu r-Rivelatur tal-Missier”.[310] Ġesù ta’ Nazaret huwa, biex ngħidu hekk, l-“eseġeta” ta’ Alla li “għadu ħadd ma rah”. “Hu x-xbieha ta Alla li ma jidhirx (Kol 1:15). Hawn titwettaq il-profezija ta’ Iżaija dwar il-qawwa tal-Kelma tal-Mulej: bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-sema biex isaqqu u jnibbtu l-frott tal-art, hekk il-Kelma ta’ Alla “ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel” ( 55:10-11). Ġesù Kristu huwa din il-Kelma definittiva u effikaċi li ħarġet minn fomm il-Missier u reġgħet lura għandu, u wettqet fid-dinja b’mod perfett ir-rieda tiegħu.

 

Inxandru lid-dinja l-“Lógos” tat-Tama

91. Il-Verb ta’ Alla tana l-ħajja divina li tibdel il-wiċċ tal-art, u ġġedded kollox (ara Apk 21:5). Il-Kelma tiegħu tmissna mhux biss bħala destinatarji tar-Rivelazzjoni divina, imma wkoll bħala x-xandara tagħha. Hu, il-mibgħut mill-Missier biex iwettaq ir-rieda tiegħu (ara Ġw 5:36-38; 6:38-40; 7:16-18), jiġbidna lejh u jdaħħalna fil-ħajja u l-missjoni tiegħu. Hekk l-Ispirtu tal-Irxoxt iseddaq lil ħajjitna għax-xandir effikaċi tal-Kelma fid-dinja kollha. Hija l-esperjenza tal-ewwel komunità Nisranija, li rat il-Kelma tixtered permezz tal-predikazzjoni u x-xhieda (ara Atti 6:7). Hawn nixtieq nirriferi b’mod partikulari għall-ħajja tal-Appostlu Pawlu, bniedem maħtuf għalkollox mill-Mulej (ara Fil 3:12) – “imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20) – u mill-missjoni tiegħu: “ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16), konxju li dak li hu rivelat fi Kristu hu tabilħaqq is-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, il-ħelsien mill-jasar tad-dnub biex nidħlu fil-libertà ta’ wlied Alla.

 

Fil-fatt, dak li l-Knisja xxandar lid-dinja huwa l-Lógos tat-Tama (ara 1 Pt 3:15); il-bniedem għandu bżonn tat-“Tama l-kbira” biex jista’ jgħix il-preżent tiegħu, it-tama l-kbira li hi “dak Alla li għandu wiċċ ta’ bniedem u li ‘ħabbna sal-aħħar’ (Ġw 13:1)”.[311] Għalhekk, fl-essenza tagħha l-Knisja hija missjunarja. Ma nistgħux inżommuh għalina l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem li aħna rċivejna fil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu: dan il-kliem huwa għal kulħadd, għal kull bniedem. Kull persuna ta’ żmienna, taf jew ma tafx, għandha bżonn ta’ din il-bxara. Il-Mulej innifsu, bħal fi żmien il-profeta Għamos, iqanqal qalb il-bnedmin ġuħ ġdid u għatx ġdid għall-kelmiet tiegħu (ara Għam 8:11). Issa hi r-responsabbiltà tagħna li ngħaddu lil ħaddieħor dak li, bi grazzja, aħna stess irċivejna.

 

Mill-Kelma ta’ Alla l-missjoni tal-Knisja

92. Is-Sinodu tal-Isqfijiet saħaq bil-qawwa fuq il-ħtieġa li nħeġġu aktar fil-Knisja l-kuxjenza missjunarja, preżenti fil-Poplu ta’ Alla sa mill-bidu tiegħu. L-ewwel Insara qiesu t-tħabbira missjunarja tagħhom bħala ħtieġa li toħroġ mill-istess natura tal-fidi: Alla li fih kienu jemmnu kien Alla ta’ kulħadd, Alla wieħed u veru li deher fl-istorja ta’ Iżrael u sa fl-aħħar f’Ibnu stess, li bih ta t-tweġiba li l-bnedmin kollha, fil-ġewwieni tagħhom, qegħdin jistennew. L-ewwel komunitajiet Insara ħassew li l-fidi tagħhom ma kinitx tappartieni lil xi tradizzjoni kulturali partikulari, li tvarja skont il-poplu li jkun, imma lill-qasam tal-verità, li jolqot lill-bnedmin kollha ndaqs.

 

Huwa mill-ġdid San Pawl li bil-ħajja tiegħu jurina t-tifsira tal-missjoni Nisranija u l-universalità tagħha sa mill-bidu. Naħsbu ftit fl-episodju li jirrakkontaw l-Atti tal-Appostli dwar l-Arjopagu ta’ Ateni (ara 17:16-34). L-Appostlu tal-ġnus jidħol fi djalogu ma’ bnedmin ta’ kulturi differenti, għax jaf li l-misteru ta’ Alla, Magħruf-Mhux Magħruf, li tiegħu kull bniedem għandu perċezzjoni pjuttost konfuża, wera tassew min hu fl-istorja: “Dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien” (Atti 17:23). Fil-fatt, il-karattru ġdid tat-tħabbira Nisranija hu li tista’ tgħid lill-popli kollha: “Hu wera min hu. Hu personalment. U issa nfetħet it-triq lejh. Il-karattru ġdid tat-tħabbira Nisranija mhuwiex xi ħsieb imma fatt: Huwa rrivela ruħu”.[312]

 

Il-Kelma u s-Saltna ta’ Alla

93. Għalhekk, il-missjoni tal-Knisja ma nistgħux inqisuha bħala realtà fakultattiva jew miżjuda mal-ħajja tagħha. Tfisser li nħallu lill-Ispirtu s-Santu jwaħħadna ma’ Kristu nnifsu, u hekk nistgħu nieħdu sehem fl-istess missjoni tiegħu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21), biex hekk b’ħajjitna kollha nistgħu nwasslu l-Kelma lill-oħrajn. Hija l-Kelma nfisha li twassalna għand l-aħwa: hija l-Kelma li ddawwal, issaffi, tikkonverti; aħna m’aħniex ħlief qaddejja tagħha.

 

Għaldaqstant, jeħtieġ niskopru dejjem iżjed mill-ġdid l-urġenza u l-ġmiel li nxandru l-Kelma, għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla, ippritkata minn Kristu nnifsu. F’dan is-sens, inġeddu l-għarfien, hekk familjari għal Missirijiet il-Knisja, li t-tħabbira tal-Kelma għandha bħala kontenut tagħha s-Saltna ta’ Alla (ara Mk 1:14-15), li hija l-istess persuna ta’ Ġesù (l-Autobasiléia), kif ifakkarna b’mod suġġestiv Oriġene.[313] Il-Mulej joffri s-salvazzjoni lill-bnedmin ta’ kull żmien. Ilkoll inħossu kemm għandna bżonn li d-dawl ta’ Kristu jdawwal kull qasam tal-umanità: il-familja, l-iskola, il-kultura, ix-xogħol, il-ħin liberu u l-oqsma l-oħra tal-ħajja soċjali.[314] Hawn m’aħniex nitkellmu fuq it-tħabbira ta’ kelma li tfarraġ, imma li taħsad, li ssejjaħ għall-konverżjoni, li tiftaħ it-triq għal-laqgħa mal-Mulej, li permezz tagħha twarrad umanità ġdida.

 

L-imgħammdin kollha responsabbli għat-tħabbira

94. Billi l-Poplu kollu ta’ Alla huwa poplu “mibgħut”, is-Sinodu tenna li “l-missjoni li jxandru l-Kelma ta’ Alla hu dmir tad-dixxipli kollha ta’ Ġesù Kristu bħala konsegwenza tal-magħmudija tagħhom”.[315] L-ebda bniedem li jemmen fi Kristu ma jista’ jħossu barrani għal din ir-responsabbiltà li toħroġ mill-appartenenza sagramentali għall-Ġisem ta’ Kristu. Dan l-għarfien għandu jkun xprunat f’kull familja, parroċċa, komunità, għaqda u moviment ekkleżjali. Għalhekk, il-Knisja, bħala misteru ta’ komunjoni, hi kollha missjunarja u kull persuna, fl-istat ta’ ħajjitha, hi msejħa tagħti kontribut ħaj fit-tħabbira Nisranija.

 

Isqfijiet u saċerdoti skont il-missjoni tagħhom huma msejħa qabel kulħadd għal ħajja mogħtija għall-qadi tal-Kelma, għax-xandir tal-Evanġelju, għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u għall-formazzjoni tal-fidili għall-għarfien awtentiku tal-Iskrittura. Anki d-djakni jħossuhom imsejħa jikkollaboraw, skont il-missjoni tagħhom, f’dan l-impenn ta’ evanġelizzazzjoni.

 

Il-ħajja kkonsagrata tilma tul l-istorja kollha tal-Knisja għall-ħila tagħha li tassumi b’mod espliċitu d-dmir li tħabbar u tipprietka l-Kelma ta’ Alla, fil-missio ad gentes u fis-sitwazzjonijiet l-aktar iebsa, b’disponibbiltà anki għall-kundizzjonijiet il-ġodda ta’ evanġelizzazzjoni, waqt li fittxet b’kuraġġ u bla biża’ toroq ġodda u sfidi ġodda għat-tħabbira effikaċi tal-Kelma ta’ Alla.[316]

 

Il-lajċi huma msejħa jeżerċitaw il-missjoni profetika tagħhom, ħierġa direttament mill-Magħmudija, u jagħtu xhieda tal-Evanġelju fil-ħajja ta’ kuljum kull fejn jinsabu. Dwar dan, il-Padri Sinodali esprimew “l-ikbar stima u gratitudni u xejn inqas l-inkuraġġiment għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni li tant lajċi, b’mod partikulari n-nisa, joffru b’ġenerożità u impenn fil-komunitajiet imxerrda mad-dinja, fuq l-eżempju ta’ Marija ta’ Magdala, l-ewwel xhud tal-ferħ tal-Għid”.[317] Barra minn hekk, is-Sinodu jagħraf bi gratitudni li l-movimenti ekkleżjali u l-komunitajiet il-ġodda huma, fil-Knisja, forza kbira ta’ evanġelizzazzjoni f’dan iż-żmien, li jwasslu għall-iżvilupp ta’ xejriet ġodda ta’ tħabbira tal-Evanġelju.[318]

 

Il-ħtieġa tal-“missio ad gentes”

95. Huma u jsejħu lill-fidili kollha għax-xandir tal-Kelma divina, il-Padri Sinodali saħqu fuq il-ħtieġa wkoll fi żmienna ta’ impenn determinat fil-missio ad gentes. Bl-ebda mod il-Knisja ma tista’ tillimita ruħha għal ħidma pastorali ta’ “manteniment”, għal dawk li diġà jafu l-Evanġelju ta’ Kristu. Il-ħeġġa missjunarja hi sinjal ċar tal-maturità ta’ komunità ekkleżjali. Barra minn hekk, il-Padri esprimew b’qawwa kbira l-għarfien li l-Kelma ta’ Alla hija l-verità salvifika li tagħha kull bniedem f’kull żmien għandu bżonn. Għalhekk, it-tħabbira għandha tkun espliċita. Il-Knisja għandha tmur għand kulħadd bil-qawwa tal-Ispirtu (ara 1 Kor 2:5) u tissokta profetikament tiddefendi l-jedd u l-libertà tal-persuni li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, billi tfittex mezzi iktar b’saħħithom biex ixxandarha, imqar bir-riskju tal-persekuzzjoni.[319] Ma’ kulħadd il-Knisja tħossha midjuna biex ixxandarlu l-Kelma li ssalva (ara Rum 1:14).

 

Tħabbira u evanġelizzazzjoni ġdida

96. Il-Papa Ġwanni Pawlu II, fuq il-passi ta’ dak li diġà kien esprima l-Papa Pawlu VI fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, kien fakkar b’kemm-il mod lill-fidili fil-ħtieġa ta’ staġun missjunarju ġdid għall-Poplu kollu ta’ Alla.[320] Maż-żerniq tat-tielet millennju mhux biss għad fadal tant popli li ma semgħux bil-Bxara t-Tajba, imma tant Insara għandhom bżonn li tixxandar mill-ġdid lilhom b’mod persważiv il-Kelma ta’ Alla, biex hekk jistgħu jduqu konkretement il-qawwa tal-Evanġelju. Ħafna minn ħutna huma “mgħammdin, imma mhumiex evanġelizzati kif imiss”.[321] Ta’ spiss, pajjiżi li darba kienu għonja fil-fidi u fil-vokazzjonijiet qed jitilfu l-identità tagħhom, influwenzati minn kultura sekularizzata.[322] L-esiġenza ta’ evanġelizzazzjoni ġdida, li l-Predeċessur meqjum tiegħi tant kien iħoss b’qawwa, għandha tiġi mseddqa bla biża’, fiċ-ċertezza tal-qawwa tal-Kelma divina. Il-Knisja, żgura mill-fedeltà ta’ Sidha, ma tehda qatt tħabbar il-Bxara t-tajba tal-Evanġelju u ssejjaħ lill-Insara kollha biex jiskopru mill-ġdid is-seħer tal-mixja wara Kristu.

 

Il-Kelma ta’ Alla u x-xhieda Nisranija

97. L-ixfqa bla tarf tal-missjoni tal-Knisja, il-kumplessità tal-qagħda ta’ żmienna qed jitolbu llum modi mġedda biex nistgħu nwasslu b’mod effikaċi l-Kelma ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu, aġent primarju ta’ kull evanġelizzazzjoni, mhu se jieqaf qatt imexxi lill-Knisja ta’ Kristu f’din il-ħidma tagħha. Madankollu, importanti li f’kull mod li bih inħabbru nżommu qabelxejn quddiem għajnejna r-relazzjoni intrinsika bejn komunikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u xhieda Nisranija. Minn hekk tiddependi l-istess kredibbiltà tat-tħabbira. Minn naħa, hi meħtieġa l-Kelma li tikkomunika dak li l-Mulej innifsu qalilna. Mill-oħra, huwa indispensabbli li nagħtu, bix-xhieda tagħna, kredibbiltà lil din il-Kelma, biex ma tidhirx bħala xi filosofija sabiħa jew utopija, imma pjuttost bħala realtà li tista’ tingħax u tagħti l-ħajja. Din ir-reċiproċità bejn Kelma u xhieda tfakkarna fil-mod kif Alla nnifsu wriena min hu permezz tal-inkarnazzjoni tal-Verb tiegħu. Il-Kelma ta’ Alla tilħaq lill-bnedmin “permezz tal-laqgħa ma’ xhieda li jagħmluha preżenti u ħajja”.[323] B’mod partikulari, il-ġenerazzjonijiet il-ġodda għandhom bżonn lil min jintroduċihom għall-Kelma ta’ Alla “permezz tal-laqgħa u x-xhieda awtentika tal-adulti, l-influwenza pożittiva tal-ħbieb u l-kumpanija kbira tal-komunità ekkleżjali”.[324]

 

Hemm rabta liema bħalha bejn ix-xhieda tal-Iskrittura, bħala prova li l-Kelma ta’ Alla tagħti minnha nfisha, u x-xhieda tal-ħajja ta’ min jemmen. Waħda timplika u twassal għall-oħra. Ix-xhieda Nisranija tikkomunika l-Kelma ppruvata fl-Iskrittura. L-Iskrittura, min-naħa tagħha, tfisser ix-xhieda li l-Insara huma msejħin jagħtu b’ħajjithom stess. Dawk li jiltaqgħu ma’ xhieda kredibbli tal-Evanġelju hekk jaslu biex jaraw kemm hi qawwija l-Kelma ta’ Alla fil-ħajja ta’ dawk li jilqgħuha.

 

98. F’din iċ-ċirkolarità bejn xhieda u Kelma nifhmu l-istqarrijiet li għamel il-Papa Pawlu VI fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi. Ir-responsabbiltà tagħna ma tillimitax ruħha għal li nissuġġerixxu lid-dinja valuri li naqsmu flimkien; hemm bżonn naslu għat-tħabbira espliċita tal-Kelma ta’ Alla. Hekk biss nistgħu nkunu fidili għall-mandat ta’ Kristu: “L-Aħbar Tajba pproklamata bix-xhieda tal-ħajja issa jew imbagħad trid tinstama’ bil-kelma tal-ħajja. Ma jistax ikun hemm evanġelizzazzjoni vera jekk l-isem, it-tagħlim, il-ħajja, il-wegħdiet, is-Saltna u l-misteri ta’ Ġesù ta’ Nazaret, l-Iben ta’ Alla, ma jiġux imxandra”.[325]

 

Il-fatt li x-xandir tal-Kelma ta’ Alla jitlob ix-xhieda ta’ ħajjitna hu magħruf sew għall-ħajja Nisranija sa mill-bidu tagħha. Kristu nnifsu huwa x-xhud fidil u veru (ara Apk 1:5; 3:14), xhud tal-Verità (ara Ġw 18:37). U hawn nixtieq insir eku tal-għadd bla tarf ta’ xhieda li kellna l-grazzja nisimgħu tul l-Assemblea Sinodali. Messilna qalbna bil-kbir ir-rakkont ta’ dawk li għarfu jgħixu l-fidi u jagħtu xhieda ħajja tal-Evanġelju mqar taħt reġimi ostili għall-Kristjaneżmu jew f’qagħdiet ta’ persekuzzjoni.

 

Dan kollu m’għandux ibeżżagħna. Ġesù nnifsu lid-dixxipli tiegħu qalihom: “Il-qaddej mhuwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll” (Ġw 15:20). Għalhekk, nixtieq flimkien mal-Knisja kollha ngħolli quddiem Alla innu ta’ ġieħ għax-xhieda ta’ tant ħutna li mqar f’din l-epoka tagħna taw ħajjithom biex iwasslu l-verità tal-imħabba ta’ Alla li dehret lilna fi Kristu mislub u rxoxt. Barra minn hekk, nesprimi l-gratitudni tal-Knisja kollha għall-Insara li ma jċedux quddiem it-tfixkil u l-persekuzzjonijiet minħabba fl-Evanġelju. Fl-istess waqt, inħossuna hekk qrib bl-imħabba u s-solidarjetà tagħna lejn il-fidili ta’ dawk il-komunitajiet Insara kollha, b’mod partikulari fl-Asja u fl-Afrika, li fi żmienna qed jirriskjaw ħajjithom jew l-emarġinazzjoni soċjali minħabba l-fidi. Hawn qed naraw jitwettaq quddiem għajnejna l-ispirtu tal-Beatitudnijiet tal-Evanġelju għal dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-Mulej Ġesù (ara Mt 5:11). Fl-istess ħin, ma nehdew qatt ngħollu leħinna biex il-gvernijiet tan-nazzjonijiet jiggarantixxu lil kulħadd il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, anki li kulħadd ikun jista’ jagħti xhieda tal-fidi tiegħu pubblikament.[326]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-impenn fid-dinja

 

Naqdu lil Ġesù fl-iżgħar fost dawn ħutu” (Mt 25:40)

99. Il-Kelma divina ddawwal il-ħajja tal-bnedmin u ċċaqlaq il-kuxjenzi tagħhom biex iħarsu b’mod aktar profond lejn ħajjithom, għax l-istorja kollha tal-bniedem tinsab taħt il-ħaqq ta’ Alla: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha” (Mt 25:31-32). Fi żmienna spiss nieqfu fuq il-qoxra tal-valur tal-mument ta’ issa li jgħaddi, bħallikieku dan kien irrilevanti għall-futur. Għall-kuntrarju, l-Evanġelju jfakkarna li kull mument tal-ħajja tagħna huwa importanti u għandna ngħixuh intensament, għax nafu li kull wieħed u waħda minna għad irid jagħti kont ta’ ħajtu. Fil-kapitlu 25 tal-Evanġelju ta’ Mattew, Bin il-bniedem iqis magħmul jew mhux magħmul miegħu dak li nkunu jew ma nkunux għamilna ma’ mqar wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti (25:40,45): “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (25:35-36). Għalhekk, hija l-istess Kelma ta’ Alla li tfakkarna fil-ħtieġa ta’ dan l-impenn tagħna fid-dinja u r-responsabbiltà tagħna quddiem Kristu, Sid tal-istorja. Aħna u nħabbru l-Evanġelju, ejjew nistiednu lil xulxin biex nagħmlu l-ġid u nħabirku għall-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-impenn b’risq il-ġustizzja fis-soċjetà

100. Il-Kelma ta’ Alla tħeġġeġ lill-bniedem għal relazzjonijiet imsejsa fuq ir-rettitudni u l-ġustizzja, tagħti xhieda ta’ kemm hu prezzjuż quddiem Alla t-taħbit kollu tal-bniedem biex jagħmel id-dinja iżjed ġusta u post li hu iżjed ta’ min jgħix fih.[327] Hija l-istess Kelma ta’ Alla li tikkundanna b’mod ċar l-inġustizzji u tippromovi s-solidarjetà u l-ugwaljanza.[328] Għalhekk fid-dawl ta’ kliem il-Mulej nagħrfu s-“sinjali taż-żminijiet” preżenti fl-istorja, u ma nippruvawx naħarbu mill-impenn b’risq dawk li qed ibatu jew huma vittmi tal-egoiżmu. Is-Sinodu fakkar li l-impenn b’risq il-ġustizzja u t-trasformazzjoni tad-dinja hu kostituttiv għall-evanġelizzazzjoni. Kif qal il-Papa Pawlu VI, dan ifisser li l-Knisja trid “tagħmel effett, u f’ċertu mod, tqalleb, bis-setgħa tal-Evanġelju, il-kejl li bih il-bnedmin jiġġudikaw, jagħtu valur, ifasslu l-ħsieb tagħhom, jieħdu ispirazzjoni u jżommu bħala xempju tal-ħajja, il-kejl li ma jaqbilx mal-Kelma ta’ Alla u mal-pjan tas-salvazzjoni”.[329]

 

Għal dan il-għan il-Padri Sinodali ħasbu b’mod partikulari f’dawk li huma impenjati fil-ħajja politika u soċjali. L-evanġelizzazzjoni u t-tixrid tal-Kelma ta’ Alla għandhom inebbħu l-azzjoni tagħhom fid-dinja għat-tiftix tal-ġid veru ta’ kulħadd, fir-rispett u fil-promozzjoni tad-dinjità ta’ kull persuna. Bla dubju, mhuwiex obbligu dirett tal-Knisja li toħloq soċjetà iżjed ġusta, anki jekk għandha d-dritt u d-dmir li tintervieni dwar il-kwistjonijiet etiċi u morali li jolqtu l-ġid tal-persuni u tal-popli. Hu fuq kollox dmir tal-fidili lajċi, edukati fl-iskola tal-Evanġelju, li jsemmgħu leħinhom direttament fl-azzjoni soċjali u politika. Għalhekk is-Sinodu jirrakkomandalna nippromovu formazzjoni xierqa skont il-prinċipji tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja.[330]

 

101. Fuq kollox, nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd dwar l-importanza li niddefendu u nippromovu d-drittijiet umani ta’ kull persuna, imsejsa fuq il-liġi naturali miktuba fil-qalb tal-bniedem, u li bħala tali huma “universali, ma jistgħux jinkisru u li fl-ebda mod ma jista’ jiġi mċaħħad minnhom”.[331] Il-Knisja tawgura li, bl-affermazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, id-dinjità umana tiġi magħrufa b’aktar qawwa u mxerrda b’mod universali,[332] karatteristika mnaqqxa minn Alla l-Ħallieq fuq il-ħlejqa tiegħu, u li Ġesù Kristu ħa fuqu u fdieha permezz tal-inkarnazzjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Għalhekk it-tixrid tal-Kelma ta’ Alla ma jistax ma jsaħħaħx it-twettiq u r-rispett ta’ dawn id-drittijiet.[333]

 

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi bejn il-popli

102. Fost il-bosta oqsma ta’ ħidma, is-Sinodu rrakkomanda bis-sħiħ il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Fil-kuntest ta’ żmienna hemm bżonn iktar minn qatt qabel niskopru mill-ġdid il-Kelma ta’ Alla bħala għajn ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ sliem għax fiha Alla jerġa’ jħabbeb kollox miegħu (ara 2 Kor 5:18-20; Efes 1:10): Kristu hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14), dak li jġarraf il-ħitan tal-firda. Tant xhieda fis-Sinodu kellmuna fuq il-kunflitti gravi u mdemmija u t-tensjonijiet li jeżistu fil-pjaneta tagħna. Xi drabi din l-ostilità donnha tilbes il-wiċċ tal-kunflitt interreliġjuż. Għal darba’oħra nixtieq intenni li r-reliġjon ma tista’ qatt tiġġustifika l-intollerenza jew il-gwerer. Ma nistgħux nużaw il-vjolenza f’isem Alla![334] Kull reliġjon għandha twassal għall-użu korrett tar-raġuni u tippromovi valuri etiċi li fuqhom tinbena l-konvivenza ċivili.

 

Fidili għall-opra ta’ rikonċiljazzjoni mwettqa minn Alla f’Ġesù Kristu, mislub u rxoxt, il-Kattoliċi u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba jħabirku biex jagħtu eżempji ta’ rikonċiljazzjoni ħalli jibnu soċjetà ġusta u paċifika.[335] Ma ninsew qatt li “hemm fejn il-kliem tal-bnedmin jitlef kull saħħa, għax jinstema’ iżjed l-istorbju traġiku tal-vjolenza u tal-armi, il-qawwa profetika tal-Kelma ta’ Alla ma tonqosx u jtennilna li l-paċi hi possibbli, u li għandna nkunu aħna l-istrumenti ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi”.[336]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-imħabba ħawtiela

103. L-impenn b’risq il-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi jsib l-għerq aħħari tiegħu u l-milja tiegħu fl-imħabba li wriena Kristu. Meta smajna x-xhieda li ħarġu mis-Sinodu, sirna aktar attenti għar-rabta li teżisti bejn is-smigħ kollu mħabba tal-Kelma ta’ Alla u s-servizz diżinteressat lejn l-aħwa; kull min jemmen, jifhem il-ħtieġa “li jittraduċi f’ġesti ta’ mħabba l-kelma li jkun sema’, għax hekk biss issir kredibbli t-tħabbira tal-Evanġelju, minkejja d-dgħufijiet umani li bihom huma mgħobbija l-persuni”.[337] Ġesù għadda minn din id-dinja jagħmel il-ġid (ara Atti 10:38). Meta tisma’ l-Kelma ta’ Alla b’qalb miftuħa l-Knisja titqanqal għall-“karità u l-ġustizzja ma’ kulħadd, fuq kollox mal-foqra”.[338] Ma għandna qatt ninsew li “l-imħabba – caritas – sa tibqa’ dejjem meħtieġa, ukoll fl-iktar soċjetà ġusta… Min irid jeħles mill-imħabba qiegħed iħejji ruħu biex jeħles mill-bniedem bħala bniedem”.[339] Għalhekk nitlob lill-fidili kollha jimmeditaw spiss l-innu lill-imħabba miktub mill-Appostlu Pawlu u jħalluh inebbaħhom: “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13:4-8).

 

Għalhekk, l-imħabba tal-proxxmu, bl-għeruq tagħha fl-imħabba ta’ Alla, għandha tarana l-ħin kollu nħabirku bħala individwi u bħala komunità ekkleżjali, lokali u universali. Santu Wistin jistqarr: “Huwa fundamentali nifhmu li l-milja tal-Liġi, kif ukoll tal-Iskrittura Mqaddsa kollha, hija l-imħabba… Mela min jaħseb li fehem l-Iskrittura, jew tal-inqas xi parti minnha, mingħajr ma jħabrek biex jibni, permezz tal-intelliġenza tiegħu, din l-imħabba doppja ta’ Alla u tal-proxxmu, ikun juri li għadu ma fehemhiex”.[340]

 

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u ż-żgħażagħ

104. Is-Sinodu wera attenzjoni partikulari għat-tħabbira tal-Kelma divina lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Iż-żgħażagħ huma diġà minn issa membri attivi tal-Knisja u jirrappreżentaw il-futur tagħha. Fihom spiss insibu ftuħ spontanju għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u xewqa sinċiera li jsiru jafu lil Ġesù. Fil-fatt, fl-età taż-żgħożija joħorġu bla ma jsibu xi jżommhom u b’mod sinċier il-mistoqsijiet fuq is-sens tal-ħajja tagħna u fuq liema direzzjoni għandha tieħu ħajjitna. Għal dawn il-mistoqsijiet Alla biss jaf jagħti tweġiba vera. Din l-attenzjoni għad-dinja taż-żgħażagħ titlob il-kuraġġ ta’ tħabbira ċara; jeħtieġ ngħinu liż-żgħażagħ jiksbu kunfidenza u familjarità mal-Iskrittura Mqaddsa, biex tkun bħal boxxla li turihom it-triq li għandhom jimxu.[341] Għalhekk, huma għandhom bżonn ta’ xhieda u ta’ għalliema, li jimxu magħhom u jmexxuhom biex iħobbu u huma stess imbagħad jgħaddu l-Evanġelju fuq kollox lil sħabhom tal-istess età tagħhom, u hekk isiru huma nfushom ħabbara awtentiċi u kredibbli.[342]

 

Hemm bżonn li l-Kelma divina tiġi ppreżentata wkoll fl-implikazzjonijiet vokazzjonali tagħha biex tista’ tgħin u torjenta liż-żgħażagħ fl-għażliet ta’ ħajjithom, anki lejn il-konsagrazzjoni sħiħa.[343] Vokazzjonijiet awtentiċi għall-ħajja kkonsagrata u għas-saċerdozju għandhom l-art tajba tagħhom fil-kuntatt fidil mal-Kelma ta’ Alla. Intenni llum l-istedina li kont għamilt fil-bidu tal-pontifikat tiegħi biex niftħu beraħ il-bibien tagħna għal Kristu: “Jekk inħallu lil Kristu jidħol f’ħajjitna, ma nitilfu xejn, xejn, assolutament xejn minn dak li jagħmel il-ħajja ħielsa, sabiħa u kbira. Le! Hu biss f’din il-ħbiberija li l-bibien tal-ħajja jinfetħu beraħ. Hu biss f’din il-ħbiberija li jidher tassew il-potenzjal qawwi tal-eżistenza umana. … Għeżież żgħażagħ: La tibżgħux minn Kristu! Hu ma jeħdilkom xejn u hu jagħtikom kollox. Meta nerħu lilna nfusna f’idejh, nirċievu lura mitt darba daqshekk. Iva, iftħu, iftħu beraħ il-bibien tagħkom għal Kristu – u intom issibu l-ħajja vera”.[344]

 

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u l-migranti

105. Il-Kelma ta’ Alla tagħmilna attenti għall-istorja u għal x’hemm ġdid li qed jinbet fiha. Għalhekk is-Sinodu, f’relazzjoni mal-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja, ried juri attenzjoni wkoll għall-fenomenu kumpless tal-movimenti migratorji, li f’dawn l-aħħar snin kiber kif qatt ma kien kiber qabel. Hawn iqumu kwistjonijiet pjuttost delikati dwar is-sigurtà tan-nazzjonijiet u l-akkoljenza li għandna noffru lil min qed ifittex kenn, kundizzjonijiet ta’ ħajja, saħħa u xogħol aħjar. Għadd kbir ta’ persuni, li ma jafux lil Kristu jew li għandhom idea żbaljata tiegħu, qed jaslu biex jgħixu f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija. Fl-istess ħin, persuni li ġejjin minn popli mmarkati b’mod qawwi mill-fidi Nisranija qed jemigraw lejn pajjiżi fejn hemm bżonn li xi ħadd iwassal it-tħabbira ta’ Kristu u ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Dawn is-sitwazzjonijiet joffru possibbiltajiet imġedda għat-tixrid tal-Kelma ta’ Alla. Għal dan il-għan, il-Padri Sinodali affermaw li l-migranti għandhom il-jedd li jisimgħu l-kérygma, li tiġi proposta lilhom, u mhux imposta fuqhom. Jekk huma Nsara, għandhom bżonn ta’ għajnuna pastorali xierqa biex issaħħaħ il-fidi ħalli huma stess ikunu dawk li jwasslu l-aħbar tal-Evanġelju. Konxji mill-kumplessità ta’ dan il-fenomenu, hemm bżonn li d-djoċesijiet milquta minn din ir-realtà jagħmlu xi ħaġa biex il-movimenti migratorji jiġu milqugħa wkoll bħala okkażjoni biex jiskopru modi ġodda ta’ preżenza u ta’ tħabbira u jipprovdu, skont il-possibbiltajiet tagħhom, laqgħa u animazzjoni xierqa ta’ dawn ħutna biex, imqanqla mill-Bxara t-Tajba, isiru huma stess ħabbara tal-Kelma ta’ Alla u xhieda ta’ Ġesù Rxoxt, tama tad-dinja.[345]

 

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u min qed ibati

106. Matul il-ħidmiet Sinodali l-attenzjoni tal-Padri waqgħet ukoll fuq il-ħtieġa li nħabbru l-Kelma ta’ Alla lil dawk kollha li jinsabu f’xi qagħda ta’ tbatija, fiżika, psikika jew spiritwali. Fil-fatt, huwa fil-mument tat-tbatija li jniggżu iktar lill-qalb tal-bniedem il-mistoqsijiet fundamentali fuq it-tifsira ta’ ħajtu. Jekk il-kelma tal-bniedem tidher imsikkta quddiem il-misteru tal-ħażen u tat-tbatija u s-soċjetà tagħna donnha tagħti valur lill-ħajja biss jekk din tikkorrispondi ma’ ċerti livelli ta’ effiċjenza u ta’ benessri, il-Kelma ta’ Alla tiżvelalna li anki dawn iċ-ċirkustanzi huma misterjożament “imħaddna” mill-ħlewwa ta’ Alla. Il-fidi li titwieled mil-laqgħa mal-Kelma divina tgħinna nżommu li l-ħajja umana hi denja li ngħixuha fil-milja tagħha mqar meta jkollha tħabbat wiċċha mal-ħażen. Alla ħalaq lill-bniedem għall-hena u għall-ħajja, waqt li l-mard u l-mewt daħlu fid-dinja minħabba d-dnub (ara Għerf 2:23-24). Imma l-Missier tal-ħajja huwa t-tabib per eċċellenza tal-bniedem u ma jieqaf qatt jitbaxxa bi mħabba fuq l-umanità li qed tbati. Il-qofol tal-qrubija ta’ Alla lejn it-tbatija tal-bniedem nikkontemplawh f’Ġesù nnifsu li hu “Kelma inkarnata. Bata magħna, miet. Bil-passjoni u l-mewt tiegħu hu ħa fuqu u bidel sal-qiegħ nett id-dgħufija tagħna”.[346]

 

Il-qrubija ta’ Ġesù lejn min qed ibati qatt ma waqfet: hi tibqa’ għaddejja fiż-żmien grazzi għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fil-missjoni tal-Knisja, fil-Kelma u fis-Sagramenti, fil-bnedmin ta’ rieda tajba, fil-ħidma ta’ għajnuna li l-komunitajiet jippromovu b’karità fraterna, u hekk turi l-wiċċ veru ta’ Alla u ta’ mħabbtu. Is-Sinodu jrodd ħajr lil Alla għax-xhieda kollha dawl, spiss moħbija, ta’ tant Insara – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – li silfu u għadhom inewlu jdejhom, għajnejhom u qlubhom lil Kristu, it-tabib veru tal-ġisem u tar-ruħ! Imbagħad, isejħilna biex inkomplu nieħdu ħsieb tal-persuni morda billi nwasslulhom il-preżenza ta’ Sidna Ġesù li tagħti l-ħajja, fil-Kelma u fl-Ewkaristija. Ħa jkunu megħjuna jaqraw l-Iskrittura u jiskopru li proprju fil-qagħda tagħhom jistgħu jieħdu sehem b’mod partikulari fit-tbatija feddejja ta’ Kristu għas-salvazzjoni tad-dinja (ara 2 Kor 4:8-11,14).[347]

 

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u l-foqra

107. L-Iskrittura Mqaddsa tikxef l-għożża ta’ Alla għall-foqra u dawk fil-bżonn (ara Mt 25:31-46). Spiss il-Padri Sinodali fakkru fil-ħtieġa li t-tħabbira tal-Evanġelju, it-tħabrik tar-Ragħajja u tal-komunitajiet għandhom ikunu indirizzati lejn dawn ħutna. Fil-fatt, “l-ewwel li għandhom il-jedd għat-tħabbira tal-Evanġelju huma sewwasew il-foqra, meħtieġa mhux biss mill-ħobż, imma anki minn kliem li jagħti l-ħajja”.[348] Id-djakonija tal-karità, li m’għandha qatt tonqos fil-Knejjes tagħna, għandha dejjem tkun marbuta mat-tħabbira tal-Kelma u maċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa.[349] Fl-istess waqt, jeħtieġ nagħrfu u nagħtu valur lill-fatt li l-istess foqra huma wkoll aġenti ta’ evanġelizzazzjoni. Fil-Bibbja l-veru fqir hu dak li jintelaq kollu kemm hu f’idejn Alla, u Ġesù nnifsu fl-Evanġelju jsejħilhom henjin, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet” (Mt 5:3; ara Lq 6:20). Il-Mulej jgħolli s-sempliċità tal-qalb ta’ min jagħraf f’Alla l-għana veru tiegħu, fih iqiegħed it-tama tiegħu, u mhux fil-ġid ta’ din id-dinja. Il-Knisja ma tistax tiddeludi lill-foqra: “Ir-ragħajja huma msejħa jagħtuhom widen, jitgħallmu minnhom, idawluhom fil-fidi tagħhom u jimmotivawhom biex ikunu dawk stess li jsawru l-istorja tagħhom”.[350]

 

Il-Knisja taf ukoll li jeżisti faqar bħala virtù, li għandu jiġi kkultivat u magħżul b’libertà, kif għamlu tant qaddisin, u teżisti wkoll miżerja, spiss frott tal-inġustizzja u mqanqla mill-egoiżmu, li tikkawża l-faqar u l-ġuħ u żżid il-kunflitti. Meta l-Knisja tħabbar il-Kelma ta’ Alla hija taf li jeħtieġ tħabrek għal “ċirku virtuż” bejn il-faqar “li għandna nagħżlu” u l-faqar “li għandna nissieltu”, biex niskopru mill-ġdid “il-moderazzjoni u s-solidarjetà, valuri evanġeliċi u fl-istess waqt universali… Dan jitlob għażliet ta’ ġustizzja u ta’ moderazzjoni”.[351]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-ħarsien tal-ħolqien

108. L-impenn fid-dinja li titlob minna l-Kelma divina jridna nħarsu b’għajnejn ġodda lejn l-univers kollu maħluq minn Alla u li diġà jġorr fih ħjiel tal-Verb, li bih sar kollox (ara Ġw 1:2). Fil-fatt hemm responsabbiltà li aħna għandna bħala nies li nemmnu fl-Evanġelju u nħabbruh, li hi dik anki fir-rigward tal-ħolqien. Ir-Rivelazzjoni, waqt li tgħarrafna bil-pjan ta’ Alla għall-ħolqien, twassalna wkoll biex nikkundannaw l-atteġġjamenti żbaljati tal-bniedem, meta ma jagħrafx fil-ħwejjeġ kollha l-mera tal-Ħallieq, imma biss materja li jista’ jimmanipula bla skruplu ta’ xejn. Hekk il-bniedem jonqos minn dik l-umiltà essenzjali li tippermettilu jagħraf il-ħolqien bħala don ta’ Alla li jiġi milqugħ u mħaddem skont il-pjan tiegħu. Bil-maqlub, l-arroganza tal-bniedem li jgħix bħallikieku Alla ma kienx jeżisti, iwasslu biex jisfrutta u jisfigura n-natura, bla ma jagħraf fiha opra tal-Kelma ħallieqa. F’dan il-qafas teoloġiku, nixtieq infakkar f’dak li qalu l-Padri Sinodali, li fakkruna li “meta nilqgħu l-Kelma ta’ Alla mniżżla fl-Iskrittura Mqaddsa u fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja naslu għal mod ġdid ta’ kif naraw l-affarijiet, nippromovu ekoloġija awtentika, li għandha l-għeruq l-iżjed profondi tagħha fl-ubbidjenza tal-fidi… (u) niżviluppaw sensibbiltà teoloġika mġedda dwar it-tjieba ta’ kull ħaġa, maħluqa fi Kristu”.[352] Il-bniedem għandu bżonn li jiġi edukat mill-ġdid kif jistagħġeb u jagħraf il-ġmiel awtentiku li jidher fil-ħwejjeġ maħluqa.[353]

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-kulturi

 

Il-valur tal-kultura għall-ħajja tal-bniedem

109. It-tħabbira li jagħtina Ġwanni dwar l-inkarnazzjoni tal-Verb tikxef ir-rabta li ma tinħallx bejn il-Kelma divina u l-kelmiet umani, li permezz tagħhom Alla jkellem lilna. Huwa fid-dawl ta’ din ir-riflessjoni li s-Sinodu tal-Isqfijiet waqaf fuq ir-relazzjoni bejn il-Kelma ta’ Alla u l-kultura. Fil-fatt, Alla ma jirrivelax ruħu lill-bniedem b’mod astratt, imma billi jinqeda b’lingwaġġi, xbihat u espressjonijiet marbuta mid-diversi kulturi. Hi relazzjoni għammiela, li għandna xhieda wiesgħa tagħha fl-istorja tal-Knisja. Illum din ir-relazzjoni qed tidħol ukoll f’fażi ġdida minħabba li l-evanġelizzazzjoni kompliet titwessa’ u tniżżel għeruqha fi ħdan id-diversi kulturi u anki minħabba l-aktar żviluppi riċenti tal-kultura tal-Punent. Dan qabelxejn jimplika li nagħrfu l-importanza tal-kultura bħala tali għall-ħajja ta’ kull bniedem. Fil-fatt, il-fenomenu tal-kultura fl-aspetti kotrana tiegħu jippreżenta ruħu bħala fatt kostituttiv għall-esprjenza umana: “Il-bniedem dejjem jgħix skont kultura li hi tiegħu, u li, min-naħa tagħha, toħloq bejn il-bnedmin rabta li wkoll hija tagħhom, biex tiddetermina l-karattru interuman u soċjali tal-eżistenza umana”.[354]

 

Il-Kelma ta’ Alla matul is-sekli nebbħet lid-diversi kulturi, nisslet valuri morali fundamentali, espressjonijiet artistiċi eċċellenti u stili ta’ ħajja eżemplari.[355] Għalhekk, fil-perspettiva ta’ laqgħa mġedda bejn il-Bibbja u l-kulturi, nixtieq intenni lill-operaturi kulturali kollha li m’għandhomx minn xiex jibżgħu jekk jinfetħu għall-Kelma ta’ Alla; hi qatt mhi se teqred il-vera kultura, imma ssir tħeġġiġa kostanti għat-tiftix ta’ espressjonijiet umani dejjem iżjed xierqa u sinifikattivi. Kull kultura awtentika, biex tkun tassew għall-bniedem, għandha tkun miftuħa għat-traxxendenza, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar miftuħa għal Alla.

 

Il-Bibbja bħala kodiċi kbir għall-kulturi

110. Il-Padri Sinodali saħqu fuq l-importanza li qalb l-operaturi kulturali nieħdu ħsieb li jkun hemm għarfien xieraq tal-Bibbja, anki fl-ambjenti sekularizzati u fost dawk li ma jemmnux;[356] fl-Iskrittura Mqaddsa hemm miġbura l-valuri antropoloġiċi u filosofiċi li ħallew impatt pożittiv fuq l-umanità kollha.[357] Jeħtieġ nirkupraw it-tifsira sħiħa tal-Bibbja bħala kodiċi kbir għall-kulturi.

 

L-għarfien tal-Bibbja fl-iskejjel u l-universitajiet

111. Qasam partikulari tal-laqgħa bejn il-Kelma ta’ Alla u l-kulturi hu dak tal-iskola u tal-universitajiet. Ir-Ragħajja għandu jkollhom għożża speċjali għal dawn l-ambjenti, u jippromovu fihom għarfien qawwi tal-Bibbja biex minnha jistgħu jissarrfu l-implikazzjonijiet kulturali għammiela anki għal żmienna. Iċ-ċentri ta’ studju fi ħdan realtajiet Kattoliċi joffru kontribut oriġinali – li għandu jiġi rikonoxxut – għall-promozzjoni tal-kultura u tat-tagħlim. Imbagħad, lanqas għandna nittraskuraw it-tagħlim tar-reliġjon, b’formazzjoni tajba tal-għalliema. F’ħafna każi dan jirrappreżenta għall-istudenti okkażjoni unika ta’ kuntatt mal-messaġġ tal-fidi. Tajjeb li f’dan it-tagħlim nippromovu l-għarfien tal-Iskrittura Mqaddsa, negħlbu kull preġudizzju antik u ġdid, u nfittxu li nuru l-verità tagħha.[358]

 

L-Iskrittura Mqaddsa fl-għadd ta’ espressjonijiet artistiċi tagħha

112. Ir-relazzjoni bejn il-Kelma ta’ Alla u l-kultura sabet l-espressjoni tagħha f’opri ta’ diversi oqsma, b’mod partikulari fid-dinja tal-arti. Għalhekk it-tradizzjoni kbira tal-Lvant u tal-Punent dejjem stmat il-manifestazzjonijiet artistiċi mnebbħa mill-Iskrittura Mqaddsa, bħal ngħidu aħna l-arti figurattiva u l-arkitettura, il-letteratura u l-mużika. Jiġini f’moħħi wkoll il-lingwaġġ antik espress fl-ikoni li mit-tradizzjoni Orjentali qed jixtered fid-dinja kollha. Flimkien mal-Padri Sinodali, il-Knisja kollha tesprimi l-apprezzament, l-istima u l-ammirazzjoni tagħha għall-artisti “nnamrati mill-ġmiel”, li ħallew it-testi sagri jnebbħuhom; dawn taw sehem kbir fid-dekorazzjoni tal-knejjes tagħna, fiċ-ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna, biex kompliet tistagħna l-liturġija tagħna, u, fl-istess waqt, bosta minnhom għenu biex b’xi mod jgħinuna naqraw fiż-żmien u fl-ispazju r-realtajiet inviżibbli u eterni.[359] Nistieden lill-organizzazzjonijiet kompetenti biex jippromovu fil-Knisja formazzjoni soda tal-artisti dwar l-Iskrittura Mqaddsa fid-dawl tat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja u tal-Maġisteru.

 

Il-Kelma ta’ Alla u l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali

113. Mar-relazzjoni bejn il-Kelma ta’ Alla u l-kulturi norbtu wkoll l-importanza tal-użu attent u intelliġenti tal-mezzi, qodma u ġodda, ta’ komunikazzjoni soċjali. Il-Padri Sinodali rrakkomandaw għarfien tajjeb ta’ dawn l-għodod, b’attenzjoni għall-iżvilupp mgħaġġel tagħhom u għad-diversi livelli ta’ interazzjoni u b’investiment f’iktar enerġija għall-kisba ta’ kompetenza fid-diversi oqsma, b’mod partikulari fl-hekk imsejħa new media, bħal ngħidu aħna l-internet. Diġà teżisti preżenza sinifikanti min-naħa tal-Knisja fid-dinja tal-komunikazzjoni tal-massa u anki l-Maġisteru ekkleżjali esprima ruħu kemm-il darba fuq din it-tema, ibda mill-Konċilju Vatikan II.[360] Il-kisba ta’ metodi ġodda biex ngħaddu l-Messaġġ evanġeliku tagħmel parti mit-tensjoni kontinwa tal-evanġelizzazzjoni f’dawk li jemmnu u llum il-komunikazzjoni tifrex xibka li tgeżwer fiha l-globu kollu u fejn tikseb tifsira ġdida s-sejħa ta’ Kristu: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut” (Mt 10:27). Il-Kelma divina, barra mill-għamla stampata, għandha tidwi wkoll permezz tax-xejriet l-oħra ta’ komunikazzjoni.[361] Għalhekk, flimkien mal-Padri Sinodali, nixtieq irrodd ħajr lill-Kattoliċi li qed iħabirku b’kompetenza għal preżenza sinifikattiva fid-dinja tal-midja, u jħeġġu għal impenn usa’ u iktar kwalifikat.[362]

 

Fost l-għamliet ġodda ta’ komunikazzjoni tal-massa, rwol dejjem jikber illum il-ġurnata huwa dak tal-internet, li hu forum ġdid li fih għandna nħallu jidwi l-Evanġelju, fl-għarfien, imma, li d-dinja virtwali ma tista’ qatt tieħu post id-dinja reali u li l-evanġelizzazzjoni tista’ biss tgawdi mill-virtwalità offruta mill-midja l-ġodda biex tibni relazzjonijiet sinifikattivi jekk dan jasal għall-kuntatt personali, li xejn ma jista’ jeħodlu postu. Fid-dinja tal-internet, li tippermetti li jidhru biljuni ta’ xbihat fuq miljuni ta’ skrins mad-dinja kollha, għandu joħroġ il-wiċċ ta’ Kristu u jinstema’ leħnu, għax “jekk m’hemmx wisa’ għal Kristu, lanqas hemm wisa’ għall-bniedem”.[363]

 

Il-Bibbja u l-inkulturazzjoni

114. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni jurina li Alla, minn naħa, dejjem jikkomunika fi storja konkreta, billi jagħmel tiegħu l-kodiċi kulturali miktub fiha, imma, min-naħa l-oħra, l-istess Kelma tista’ u għandha tgħaddi minn kulturi differenti, tibdilhom minn ġewwa, permezz ta’ dik li l-Papa Pawlu VI kien isejħilha l-evanġelizzazzjoni tal-kulturi.[364] Għalhekk il-Kelma ta’ Alla, kif wara kollox il-fidi Nisranija kollha, turi li għandha karattru profondament interkulturali, kapaċi tiltaqa’ ma’ kulturi differenti minn xulxin u tlaqqagħhom flimkien.[365]

 

F’dan il-kuntest nifhmu wkoll il-valur tal-inkulturazzjoni tal-Evanġelju.[366] Il-Knisja hi persważa għalkollox mill-ħila intrinsika tal-Kelma ta’ Alla li tilħaq il-bnedmin kollha fil-kuntest kulturali li fih jgħixu: “Din il-konvinzjoni ġejja mill-Bibbja nfisha, li, sa mill-ktieb tal-Ġenesi, tassumi orjentament universali (ara Ġen 1:27-28), imbagħad iżżommu fil-barka mwiegħda lill-ġnus kollha grazzi għal Abraham u għal nislu warajh (ara Ġen 12:3; 18:18) u tikkonfermah għalkollox billi twessa’ l-evanġelizzazzjoni għall-‘ġnus kollha’”.[367] Għalhekk l-inkulturazzjoni m’għandniex inħalltuha ma’ proċessi ta’ adattament superfiċjali u lanqas mal-konfużjoni sinkretista li ġġib fix-xejn l-oriġinalità tal-Evanġelju biex tagħmlu iktar aċċettabbli b’mod faċli.[368] Il-mudell awtentiku tal-inkulturazzjoni hu l-istess inkarnazzjoni tal-Verb: “L-‘akkulturazzjoni’ jew ‘inkulturazzjoni’ tista’ tkun tassew mera tal-inkarnazzjoni tal-Verb, meta kultura, mibdula u mogħtija ħajja ġdida mill-Evanġelju, tipproduċi fit-tradizzjoni tagħha espressjonijiet oriġinali ta’ ħajja, ta’ ċelebrazzjoni, ta’ ħsieb Nisrani”,[369] u hekk minn ġewwa stess ittella’ l-għaġna tal-kultura lokali, u tagħti valur lis-semina Verbi u dak kollu pożittiv li hu preżenti fiha, billi tiftaħha għall-valuri tal-Evanġelju.[370]

 

Traduzzjonijiet u tixrid tal-Bibbja

115. Jekk l-inkulturazzjoni tal-Kelma ta’ Alla hi parti fundamentali tal-missjoni tal-Knisja fid-dinja, mument deċiżiv f’dan il-proċess hu t-tixrid tal-Bibbja permezz tal-ħidma prezzjuża tat-traduzzjoni fid-diversi ilsna. F’dan dejjem irridu nżommu quddiem għajnejna li l-opra tat-traduzzjoni tal-Iskrittura “bdiet sa minn żmien it-Testment il-Qadim meta t-test Lhudi tal-Bibbja ġie maqlub oralment fl-Aramajk (Neħ 8:8,12) u, iżjed tard, bil-kitba fil-Grieg. Fil-fatt, traduzzjoni dejjem hi xi ħaġa iżjed minn sempliċi traskrizzjoni tat-test oriġinali. Il-passaġġ minn ilsien għal ieħor bilfors iġib miegħu bidla ta’ kuntest kulturali: il-kunċetti mhumiex identiċi għal xulxin u l-qawwa tas-simboli hi differenti, għax jitqiegħdu f’rabta ma’ tradizzjonijiet oħra ta’ ħsieb u modi oħra ta’ ħajja”.[371]

 

Tul il-ħidmiet Sinodali rajna kif bosta Knejjes lokali għad m’għandhomx f’idejhom traduzzjoni sħiħa tal-Bibbja fl-ilsna tagħhom. Kemm popli llum għandhom ġuħ u għatx għall-Kelma ta’ Alla, imma b’xorti ħażina għadhom ma jistgħux “jersqu b’ħeffa lejn l-Iskrittura Mqaddsa”,[372] kif kien awgura l-Konċilju Vatikan II. Għalhekk is-Sinodu jħoss li qabelxejn hija importanti l-formazzjoni ta’ speċjalisti li jiddedikaw ruħhom biex jittraduċu l-Bibbja fil-bosta ilsna.[373] Inħeġġeġ biex ninvestu r-riżorsi f’dan il-qasam. B’mod partikulari, nixtieq nirrakkomanda li nwieżnu l-ħidma tal-Federazzjoni Biblika Kattolika biex jikber iżjed l-għadd tat-traduzzjonijiet tal-Iskrittura Mqaddsa u t-tqassim tagħhom kullimkien.[374] Tajjeb li, minħabba l-istess natura ta’ ħidma bħal din, dan isir, sakemm hu possibbli, f’kollaborazzjoni mad-diversi Soċjetajiet Bibliċi.

 

Il-Kelma ta’ Alla tegħleb il-limiti tal-kulturi

116. L-Assemblea Sinodali, fid-dibattitu dwar ir-relazzjoni bejn il-Kelma ta’ Alla u l-kulturi, ħasset il-bżonn li tafferma mill-ġdid dak li l-ewwel Insara setgħu jħossu sa minn Għid il-Ħamsin (ara Atti 2:1-13). Il-Kelma divina kapaċi tinfed u tesprimi ruħha f’kulturi u ilsna differenti, imma l-istess Kelma tmur lil hinn mil-limiti tal-kulturi partikulari billi toħloq komunjoni bejn id-diversi popli. Il-Kelma ta’ Alla tistedinna nersqu lejn komunjoni usa’. “Noħorġu mil-limitazzjoni tal-esperjenzi tagħna u nidħlu fir-realtà, li hi tabilħaqq universali. Meta nidħlu fil-komunjoni mal-Kelma ta’ Alla, nidħlu fil-komunjoni tal-Knisja li tgħix il-Kelma ta’ Alla. … Ifisser li noħorġu mil-limiti tal-kulturi partikulari għall-universalità li torbotna lkoll flimkien, tgħaqqad lil kulħadd, tagħmilna lkoll aħwa”.[375] Għalhekk, ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla jitlob dejjem, l-ewwel u qabel kollox minna stess, eżodu ġdid, biex inħallu l-kejl u l-immaġinazzjoni limitati tagħna jagħmlu wisa’ fina għall-preżenza ta’ Kristu.

 

Il-Kelma ta’ Alla u d-djalogu interreliġjuż

 

Il-valur tad-djalogu interreliġjuż

117. Bħala parti essenzjali mit-tħabbira tal-Kelma, il-Knisja tagħraf il-laqgħa, id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, b’mod partikulari mal-persuni li ġejjin mid-diversi tradizzjonijiet reliġjużi tal-umanità, waqt li tevita kull xorta ta’ sinkretiżmu u ta’ relattiviżmu u timxi skont il-linji indikati mid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II Nostra ætate żviluppati mill-Maġisteru tal-Papiet ta’ wara.[376] Il-proċess mgħaġġel ta’ globalizzazzjoni, karatteristiku tal-epoka tagħna, ipoġġina f’kuntatt eqreb ma’ persuni ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti. Hija opportunità providenzjali biex nuru kif it-tifsira reliġjuża awtentika tista’ tippromovi fost il-bnedmin relazzjonijiet ta’ fraternità universali. Hu tassew importanti li r-reliġjonijiet jiffavorixxu fis-soċjetajiet tagħna, spiss sekularizzati, mentalità li tara f’Alla li jista’ kollox il-bażi ta’ kull ġid, l-għajn ma taqta’ xejn tal-ħajja morali, dak li jwieżen sens profond ta’ fratellanza universali.

 

Ngħidu aħna, fit-tradizzjoni Lhudija-Nisranija nsibu l-istqarrija suġġestiva tal-imħabba ta’ Alla għall-popli kollha, li hu, diġà fil-Patt li għamel ma’ Noè, jiġbor flimkien f’tgħanniqa waħda kbira ssimbolizzata mill-“qaws fis-sħab” (Ġen 9:13,14,16) u li, skont kliem il-profeti, hu jixtieq jiġbor f’familja waħda universali (ara 2:2ss; 42:6; 66:18-21; Ġer 4:2; Salm 47). Fil-fatt, f’bosta tradizzjonijiet reliġjużi kbar insibu din ix-xhieda tar-rabta qawwija bejn ir-relazzjoni ma’ Alla u l-etika tal-imħabba għal kull bniedem.

 

Djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani

118. Fost id-diversi reliġjonijiet, il-Knisja tħares bi stima kbira lejn il-Musulmani, li jagħrfu l-eżistenza ta’ Alla wieħed;[377] jirriferu għal Abraham u jqimu lil Alla fuq kollox bit-talb, il-karità u s-sawm. Aħna nagħrfu li fit-tradizzjoni tal-Iżlam hemm bosta figuri, simboli u temi bibliċi. F’kontinwità mal-opra importanti tal-Venerabbli Ġwanni Pawlu II, nawgura li r-relazzjonijiet ta’ fiduċja, mibdija snin twal ilu, bejn Insara u Musulmani, jissoktaw u jiżviluppaw fi spirtu ta’ djalogu sinċier u rispettuż.[378] F’dan id-djalogu, is-Sinodu esprima l-awgurju li jistgħu jiġu approfonditi r-rispett tal-ħajja bħala valur fundamentali, id-drittijiet inaljenabbli tal-mara u tar-raġel u d-dinjità tagħhom indaqs. Bid-distinzjoni bejn l-ordni soċjopolitiku u l-ordni reliġjuż quddiem għajnejhom, ir-reliġjonijiet għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom b’risq il-ġid komuni. Is-Sinodu jitlob lill-Konferenzi Episkopali, fejn hu l-aktar opportun u jista’ jiswa ta’ ġid, li jiffavorixxu laqgħat ta’ għarfien reċiproku bejn Insara u Musulmani biex jippromovu l-valuri li s-soċjetà tant għandha bżonn għal konvivenza paċifika u pożittiva.[379]

 

Djalogu mar-reliġjonijiet l-oħra

119. Barra minn hekk, f’din iċ-ċirkustanza nixtieq nuri r-rispett tal-Knisja għar-reliġjonijiet u t-tradizzjonijiet spiritwali l-qodma tad-diversi kontinenti; huma jiġbru fihom valuri li jistgħu jiffavorixxu bil-kbir il-ftehim bejn il-persuni u l-popli.[380] Ta’ spiss nilmħu sintoniji ma’ valuri espressi anki fil-kotba reliġjużi tagħhom, bħal, ngħidu aħna, ir-rispett għall-ħajja, il-kontemplazzjoni, is-skiet u s-sempliċità fil-Buddiżmu; is-sens tas-sagru, tas-sagrifiċċju u tas-sawm fil-Ħinduwiżmu; kif ukoll il-valuri tal-familja u dawk soċjali fil-Konfuċjaniżmu. Imqar f’esperjenzi reliġjużi oħra naraw attenzjoni sinċiera għat-traxxendenza ta’ Alla, magħruf bħala Ħallieq, kif ukoll għar-rispett tal-ħajja, taż-żwieġ u tal-familja, flimkien ma’ sens qawwi ta’ solidarjetà.

 

Djalogu u libertà reliġjuża

120. Madankollu, id-djalogu ma jistax iħalli frott jekk ma jinkludix fih ukoll rispett awtentiku għal kull persuna, biex tista’ tipprattika b’mod ħieles ir-reliġjon tagħha. Għalhekk is-Sinodu, waqt li jippromovi l-kollaborazzjoni bejn l-esponenti tad-diversi reliġjonijiet, daqstant ieħor ifakkar fil-“ħtieġa li tiġi żgurata tabilħaqq għal dawk kollha li jemmnu l-libertà li jistqarru r-reliġjon tagħhom fil-privat u fil-pubbliku, kif ukoll il-libertà tal-kuxjenza”;[381] fil-fatt, “ir-rispett u d-djalogu jitolbu r-reċiproċità f’kull qasam, fuq kollox f’dak li jolqot il-libertajiet fundamentali u b’mod iżjed partikulari l-libertà reliġjuża. Huma jiffavorixxu l-paċi u l-fehma waħda bejn il-popli”.[382]


 

GĦELUQ

 

Il-kelma definittiva ta’ Alla

121. Fi tmiem dawn ir-riflessjonijiet li bihom xtaqt niġbor u ninżel iktar fil-fond tal-għana tat-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, nixtieq mill-ġdid insejjaħ lill-Poplu kollu ta’ Alla, lir-Ragħajja, lill-persuni kkonsagrati u lil-lajċi biex iħabirku ħalli jsiru dejjem iżjed familjari mal-Iskrittura Mqaddsa. Ma għandna qatt ninsew li bħala pedament ta’ kull spiritwalità Nisranija awtentika u ħajja hemm il-Kelma ta’ Alla mħabbra, milqugħa, iċċelebrata u mmeditata fil-Knisja. Nistgħu ninżlu iktar fil-fond u b’ħeġġa ikbar f’din ir-relazzjoni mal-Kelma divina skont kemm inkunu konxji li, kemm fl-Iskrittura Mqaddsa u kemm fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, ninsabu quddiem il-Kelma definittiva ta’ Alla fuq l-univers u fuq l-istorja.

 

Kif jgħinna nikkontemplaw il-Prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni, l-essri kollu qiegħed taħt is-sinjal tal-Kelma. Il-Verb joħroġ mill-Missier u jiġi jgħammar fost dawk li huma tiegħu u jerġa’ lura fi ħdan il-Missier biex jieħu miegħu lill-ħolqien kollu li fih u għalih kien maħluq. Issa l-Knisja tgħix il-missjoni tagħha fit-tensjoni tal-istennija tad-dehra eskatoloġika tal-Għarus: “L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: Ejja!’” (Apk 22:17). Din l-istennija qatt mhija waħda passiva, imma tensjoni missjunarja ta’ tħabbira tal-Kelma ta’ Alla li tfejjaq u tifdi lil kull bniedem: illum ukoll Ġesù Rxoxt qed jgħidilna: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15).

 

Evanġelizzazzjoni ġdida u smigħ ġdid

122. Għalhekk, dan tagħna għandu jsir dejjem iżjed iż-żmien ta’ smigħ ġdid tal-Kelma ta’ Alla u ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Jekk niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità tal-Kelma divina fil-ħajja Nisranija nistgħu hekk insibu mill-ġdid it-tifsira l-iktar profonda ta’ dak li l-Papa Ġwanni Pawlu II reġa’ sejħilna għalih b’tant qawwa: li nissoktaw il-missio ad gentes u nniedu b’saħħitna kollha l-evanġelizzazzjoni ġdida, fuq kollox f’dawk l-artijiet fejn l-Evanġelju ntesa jew qed ibati mill-indifferenza tal-ħafna minħabba f’sekulariżmu mifrux. Ħa jimla l-Ispirtu s-Santu l-bnedmin bil-ġuħ u jqanqal l-għatx għall-Kelma ta’ Alla kif ukoll ħabbara u xhieda żelanti tal-Evanġelju.

 

Bħall-Appostlu l-kbir tal-ġnus, li nbidel wara li sema’ l-leħen tal-Mulej (ara Atti 9:1-30), ħa nagħtu aħna wkoll widen għall-Kelma divina li tisfidana dejjem personalment illum u issa. L-Ispirtu s-Santu, jirrakkuntawlna l-Atti tal-Appostli, għażel għalih lil Pawlu flimkien ma’ Barnaba għall-predikazzjoni u t-tixrid tal-Bxara t-Tajba (ara 13:2). Hekk illum ukoll l-Ispirtu s-Santu ma jehdiex isejjaħ semmiegħa u ħabbara konvinti u konvinċenti tal-Kelma ta’ Alla.

 

Il-Kelma u l-ferħ

123. Iktar ma noqogħdu għall-Kelma divina, aktar naraw kif il-misteru ta’ Għid il-Ħamsin qed jaħdem illum ukoll fil-Knisja ta’ Alla. L-Ispirtu tal-Mulej jissokta jsawwab id-doni tiegħu fuq il-Knisja biex naslu għall-verità sħiħa kollha, jgħarrafna t-tifsira tal-Iskrittura u jagħmilna fid-dinja ħabbara kredibbli tal-Kelma tas-salvazzjoni. U hekk nerġgħu lura għall-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann. Fil-Kelma ta’ Alla, aħna wkoll smajna, rajna u missejna b’idejna l-Verb tal-ħajja. Ilqajna bi grazzja l-aħbar li l-ħajja ta’ dejjem dehret, u għalhekk issa nagħrfu li aħna f’komunjoni ma’ xulxin, ma’ min ġie qabilna fis-sinjal tal-fidi u ma’ dawk kollha li, imxerrda mad-dinja, jisimgħu l-Kelma, jiċċelebraw l-Ewkaristija, jgħixu x-xhieda tal-imħabba. Il-komunikazzjoni ta’ din il-bxara – ifakkarna l-Appostlu Ġwanni – tingħata biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (1 Ġw 1:4).

 

L-Assemblea Sinodali għenitna nduqu dak li nsibu fil-messaġġ ta’ Ġwanni: it-tħabbira tal-Kelma toħloq komunjoni u twassal għall­-ferħ. Hu ferħ profond li joħroġ mill-istess qalb tal-ħajja tat-Trinità u jasal għandna permezz tal-Iben. Dan il-ferħ hu don indeskrivibbli li d-dinja ma tistax tagħtih. Nistgħu norganizzaw il-festi, imma mhux il-ferħ. Skont l-Iskrittura, il-ferħ huwa frott tal-Ispirtu s-Santu (ara Gal 5:22), li bih nistgħu nidħlu fil-Kelma u nagħmlu mod li l-Kelma divina tidħol fina u tagħmel frott għall-ħajja ta’ dejjem. Aħna u nxandru l-Kelma ta’ Alla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nixtiequ nikkomunikaw ukoll l-għajn tal-veru ferħ, mhux ta’ ferħ tal-qoxra u li jgħaddi malajr, imma ta’ dak li joħroġ mill-għarfien li l-Mulej Ġesù biss għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:68).

 

“Mater Verbi et Mater lætitiæ”

124. Din ir-relazzjoni intima bejn il-Kelma ta’ Alla u l-ferħ tidher b’mod ċar sewwasew fl-Omm ta’ Alla. Niftakru fi kliem Santa Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1:45). Marija hija hienja għax għandha l-fidi, għax emmnet, u f’din il-fidi laqgħet fl-istess ġufha l-Verb ta’ Alla biex tagħtih lid-dinja. Il-ferħ li rċiviet mill-Kelma, issa jista’ jilħaq lil dawk kollha li fil-fidi jħallu l-Kelma ta’ Alla tibdilhom. L-Evanġelju ta’ Luqa joffrilna f’żewġ testi dan il-misteru tas-smigħ u tal-ferħ. Ġesù jistqarr: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid hu” (8:21). U quddiem l-istagħġib ta’ mara mill-folla li riedet tfaħħar il-ġuf li ġarru u s-sider li reddgħu, Ġesù juri liema hu s-sigriet tal-ferħ veru: “Aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (11:28). Ġesù juri liema hu l-veru kobor ta’ Marija, u hekk jiftaħ ukoll għal kull wieħed u waħda minna l-possibbiltà ta’ dak l-hena li jitnissel mill-Kelma milqugħa u mqiegħda fil-prattika. Għalhekk, lill-Insara kollha nfakkarhom li r-relazzjoni personali u komunitarja tagħna ma’ Alla tiddependi minn kemm tikber il-familjarità tagħna mal-Kelma divina. Fl-aħħar nett, indur fuq il-bnedmin kollha, anki fuq dawk li tbiegħdu mill-Knisja, li telqu l-fidi jew qatt ma semgħu l-aħbar tas-salvazzjoni. Lil kull wieħed u waħda minnhom il-Mulej qed jgħid: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (Apk 3:20).

 

Ħa tkun mela kull ġurnata tagħna magħġuna mil-laqgħa mġedda ma’ Kristu, il-Verb tal-Missier li sar bniedem: hu jinsab fil-bidu u fit-tmiem u “kollox fih qiegħed iżomm” (Kol 1:17). Ejjew nisktu biex nagħtu widen għall-Kelma tal-Mulej u nixtarruha, biex, permezz tal-ħidma effikaċi tal-Ispirtu s-Santu, hija tissokta tgħammar, tgħix u tkellimna tul il-jiem kollha ta’ ħajjitna. Hekk il-Knisja dejjem tiġġedded u ssir żagħżugħa grazzi għall-Kelma tal-Mulej li tibqa’ għal dejjem (ara 1 Pt 1:25; 40:8). Hekk aħna wkoll nistgħu nidħlu fid-djalogu kbir tal-għerusija li bih tagħlaq l-Iskrittura Mqaddsa: “L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: ‘Ejja!’. Min jisma’, ħa jgħid: ‘Ejja!’… Min qiegħed jagħti xhieda ta’ dawn il-ħwejjeġ jgħid: ‘Iva, jien dalwaqt ġej!’. Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!” (Apk 22:17,20).

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru,

it-30 ta’ Settembru, Tifkira ta’ San Ġlormu,

tas-sena 2010, is-sitt waħda tal-Pontifikat tiegħi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Franceso Pio Attard

 


 

[1] Ara Propositio 1.

[2] Ara XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Instrumentum laboris, 27.

[3] Ara Ljun XIII, Ittra enċiklika Providentissimus Deus (18 ta’ Novembru 1893): ASS 26 (1893-1894), 269-292; Benedittu XV, Ittra enċiklika Spiritus Paraclitus (15 ta’ Settembru 1920): AAS 12 (1920), 385-422; Piju XII, Ittra enċiklika Divino afflante Spiritu (30 ta’ Settembru 1943): AAS 35 (1943), 297-325.

[4] Propositio 2.

[5] Ibidem.

[6] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 2.

[7] Ibidem, 4.

[8] Fost l-interventi ta’ xejriet differenti nfakkru: Pawlu VI, Ittra appostolika Summi Dei Verbum (4 ta’ Novembru 1963): AAS 55 (1963), 979-995; Id., Motu Proprju Sedula cura (27 ta’ Ġunju 1971): AAS 63 (1971), 665-669; Ġwanni Pawlu II, Udjenza ġenerali (1 ta’ Mejju 1985): L’Osservatore Romano, 2-3 ta’ Mejju 1985, p. 6; Id., Diskors fuq l-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (23 ta’ April 1993): AAS 86 (1994), 232-243; Benedittu XVI, Diskors fil-Kungress Internazzjonali għall-40 anniversarju tad-Dei Verbum (16 ta’ Settembru 2005); AAS 97 (2005), 957; Id., Angelus (6 ta’ Novembru 2005): Insegnamenti I (2005), 759-760. Ta’ min ifakkar ukoll l-interventi tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika, De sacra Scriptura et Christologia (1984): Ench. Vat. 9, n. 1208-1339; Unità u diversità fil-Knisja (11 ta’ April 1988): Ench. Vat. 11, n. 544-643; L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993): Ench. Vat. 13, n. 2846-3150; Il-poplu Lhudi u l-Kotba Mqaddsa tiegħu fil-Bibbja Nisranija (24 ta’ Mejju 2001): Ench. Vat. 20, n. 733-1150; Bibbja u morali. Għeruq bibliċi għall-imġiba Nisranija (11 ta’ Mejju 2008), Belt tal-Vatikan 2008.

[9] Ara Benedittu XVI, Diskors lill-Kurja Rumana (22 ta’ Diċembru 2008): AAS 101 (2009), 49.

[10] Ara Propositio 37.

[11] Ara Kummissjoni Pontifiċja Biblika, Il-poplu Lhudi u l-Kotba Mqaddsa tiegħu fil-Bibbja Nisranija (24 ta’ Mejju 2001), Ench. Vat. 20, n. 733-1150.

[12] Benedittu XVI, Diskors lill-Kurja Rumana (22 ta’ Diċembru 2008): AAS 101 (2009), 50.

[13] Ara Benedittu XVI, Angelus (4 ta’ Jannar 2009): Insegnamenti V, 1 (2009), 13.

[14] Ara Relatio ante disceptationem, I.

[15] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 2.

[16] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 1: AAS 98 (2006), 217-218.

[17] Instrumentum laboris, 9.

[18] Kredu Niċeno-Kostantinopolitan: DS 150.

[19] San Bernard ta’ Clairvaux, Homilia super Missus est, IV, 11: PL 183, 86 B.

[20] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 10.

[21] Ara Propositio 3.

[22] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni fuq l-uniċità u l-universalità salvifika ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja Dominus Iesus (6 ta’ Awwissu 2000), 13-15: AAS 92 (2000), 754-756.

[23] Ara In Hexæmeron, XX, 5: Opera Omnia, V, Quaracchi 1891, pp. 425-426; Breviloquium, I, 8: Opera Omnia, V, Quaracchi 1891, pp. 216-217.

[24] Itinerarium mentis in Deum, II, 12: Opera Omnia, V, Quaracchi 1891, pp. 302-303; ara Commentarius in librum Ecclesiastes, Kap. 1, vers. 11, Quæstiones II, 3: Opera Omnia, VI, Quaracchi 1891, p. 16.

[25] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 3; ara Konċilju Ekumeniku Vatikan I, Kostituzzjoni dommatika fuq il-fidi Kattolika Dei Filius, cap. 2, De revelatione: DS 3004.

[26] Ara Propositio 13.

[27] Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Fit-tiftixa ta’ etika universali: ħarsa ġdida lejn il-liġi naturali, Belt tal-Vatikan 2009, n. 39.

[28] Ara Summa Theologiæ, Ia-IIae, q. 94, a. 2.

[29] Ara Kummissjoni Pontifiċja Biblika, Bibbja u morali. Għeruq bibliċi għall-imġiba Nisranija (11 ta’ Mejju 2008), Belt tal-Vatikan 2008, n. 13, 32, 109.

[30] Ara Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Fit-tiftixa ta’ etika universali: ħarsa ġdida lejn il-liġi naturali, Belt tal-Vatikan 2009, n. 102.

[31] Ara Benedittu XVI, Omelija tat-Terza fil-bidu tal-1 Kongregazzjoni Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (6 ta’ Ottubru 2008): AAS 100 (2008), 758-761.

[32] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 14.

[33] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 1: AAS 98 (2006), 217-218.

[34] Ho Lógos pachynetai (o brachyne­tai)”. Ara Oriġene, Peri Archon, I, 2, 8: SC 252, pp. 127-129.

[35] Benedittu XVI, Omelija fis-Solennità tat-Twelid tal-Mulej (24 ta’ Diċembru 2006): AAS 99 (2007), 12.

[36] Ara Messaġġ finali, II, 4-6.

[37] Massimu l-Konfessur, Il-ħajja ta’ Marija, n. 89: Testi mariani del primo millennio, 2, Roma 1989, p. 253.

[38] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 9-10: AAS 99 (2007), 111-112.

[39] Benedittu XVI, Udjenza ġenerali (15 ta’ April 2009): L’Osservatore Romano, 16 ta’ April 2009, p. 1.

[40] Id., Omelija fis-Solennità tal-Epifanija (6 ta’ Jannar 2009): L’Osservatore Romano, 7-8 ta’ Jannar 2009, p. 8.

[41] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 4.

[42] Propositio 4.

[43] San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Għolja tal-Karmelu, II, 22.

[44] Propositio 47.

[45] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 67.

[46] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Il-messaġġ ta’ Fatima (26 ta’ Ġunju 2000): Ench. Vat. 19, n. 974-1021.

[47] Adversus hæreses, IV, 7, 4: PG 7, 992-993; V, 1, 3: PG 7, 1123; V, 6, 1: PG 7, 1137; V, 28, 4: PG 7, 1200.

[48] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 12: AAS 99 (2007), 113-114.

[49] Ara Propositio 5.

[50] Adversus hæreses, III, 24, 1: PG 7, 966.

[51] Homiliæ in Genesim, XXII, 1: PG 53, 175.

[52] Epistula 120, 10: CSEL 55, pp. 500-506.

[53] Homiliæ in Ezechielem, I, VII, 17: CC 142, p. 94.

[54] Oculi ergo devotæ animæ sunt columbarum quia sensus eius per Spiritum sanctum sunt illuminati et edocti, spiritualia sapientes… Nunc quidem aperitur animæ talis sensus, ut intellegat Scripturas”: Rikkardu ta’ San Vitor, Explicatio in Cantica canticorum, 15: PL 196, 450 B. D.

[55] Sacramentarium Serapionis II (XX): Didascalia et Constitutiones apostolorum, ed. F.X. Funk, II, Paderborn 1906, p. 161.

[56] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 7.

[57] Ibidem, 8.

[58] Ibidem.

[59] Ara Propositio 3.

[60] Ara Messaġġ finali, II, 5.

[61] Expositio Evangelii secundum Lucam 6, 33: PL 15, 1677.

[62] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 13.

[63] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 102. Ara wkoll Rupertu ta’ Deutz, De operibus Spiritus Sancti, I, 6: SC 131, pp. 72-74.

[64] Enarrationes in Psalmos, 103, IV, 1: PL 37, 1378. Affermazzjonijiet jixtiebhu f’Oriġene, In Iohannem V, 5-6: SC 120, pp. 380-384.

[65] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 21.

[66] Ibidem, 9.

[67] Ara Propositiones 5 u 12.

[68] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 12.

[69] Ara Propositio 12.

[70] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 11.

[71] Propositio 4.

[72] Prol.: Opera Omnia, V, Quaracchi 1891, pp. 201-202.

[73] Ara Benedittu XVI, Diskors lin-nies ta’ kultura fil-“Collège des Bernardins” ta’ Pariġi (12 ta’ Settembru 2008): AAS 100 (2008), 721-730.

[74] Ara Propositio 4.

[75] Ara Relatio post disceptationem, 12.

[76] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 5.

[77] Propositio 4.

[78] Ngħidu aħna Dewt 28:1-2,15,45; 32:1; fost il-profeti ara Ġer 7:22-28; Eż 2:8; 3:10; 6:3; 13:2; sal-aħħar kotba: ara Żak 3:8. Għal San Pawl ara Rum 10:14-18; 1 Tess 2:13.

[79] Propositio 55.

[80] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 33: AAS 99 (2007), 132-133.

[81] Id., Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 41: AAS 98 (2006), 251.

[82] Propositio 55.

[83] Ara Expositio Evangelii secundum Lucam 2, 19: PL 15, 1559-1560.

[84] Breviloquium, Prol.: Opera Omnia, V, Quaracchi 1891, pp. 201-202.

[85] Summa Theologiæ, Ia-IIae, q. 106, art.2.

[86] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), III, A, 3: Ench. Vat. 13, n. 3035.

[87] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 12.

[88] Contra epistolam Manichaei quam vocant fundamenti, V, 6: PL 42, 176.

[89] Ara Benedittu XVI, Udjenza ġenerali (14 ta’ Novembru 2007): Insegnamenti III, 2 (2007), 586-591.

[90] Commentariorum in Isaiam libri, Prol.: PL 24, 17.

[91] Epistula 52, 7: CSEL 54, p. 426.

[92] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), II, A, 2: Ench. Vat. 13, n. 2988.

[93] Ibidem, II, A, 2: Ench. Vat. 13, n. 2991.

[94] Homiliæ in Ezechielem, I, VII, 8: PL 76, 843 D.

[95] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 24; ara Ljun XIII, Ittra enċiklika Providentissimus Deus (18 ta’ Novembru 1893), Pars II, sub fine: ASS 26 (1893-94), 269-292; Benedittu XV, Ittra enċiklika Spiritus Paraclitus (15 ta’ Settembru 1920), Pars III: AAS 12 (1920), 385-422.

[96] Ara Propositio 26.

[97] Ara Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), A-B: Ench. Vat. 13, n. 2846-3150.

[98] Benedittu XVI, Intervent fl-XIV-il Kongregazzjoni Ġenerali tas-Sinodu (14 ta’ Ottubru 2008): Insegnamenti IV, 2 (2008), 492; ara Propositio 25.

[99] Id., Diskors lin-nies ta’ kultura fil-“Collège des Bernardins” ta’ Pariġi (12 ta’ Settembru 2008): AAS 100 (2008), 722-723.

[100] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 10.

[101] Ara Ġwanni Pawlu II, Diskors fl-okkażjoni tal-100 anniversarju mill-Providentissimus Deus u tal-50 anniversarju mid-Divino afflante Spiritu (23 ta’ April 1993): AAS 86 (1994), 232-243.

[102] Ibidem, n. 4: AAS 86 (1994), 235.

[103] Ibidem, n. 5: AAS 86 (1994), 235.

[104] Ibidem, n. 5: AAS 86 (1994), 236.

[105] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), III, C, 1: Ench. Vat. 13, n. 3065.

[106] N. 12.

[107] Benedittu XVI, Intervent fl-XIV-il Kongregazzjoni Ġenerali tas-Sinodu (14 ta’ Ottubru 2008): Insegnamenti IV, 2 (2008), 493; ara Propositio 25.

[108] Ara Propositio 26.

[109] Propositio 27.

[110] Benedittu XVI, Intervent fl-XIV-il Kongregazzjoni Ġenerali tas-Sinodu (14 ta’ Ottubru 2008): Insegnamenti IV, 2 (2008), 493; ara Propositio 26.

[111] Ara ibidem.

[112] Ibidem.

[113] Ara Propositio 27.

[114] Benedittu XVI, Intervent fl-XIV-il Kongregazzjoni Ġenerali tas-Sinodu (14 ta’ Ottubru 2008): Insegnamenti IV, 2 (2008), 493-494.

[115] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Fides et ratio (14 ta’ Settembru 1998), 55: AAS 91 (1999), 49-50.

[116] Ara Benedittu XVI, Diskors fir-IV Konvenzjoni Nazzjonali Ekkleżjali fl-Italja (19 ta’ Ottubru 2006): AAS 98 (2006), 804-815.

[117] Ara Propositio 6.

[118] Ara Santu Wistin, De libero arbitrio, III, XXI, 59: PL 32, 1300; De Trinitate, II, I, 2: PL 42, 845.

[119] Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, Istruzzjoni Inspectis dierum (10 ta’ Novembru 1989), 26: AAS 82 (1990), 618.

[120] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 116.

[121] Summa Theologiæ, I, q. 1, art. 10, ad 1.

[122] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 118.

[123] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), II, A, 2: Ench. Vat. 13, n. 2987.

[124] Ibidem, II, B 2: Ench. Vat. 13, n. 3003.

[125] Benedittu XVI, Diskors lin-nies ta’ kultura fil-“Collège des Bernardins” ta’ Pariġi (12 ta’ Settembru 2008): AAS 100 (2008), 726.

[126] Ibidem.

[127] Ara Id., Udjenza ġenerali (9 ta’ Jannar 2008): Insegnamenti IV, 1 (2008), 41-45.

[128] Ara Propositio 29.

[129] De arca Noe, 2, 8: PL 176, 642 C-D.

[130] Ara Benedittu XVI, Diskors lin-nies ta’ kultura fil-“Collège des Bernardins” ta’ Pariġi (12 ta’ Settembru 2008): AAS 100 (2008), 725.

[131] Ara Propositio 10; Kummissjoni Pontifiċja Biblika, Il-poplu Lhudi u l-Kotba Mqaddsa tiegħu fil-Bibbja Nisranija (24 ta’ Mejju 2001), 3-5: Ench. Vat. 20, n. 748-755.

[132] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 121-122.

[133] Propositio 52.

[134] Ara Kummissjoni Pontifiċja Biblika, Il-poplu Lhudi u l-Kotba Mqaddsa tiegħu fil-Bibbja Nisranija (24 ta’ Mejju 2001), 19: Ench. Vat. 20, n. 799-801; Oriġene, Omelija fuq in-Numri 9, 4: SC415, pp. 238-242.

[135] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 128.

[136] Ibidem, 129.

[137] Propositio 52.

[138] Quæstiones in Heptateuchum, 2, 73: PL 34, 623.

[139] Homiliæ in Ezechielem, I, VI, 15: PL 76, 836 B.

[140] Propositio 29.

[141] Ġwanni Pawlu II, Messaġġ lill-Kap Rabbi ta’ Ruma (22 ta’ Mejju 2004): Insegnamenti, XXVII, 1 (2004), 655.

[142] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, Il-poplu Lhudi u l-Kotba Mqaddsa tiegħu fil-Bibbja Nisranija (24 ta’ Mejju 2001), 87: Ench. Vat. 20, n. 1150.

[143] Ara Benedittu XVI, Diskors tat-tluq fl-Ajruport Ben Gurion ta’ Tel Aviv (15 ta’ Mejju 2009): Insegnamenti V, 1 (2009), 847-849.

[144] Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Kapijiet Rabbini ta’ Iżrael (23 ta’ Marzu 2000): Insegnamenti XXIII, 1 (2000), 434.

[145] Ara Propositiones 46.47.

[146] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), I, F: Ench. Vat. 13, n. 2974.

[147] Ara Benedittu XVI, Diskors lin-nies ta’ kultura fil-“Collège des Bernardins” ta’ Pariġi (12 ta’ Settembru 2008): AAS 100 (2008), 726.

[148] Propositio 46.

[149] Propositio 28.

[150] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 23.

[151] Madankollu, ta’ min ifakkar li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-hekk imsejħa Kotba Dewterokanoniċi tat-Testment il-Qadim u l-ispirazzjoni tagħhom, il-Kattoliċi u l-Ortodossi m’għandhomx eżattament l-istess kanoni bibliku tal-Anglikani u l-Protestanti.

[152] Ara Relatio post disceptationem, 36.

[153] Propositio 36.

[154] Ara Benedittu XVI, Diskors fil-XI-il Kunsill Ordinarju tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (25 ta’ Jannar 2007): AAS 99 (2007), 85-86.

[155] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-Ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 21.

[156] Ara Propositio 36.

[157] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 10.

[158] Ittra enċiklika Ut unum sint (25 ta’ Mejju 1995), 44: AAS 87 (1995), 947.

[159] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 10.

[160] Ibidem.

[161] Ara ibidem, 24.

[162] Ara Propositio 22.

[163] San Girgor il-Kbir, Moralia in Job XXIV, VIII, 16: PL 76, 295.

[164] Ara Sant’Atanasju, Vita Antonii, II: PL 73, 127.

[165] Moralia, Regula LXXX, XXII: PG 31, 867.

[166] Regola, 73, 3: SC 182, p. 672.

[167] Tumas minn Celano, L-Ewwel Ħajja ta’ San Franġisk, IX, 22: FF 356.

[168] Regola, I, 1-2: FF 2750.

[169] Beatu Ġordanu tas-Sassonja, Libellus de principiis Ordinis Prædicatorum, 104: Monumenta Fratrum Prædicatorum Historica, Ruma 1935, 16, p. 75.

[170] Ordni tal-Predikaturi, L-Ewwel Kostituzzjonijiet jew Consuetudines, II, XXXI.

[171] Ktieb tal-Ħajja 40, 1.

[172] Ara Storja ta’ ruħ, Ms B 3r°.

[173] Ibidem, Ms Ċ 36v°.

[174] In Iohannis Evangelium Tractatus, I,12: PL 35, 1385.

[175] Ittra enċiklika Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu 1993), 25: AAS 85 (1993), 1153.

[176] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 8.

[177] Relatio post disceptationem, 11.

[178] N. 1.

[179] Benedittu XVI, Diskors fil-Konvenju internazzjonali “L-Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Knisja” (16 ta’ Settembru 2005): AAS 97 (2005), 956.

[180] Ara Relatio post disceptationem, 10.

[181] Messaġġ finali, III, 6.

[182] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 24.

[183] Ibidem, 7.

[184] Ordni għall-Qari tal-Quddiesa, 4.

[185] Ibidem, 9.

[186] Ibidem, 3; ara Lq 4:16-21; 24:25-35,44-49.

[187] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 102.

[188] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 44-45: AAS 99 (2007), 139-141.

[189] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), IV, C, 1: Ench. Vat. 13, n. 3123.

[190] Ibidem, III, B, 3: Ench. Vat. 13, n. 3056.

[191] Ara Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 48, 51, 56; Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 21, 26; Digriet fuq il-ħidma missjunarja tal-Knisja Ad gentes 6, 15; Digriet fuq il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri Presbyterorum ordinis, 18; Digriet fuq it-tiġdid tal-ħajja reliġjuża Perfectæ caritatis, 6. Fit-Tradizzjoni kbira tal-Knisja nsibu espressjonijiet sinifikattivi bħal: “Corpus Christi intelligitur etiam […] Scriptura Dei” (l-Iskrittura ta’ Alla wkoll hi meqjusa bħala Ġisem ta’ Kristu): Waltramus, De unitate Ecclesiæ conservanda, 1,14, ed. W. Schwenkenbecher, Hannoveræ 1883, p. 33; “Il-ġisem tal-Mulej hu tassew ikel u demmu tassew xorb; dan huwa l-ġid veru li għandna fil-ħajja ta’ issa, li nieklu ġismu u nixorbu demmu, mhux biss fl-Ewkaristija, imma wkoll fil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa. Fil-fatt, hi ikel u xorb veru l-kelma ta’ Alla li niksbu mill-għarfien tal-Iskrittura”: S. Ġlormu, Commentarius in Ecclesiasten, III: PL 23, 1092 A.

[192] J. Ratzinger (Benedittu XVI), Gesù di Nazaret, Milano 2007, 311.

[193] Ordni għall-Qari tal-Quddiesa, 10.

[194] Ibidem.

[195] Ara Propositio 7.

[196] Ittra enċiklika Fides et ratio (14 ta’ Settembru 1998), 13: AAS 91 (1999), 16.

[197] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1373-1374.

[198] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 7.

[199] In Psalmum 147: CCL 78, 337-338.

[200] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 2.

[201] Ara Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 107-108.

[202] Ordni għall-Qari tal-Quddiesa, 66.

[203] Propositio 16.

[204] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007) 45: AAS 99 (2007), 140-141.

[205] Ara Propositio 14.

[206] Ara Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 230 § 2; 204 § 1.

[207] Ordni għall-Qari tal-Quddiesa, 55.

[208] Ibidem, 8.

[209] N. 46: AAS 99 (2007), 141.

[210] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 25.

[211] Propositio 15.

[212] Ibidem.

[213] Sermo 179,1: PL 38, 966.

[214] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 93: AAS 99 (2007), 177.

[215] Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Compendium eucharisticum (25 ta’ Marzu 2009), Belt tal-Vatikan 2009.

[216] Epistula 52,7: CSEL 54, 426-427.

[217] Propositio 8.

[218] Ritwal tal-Penitenza, 17.

[219] Ibidem, 19.

[220] Propositio 8.

[221] Propositio 19.

[222] Prinċipji u normi għal-Liturġija tas-Sigħat, III, 15.

[223] Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 85.

[224] Ara Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, kan. 276 § 3; 1174 § 1.

[225] Ara Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, kan. 377; 473, § 1 u 2, 1°; 538 § 1; 881 § 1.

[226] Ktieb il-Barkiet, Daħla ġenerali, 21.

[227] Ara Propositio 18; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 35.

[228] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 75; AAS 99 (2007), 162-163.

[229] Ibidem.

[230] Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Diretttorju tal-pjetà popolari u l-liturġija, Prinċipji u linji-gwida (17 ta’ Diċembru 2001), 87: Ench. Vat. 20, n. 2461.

[231] Ara Propositio 14.

[232] Ara Sant’Injazju ta’ Antjokja, Ad Ephesios XV, 2: Patres Apostolici, ed. F.X. Funk, Tubingæ 1901, I, 224.

[233] Ara Santu Wistin, Sermo 288,5: PL 38,1307; Sermo 120,2: PL 38,677.

[234] Istituzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 56.

[235] Ibidem, 45; ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 30.

[236] Ordni għall-Qari tal-Quddiesa, 13.

[237] Ara ibidem, 17.

[238] Propositio 40.

[239] Ara Istituzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 309.

[240] Ara Propositio 14.

[241] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 69: AAS 99 (2007), 157.

[242] Ara Istituzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 57.

[243] Propositio 14.

[244] Ara l-kanoni 36 tas-Sinodu ta’ Ippona tas-sena 393: DS, 186.

[245] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Vicesimus quintus annus (4 ta’ Diċembru 1988), 13: AAS 81 (1989), 910; Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Istruzzjoni fuq xi ħwejjeġ li għandhom jiġu osservati u evitati dwar l-Ewkaristija Mqaddsa Redemptionis sacramentum (25 ta’ Marzu 2004), 62: Ench. Vat. 22, n. 2248.

[246] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 116; Istituzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman, 41.

[247] Ara Propositio 14.

[248] Propositio 9.

[249] Epistula 30, 7: CSEL 54, p. 246.

[250] Id., Epistula 133, 13: CSEL 56, p. 260.

[251] Id., Epistula 107, 9.12: CSEL 55, pp. 300.302.

[252] Id., Epistula 52, 7: CSEL 54, p. 426.

[253] Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 31: AAS 93 (2001), 287-288.

[254] Propositio 30; ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 24.

[255] S. Ġlormu, Commentariorum in Isaiam libri, Prol.: PL 24, 17 B.

[256] Propositio 21.

[257] Ara Propositio 23.

[258] Ara Kongregazzjoni għall-Kleru, Direttorju Ġenerali għall-Katekeżi (15 ta’ Awwissu 1997), 94-96: Ench. Vat., 16, n. 875-878; Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Catechesi tradendæ (16 ta’ Ottubru 1979), 27: AAS 71 (1979), 1298-1299.

[259] Ibidem, 127: Ench. Vat. 16, n. 935; ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Catechesi tradendæ (16 ta’ Ottubru 1979), 27: AAS 71 (1979), 1299.

[260] Ibidem, 128: Ench. Vat. 16, n. 936.

[261] Ara Propositio 33.

[262] Ara Propositio 45.

[263] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 39-42.

[264] Propositio 31.

[265] N. 15: AAS 96 (2004), 846-847.

[266] N. 26: AAS 84 (1992), 698.

[267] Ibidem.

[268] Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa taż-Żjut (9 ta’ April 2009): AAS 101 (2009), 355.

[269] Ibidem, 356.

[270] Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, Normi fundamentali għall-formazzjoni tad-djakni permanenti (22 ta’ Frar 1998), 11: Ench. Vat. 17, n. 174-175.

[271] Ibidem, 74: Ench. Vat. 17, n. 263.

[272] Ara ibidem, 81: Ench. Vat. 17, n. 271.

[273] Propositio 32.

[274] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992), 47: AAS 84 (1992), 740-742.

[275] Propositio 24.

[276] Benedittu XVI, Omelija fil-Jum Dinji tal-Ħajja Kkonsagrata (2 ta’ Frar 2008): AAS 100 (2008), 133; ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 82: AAS 88 (1996), 458-460.

[277] Kongregazzjoni għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni Nerġgħu nitilqu minn Kristu: impenn imġedded tal-Ħajja kkonsagrata fit-tielet millennju (19 ta’ Mejju 2002), 24: Ench. Vat. 21, n. 447.

[278] Ara Propositio 24.

[279] San Benedittu, Regola, IV, 21: SC 181, pp. 456-458.

[280] Benedittu XVI, Diskors fiż-żjara lill-Abbazija ta’ “Heiligenkreuz” (9 ta’ Settembru 2007): AAS 99 (2007), 856.

[281] Ara Propositio 30.

[282] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), 17: AAS 81 (1989), 418.

[283] Ara Propositio 33.

[284] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 49: AAS 74 (1982), 140-141.

[285] Propositio 20.

[286] Ara Propositio 21.

[287] Propositio 20.

[288] Ara Ittra appostolika Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 31: AAS 80 (1988), 1727-1729.

[289] Propositio 17.

[290] Ara Propositiones 9 u 22.

[291] N. 25.

[292] Enarrationes in Psalmos, 85, 7: PL 37, 1086.

[293] Oriġene, Epistola ad Gregorium, 3: PG 11,92.

[294] Benedittu XVI, Diskors lill-istudenti tas-Seminarju Maġġuri Ruman (19 ta’ Frar 2007): AAS 99 (2007), 253-254.

[295] Ara Id., Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 66: AAS 99 (2007), 155-156.

[296] Messaġġ fnali, III, 9.

[297] Ara ibidem.

[298] Plenaria indulgentia conceditur christifideli qui Sacram Scripturam, iuxta textum a competenti auctoritate adprobatum, cum veneratione divino eloquio debita et ad modum lectionis spiritalis, per dimidiam saltem horam legerit; si per minus tempus id egerit indulgentia erit partialis”: Pænitentiaria Apostolica, Enchiridion Indulgentiarum. Normæ et concessiones (16 ta’ Lulju 1999), 30, § 1.

[299] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1471-1479.

[300] Pawlu VI, Kostituzzjoni appostolika Indulgentiarum doctrina (1 ta’ Jannar 1967): AAS 59 (1967), 18-19.

[301] Ara Epistula 49, 3: PL 16, 1204A.

[302] Ara Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Direttorju tal-pjetà popolari u l-liturġija. Prinċipji u linji-gwida (17 ta’ Diċembru 2001), 197-202: Ench. Vat. 20, n. 2638-2643.

[303] Ara Propositio 55.

[304] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Rosarium Virginis Mariæ (16 ta’ Ottubru 2002): AAS 95 (2003), 5-36.

[305] Propositio 55.

[306] Ara Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Direttorju tal-pjetà popolari u l-liturġija. Prinċipji u linji-gwida (17 ta’ Diċembru 2001), 207: Ench. Vat. 20, n. 2656-2657.

[307] Ara Propositio 51.

[308] Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa fil-Wied ta’ Ġosafat, Ġerusalemm (12 ta’ Mejju 2009): AAS 101 (2009), 473.

[309] Ara Epistula 108, 14: CSEL 55, p. 324-325.

[310] Adversus hæreses, IV, 20, 7: PG 7, 1037.

[311] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Spe salvi (30 ta’ Novembru 2007), 31: AAS 99 (2007), 1010.

[312] Benedittu XVI, Diskors lin-nies ta’ kultura fil-“Collège des Bernardins” ta’ Pariġi (12 ta’ Settembru 2008): AAS 100 (2008), 730.

[313] Ara In Evangelium secundum Matthæum 17, 7: PG 13, 1197 B; San Ġlormu, Translatio homiliarum Origenis in Lucam, 36: PL 26, 324-325.

[314] Ara Benedittu XVI, Omelija għall-ftuħ tat-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (5 ta’ Ottubru 2008): AAS 100 (2008), 757.

[315] Propositio 38.

[316] Kongregazzjoni għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, Istruzzjoni Nerġgħu nitilqu minn Kristu: impenn imġedded tal-Ħajja kkonsagrata fit-tielet millennju (19 ta’ Mejju 2002), 36: Ench. Vat. 21, n. 488-491.

[317] Propositio 30.

[318] Ara Propositio 38.

[319] Ara Propositio 49.

[320] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 ta’ Diċembru 1990): AAS 83 (1991), 294-340; Id., Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 40: AAS 93 (2001), 294-295.

[321] Propositio 38.

[322] Ara Benedittu XVI, Omelija għall-ftuħ tat-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (5 ta’ Ottubru 2008): AAS 100 (2008), 753-757.

[323] Propositio 38.

[324] Messaġġ finali, IV, 12.

[325] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 22: AAS 68 (1976), 20.

[326] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dikjarazzjoni fuq il-libertà reliġjuża Dignitatis humanæ, 2 u 7.

[327] Ara Propositio 39.

[328] Ara Benedittu XVI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2009 (8 ta’ Diċembru 2008): Insegnamenti IV, 2 (2008), 792-802.

[329] Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 19: AAS 68 (1976), 18.

[330] Ara Propositio 39.

[331] Ġwanni XXIII, Ittra enċiklika Pacem in terris (11 ta’ April 1963), I: AAS 55 (1963), 259.

[332] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 47: AAS 83 (1991), 851-852; Id., Diskors lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (2 ta’ Ottubru 1979), 13: AAS 71 (1979), 1152-1153.

[333] Ara Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 152-159.

[334] Ara Benedittu XVI, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2007 (8 ta’ Diċembru 2006), 10: Insegnamenti II,2 (2006), 780.

[335] Ara Propositio 8.

[336] Benedittu XVI, Omelija (25 ta’ Jannar 2009): Insegnamenti V, 1 (2009), 141.

[337] Id., Omelija fl-okkażjoni tal-għeluq tat-XII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (26 ta’ Ottubru 2008): AAS 100 (2008), 779.

[338] Propositio 11.

[339] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 28: AAS 98 (2006), 240.

[340] De doctrina christiana, I, 35, 39 – 36, 40: PL 34, 34.

[341] Ara Benedittu XVI, Messaġġ għall-XXI Jum Dinji taż-Żgħażagħ (22 ta’ Frar 2006): AAS 98 (2006), 282-286.

[342] Ara Propositio 34.

[343] Ara ibidem.

[344] Omelija (24 ta’ April 2005): AAS 97 (2005), 712.

[345] Ara Propositio 38.

[346] Benedittu XVI, Omelija fl-okkażjoni tas-XVII-il Jum Dinji tal-Morda (11 ta’ Frar 2009): Insegnamenti V, 1 (2009), 232.

[347] Ara Propositio 35.

[348] Propositio 11.

[349] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 25: AAS 98 (2006), 236-237.

[350] Propositio 11.

[351] Benedittu XVI, Omelija (1 ta’ Jannar 2009): Insegnamenti V, 1 (2009), 5.

[352] Propositio 54.

[353] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 92: AAS 99 (2007), 176-177.

[354] Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-UNESCO (2 ta’ Ġunju 1980), 6: AAS 72 (1980), 738.

[355] Ara Propositio 41.

[356] Ara Ibidem.

[357] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Fides et ratio (14 ta’ Settembru 1998), 80: AAS 91 (1999), 67-68.

[358] Ara Lineamenta 23.

[359] Ara Propositio 40.

[360] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-istrumenti ta’ komunikazzjoni soċjali Inter mirifica; Kunsill Pontifiċju tal-Komunikazzjoni Soċjali, Istruzzjoni pastorali Communio et progressio (23 ta’ Mejju 1971): AAS 63 (1971), 593-656; Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika L-iżvilupp mgħaġġel (24 ta’ Jannar 2005): AAS 97 (2005), 265-274; Kunsill Pontifiċju tal-Komunikazzjoni Soċjali, Istruzzjoni pastorali fuq il-komunikazzjoni soċjali fl-20 anniversarju tal-Communio et progressioÆtatis novæ (22 ta’ Frar 1992): AAS 84 (1992), 447-468; Id., Il-Knisja u l-internet (22 ta’ Frar 2002): Ench. Vat. 21, n. 66-95; Id., L-etika fl-internet (22 ta’ Frar 2002): Ench. Vat. 21, n. 96-127.

[361] Ara Messaġġ finali, IV,11; Benedittu XVI, Messaġġ għat-XLIII Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (24 ta’ Jannar 2009): Insegnamenti V, 1 (2009), 123-127.

[362] Ara Propositio 44.

[363] Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għas-XXXVI Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (24 ta’ Jannar 2002), 6: Insegnamenti, XXV, 1 (2002), 94-95.

[364] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 20: AAS 68 (1976), 18-19.

[365] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 78: AAS 99 (2007), 165.

[366] Ara Propositio 48.

[367] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), IV, B: Ench. Vat. 13, n. 3112.

[368] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-attività missjunarja tal-Knisja Ad gentes, 22; Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), IV, B: Ench. Vat. 13, n. 3111-3117.

[369] Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Isqfijiet tal-Kenja (7 ta’ Mejju 1980), 6: AAS 72 (1980), 497. 

[370] Ara Instrumentum laboris 56.

[371] Kummissjoni Pontifiċja Biblika, L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja (15 ta’ April 1993), IV, B: Ench. Vat. 13, n. 3113.

[372] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 22.

[373] Ara Propositio 42.

[374] Ara Propositio 43.

[375] Benedittu XVI, Omelija tat-Terza fil-bidu tal-1 Kongregazzjoni Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (6 ta’ Ottubru 2008): AAS 100 (2008), 760.

[376] Fost l-għadd ta’ interventi ta’ bosta għamliet infakkru lil: Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Dominum et vivificantem (18 ta’ Mejju 1986): AAS 78 (1986), 809-900; Id., Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 ta’ Diċembru 1990): AAS 83 (1991), 249-340; Id., Diskorsi u Omeliji f’Assisi fl-okkażjoni tal-Jum ta’ Talb għall-Paċi fis-27 ta’ Ottubru 1986: Insegnamenti IX, 2, (1986), 1249-1273; Jum ta’ Talb għall-Paċi fid-Dinja (24 ta’ Jannar 2002): Insegnamenti XXV, 1 (2002), 97-108; Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Dominus Iesus fuq l-uniċità u l-universalità salvifika ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja (6 ta’ Awwissu 2000): AAS 92 (2000), 742-765.

[377] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dikjarazzjoni fuq ir-relazzjonijiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux Insara Nostra ætate, 3.

[378] Ara Benedittu XVI, Diskors lill-Ambaxxaturi ta’ pajjiżi b’maġġoranza Musulmana akkreditati fi ħdan is-Santa Sede (25 ta’ Settembru 2006): AAS 98 (2006), 704-706.

[379] Ara Propositio 53.

[380] Ara Propositio 50.

[381] Ibidem.

[382] Ġwanni Pawlu II, Diskors fil-laqgħa maż-żgħażagħ Musulmani fCasablanca fil-Marokk (19 ta’ Awwissu 1985), 5: AAS 78 (1986), 99.