|
Aktar dokumenti tal-Konċilju
Ekumeniku Vatikan II u ta'
Konċilji oħra ...
DIGRIET TAL-KONĊILJU VATIKAN II
DWAR
IL-MINISTERU U L-ĦAJJA
TAL-PRESBITERI
''PRESBYTERORUM ORDINIS''
7 ta’ Diċembru 1965
© Edizzjoni Studia 1982, 2003
Riprodotta fil-Laikos
bil-permess tal-Moviment Azzjoni
Soċjali
Ħajr lil Ms Carmen Galea
għat-typing
WERREJ
1 Daħla
Kap I:
IL-PRESBITERAT FIL-MISSJONI TAL-KNISJA
2 Natura tal-presbiterat
3 Kondizzjonijiet tal-Presbiteri
fid-dinja
Kap II:
IL-MINISTERU TAL-PRESBITERI
I ID-DMIRIJIET TAL-PRESBITERI
4 Il-Presbiteri, ministri
tal-kelma ta' Alla
5 Il-Presbiteri, ministri
tas-Sagramenti u tal-Ewkaristija
6 Il-Presbiteri, edukaturi
tal-poplu ta' Alla
II RELAZZJONIJIET
TAL-PRESBITERI MA' OĦRAJN
7 Relazzjonijiet bejn
il-Presbiteri u l-Isqof
8 Unjoni u koperazzjoni tal-aħwa
tal-Presbiteri bejniethom
9 Relazzjonijiet tal-Presbiteri
mal-lajċi
III IT-TQASSIM TAL-PRESBITERI
U L-VOKAZZJONIJIET SAĊERDOTALI
10-11 Ħerqa tal-Presbiteri
għall-Knisja kollha
Kap III:
IL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI
I IS-SEJĦA TAL-PRESBITERI
GĦALL-PERFEZZJONI
12 L-obbligu li l-Presbiteri
jaspiraw għall-perfezzjoni
13 L-eżerċizzju tad-dmirijiet
saċerdotali jesiġi l-qdusija
14 Unità u armonija tal-ħajja
tal-Presbiteri
II ĦTIĠIET SPIRITWALI
PARTIKOLARI FIL-ĦAJJA
TAL-PRESBITERI
15 Umiltà u ubbidjenza
16 Iċ-ċelibat huwa grazzja
17 Faqar volontarju u
atteġġjament lejn id-dinja u
l-ġid tagħha
III GĦAJNUNIET GĦALL-ĦAJJA
TAL-PRESBITERI
18 Mezzi li jgħinu l-ħajja
spiritwali
19 Studju u xjenza pastorali
20 Rimunerazzjoni xierqa
21 Fond komuni u previdenza
soċjali
Għeluq u Eżortazzjoni
22 Fiduċja f'Alla fil-qadi
tal-missjoni għolja
DIGRIET FUQ
IL-MINISTERU U L-ĦAJJA
TAL-PRESBITERI
''PRESBYTERORUM ORDINIS''
Daħla
1.
Dan
il-Konċilju Mqaddes diġà semma
bosta drabi l-Ordni
tal-Presbiteri biex ifakkar lil
kulħadd x'dinjità għolja għandu
fil-Knisja.
Iżda billi fit-tiġdid tal-Knisja
ta’ Kristu dan l-Ordni qiegħed
jingħatalu sehem li hu
mill-aktar importanti u li kulma
jmur qiegħed isir aktar
diffiċli, il-Konċilju deherlu li
jkun ta' siwi kbir jekk dwar
il-Presbiteri jittratta aktar
fit-tul u b'mod iżjed profond.
Kulma se jingħad hawnhekk jgħodd
għall-Presbiteri kollha, u
l-iżjed għal dawk li huma
mogħtija biex jieħdu ħsieb
l-erwieħ; u f’dak li jolqot
lill-Presbiteri reliġjużi, isiru
l-addattamenti meħtieġa.
Bl-ordinazzjoni mqaddsa u
l-missjoni li jirċievu
mill-Isqfijiet, il-Presbiteri
jittellgħu biex jaqdu lil Kristu
Mgħallem, Saċerdot u Sultan, u
jieħdu sehem mill-ministeru
tiegħu li bih il-Knisja hawn
fl-art il-ħin kollu qiegħda
tinbena biex issir Poplu ta’
Alla, Ġisem ta’ Kristu u Tempju
tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk,
biex il-Presbiteri jaqdu
l-ministeru tagħhom b’ġid aqwa,
u biex il-ħajja tagħhom ikollha
għajnuna aħjar fiċ-ċirkustanzi
pastorali u umani li sikwit
jitbiddlu mill-qiegħ, dan
il-Konċilju Mqaddes jiddikjara u
jistabilixxi dan li ġej.
Kap I
1. IL-PRESBITERAT FIL-MISSJONI
TAL-KNISJA
Natura tal-presbiterat
2.
Sidna Ġesù,
“li l-Missier ikkonsagrah u
bagħtu fid-dinja” (Ġw 10, 36),
mill-unzjoni li hu nnifsu ħa
mill-Ispirtu
ta sehem lill-Ġisem mistiku
tiegħu kollu: fih il-fidili
kollha jsiru saċerdozju qaddis u
rjali, joffru sagrifiċċji
spiritwali ‘l Alla permezz ta’
Ġesú Kristu, u jħabbru l-għemejjel
kbar ta’ dak li sejħilhom mid-dlam
għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.
Għalhekk m'hemm ebda membru li
ma għandux sehem mill-missjoni
tal-Ġisem kollu; kull wieħed
minnhom għandu jqaddes f’qalbu
lil Ġesù,
u bl-ispirtu tal-profezija
jagħti x-xhieda ta’ Ġesù.
Iżda biex il-fidili
jingħaqdu f’ġisem wieħed, li fih
“mhux il-membri kollha għandhom
l-istess
xogħol” (Rum 12,4), Sidna nnifsu
qiegħed lil xi wħud fosthom
ministri biex fil-għaqda
tal-fidili jkollhom is-setgħa
mqaddsa tal-Ordni ħalli joffru
s-sagrifiċċju, jaħfru d-dnubiet,
u f’isem Kristu jaqdu quddiem
kulħadd l-uffiċċju ta’ saċerdoti
għall-bnedmin. Għalhekk Kristu
bagħat l-Appostli, bħalma hu
nnifsu ntbagħat mill-Missier,
u, permezz ta’ l-istess Appostli
ta sehem mill-konsagrazzjoni u
mill-missjoni tiegħu
lill-Isqfijiet, li huma
s-suċċessuri tagħhom;
l-uffiċċju tal-ministeru ta’
dawn imbagħad ingħadda wkoll, fi
grad subordinat, lill-Presbiteri,
li tqiegħdu fl-ordni
tal-presbiterat biex ikunu
kooperaturi tal-Ordni ta’
l-Isqfijiet,
u b’hekk il-missjoni appostolika
mogħtija minn Kristu tkun
mitmuma kif imiss.
L-uffiċċju tal-Presbiteri,
marbut kif inhu mal-Ordni
tal-Isqfijiet għandu sehem
mill-awtorità li biha Kristu
nnifsu jibni l-Ġisem tiegħu u
jqaddsu u jmexxih. Għalhekk,
għalkemm s-saċerdozju
tal-Presbiteri jissupponi
s-Sagramenti tal-bidu tal-ħajja
nisranija, hu jingħata permezz
ta’ dak is-Sagrament partikolari
li bih il-Presbiteri, bis-saħħa
tal-konsagrazzjoni tagħhom
mill-Ispirtu s-Santu, jirċievu
fihom infushom karattru
speċjali, u hekk jixxiebħu ma’
Kristu saċerdot, b’mod li
jkollhom il-qawwa li jaġixxu
fil-persuna ta’ Kristu r-Ras.
Ladarba l-Presbiteri għandhom
sehem kemm imiss lilhom
mill-uffiċċju ta’ l-Appostli,
Alla jagħtihom il-grazzja li
jkunu ministri ta’ Ġesú Kristu
fost il-ġnus, bil-ministeru
mqaddes tal-Evanġelju, biex
l-offerta tal-ġnus tingħoġob u
titqaddes bl-Ispirtu s-Santu.
Għax tħabbir appostoliku
tal-Evanġelju l-Poplu ta’ Alla
jinġabar u jinġama' hekk li dawk
kollha li huma membri ta’ dan
il-Poplu, imqaddsin bl-Ispirtu
s-Santu, joffru lilhom infushom
bħala “sagrifiċċju ħaj, qaddis,
jogħġob lil Alla” (Rum 12, 1).
Dan is-sagrifiċċju spiritwali
tal-fidili mbagħad isir perfett
għax permezz tal-ministeru
tal-Presbiteri jingħaqad ħaġa
waħda mas-sagrifiċċju ta’
Kristu, il-Medjatur Waħdani;
minn idejn il-Presbiteri, f’isem
il-Knisja kollha, ikun offert
sagramentalment u bla tixrid ta’
demm fil-misteru
tal-Ewkaristija, sa ma jiġi
l-Mulej innifsu.
Dan huwa l-iskop tal-ministeru
tal-Presbiteri, u fih isib
il-perfezzjoni tiegħu.
Is-servizz tagħhom, li jibda
mit-tħabbir tal-Evanġelju, jieħu
l-qawwa u l-effikaċja tiegħu
mis-sagrifiċċju ta’ Kristu;
l-għan tiegħu hu li ''il-belt
il-mifdija kollha, jiġifieri
l-ġemgħa u x-xirka tal-qaddisin,
tkun offerta bħala sagrifiċċju
universali ‘l Alla permezz
tas-Saċerdot il-Kbir, li
fil-Passjoni tiegħu offra wkoll
lilu nnifsu għalina, ħalli nsiru
l-ġisem li jixraq lil Ras hekk
għolja”.
Mela l-iskop li l-Presbiteri
jridu jilħqu bil-ministeru u
l-ħajja tagħhom hu li tingħata
glorja ‘l Alla l-Missier permezz
ta’ Kristu. U din il-glorja
tingħatalu billi l-bnedmin,
b’għajnejhom miftuħa,
bil-libertà u b’radd ta’ ħajr,
jilqgħu fihom infushom l-opra
ta’ Alla mitmuma fi Kristu, u
jagħmluha tidher fil-ħajja
kollha tagħhom. Għalhekk
il-Presbiteri, bit-talb u
l-adorazzjoni tagħhom,
bix-xandir tal-kelma, bl-offerta
tas-sagrifiċċju Ewkaristiku,
bl-amministrazzjoni
tas-Sagramenti l-oħra, u wkoll
bis-servizzi l-oħra li jagħtu
lill-bnedmin, jikkontribwixxu
kemm biex lil Alla titkattarlu
l-glorja u kemm biex il-bnedmin
jimxu 'l quddiem fil-ħajja
tal-grazzja. Dan il-frott kollu
għandu l-għajn tiegħu fil-Għid
ta’ Kristu, u għad jintemm
fil-miġja glorjuża ta’ l-istess
Mulej, meta dan jerħi s-Saltna
f'idejn Alla l-Missier.
Kondizzjonijiet tal-Presbiteri
fid-dinja
3.
Il-Presbiteri, meħudin minn fost
il-bnedmin u mqegħdin
għall-bnedmin f’dak li jmiss lil
Alla biex joffru doni u
sagrifiċċji għad-dnubiet,
jgħaddu ħajjithom bħal aħwa
mal-bqija tal-bnedmin. Hekk
ukoll il-Mulej Ġesù, Bin Alla
mibgħut mill-Missier bħala
bniedem fost il-bnedmin, għammar
fostna, u ried ikun bħall-aħwa
f’kollox, barra mid-dnub.
L-eżempju tiegħu imitawh
l-Appostli; u San Pawl,
id-duttur tal-ġnus, “maħtur
għall-Evanġelju ta’ Alla” (Rum
1,1), jixhed li hu sar kollox
għal kulħadd biex isalva lil
kulħadd.
Il-Presbiteri tat-Testment
il-Ġdid, bis-sejħa u
l-ordinazzjoni tagħhom, b’xi mod
jingħażlu għalihom fi ħdan
il-Poplu ta’ Alla, mhux biex
jinfirdu minnu jew minn xi ħadd
mill-bnedmin, iżda biex
jingħataw kollhom kemm huma
għall-ħidma li għaliha Alla
ħatarhom.
Għax ma kienux jistgħu jkunu
ministri ta’ Kristu jekk ma
jkunux xhieda lill-bnedmin ta'
ħajja oħra li diversa minn dik
ta’ din l-art, u ma
jqassmuhilhomx, kif min-naħa
l-oħra anqas ma kien ikunu
jistgħu jaqdu l-bnedmin kieku
kellhom jibqgħu barranin
għall-ħajja u l-kondizzjonijiet
tal-bnedmin.
Tassew li l-ministeru tagħhom
minnu nnifsu jitlob b’raġuni
speċjali li ma jfasslux
ħajjithom fuq ix-xejra ta’ din
id-dinja,
imma fl-istess ħin jitlob ukoll
li huma jgħixu f’din id-dinja
fost il-bnedmin, jagħrfu bħala
rgħajja tajba in-nagħġiet
tagħhom u jfittxu li jiġbdu
wkoll lil dawk li mhumiex minn
din il-merħla ħalli huma wkoll
jisimgħu l-leħen ta’ Kristu u
jkun hemm merħla waħda u Ragħaj
wieħed.
U biex iseħħilhom jiksbu dan
l-iskop, jiswewlhom ta’ ġid kbir
dawk il-virtujiet li l-bnedmin
għandhom raġun jgħożżuhom ħafna
fil-ħajja, virtujiet bħalma huma
t-tjieba tal-qalb, is-sinċerità,
l-qawwa u l-kostanza
tal-karattru, il-ħidma bla
waqfien għall-ġustizzja,
il-ġentilezza, u l-virtujiet
l-oħra li San Pawl jirrikkmanda
meta jgħid: “F'kull ma hu veru,
f'kull ma hu xieraq, kull ma hu
ġust, f'kull ma hu safi, f'kull
ma jiġbed l-imħabba, f'kull ma
jistħoqqlu l-ġieh, f'kull ma hu
virtù, f'kull ma ħaqqu t-tifħir,
f’dan kollu aħsbu” (Fil 4, 8).
Kap II
IL-MINISTERU TAL-PRESBITERI
I ID-DMIRIJIET
TAL-PRESBITERI
Il-Presbiteri, ministri
tal-Kelma ta' Alla
4.
Il-Poplu ta’ Alla jinġabar
l-ewwelnett permezz tal-Kelma
ta’ Alla ħaj,
dik il-kelma li kulħadd
jistennieha minn fomm
is-saċerdot.
Għax ladarba ħadd ma jista’
jsalva jekk l-ewwel ma jkunx
emmen,
il-Presbiteri, bħala kooperaturi
tal-Isqfijiet, għandhom qabel
kollox l-uffiċċju li jħabbru
l-Evanġelju ta' Alla lil kulħadd;biex
waqt li jkunu jobdu l-ordni
tal-Mulej li qal: “Morru
fid-dinja kollha, xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”
(Mk 16, 15),
huma jibnu u jkabbru l-Poplu ta’
Alla. Għax il-kelma
tas-salvazzjoni tqajjem il-fidi
fil-qalb ta’ min ma jemminx u
tgħajjixha fil-qalb ta’ min
jemmen, u hekk bil-fidi tibda u
toktor il-ġemgħa tal-fidili kif
igħid l-Appostlu: “Il-fidi tiġi
mis-smigħ, u smigħ mix-xandir
tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10,
17). Ma kulħadd, għalhekk,
il-Presbiteri huma midjunin,
fis-sens li ma kulħadd għandhom
jaqsmu l-verità tal-Evanġelju
li hi l-hena tagħhom fil-Mulej.
Għalhekk kemm meta bl-eżempju
ta’ ħajja tajba jiġbru l-ġnus ħa
jsebbħu l-Mulej,
kemm meta bil-predikazzjoni
fil-miftuħ tagħhom iħabbru
l-Misteru ta’ Kristu lil min ma
jemminx, kemm meta jagħtu
t-tagħlim nisrani u jfissru
d-duttrina tal-Knisja jew
iħabirku biex jeżaminaw
il-problemi ta' żmienhom
fid-dawl ta’ Kristu, f’dan kollu
dmirhom ma jkunx li jagħtu
mill-għerf tagħhom infushom,
iżda li jgħallmu l-Kelma ta’
Alla u
jistiednu bil-ħerqa ‘l
kulħadd għall-konverżjoni u
għall-qdusija.
Barra minn dan, biex iseħħilhom
aħjar iqanqlu l-qalb
tas-semmiegħa bil-predikazzjoni
tagħhom, li sikwit hi hekk
diffiċli fiċ-ċirkustanzi
tal-lum, il-Presbiteri għandhom
ifissru l-Kelma ta’ Alla mhux
b’mod ġenerali u fl-astratt
biss, iżda bl-applikazzjoni
tal-verità ta' dejjem
tal-Evanġelju għaċ-ċirkustanzi
konkreti tal-ħajja.
B’hekk il-ministeru tal-kelma
jsir b’ħafna modi, skont
il-ħafna ħtiġijiet tas-semmiegħa
u d-doni tal-predikaturi.
Fil-postijiet jew ġemgħat mhux
insara, permezz tat-tħabbir
tal-Evanġelju, il-bnedmin
jinġibdu għall-fidi u
għas-sagramenti tas-salvazzjoni;
iżda fl-istess komunità
tal-insara, l-aktar fost dawk li
donnhom ftit jifhmu jew jemmnu
fil-ħwejjeġ qaddisa li huma
jippratikaw il-predikazzjoni
tal-Kelma hija meħtieġa
għall-istess ministeru
tas-Sagramenti, għax dawn huma
Sagramenti tal-fidi, u l-fidi
tinbet u tissaqqa bil-Kelma.
Dan igħodd l-iżjed
għal-Liturġija tal-Kelma
fiċ-ċelebrazzjoni tal-
Quddiesa, fejn b’rabta waħda li
ma tinħallx jingħaqdu flimkien
ix- xandir tal-mewt u l-qawmien
tal-Mulej, it-tweġiba tal-poplu
li jkun jisma’, u l-offerta
nnfisha li biha Kristu wettaq
b’Demmu l-Patt il-Ġdid u li fiha
jieħdu sehem il-fidili bit-talb
tagħhom u billi jifhmu tajjeb
is-sagramenti.
Il-Presbiteri, ministri
tas-Sagramenti u tal-Ewkaristija
5.
Alla, li waħdu hu l-Qaddis u hu
biss iqaddes, ried jaħtar għalih
bnedmin bħala sħabu u
kollaboraturi tiegħu, biex
bl-umiltà jaqdufil-ħidma
tat-tqaddis. Għalhekk Alla,
bil-ministeru ta’ l-Isqof,
jikkonsagra l-Presbiteri, u
jagħtihom b'mod speċjali sehem
fis-Saċerdozju ta’ Kristu, biex
fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri
mqaddsa jaqdu bħala ministri ta’
Dak li bl-Ispirtu tiegħu l-ħin
kollu jħaddem l-uffiċċju tiegħu
ta’ Saċerdot għalina
bil-Liturġija.
U tabilħaqq, il-Presbiteri
bil-Magħmudija jdaħħlu l-bnedmin
fil-Poplu ta’ Alla;
bis-Sagrament tal-Qrar jerġgħu
jħabbu l-bnedmin ma’ Alla u
mal-Knisja; biż-żejt tal-morda
jserrħu ‘l min hu batut
bil-mard; u biċ-ċelebrazzjoni
tal-Quddiesa joffru b’mod
sagramentali s-Sagrifiċċju ta’
Kristu. Fis-Sagramenti kollha li
jagħmlu, kif sa mill-ewwel
żminijiet tal-Knisja xehed San
Injazju Martri,
il-Presbiteri jintrabtu b’ħafna
modi f’ġerarkija mal-Isqof, u
hekk jagħmluh f'ċertu mod
preżenti f’kull ġemgħa ta’
fidili.
Is-Sagramenti l-oħra, u wkoll
il-ministeri ekkleżjastiċi
kollha u kull ħidma ta’
appostolat, jingħaqdu ħaġa waħda
ma’ l-Ewkaristija Mqaddsa u huma
indirizzati lejha.
Għax fl-Ewkaristija Mqaddsa
jinsab il-ġid spiritwali kollu
tal-Knisja,
jiġifieri Kristu nnifsu, li hu
l-Għid tagħna, u il-ħobż ħaj li
jagħti l-ħajja lill-bnedmin
b’Laħmu, li hu ħaj u jaħji
bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Hekk il-bnedmin huma mistiedna u
jitressqu biex, flimkien ma’
l-offerta ta’ Kristu joffru
wkoll lilhom infushom u
l-ħidmiet tagħhom u l-ħolqien
kollu. Għalhekk l-Ewkaristija
tidher bħala l-għajn u l-quċċata
tal-evanġelizzazzjoni kollha
għax minn naħa waħda
l-katekumeni jiddaħħlu bil-mod
għal sehem fl-Ewkaristija u
min-naħa l-oħra l-fidili, diġà
mmarkati mill-Magħmudija mqaddsa
u mill-Griżma, jingħaqdu sħiħ
fil-Ġisem ta’ Kristu bit-tqarbin
imqaddes.
Il-laqgħa Ewkaristika mela hija
ċ-ċentru tal-komunità tal-fidili
taħt il-presidenza
tal-Presbiteru. Għalhekk
il-Presbiteri għandhom jgħallmu
lill-fidili joffru l-vittma
qaddisa ‘l Alla l-Missier
fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa u
magħha joffru l-istess ħajja
tagħhom; fl-ispirtu ta’ Kristu
r-Ragħaj, jgħallmuhom ukoll
b’qalb niedma jistqarru
dnubiethom lill-Knisja
fis-Sagrament tal-Qrar hekk li
minn jum għall-ieħor jikkonvertu
rwieħhom dejjem iżjed lejn
il-Mulej, waqt li jiftakru
fil-kelma tiegħu: “Indmu, għax
is-Saltna tas-Smewwiet waslet
(Mt 4, 17). Hekk ukoll
jgħallmuhom kif jieħdu sehem
fiċ-ċelebrazzjonijiet
tal-Liturġija Mqaddsa b’mod li
fihom isibu wkoll mezz ta’ talb
mill-qalb; imexxuhom biex tul
ħajjithom kollha jitħarrġu
fl-ispirtu ta’ talb dejjem aktar
perfett, skond il-grazzji u
l-ħtiġijiet ta’ kull ruħ, u
jħajru ‘l kulħadd biex kull
wieħed jaqdi sewwa d-dmirijiet
tal-istat tiegħu, u biex min hu
aktar ‘il quddiem fil-ħajja
tar-ruħ iħares il-kunsilli
evanġeliċi skont kif ikun xieraq
u l-aħjar għal kull wieħed.
Fl-aħħarnett iħarrġu lill-fidili
kollha biex jitgħallmu jkantaw
minn qalbhom lill-Mulej innijiet
u kantiċi spiritwali u jroddu
dejjem ħajr għal kollox lil Alla
u l-Missier, f’isem Sidna Ġesú
Kristu.
It-tifħir u r-radd
ta’ ħajr li jagħmlu
fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija l-istess
Presbiteri jkompluhom matul
id-diversi ħinijiet tal-ġurnata
meta jgħidu l-Uffiċċju Divin, li
biha tabilħaqq f’isem il-Knisja,
jitolbu ‘l Alla għall-poplu
kollu fdat lilhom, anzi
għall-bżonnijiet tal-Knisja
kollha.
Id-dar tat-talb fejn
issir u tinżamm l-Ewkaristija
Mqaddsa; fejn jinġabru l-fidili;
fiha, fejn għall-għajnuna u
l-faraġ tal-fidili, jingħata
l-ġieħ lill-preżenza ta’ Bin
Alla Salvatur tagħna offrut
għalina fuq l-artal
tas-sagrifiċċju, għandha tinżamm
nadifa u tkun post tajjeb
għat-talb u għall-funzjonijiet
imqaddsa.
Fiha r-Rgħajja u l-fidili huma
mistiedna biex b’radd il-ħajr
iwieġbu minn qalbhom għad-don
ta’ Dak li, permezz tan-natura
tiegħu ta’ bniedem, ixerred
l-ħin kollu il-ħajja ta’ Alla
fil-membri tal-Ġisem tiegħu.
Il-Presbiteri mela jfittxu li
jitħarrġu sewwa fix-xjenza u
fl-arti tal-Liturġija, ħalli
bis-saħħa tal-ministeru
liturġiku tagħhom
il-komunitajiet ta’ nsara fdati
f’idejhom ifaħħru dejjem aħjar
lil Alla, il-Missier u l-Iben u
l-Ispirtu s-Santu.
Il-Presbiteri, edukaturi
tal-poplu ta' Alla
6.
Il-Presbiteri, waqt li jaqdu
skont is-sehem ta' awtorità li
jmiss lilhom, il- funzjoni ta’
Kristu, r-Ras u r-Ragħaj, jiġbru
f’isem l-Isqof il-familja ta’
Alla, bħala għaqda ħajja u waħda
ta’ aħwa, u jressquha lejn Alla
l-Missier bi Kristu fl-Ispirtu.
Biex jaqdu dan il-ministeru, u
wkoll għall-uffiċċji l-oħra
presbiterali, huma għandhom
setgħa spiritwali li
tingħatalhom sewwa sew biex biha
jkunu jistgħu jibnu.
Iżda huma u jibnu l-Knisja
l-Presbiteri għandhom iġibu
ruħhom mal-bnedmin kollha bi
ħlewwa liema bħala, kif kien
jagħmel il-Mulej. Għandhom
jaħdmu għalihom mhux skont ma
jkun jogħġob lill-bnedmin,
iżda skond il-ħtiġiet
tad-duttrina u l-ħajja nisranija
u jgħallmuhom u jwissihom ukoll
bħala wlied l-aktar għeżież,
kif jgħid l-Appostlu: “Insisti
f'waqtu u barra minn waqtu,
ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar
kollu u bit-tagħlim” (2 Tim 4,
2).
Ghalhekk is-Saċerdoti,
bħala edukaturi fil-fidi,
imisshom jieħdu ħsieb huma
nfushom jew permezz ta’
ħaddieħor, li kull wieħed u
waħda mill-fidili jitwassal
fl-Ispirtu s-Santu biex jgħix
tajjeb is-sejħa tiegħu skond
l-Evanġelju għall-imħabba
sinċiera u ħabrieka u għal dik
il-libertà li bih ħelisna Kristu.
Ftit ikunu jiswew iċ-ċerimonji,
sbieħ kemm ikunu sbieħ, jew
l-għaqdiet, ikunu kemm ikunu
f’saħħithom, jekk ma jkollhomx
l-iskop li l-bnedmin ikunu
edukati ħalli jilħqu l-maturità
nisranija.
U biex jġibu 'l quddiem din
il-maturità l-Presbiteri jridu
jkunulhom ta’ għajnuna ħalli sa
mill-istess ġrajjiet tal-ħajja,
kbar jew żgħar li jkunu,
ikollhom ħila jaraw sewwa xi
jkun meħtieġ li jsir u x'inhi
r-rieda ta' Alla. L-Insara
għandhom ikunu wkoll imħarrġa
biex ma jgħixux għalihom
infushom biss, iżda kif jitlob
il-kmandament ta’ l-imħabba
tal-liġi l-ġdida iħaddmu lkoll
b’risq xulxin il-grazzja li kull
wieħed ikun irċieva,
u hekk kulħadd jaqdi dmirijietu
ta’ nisrani fil-komunità
tal-bnedmin.
Għad li l-Presbiteri huma
marbutin li jaqdu lil kulħadd,
huma fdati b'mod speċjali
l-foqra u l-aktar dgħajfin li
magħhom il-Mulej wera li ried
ikun f'għaqda partikulari,
u li x-xandir lilhom tal-Bxara
t-Tajba jitqies bħala sinjal ta’
ħidma messjanika.
Bi ħrara partikulari jieħdu
ħsieb iż-żgħażagħ, u wkoll
il-miżżewġin u l-ġenituri; hi
ħaġa mixtieqa li dawn kollha
jingħaqdu fi gruppi ta' ħbieb u
hekk isibu għajnuna f'xulxin
biex ikunu jistgħu, b'mod eħfef
u aħjar, iġibu ruħhom ta' nsara
fiċ-ċirkustanzi spiss ħafna
diffiċli li fihom ikunu jinsabu.
Il-Presbiteri jiftakru illi
r-reliġjużi kollha, irġiel u
nisa, huma sehem mill-aktar
għoli f’dar il-Mulej, u għalhekk
ħaqqhom kura speċjali
għall-progress spiritwali
tagħhom b’riżq il-Knisja kollha
kemm hi. Fl-aħħarnett u fuq
kollox, il-Presbiteri jkollhom
ħerqa kbira għall-morda u
l-moribondi, u jżuruhom u
jfarrġuhom fil-Mulej
.
Id-dmir ta' Rgħajja mhuwiex
limitat biss għall-kura
tal-fidili wieħed wieħed, imma
wkoll u tassew għandu jilħaq
il-formazzjoni ta' komunità
f’sens tabilħaqq nisrani. U biex
l-ispirtu tal-komunità jitħaddem
kif imiss, huwa għandu jħaddan
mhux biss il-knisja lokali, iżda
wkoll il-Knisja universali.
Min-naħa tagħha l-komunità
lokali għandha tgħin mhux biss
fil-kura tal-fidili tagħha, iżda
wkoll timtela b’ħeġġa
missjunarja u tħejji t-triq lejn
Kristu għall-bnedmin kollha.
Madankollu l-komunità għandha
tieħu kura speċjali
tal-katekumeni u tal-imgħammdin
ġodda li, tarġa wara l-oħra
jridu jkunu edukati fl-għarfien
u t-taħriġ tal-ħajja nisranija.
Ebda komunità nisranija ma
tista’ tinbena jekk ma jkollhiex
il-għerq u l-pern tagħha
fiċ-ċelebrazzjoni ta’
l-Ewkaristija Mqaddes; minn hawn
trid tibda kull edukazzjoni
fl-ispirtu tal-komunità.
Din iċ-ċelebrazzjoni biex tkun
sħiħa u sinċiera għandha tqanqal
kemm għall-għemejjel ta’ karità
u għall-għajnuna ta’ xulxin,
kemm għall-ħidma missjunarja u
għall-ħafna suriet ta’ xhieda
nisranija.
Barra minn dan,
permezz tal-karità, tat-talb,
tal-eżempju u tal-għemejjel ta’
penitenza, il-komunità
ekkleżjali tkun qiegħda ġġib
ruħha tabilħaqq ta’ omm ma’ dawn
l-erwieħ li għandha tiġbed lejn
Kristu. Għax il-komunità
nisranija hi għodda qawwija biex
tintwera jew titwitta t-triq
lejn Kristu u lejn il-Knisja
tiegħu għal dawk li għadhom ma
jemmnux; u għal dawk li jemmnu
tkun ta' stimolu, ikel, u
għajnuna għat-taqbida
spiritwali.
Iżda fil-bini
tal-komunità nisranija,
il-Presbiteri ma għandhom qatt
isiru qaddejja ta’ xi ideoloġija
jew ta' xi grupp jew parti ta'
bnedmin iżda bħala ħabbara
tal-Evanġelju u Rgħajja
tal-Knisja jħabirku għat-tkabbir
spiritwali tal-Ġisem ta’ Kristu.
II RELAZZJONIJIET
TAL-PRESBITERI MA' OĦRAJN
Relazzjonijiet tal-Presbiteri
mal-Isqof
7.
Il-Presbiteri kollha, flimkien
mal-Isqfijiet, għandhom sehem
tali mill-istess saċerdozju u
ministeru wieħed ta’ Kristu li
l-istess unità ta'
konsagrazzjoni u ta' missjoni
tagħhom flimkien titlob minnha
nnifisha li l-Presbiteri
jkollhom komunjoni ġerarkika
mal-ordni tal-Isqfijiet.
Din il-komunjoni xi drabi juruha
bl-aħjar mod
fil-konċelebrazzjoni liturġika,
meta f’għaqda magħhom jistqarru
li jkunu qegħdin jiċċelebraw
il-laqgħa Ewkaristika.
Għalhekk, l-Isqfijiet minħabba
fid-don tal-Ispirtu s-Santu
mogħti lill-Presbiteri
fl-Ordinazzjoni mqaddsa,
għandhom iqisuhom bħala
kooperaturi meħtieġa u
kunsillieri tagħom fil-ministeru
u fl-uffiċċju li għandhom biex
jgħallmu u jqaddsu u jirgħu
l-Poplu ta’ Alla.
Sa mill-ewwel żminijiet
tal-Knisja, insibu dokumenti
liturġiċi li jisħqu fuq dan.
F'dawn id-dokumenti hemm talb
sollenni lil Alla biex fuq kull
min ser ikun ordnat saċerdot
isawwab l-ispirtu ''tal-grazzja
u tal-kunsill, ħalli b’qalb
safja jgħin lill-poplu u
jmexxih”,
hekk kif fid-deżert l-ispirtu
ta’ Mosé kien ixxerred fir-ruħ
tas-sebgħin raġel prudenti,
u bil-għajnuna tagħhom fost
il-poplu, huwa seta’ jmexxi
b'ħeffa akbar ġmiegħi bla għadd
ta’ nies”.
Għalhekk, bis-saħħa ta' din
il-komunjoni fl-istess
saċerdozju u ministeru,
l-Isqfijiet għandhom iqisu
l-Presbiteri bħala aħwa u ħbieb
tagħhom,
u jkollhom mill-iżjed għal
qalbhom il-ġid materjali u fuq
kollox dak spiritwali tagħhom.
Għax il-piż tqil tat-tqaddis
tas-saċerdoti jaqa' l-iżjed fuq
l-Isqfijiet,
li għalhekk għandhom ikollhom
l-ikbar kura fil-formazzjoni
kontinwa tal-presbiterju tagħhom.
Huma għandhom jisimgħuhom
bil-qalb, anzi jfittxu l-parir
tagħhom u jitħaddtu magħhom dwar
kull m'għandu x’jaqsam
mal-ħtiġiet tal-ħidma pastorali
u mal-ġid tad-djoċesi. U biex
dan jintlaħaq tassew għandu jkun
hemm, b’mod li jaqbel
maċ-ċirkustanzi u l-ħtiġiet
tal-lum,
u f’għamla u normi determinati
b’liġi, ġemgħa jew senat
ta’ saċerdoti, rappreżentanti
tal-presbiterju, li bil-pariri
tiegħu jkun jista’ jgħin
tabilħaqq lill-Isqof
fit-tmexxija tad-djoċesi.
Min-naħa tagħhom il-Presbiteri
għandhom iżommu quddiem
għajnejhom il-milja
tas-Sagrament tal-Ordni li biha
l-Isqfijiet huma mogħnija, u
fil-persuna tagħhom jagħtu ġieh
lill-awtorità ta’ Kristu l-ogħla
Ragħaj. Ħa jkunu mela magħqudin
mal-Isqof tagħhom b'karità
sinċiera u b'ubbidjenza.
Din l-ubbidjenza saċerdotali,
mimlija bi spirtu ta’
kooperazzjoni, hija mwaqqfa fuq
l-istess sehem li l-Presbiteri
għandhom mill-ministeru
tal-Isqfijiet, sehem li
jingħatalhom bis-saħħa
tas-Sagrament tal-Ordni u
tal-missjoni kanonika.
Din l-unjoni
tal-Presbiteri mal-Isqfijiet hi
aktar u aktar meħtieġa fi
żminijietna għax illum, għal
bosta raġunijiet, l-inizjattivi
tal-appostolat mhux biss qegħdin
jieħdu ħafna suriet, iżda wkoll
jeħtieġ joħorġu barra
mit-trufijiet ta’ parroċċa waħda
jew ta’ djoċesi waħda. Minn dan
jiġi li ebda Presbiteru ma
jista' jtemm sewwa il-missjoni
tiegħu mifrud mill-oħrajn u
bħallikieku għal rasu, imma biss
jekk jgħaqqad il-forzi tiegħu
ma’ dawk ta’ Presbiteri oħra,
taħt it-tmexxija ta’ dawk li
jippresiedu fuq il-Knisja.
Unjoni u koperazzjoni tal-aħwa
mal-Presbiteri bejniethom
8.
Il-Presbiteri, imqegħdin
fl-Ordni tal-presbiterat
bl-Ordinazzjoni, huma marbuta
lkoll bejniethom b’rabta ta’
aħwa sagramentali intima; iżda
jiffurmaw b’mod speċjali
Presbiterju wieħed fid-djoċesi
li jkunu qegħdin jaqdu taħt
l-Isqof tagħhom. Għad li
jintbagħtu fuq dan jew dak
l-uffiċċju, b'danakollu wieħed
hu l-ministeru saċerdotali li
jkunu qegħdin jaqdu
għall-bnedmin. Wieħed hu
x-xogħol li fuqu jintbagħtu
l-Presbiteri kollha biex
jikooperaw sew jekk jagħmlu
ministeru parrokkjali jew
supraparrokkjali, sew jekk
jingħataw għal ħidma ta’ tfittix
xjentifiku, jew tagħlim, sew
jekk jidħlu għal xi xogħol ta’
l-idejn, billi b'hekk ikunu
qegħdin jaqsmu l-istess xorti
tal-istess ħaddiema, fejn dan
ikun ta' ġid u jsir
bl-approvazzjoni tal-awtorità
kompetenti u sew fl-aħħarnett
jekk iħabirku f’ħidmiet oħra ta’
appostolat jew li jsiru bi ħsieb
ta’ appostolat. Il-Presbiteri
kollha, tassew, huma magħqudin
flimkien għall-istess ħaġa,
jiġifieri għall-bini tal-Ġisem
ta’ Kristu li jesiġi, l-aktar fi
żminijietna, it-tqassim ta’ kull
xorta ta’ dmirijiet u
addattamenti ġodda. Hu
importanti ħafna, mela, li
l-Presbiteri kollha, sew
djoċesani u sew reliġjużi,
jgħinu lil xulxin, biex ikunu
dejjem kooperaturi tal-veritá.
Għalhekk kull membru ta’ dan
il-presbiterju huwa marbut
mal-membri l-oħra bi rbit
speċjali ta’ karità appostolika,
ta’ ministeru u ta’ mħabba ta’
aħwa, kif sa mill-imgħoddi ilu
ħafna jidher fil-Liturġija, meta
l-Presbiteri preżenti huma
mistiedna biex, flimkien
mal-Isqof li jkun qed jagħmel
l-Ordinazzjoni, jqiegħdu jdejhom
fuq il-magħżul il-ġdid, bħalma
wkoll meta f’għaqda ta’ qlub
jikkonċelebraw l-Ewkaristija
Mqaddsa. Kull wieħed
mill-Presbiteri, mela, hu marbut
fis-saċerdozju b'rabta ta'
mħabba, ta' talb u ta' kull
xorta ta' kollaborazzjoni, u
hekk tidher dik l-unità li biha
Kristu ried li sseħħ il-milja
tal-għaqda fid-dixxipli tiegħu,
ħalli d-dinja tagħraf illi
l-Iben kien mibgħut mill-Missier.
Għalhekk, dawk li huma
‘l quddiem fil-għomor għandhom
jilqgħu liż-żgħażagħ bħal aħwa
tabilħaqq u jgħinuhom fl-ewwel
attività u responsabbiltajiet
tal-ministeru, u ifittxu wkoll
kemm jistgħu li jifhmu
l-mentalità tagħhom, imqar jekk
tkun diversa, u jsegwu
b'simpatija u mħabba
l-inizjattivi tagħhom.
Mill-banda l-oħra ż-żgħażagħ
għandhom iżommu fil-ġieh
l-għomor u l-esperjenza ta’ min
hu ikbar minnhom fiż-żmien,
jistudjaw magħhom f'kull
m'għandu x’jaqsam mal-kura
tal-erwieħ, u jaħdmu id f’id
magħhom bil-qalb.
Immexxijin bi spirtu ta’ għaqda
ta’ aħwa, il-Presbiteri ma
jinsewx jilqgħu bil-ħlewwa ‘l
kulħadd,
jagħmlu l-benefiċjenza, jaqsmu
l-ġid,
mal-oħrajn u jkollhom kura
speċjali għall-morda,
għall-imnikktin, għal min hu
mgħobbi bix-xogħol, għal min ma
għandu ‘l ħadd,
għall-itturufnati minn
pajjiżhom, u
għall-ippersegwitati.
Hekk ukoll għandhom jissieħbu
flimkien fir-rikreazzjonijiet
tagħhom, bil-qalb u bil-ferħ,
billi jiftakru fil-kliem li bih
Sidna nnifsu kien jistieden
l-Appostli meta jkunu għajjenin:
“Ejjew miegħi intom biss
waħidhom f’xi mkien imwarrab u
strieħu ftit” (Mk 6, 31). Barra
minn dan, biex il-Presbiteri
jsibu għajnuna f’xulxin b’riżq
il-ħajja spiritwali u
ntellettwali tagħhom, biex
iseħħilhom iżjed jikkolaboraw
flimkien, u biex jeħilsu
mill-perikli ta’ ħajja ta’
weħidhom li xi drabi għandhom
mnejn jiltaqgħu magħhom, għandha
tkun inkorraġġita xi xorta ta'
ħajja komuni jew xi komunità ta'
ħajja li tista' ssir b’diversi
modi skont il-ħtiġiet differenti
personali jew pastorali. Dan
jista' jsir billi jgħixu f’dar
waħda fejn dan jista’ jkun, jew
ikollhom mejda waħda, jew
għallinqas billi sikwit ikollhom
xi laqgħat perjodiċi bejniethom.
Wieħed għandu wkoll jagħti
importanza u jħeġġeġ dawk
il-għaqdiet li, skont statuti
approvati mill-awtorità
ekkleżjastika kompetenti,
jppromwovu permezz ta’ metodu
tajjeb ta’ ħajja approvat kif
jixraq, u permezz ta’ għajnuna
ta’ aħwa, il-qdusija
tas-saċerdoti fil-qadi
tal-ministeru, bil-ħsieb li
b’hekk jagħtu servizz tajjeb
lill-Ordni kollu tal-Presbiteri.
Fl-aħħarnett, minħabba
fl-istess komunjoni
fis-saċerdozju, il-Presbiteri
għandhom jifhmu li huma marbutin
bi dmir speċjali ma’ dawk
is-saċerdoti li jsibu ruħhom
f’xi diffikultajiet; lil dawn
għandhom jagħtuhom għajnuna
fil-ħin, imqar jekk għall-bżonn
ikollhom jagħmlulhom xi twissija
għaqlija. Ma’ dawk imbagħad li
jkunu naqsu f’xi ħaġa, jimxu
dejjem b'karità ta’ aħwa u
b’qalb kbira, ma jiqfux jitolbu
‘l Alla għalihom, u dejjem iġibu
rwieħhom magħhom ta’ aħwa u
ħbieb tassew.
Relazzjonijiet tal-Presbiteri
mal-lajċi
9.
Is-saċerdoti tat-Testment
il-Ġdid, għad li bis-Sagrament
tal-Ordni għandhom id-dmir
l-iżjed għoli u meħtieġ ta’
missier u ta’ għalliem fil-Poplu
u għall-Poplu ta’ Alla,
madankollu huma wkoll dixxipli
tal-Mulej bħall-fidili l-oħra
kollha ta’ Kristu, mogħtijin
sehem fis-Saltna tiegħu
bil-grazzja tas-sejħa ta’ Alla.
Il-Presbiteri huma aħwa fost
l-aħwa
ma dawk kollha li twieldu
mill-ġdid fl-ilma
tal-Magħmudija, għax ilkoll huma
membri tal-istess u l-uniku
Ġisem ta’ Kristu, li l-bini
tiegħu huwa dmir kulħadd.
Għalhekk jeħtieġ li l-Presbiteri
jippresiedu fuq il-komunità mhux
biex ifittxu l-interessi tagħhom
infushom, iżda dawk ta’ Ġesú
Kristu;
jingħaqdu fil-ħidma mal-fidili
lajċi, u jġibu ruħhom f’nofshom
bħall-Imgħallem li fost
il-bnedmin “ma ġiex biex ikun
moqdi, imma biex jaqdi, u biex
jagħti ħajtu b' fidwa għal
kotra” (Mt 20, 28).
Il-Presbiteri għandhom jagħrfu
minn qalbhom u jmexxu ‘l quddiem
id-dinjità tal-lajċi u s-sehem
proprju tal-lajċi fil-missjoni
tal-Knisja. Għandhom ukoll
jirrispettaw b’ħerqa kbira dik
il-libertà ġusta li tmiss b’jedd
lil kulħadd fil-belt tal-art.
Lil-lajċi għandhom jagħtuhom
widen bil-qalb kollha, iqisu
tajjeb u b'imħabba ta’ aħwa
x-xewqat tagħhom, jagħrfu
l-esperjenza tagħhom u
kompetenza tagħhom fid-diversi
oqsma tal-ħidma umana, u
jħabirku flimkien magħhom biex
jagħrblu sewwa s-sinjali
taż-żminijiet. Waqt li
jistħarrġu l-ispirtu biex jaraw
humiex minn Alla,
il-Presbiteri għandhom jikxfu
b’sens ta’ fidi l-ħafna suriet
ta’ kariżmi żgħar u kbar
tal-lajċi, jirrikonoxxuhom
bil-ferħ, u jinkoraġġuhom
b‘interess u attenzjoni. Fost
id-doni l-oħra ta' Alla li
jinsabu kotrana fil-fidili
jistħoqilhom kura speċjali dawk
id-doni li bis-saħħa tagħhom,
għadd mhux żgħir ta’ fidili
jħossu ġibda għall-ħajja
spiritwali aktar għolja. Hekk
ukoll juru fiduċja fil-lajċi
billi jitilqulhom f’idejhom xi
uffiċċji b’servizz għall-Knisja,
jagħtuhom il-libertà u l-wisa’
li jaħdmu, anzi meta jkun
f'waqtu jħajruhom ukoll biex
jieħdu inizjattivi minn rajhom
stess.
Fl-aħħarnett
il-Presbiteri huma mqiegħda
f’nofs il-lajċi biex jiġbduhom
ilkoll fl-unità tal-karità u
“jħobbu lil xulxin bħal aħwa, u
jfittxu li jistmaw lil xulxin
''(Rum 12, 10). Għalhekk hu dmir
tal-Presbiteri li jqarrbu lejn
xulxin il-mentalitajiet
differenti, hekk li ħadd
fil-komunità tal-fidili ma jħoss
ruħu barrani. Il-Presbiteri
jridu jaqbżu għall-ġid komuni li
għalih għandhom jaħdmu f’isem
l-Isqof, u jistqarru ukoll
bil-qawwa kollha l-verità
biex il-fidili ma jixxejrux ‘l
hawn u ‘l hemm ma’ kull riħ ta’
tagħlim.
B’ħerqa partikolari għandhom
jieħdu ħsieb dawk li ma baqgħux
jersqu għas-Sagramenti anzi li
għandhom mnejn tilfu l-fidi
tagħhom, u, kif tassew jagħmlu
r-rgħajja t-tajba, ma jonqsux li
jmorru lejhom.
Għandhom iżommu
quddiem għajnejhom
id-dispożizzjonijiet dwar
l-ekumeniżmu,
u ma jinsewx lil ħutna li ma
jaqsmux magħna fil-ġid
tal-komunjoni ekkleżjastika
sħiħa.
U fl-aħħarnett, ħa
jkollhom fi ħsiebhom lil dawk
kollha li ma jagħrfux lil Kristu
bħala s-Salvatur tagħhom.
Il-fidili mbagħad, min-naħa
tagħhom, għandhom jifhmu sewwa
dmirijiethom lejn il-Presbiteri
tagħhom, u għalhekk bi mħabba
ta’ wlied għandhom iħobbuhom
bħal r-rgħajja tagħhom u
missirijiethom. Jissieħbu wkoll
magħhom fit-tħassib tagħhom
għall-għall-Knisja, billi
jgħinuhom bit-talb u kemm jista’
jkun bl-azzjoni, b'hekk
il-Presbiteri jseħħilhom jirbħu
aħjar kull diffikultà u jaqdu bi
frott ikbar l-uffiċċji tagħhom.
III IT-TQASSIM
TAL-PRESBITERI U
L-VOKAZZJONIJIET SAĊERDOTALI;
Ħerqa tal-Presbiteri
għall-Knisja kollha
10.
Id-don spiritwali, li
l-Presbiteri rċevew
fl-Ordinazzjoni, ma jħejjihomx
għal xi missjoni limitata u
ristretta iżda għall-missjoni
tal-akbar wisa’ u li tilħaq
kullimkien, il-missjoni
tas-salvazzjoni “sa truf l-art”
(Atti 1, 8), għax kull ministeru
saċerdotali għandu sehem
mill-istess missjoni ta’ wisa’
universali li Kristu ħalla
lill-Appostli. Infatti
is-saċerdozju ta’ Kristu, li fih
il-Presbiteri ngħatalhom sehem
tassew, huwa dirett
neċessarjament lejn il-popli
kollha u ż-żminijiet kollha,
mingħajr ebda limiti ta’ razza,
nazzjon jew żmien, kif diġa kien
imxebbah sa minn qabel b’mod
misterjuż f'Melkisedek.
Għalhekk jiftakru l-Presbiteri
li huma għandhom ikollhom għal
qalbhom il-ħsieb tal-knejjes
kollha. Mela l-Presbiteri ta’
dawk id-djoċesijiet, fejn hemm
għadd akbar ta’ vokazzjonijiet,
għandhom juru ruħhom disposti
biex, bil-permess jew
bl-eżortazzjoni tal-Ordinarju
tagħhom, imorru jwettqu
l-ministeru f’postijiet jew
f’missjonijiet jew fuq ħidmiet
li għandhom nuqqas ta' kleru.
Barra minn dan,
in-normi dwar l-inkardinazzjoni
u l-eskardinazzjoni għandhom
ikunu mistħarrġa mill-ġdid, hekk
li dan l-istitut qadim, għad li
jibqa’ jseħħ, ikun iwieġeb aħjar
għall-ħtiġiet pastorali tal-lum.
Fejn imbagħad il-ħtieġa
tal-appostolat tkun titlob,
għandu jinstab mod eħfef mhux
biss biex isir tqassim tajjeb
tal-Presbiteri, iżda wkoll biex
isiru opri pastorali speċjali
għal diversi gruppi soċjali f’xi
post jew nazzjon jew f’kull naħa
tad-dinja. Għal dan, mela, ikun
jiswa ħafna jekk jitwaqqfu
seminarji internazzjonali,
djoċesijiet jew prelaturi
personali partikulari, jew
istituzzjonijiet oħra bħal dawn,
li magħhom, għall-ġid komuni
tal-Knisja kollha, il-Presbiteri
jkunu jistgħu jiġu msieħba jew
inkardinati, skond normi
determinati għal kull
inizjattiva waqt li jitħarsu
dejjem il-jeddijiet
tal-Ordinarju lokali.
Il-Presbiteri iżda ma għandhomx
jintbagħtu kull wieħed f’xi post
ġdid għalihom, l-aktar jekk
ikunu għadhom ma jafux tajjeb
l-ilsien u d-drawwiet ta’ dak
il-post; f’dan il-każ,
bħad-dixxipli ta’ Kristu,
jintbagħtu fi gruppi ta’ tnejn
jew tlieta, ħalli b’hekk ikunu
ta’ għajnuna għal xulxin. U
jaqbel ukoll li jittieħed ħsieb
tal-ħajja spiritwali tagħhom u
tas-saħħa tagħhom tal-moħħ u
tal-ġisem: u, kemm jista’ jkun,
il-postijiet u l-kundizzjonijiet
tax-xogħol jitħejjewlhom skond
iċ-ċirkustanzi personali ta’
kull wieħed minnhom. Fl-istess
ħin jaqbel ħafna li dawk li
jkunu sejrin f’xi nazzjon ġdid
għalihom jitgħallmu sewwa mhux
biss l-ilsien ta’ dak il-post,
imma wkoll il-karattru
psikoloġiku u soċjali
partikulari ta’ dak il-poplu li
lilu bl-umiltà kollha jixtiequ
jaqdu, biex b’mod kemm jista’
jkun tajjeb iseħħilhom
jikkumunikaw miegħu, hekk li
jsiru jixbħu lill-Appostlu
Pawlu, li fuqu nnifsu seta’
jgħid; “Għad li ma jien marbut
ma' ħadd, jien għamilt lili
nnifsi lsir ta’ kulħadd, biex
nirbaħ lil ħafna. Mal-Lhud sirt
Lhudi biex nirbaħ il-Lhud...” (I
Kor 9, 19-20).
11.
Ir-Ragħaj hu Isqof ta’ rwieħna
hekk ried iwaqqafha l-Knisja
tiegħu li l-Poplu li hu ħatar u
kiseb b’Demmu
ikollu dejjem is-saċerdoti
tiegħu sa l-aħħar taż-żminijiet,
biex qatt ma jiġri li l-insara
jkunu qishom ngħaġ li ma
għandhomx ragħaj.
L-Appostli kienu jafu li din
kienet ir-rieda ta’ Kristu, u,
imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu,
qisuh bħala uffiċċju tagħhom li
jagħżlu ministri “li huma stess
ikollhom ħila jgħallmu wkoll lil
oħrajn” (2 Tim 2, 2). Dan
l-uffiċċju, mela, imiss
lill-istess missjoni
saċerdotali, li biha
l-Presbiteru jidħol f’sehem
fil-ħerqa tal-Knisja kollha,
biex qatt fl-art ma jkun hawn
nuqqas ta’ ħaddiema fil-Poplu
ta’ Alla. Iżda billi ''l-kaptan
ta’ vapur u l-baħrin tiegħu
kawża waħda komuni għandhom
bejniethom'',
il-Poplu nisrani kollu għandu
jiġi mgħallem li hu wkoll għandu
d-dmir li b’mod jew ieħor
jikkoopera bit-talb bla waqfien
u b’mezzi oħra li jkollu f’idejh,
biex il-Knisja jkollha dejjem
dawk is-saċerdoti li huma
meħtieġa għall-qadi tal-missjoni
divina tagħha. L-ewwelnett,
mela, l-Presbiteri għandu
jkollhom mill-iżjed għal qalbhom
li bil-ministeru tal-kelma, u
bl-istess xhieda ta’ ħajjithom
li turi ċar l-ispirtu ta’
servizz u l-ferħ veru tal-Għid,
iqiegħdu quddiem għajnejn
il-fidili l-kobor u l-ħtieġa
tas-saċerdozju, u li, bla ma
joqogħdu jqisu xogħol u taħbit,
jekk fil-prudenza tagħhom
jidhrilhom li xi żgħażagħ żgħar
jew kbar ikunu tajbin għal dan
il-ministeru, jgħinuhom iħejju
ruħhom sewwa, biex ‘il quddiem,
bir-rispett kollu lejn
il-libertà sħiħa interna u
esterna tagħhom, ikunu jistgħu
jissejħu mill-Isqfijiet. Biex
dan l-iskop jintlaħaq,
id-direzzjoni spiritwali
magħmula bl-attenzjoni u u
bil-għaqal hija ħaġa ta’ l-akbar
siwi. Il-ġenituri,
is-surmastrijiet, u dawk kollha
li b’xi mod huma fid-dmir li
jedukaw it-tfal u ż-żgħażagħ
għandhom jgħallmuhom jagħrfu
l-ħerqa tal-Mulej għall-merħla
tiegħu u jifhmu l-ħtiġiet
tal-Knisja biex b’qalb kbira
jkunu mħejjija jwieġbu
mal-profeta għas-sejħa
tal-Mulej: “Hawn jien, ibgħat
lili” (Is 6, 8), iżda dan
il-leħen tal-Mulej li jsejjaħ
qatt ma għandna nistennew li
lill-Presbiteri ta’ għada sa
jaslilhom f’widnejhom
bħallikieku b’xi mod tal-għaġeb.
Huwa leħen li jmissna nagħrfuh u
nifhmuh aktarx minn dawk
is-sinjali li bihom ta' kuljum
ir-rieda ta' Alla tintwera
lill-insara għaqlin, sinjali li
l-Presbiteri għandhom
jistudjawhom bl-attenzjoni
kollha.
Għalhekk huma rrikkmandati ħafna
l-Opri tal-vokazzjonijiet, sew
djoċesani u sew nazzjonali.
Jeħtieġ li fil-predikazzjoni,
fil-katekeżi, fil-perjodiċi,
jintwerew ċar il-ħtiġiet
tal-Knisja kemm lokali kemm
universali, u jitqiegħdu wkoll
f’dawl qawwi s-sens u l-kobor
tal-ministeru saċerdotali, li
ċertament mal-piżijiet tqal
tiegħu għandu wkoll il-ferħat
kbar tiegħu, u li bih fuq kollox
kif jgħallmu s-Santi Padri,
tista’ tingħata lil Kristu
l-aqwa xhieda ta’ mħabba.
Kap III
IL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI
1 IS-SEJĦA TAL-PRESBITERI
GĦALL-PERFEZZJONI
L-obbligu li l-presbiteri
jaspiraw għall-perfezzjoni
12.
Bis-Sagrament ta’ l-Ordni
l-Presbiteri jingħatalhom xebħ
ma’ Kristu Saċerdot, bħala
ministri tar-Ras u kooperaturi
tal-Ordni tal-Isqfijiet,
għat-tiswir u l-bini tal-Ġisem
kollu ta’ Kristu, li hu
l-Knisja.
Sa
mill-konsagrazzjoni tagħhom
fil-Magħmudija, il-Presbiteri
bħall-insara l-oħra kollha jkunu
rċevew is-sinjal u d-don ta'
sejħa u ta' grazzja; hekk kbar
li minkejja d-dgħufija tagħhom
ta' bnedmin li huma,
jkunu jistgħu- u jkollhom d-dmir
- jaħdmu għall-perfezzjoni skont
il-kelma tal-Mulej: “Kunu mela
perfetti bħalma hu perfett
Missierkom li hu fis-smewwiet”
(Mt 5, 48). Madankollu
s-saċerdoti għandhom obbligu
speċjali li jiksbu din
il-perfezzjoni, għaliex, permezz
tas-Sagrament tal-Ordni mogħti
lilhom, huma jerġgħu jkunu
kkonsagrati ‘l Alla b’mod ġdid,
u jsiru għodda ħajja ta’ Kristu
s-Saċerdot ta’ dejjem. U dan
ħalli jkomplu matul iż-żmien
l-opra tiegħu tal-għaġeb li,
bil-qawwa tas-sema, reġgħet tat
is-saħħa lill-ġemgħa kollha
tal-bnedmin.
Ladarba kull saċerdot, kull
wieħed skont il-mod tiegħu,
jaġixxi fil-persuna ta' Kristu
nnifsu, lilu tingħata wkoll
grazzja partikulari. B'din
il-grazzja, waqt li jaqdi
l-poplu fdat f'idejh u l-Poplu
ta' Alla kollu, jkun jista’
jħabrek aħjar ħalli jikseb
il-perfezzjoni ta’ Dak li lilu
jkun qed jirrapreżenta. Permezz
ta' din il-grazzja partikulari
wkoll is-saħħa dgħajfa
tan-natura tiegħu ta’ bniedem
issib duwa fil-qdusija ta’ Dak
li sar għalina l-Qassis il-Kbir
“qaddis, innoċenti, safi,
maqtugħ mill-midinbin” (Lhud 7,
26).
Kristu, li l-Missier
qaddsu jew ikkonsagrah u bagħtu
fid-dinja,
“ta lilu nnifsu għalina biex
jifdina minn kull ħażen, u
jnaddafna u jagħmel minna poplu
magħżul għalih, poplu imħeġġeġ
għall-għemil it-tajjeb” (Titu
2, 14), u hekk, permezz
tal-passjoni, daħal fil-glorja
tiegħu.
Hekk ukoll il-Presbiteri: li
huma jiġu kkonsagrati bl-Ispirtu
s-Santu, u jintbagħtu minn
Kristu, jgħakksu fihom infushom
l-għemejjel tal-ġisem u jagħtu
ruħhom kollha kemm huma
għas-servizz tal-bnedmin, ħalli
b’hekk iseħħilhom jimxu ‘l
quddiem fil-qdusija li biha
għaniehom Kristu, u jsiru raġel
magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu.
Għalhekk, huma u jagħmlu
l-ministeru taI-Ispirtu u
tal-ġustizzja,
il-Presbiteri jitwettqu
fil-ħajja spiritwali tagħhom,
basta jżommu ruħhom doċli għall-
l-Ispirtu ta’ Kristu li
jagħtihom il-ħajja u jmexxihom.
Għax bis-saħħa tal-istess
azzjonijiet imqaddsa li jagħmlu
ta’ kuljum, u wkoll permezz
tal-ministeru kollu tagħhom li
huma jagħmluh f’għaqda waħda
mal-Isqof u mal-Presbiteri
l-oħra, huma jitqiegħdu fit-triq
li twassalhom għall-perfezzjoni
ta’ ħajjithom. Terġa’ mbagħad
l-istess qdusija ta’ ħajjithom
tiswielhom ħafna biex iħaddmu bi
frott il-ministeru tagħhom; għax
għad li l-grazzja ta’ Alla hi
qawwija biżżejjed biex tissokta
l-opra tas-salvazzjoni mqar
b’min ma jistħoqqlux ikun
ministru tagħha, madankollu
ordinarjament Alla aktar jagħżel
juri għeġubijietu permezz ta’
dawk il-ministri, li, għax
joqgħodu aktar bil-ħlewwa
għat-tqanqil u t-tmexxija
tal-Ispirtu s-Santu, u għax
ikunu erwieħ ta’ ħajja qaddisa
magħqudin sħiħ ma’ Kristu, ikunu
jistgħu jgħidu ma’ l-Appostlu:
“Ngħix, imma mhux iżjed jien,
iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2,
20).
Għalhekk dan is-Sinodu
Mqaddes, biex jilħaq
l-iskopijiet pastorali tiegħu,
jiġifieri tat-tiġdid intern
tal-Knisja, it-tixrid
tal-Evanġelju fid-dinja kollha,
u tad-djalogu mad-dinja tal-lum,
iħeġġeġ b’qawwa kbira
s-saċerdoti kollha biex jinqdew
bil-mezzi addattati rikkmandati
mill-Knisja
u b'hekk jħabirku tassew ħalli
jiksbu dik il-qdusija dejjem
akbar li biha jsiru għodda
dejjem aktar tajba fis-servizz
tal-Poplu kollu ta’ Alla.
L-eżerċizzju tad-dmirijiet
saċerdotali jesiġi l-qdusija
13.
Il-Presbiteri jitqaddsu
tabilħaqq jekk jaqdu sinċerament
u bla ma jgħajjew qatt
l-uffiċċji tagħhom fl-ispirtu
ta’ Kristu.
Billi huma ministri
tal-Kelma ta’ Alla, huma kuljum
jaqraw u jisimgħu din il-kelma
li għandhom jgħallmuha
lill-oħrajn; u hekk fl-istess
ħin ifittxu li jilqgħuha tajjeb
fihom infushom, huma jsiru
dixxipli dejjem aktar perfetti
tal-Mulej, skont il-kliem
tal-Appostlu Pawlu lil Timotju:
''Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom,
agħti ruħek għalihom, biex
kulħadd jara li int miexi 'l
quddiem. Għasses fuqek innifsek
u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm
sħiħ f'dawn il-ħwejjeġ għax jekk
tagħmel hekk, issalva lilek
innifsek u lil dawk li
jisimgħuk” (I Tim 4, 15-16).
Għax waqt li jkunu qegħdin
ifittxu l-aħjar mod kif jistgħu
jgħaddu lill-oħrajn il-frott
tal-kontemplazzjoni tagħhom,
il-Presbiteri jduqu iżjed
''l-għana ta' Kristu għad li
ebda moħħ ma jista' jifhmu (Ef
3, 8), u l-għerf ta' Alla, għerf
ta’ kull xorta ta’ mezzi.
Jekk iżommu quddiem għajnejhom
li hu l-Mulej dak li jiftaħ
il-qlub,
u li dak li hu għoli fihom mhux
ġej minnhom iżda mill-qawwa ta’
Alla,
allura permezz tal-istess
appostolat tagħhom tal-kelma
jkunu qegħdin jingħaqdu aktar
sħiħ ma’ Kristu l-Imgħallem u
jħallu aktar l-Ispirtu tiegħu
jmexxihom. U waqt li jkunu hekk
magħqudin ma’ Kristu jixxierku
fil-karità ta' Alla li l-misteru
tiegħu, moħbi minn mijiet ta'
snin,
kien rivelat fi Kristu.
Bħala ministri tal-ħwejjeġ
qaddisa, l-aktar fis-Sagrifiċċju
tal-Quddiesa, il-Presbiteri
jaġixxu b’mod speċjali flok
Kristu, li ta lilu nnifsu bħala
vittma biex iqaddes il-bnedmin;
u hu għalhekk li l-Presbiteri
huma mistiedna biex ifasslu
ħajjithom fuq dak li jkollhom
f’idejhom, billi, kif
jiċċelebraw il-misteru ta’ mewt
il-Mulej, hekk ukoll ifittxu li
jgħakksu l-vizzji u l-ġibdiet
ħżiena tal-ġisem.
L-opra tal-fidwa tagħna
titkompla l-ħin kollu
fil-misteru tas-Sagrifiċċju
Ewkaristiku,
li fih is-saċerdoti jaqdu
uffiċċju ewlieni tagħhom; u
għalhekk ta’ min iħeġġiġhom
ħafna biex iqaddsu kuljum; għax
il-Quddiesa, ukoll meta l-fidili
ma jkunux jistgħu jiġu għaliha,
hija att ta’ Kristu u tal-Knisja.
U b’hekk, waqt li l-Presbiteri
jingħaqdu mal-att ta’ Kristu
Saċerdot, ta’ kuljum joffru
lilhom infushom kollha kemm huma
lil Alla, u, permezz
tat-tqarbina tagħhom bil-Ġisem
ta’ Kristu, jieħdu sehem
bil-qalb mill-imħabba ta’ Dak li
jagħti lilu nnifsu bħala ikel
lill-fidili. Hekk ukoll waqt li
jkunu jamministraw
is-Sagramenti, huma jingħaqdu
mal-intenzjoni u l-karità ta’
Kristu. U dan jagħmluh b’mod
speċjali jekk juru ruħhom għal
kollox u dejjem imħejjija biex
jaqdu dmirhom fis-Sagrament
tal-Qrar kull darba li l-fidili
jkollhom għalfejn jitolbu dan
is-Sagrament minnhom. Huma u
jgħidu l-Uffiċċju Divin ikunu
qegħdin joffru leħenhom
lill-Knisja li, f’isem
il-bnedmin kollha, qatt ma
tieqaf titlob flimkien ma’
Kristu, li hu “dejjem ħaj biex
jitlob għalina” (Lhud 7, 25).
Huma u jmexxu u jirgħu l-poplu
ta’ Alla, il-Presbiteri jitħeġġu
bil-karità tar-Ragħaj it-Tajjeb
biex jagħtu ħajjithom
għan-nagħaġ tagħhom,
u jkunu lesti mqar għall-aqwa
sagrifiċċju, bħal dawk
is-saċerdoti li fi żminijietna
wkoll ma ċaħdux lijagħtu
ħajjithom. Bħala edukaturi
tal-oħrajn fil-fidi, mimlijin
ukoll bil-“fiduċja li jidħlu
fis-santwarju bis-saħħa tad-Demm
ta’ Kristu” (Lhud 10, 19),
il-Presbiteri jersqu lejn Alla
“b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa
(Lhud 10, 22), huma jibnu tama
qawwija għall-fidili tagħhom,
biex b’dak il-faraġ, li bih Alla
farraġ lilhom,
ikunu jistgħu jfarrġu ‘l kull
min hu magħfus mid-dwejjaq.
Bħala mexxejja tal-komunità,
huma jgħixu ħajja axxetika li
tixraq lil ragħaj tal-erwieħ,
jiċħdu għall-interessi tagħhom
infushom, ifittxu mhux dak li
jaqbel lilhom iżda lil ħafna,
biex il-ħafna jsalvaw,
huma jimxu dejjem aktar ‘il
quddiem ħa jaqdu aħjar il-ħidma
pastorali, u, jekk ikun meħtieġ,
ikunu lesti biex jaqbdu triqat
pastorali ġodda, taħt
it-tmexxija ta’ l-Ispirtu
tal-imħabba, li jonfoħ fejn irid
hu.
Unità u armonija tal-ħajja
tal-Presbiteri
14.
Fid-dinja tal-lum, meta
l-bnedmin qegħdin ikollhom
jidħlu għal tant dmirijiet u
jħabbtu wiċċhom ma’ tant xorta
ta’ problemi li sikwit jitolbu
minnhom soluzzjoni ta' malajr,
mhux rari li jsibu rwieħhom
fil-periklu li jixterdu fuq
ħafna ħwejjeġ. Il-Presbiteri
wkoll, meħudin u mxerrdin
mill-għadd kbir ta' impenji li
jitlob minnhom l-uffiċċju
tagħhom, jistgħu jsaqsu lilhom
infushom, u mhux mingħajr
ansjetà x'jistgħu jagħmlu biex
jgħaqqdu l-ħajja interjuri
tagħhom u mal-ħidma esterna,
b'mod li t-tnejn, ħajja
interjuri u ħidma esterna,
jibqgħu miexja flimkien bħal
ħaġa waħda. Biex iseħħilhom
jagħmlu dan, - isalvaw l-għaqda
tal-ħajja interjuri u tal-ħidma
esterna- mhux biżżejjed li
jagħmlu l-opri tal-ministeru
tagħhom b’ċertu ordni estern
biss, anqas ma hi biżżejjed
il-prattika ta' xi eżerizzju ta'
tjieba, għad li dan it-taħriġ
jgħinhom ħafna biex jiksbu dik
il-għaqda. Din jaslu għaliha
dawk il-Presbiteri li jaqdu
l-ministeru tagħhom fuq
l-eżempju ta’ Kristu l-Mulej, li
l-ikel tiegħu kien li jagħmel
ir-rieda ta’ Dak li bagħtu biex
biex iwassal fit-tmiem l-opra
tiegħu.
Fil-fatt, biex din
l-istess rieda tal-Missier
jibqa’ jagħmilha l-ħin kollu
fid-dinja permezz tal-Knisja,
Kristu jaħdem bil-ministri
tiegħu, u għalhekk dejjem jibqa’
hu l-prinipju u l-għajn
tal-unità tal-ħajja tagħhom.
Mela l-Presbiteri jiksbu din
il-għaqda jekk jintrabtu ma’
Kristu biex fih jagħrfu r-rieda
tal-Missier u miegħu jingħataw
għall-merħla fdata lilhom.
B'hekk, billi jaqdu l-uffiċċju
tar-Ragħaj it-Tajjeb, huma jsibu
fl-istess taħriġ tal-karità
pastorali r-rabta
tal-perfezzjoni saċerdotali li
biha jgħaqqdu il-ħajja
spiritwali mal-ħidma esterna
tagħhom. L-aqwa għajn ta’ din
il-karità pastorali
huwa s-Sagrifiċċju Ewkaristiku,
li għalhekk huwa l-qalba u
l-għerq tal-ħajja kollha
tal-Presbiteru; hekk li r-ruħ
saċerdotali għandha tħabrek biex
tfassal il-ħajja tagħha fuq dak
li jkun qed isir fuq l-artal
tas-Sagrifiċċju. Imma dan ma
jistax jinkiseb jekk l-istess
saċerdoti ma jidħlux dejjem
aktar intimament fil-misteru ta’
Kristu bit-talb tagħhom.
U biex jaslu tassew għal din
l-unità ta’ ħajja b’mod konkret
ukoll, għandhom jiflu tajjeb
l-inizjattivi tagħhom biex jaraw
hemmx fihom ir-rieda ta’ Alla,
jiġifieri jekk l-inizjativi
tagħhom ikunux jaqblu man-normi
tal-missjoni evanġelika
tal-Knisja. Għax il-fedeltà lejn
Kristu ma tistax tinfired
mill-fedeltà lejn il-Knisja
tiegħu. Il-karità pastorali,
mela, titlob illi l-Presbiteri,
biex ma jkunux jiġru għalxejn,
jaħdmu dejjem fir-rabta
tal-komunjoni mal-Isqfijiet u
ma’ ħuthom l-oħra
fis-saċerdozju. Jekk jaħdmu
b'dan il-mod il-Presbiteri jsibu
l-unità ta' ħajjithom fl-istess
unità tal-missjoni tal-Knisja,
li biha jingħaqdu wkoll ħaġa
waħda mal-Mulej u, permezz
tiegħu, mal-Missier, fl-Ispirtu
s-Santu, biex ikunu jistgħu
jimtlew bil-faraġ u jitfawwru
bil-hena.
II ĦTIĠIET SPIRITWALI
PARTIKOLARI FIL-ĦAJJA
TAL-PRESBITERI
Umiltà u ubbidjenza
15.
Fost il-virtujiet l-iżjed
meħtieġa għall-Presbiteri
fil-ministeru tagħhom ta' min
isemmi dik id-dispożizzjoni
tar-ruħ li biha jkunu dejjem
lesti biex ifittxu mhux ir-rieda
tagħhom, iżda r-rieda ta’ Dak li
bagħathom.
Għaliex l-opra ta’ Alla li
għaliha l-Ispirtu s-Santu
għażilhom
tisboq ħafna kull qawwa u għerf
tal-bniedem; għax Alla għażel
''il-ħwejjeġ dgħajfa tad-dinja
biex iħawwad il-qawwija” (I Kor
1, 27). Għalhekk min hu tassew
ministru ta’ Kristu, waqt li
jagħraf tajjeb kemm hu dgħajjef,
jaħdem bl-umiltà u jfittex li
jagħmel dak li jogħġob ‘l Alla,
u, miżmum qisu mill-Ispirtu,
jintelaq f'kollox f'idejn
ir-rieda ta’ Alla li trid li
l-bnedmin kollha jsalvaw, din
ir-rieda l-Presbiteru jista’
jaraha u jagħmilha
fiċ-ċirkustanzi ta’ kuljum meta
jaqdi bl-umiltà ‘l dawk kollha
li Alla fdalu f’idejh
fl-uffiċċju li ngħatalu u
fil-ħafna ġrajjiet ta’ ħajtu.
Imma l-ministeru
saċerdotali, billi hu ministeru
tal-istess Knisja, ma jistax
isir ħlief biss fil-komunjoni
ġerarkika tal-ġisem kollu.
Għalhekk l-karità pastorali
ġġiegħel lill-Presbiteri biex,
waqt li jagħtu s-servizz tagħhom
f’din il-komunjoni, joffru
r-rieda tagħhom b’ubbidjenza
għas-servizz ta’ Alla u ta’
l-aħwa billi jilqgħu u jagħmlu
bi spirtu ta’ fidi dak kollu li
jkun ordnat jew irrikkmandat
mill-Papa, mill-Isqof u
mis-superjuri l-oħra tagħhom, u
jingħataw u jissagrifikaw lilhom
infushom b'qalb kbira
għal kull xorta ta’ xogħol,
ukoll l-aktar umli u fqir, li
jafdawlhom f’idejhom. Għaliex
b’hekk huma jżommu u jsaħħu
l-għaqda meħtieġa ma’ ħuthom
fil-ministeru, l-aktar ma’ dawk
li l-Mulej qegħedhom mexxejja
viżibbli tal-Knisja tiegħu, u
jaħdmu għall-bini tal-Ġisem ta’
Kristu, li jikber “permezz
tal-għekiesi kollha li jservuh”.
Din l-ubbidjenza, li twassal
għal-libertà aktar matura ta’
wlied Alla, minn natura tagħha
titlob li, waqt li l-Presbiteri
jitqanqlu mill-karità fil-qadi
ta’ dmirhom biex ifittxu
bil-għaqal triqat ġodda
pastorali għall-aktar ġid
tal-Knisja, huma jressqu
bil-fiduċja l-inizjattivi
tagħhom quddiem is-superjuri, u
jfissrulhom b’ħerqa l-ħtiġiet
tal-merħla fdata lilhom dejjem
imħejjijin li joqogħdu għal li
jgħidulhom dawk li fit-tmexxija
tal-Knisja ta’ Alla għandhom
l-għola uffiċċju.
B’din l-umiltà u
ubbidjenza responsabbli u
volontarja l-Presbiteri jsiru
jixbħu lil Kristu, u jaslu biex
ikollhom l-istess sentimenti u
atteġġjament ta' Ġesù Kristu li
'' xejjen lilu nnifsu billi ħa
n-natura ta’ lsir...u obda
sal-mewt” (Fil 2, 7-9). B’din
l-ubbidjenza huwa rebaħ u feda
d-diżubbidjenza ta’ Adam u, kif
igħid l-Appostlu: “Kif
bid-diżubbidjenza ta’ bniedem
wieħed il-ħafna saru midinbin,
hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’
wieħed il-ħafna jsiru ġusti”
(Rum 5, 19).
Iċ-ċelibat huwa grazzja
16.
Kristu l-Mulej irrikkmanda
l-kontinenza perfetta u perpetwa
li wieħed jagħżel minħabba
fis-Saltna tas-smewwiet.
Matul iż-żminijiet, u fi żmienna
mhumiex ftit l-insara li
jħaddnuha minn rajhom u jħarsuha
b’mod ta’ min ifaħħru.
Il-Knisja tqisha bħala virtù ta’
ġid kbir, l-aktar għall-ħajja
saċerdotali. Infatti
l-kontinenza hi f’ħin wieħed
sinjal u u stimolu ta' karità
pastorali, u hi għajn speċjali
ta’ qawwa spiritwali li ġġib
kotra ta’ frott fid-dinja.
Tabilħaqq li din il-virtù
mhijiex mitluba minnha nfisha
mis-saċerdozju minnu nnifsu, kif
jidher mill-istorja bikrija
tal-Knisja
u mit-tradizzjoni tal-Knejjes
Orjentali fejn, barra minn dawk
li flimkien ma’ l-Isqfijiet
kollha jagħżlu li jħarsu
bil-grazzja ta’ Alla ċ-ċelibat,
jinsabu wkoll Presbiteri
mill-aħjar li huma miżżewġa; u
dan is-Sinodu Mqaddes waqt li
jirrikkmanda iċ-ċelibat
ekkleżjastiku, ma għandu ebda
ħsieb li jbiddel dik
id-dixxiplina differenti
leġittma li tinsab fil-Knejjes
Orjentali, u bi mħabba kbira
jħeġġeġ lil dawk kollha li ħadu
l-presbiterat fiż-żwieġ, biex
jibqgħu sa l-aħħar fis-sejħa
mqaddsa tagħhom u jkomplu
ġenerożament jagħtu ħajjithom
kollha għall-merħla fdata lilhom.
Iżda hemm bosta
raġunijiet li għalihom
iċ-ċelibat jaqbel
mas-saċerdozju. Għax il-missjoni
hi mogħtija kollha kemm hi
għas-servizz tal-umanità ġdida
li Kristu, rebbieħ fuq il-mewt,
iqajjem fid-dinja permezz
tal-Ispirtu tiegħu, dik
l-umanità li titnissel “mhux
mid-demm u lanqas mill-ġibda
tal-ġisem u anqas mir-rieda
tal-bniedem, iżda minn Alla” (Ġw
1, 13). Bis-safa jew ċelibat li
jħaddnu minħabba fis-Saltna
tas-smewwiet,
il-Presbiteri jikkonsagraw
rwieħhom lil Kristu b'titlu ġdid
u għoli ħafna u jsir eħfef
għalihom li jingħaqdu miegħu
b’qalb mhix mifruda fiha nfisha,
jingħataw b'libertà akbar fi
Kristu u permezz tiegħu
għas-servizz ta’ Alla u
tal-bnedmin jaqdu b'ħeffa akbar
is-Saltna tiegħu u l-opra
tat-twelid mill-ġdid
għall-grazzja, u hekk isiru
aktar disposti li jifirxu iżjed
l-uffiċċju tagħhom ta’
missirijiet fi Kristu. B’dan
il-mod għalhekk ikunu qegħdin
juru ċar quddiem il-bnedmin li
huma jridu jingħataw mingħajr
ebda rabta oħra għall-ufiċċju
fdat lilhom, jiġifieri dak li
jgħarrsu l-fidili lil raġel
wieħed, bħallikieku kienu xebba
safjali lridu jippreżentaw lil
Kristu;
b’hekk iqajmu t-tifkira ta’ dak
iż-żwieġ misterjuż imwaqqaf
minn Alla, li għad jintwera ċar
fiż-żmien li ġej, u li bih
il-Knisja għandha lil Kristu
bħala Għarus waħdieni tagħha.
U huma jsiru wkoll is-sinjal ħaj
ta’ dik id-dinja li għad trid
tiġi, imma li fil-fidi u
fil-karità hi diġa fostna, meta
l-ulied tal-qawmien mill-imwiet
la jiżżewġu u lanqas jingħataw
għaż-żwieġ.
Għal dawn
ir-raġunijiet, imsejsa fuq
il-misteru ta’ Kristu u
tal-missjoni tiegħu, iċ-ċelibat,
li għall-ewwel kien biss
irrikmandat lis-saċerdoti, aktar
tard fil-Knisja Latina sar
jobbliga b’liġi lil kull min
jersaq għall-Ordni mqaddes.
Għal darb’oħra dan is-Sinodu
Mqaddes japprova u jwettaq din
il-liġi għal dawk li huma mexjin
lejn il-Presbiterat, b’qalbu
qawwija fl-Ispirtu li, sakemm
dan id-don ikun mitlub lil Alla
bl-umiltà u bil-ħerqa minn dawk
li bis-Sagrament tal-Ordni
jieħdu sehem mis-Saċerdozju ta’
Kristu, anzi mitlub ukoll
mill-Knisja kollha, il-Missier
mhux se jonqos li jagħtihom
b’idu miftuħa dan id-don
taċ-ċelibat, hekk xieraq
għas-saċerdozju tat-Testment
il-Ġdid. Lill-Presbiteri kollha,
li għax jafdaw fuq il-grazzja
ta’ Alla aċċettaw liberament
iċ-ċelebat imqaddes fuq
l-eżempju ta’ Kristu, dan
is-Sinodu Mqaddes jħeġġiġhom
biex b’qalb kbira u sħiħa
jgħożżu dan id-don, iħarsuh
bil-fedeltá sa l-aħħar,
japprezzaw dan ir-rigal
mill-aqwa li Alla tahom u li
l-Mulej faħħar tant fil-beraħ,
kif ukoll biex ma jneħħux minn
quddiem għajnejhom il-misteri
kbar li jitfissru u jseħħu fih.
Il-lum bosta bnedmin jidhrilhom
li ma jistax ikun li wieħed
iħares kontinenza perfetta; iżda
aktar ma jaħsbuha hekk
il-bnedmin, aktar għandhom
il-Presbiteri, bl-umiltà u
l-perseveranza, jitolbu flimkien
mal-Knisja l-grazzja
tal-fedeltá, li qatt ma hi
miċħuda lil min jitlobha, u
jinqdew bil-għajnuniet kollha
sopranaturali u naturali li
jista’ jilħaqhom kulħadd. Fuq
kollox m’għandhomx jittraskuraw
li jimxu fuq in-normi axxetiċi
li mill-esperjenza tal-Knisja hu
ppruvat kemm jiswew, u li
l-ħtieġa tagħhom xejn ma naqset
fid-dinja tal-lum. Għalhekk dan
is-Sinodu Mqaddes jitlob mhux
biss lis-saċerdoti, iżda wkoll
lill-fidili kollha, biex dan
id-don għażiż taċ-ċelibat
saċerdotali jħobbuh minn
qalbhom, u biex ilkoll jitolbu
li Alla nnifsu jibqa’ jagħtih
bil-kotra u b’id miftuħa
lill-Knisja tiegħu.
Faqar volontarju u atteġġjament
lejn id-dinja u l-ġid tagħha
17.
Il-Presbiteri li jgħixu ta’
ħbieb u aħwa bejniethom u
mal-bnedmin l-oħra jseħħilhom
jitgħallmu jistmaw il-valuri
umani u jqisu l-ħolqien kollu
bħala għotja ta’ Alla. Iżda
għandhom ikunu jafu dejjem li,
kif qal Sidna l-Imgħallem
tagħna, għad li jgħixu
fid-dinja, huma mhumiex ta’ din
id-dinja..
Għandhom mela jinqdew b’din
id-dinja bħallikieku mhumiex
qegħdin jużawha,
u hekk jiksbu dik il-libertà li
biha jilliberaw ruħhom minn kull
tħassib żejjed u jitgħallmu
jkunu aktar doċli biex jisimgħu
l-leħen ta’ Alla fil-ħajja
tagħhom ta’ kuljum. B’din
il-libertà, u b’din id-doċilità
għal-leħen ta’ Alla, tikber
id-diskrezzjoni spiritwali li
biha wieħed jasal f’dik
ir-relazzjoni meqjusa li
l-Presbiteru għandu jkollu
mad-dinja u mal-ġid ta’ l-art.
Din ir-relazzjoni tajba hi
tassew importanti
għall-Presbiteri, sewwa sew għax
il-missjoni tal-Knisja trid
issir fid-dinja, u għax il-ġid
maħluq huwa ħaġa li l-bniedem ma
jistax jgħaddi mingħajrha
għall-progress personali tiegħu.
Għalhekk il-Presbiteri għandhom
ikunu rikonoxxenti lill-Missier
tas-Sema għal kull ma jagħtihom
b’id miftuħa biex igħixu ħajja
sewwa. Imma jeħtieġ ukoll li
huma jħarsu fid-dawl tal-fidi
lejn dak kollu li jingħatalhom,
ħalli bil-ġid ta’ l-art jinqdew
tajjeb kif irid Alla, u jwarrbu
kull ma jista’ jkun ta’ ħsara
għall-missjoni tagħhom.
Infatti s-saċerdoti,
ladarba sehemhom u l-wirt
tagħhom hu l-Mulej (Num 18, 20)
bil-ġid temporali għandhom
jinqdew biss għal dawk
l-iskopijiet li għalihom dan
il-ġid jista’ jitħaddem skond
it-tagħlim ta’ Kristu l-Mulej u
l-ordinamenti tal-Knisja.
Dak li hu proprjament ġid
tal-Knisja, min-natura tiegħu
stess u b’liġi ekkleżjastika
għandu jiġi amministrat minn
saċerdoti, jekk jista jkun
bil-għajnuna ta’ lajċi esperti,
u jitħaddem dejjem għal dawk
l-iskopijiet li għalihom
il-Knisja tista’ żżomm il-ġid
temporali tagħha, jiġifieri biex
isir sewwa l-kult divin,
għall-għajxien xieraq tal-kleru,
u għall-ħidmiet tal-appostolat
imqaddes u tal-karitá, l-aktar
mal-foqra.
Il-Presbiteri, xejn inqas
mill-Isqfijiet, bla xejn ma
jitnaqqas xi id-dritt
partikolari,
għandhom jinqdew bil-ġid li
jaqilgħu minn xi uffiċċju
ekkleżjastiku biex l-ewwelnett
iżommu ruħhom kif jixraq u jaqdu
d-dmirijiet ta’ l-istat tagħhom;
dwar iż-żejjed li jibqgħalhom
ikollhom ir-rieda tajba li
jħalluh għall-ġid tal-knisja u
għall-opri ta’ karità. Għalhekk
huma m’għandhomx jittrattaw
l-uffiċċju ekkleżjastiku li
jkollhom bħala okkażjoni ta'
qligħ u r-renti li jdaħħlu minnu
m’għandhomx iwarrbuhom biex
bihom iżidu l-patrimonju
familjari tagħhom.
Is-saċerdoti m’għandhom qatt
jorbtu qalbhom mal-għana
tad-dinja,
imma jaħarbu dejjem kull xorta
ta’ regħba, u jaħarbu sewwa minn
kull xorta ta’ negozju.
Barra minn dan biss, imma
s-saċerdoti huma mistiedna biex
iħaddnu minn rajhom ħajja ta’
fqar, għax fil-faqar juru
rwieħhom aktar jixbhu ‘l Kristu
u jsiru aktar disposti
għall-ministeru imqaddes. Għax
Kristu, li kien għani, ftaqar
minħabba fina, biex fil-faqar
tiegħu nistagħnu aħna.
U l-Appostli, li tgħallmu jgħixu
fil-ġid u jgħixu wkoll fil-għaks,
bl-eżempju tagħhom taw xhieda
illi d-don li Alla jagħti
b’xejn, b’xejn ukoll għandu
jingħata.
Triq oħra mill-aħjar li twassal
għall-karità pastorali hija xi
forma ta’ użu komuni tal-ġid,
bħal dik il-komunità ta' ġid
hekk imfaħħra fl-istorja ta’
l-ewwel żminijiet tal-Knisja;
b’din il-għamla ta’ ħajja
l-Presbiteri jkunu jistgħu
jqiegħdu fil-prattika, b’mod ta’
min ifaħħru, dak l-ispirtu ta’
faqar irrikmandat minn Kristu.
Għalhekk, immexxijin
mill-ispirtu tal-Mulej li
kkonsagra s-Salvatur tagħna u
bagħtu jevanġelizza lill-foqra,
il-Presbiteri, u l-Isqfijiet
ukoll, ifittxu li jaħarbu dak
kollu li b’xi mod jbiegħed
il-foqra minnhom, u aktar
mid-dixxipli l-oħra ta’ Kristu
jwarrbu kull xorta ta’ frugħa
fl-affarijiet tagħhom. U darhom
fit-tagħmir tagħha għandha tkun
irranġata b’mod li ħadd ma
jħossha bi tqila li jersaq
lejha, u li qatt ħadd, imsejken
kemm ikun imsejken ma tiġih
mistħija li jidħol fiha.
III GĦAJNUNIET GĦALL-ĦAJJA
TAL-PRESBITERI
Mezzi li jgħinu l-ħajja
spiritwali
18.
Biex fiċ-ċirkustanzi kolha ta’
ħajjithom jingħaqdu dejjem iżjed
ma’ Kristu, il-Presbiteri, barra
mill-ministeru li huma jħarrġu
għax jafu bis-siwi tiegħu
għandhom ukoll il-mezzi
kemmkomuni u kemm partikulari,
ġodda u tradizzjonali, li
l-Ispirtu s-Santu qatt ma waqaf
iqajjem fil-Knisja tiegħu, mezzi
li l-Knisja tirrikmandahom
ħafna, anzi xi drabi tordnahom
ukoll għat-tqaddis tal-membri
tagħha.
Fost l-għajnuniet spiritwali
kollha, l-aqwa huma dawk
l-għemejjel li bihom il-fidili
jieħdu l-ikel tagħhom tal-Kelma
ta’ Alla mill-mejda doppja
tal-iskrittura Mqaddsa u
tal-Ewkaristija;
kulħadd jaf kemm jiswa
għall-qdusija proprja
tal-Presbiteri li huma jersqu
ta' sikwit lejha.
Il-ministri
tal-grazzja sagramentali
jingħaqdu aktar intimament ma’
Kristu s-Salvatur u r-Ragħaj
meta jirċievu tajjeb
is-sagramenti, u l-aktar jekk
jersqu sikwit għas-Sagrament
tal-Qrar, għax dan is-Sagrament,
imħejji bl-eżami tal-kuxjenza
ta’ kuljum, jgħin wisq
il-konverżjoni meħtieġa tal-qalb
lejn l-imħabba tal-Missier ta’
kull ħniena. Fid-dawl tal-fidi,
fidi mitmugħa bil-qari tal-Kelma
ta’ Alla, huma jkunu jistgħu
jfittxu b’ħeġġa akbar s-sinjali
tar-rieda ta’ Alla u t-tqanqil
tal-grazzja tiegħu fil-bosta
ġrajjiet tal-ħajja, u hekk isiru
dejjem iżjed lesti bil-ħlewwa
kollha biex jaqdu dik
il-missjoni li ħadu fl-Ispirtu
s-Santu. Eżempju tal-għaġeb ta’
din id-doċilità jsibuh dejjem
fil-Verġni Mqaddsa Marija, li
taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu
s-Santu ngħatat kollha kemm hi
għall-misteru tal-Fidwa
tal-bniedem;
lil din l-Omm tas-Saċerdot
il-Kbir u ta’ dejjem, Sultana
tal-Appostli u għajnuna qawwija
tal-ministeru tagħhom,
il-Presbiteri għandhom jagħtuha
l-ġieh u jħobbuha bi mħabba u
qima ta’ wlied.
Biex jibqgħu fidili
għall-ministeru tagħhom,
ikollhom għal qalbhom
il-konversazzjoni ta’ kuljum ma’
Kristu l-Mulej fiż-żjajjar u
l-qima personali tagħhom
lill-Ewkaristija Mqaddsa;
jagħmlu bil-qalb l-irtir
spiritwali u jgħożżu
d-direzzjoni spiritwali. B’ħafna
modi, imma l-aktar bit-talb
mentali li għandna provi kemm hu
siewi, u b’ħafna għamliet ta’
talb li huma jagħżlu kif iridu,
il-Presbiteri jfittxu u jitolbu
b’ħerqa kbira mingħand Alla dak
l-ispirtu ta’ adorazzjoni veri
li bih huma flimkien mal-poplu
fdat lilhom, jingħaqdu
intimament ma’ Kristu l-Medjatur
tat-Testment il-Ġdid, u hekk
bħala wlied adottivi jkunu
jistgħu jgħajtu “Abba Missier”
(Rum 8, 15).
Studju u xjenza pastorali
19.
Fir-rit imqaddes ta’
l-Ordinazzjoni l-Isqof iwissi
l-Presbiteri biex “ikunu maturi
fit-tagħrif li jiksbu” u biex
it-tagħlim ikun “duwa spiritwali
għall-poplu ta’ Alla”.
Imma l-għerf u t-tagħrif li
jkollu l-ministru mqaddes iridu
ikunu għerf u tagħrif qaddisa,
għax minn għajn qaddisa
jittieħdu u għal skop qaddis
jitħaddmu. Għalhekk wieħed
għandu jfittex dan il-għerf u
tagħrif l-ewwelnett fil-qari u
l-meditazzjoni ta’ l-Iskrittura
Mqaddsa;
iżda dan ix-xjenza ssib ukoll
għajxien ta' ġid fl-istudju
tas-Santi Padri u tad-Dutturi u
d-dokumenti l-oħra
tat-Tradizzjoni. Barra minn dan,
biex jagħrfu jwieġbu tajjeb
għall-mistoqsijiet li l-lum
qegħdin jinqalgħu mill-bnedmin,
il-Presbiteri jeħtiġilhom ikunu
jafu tajjeb id-dokumenti
tal-Maġisteru u l-iżjed
tal-Konċilji u tal-Papiet; hekk
ukoll ifittxu t-tagħlim ta’
l-aħjar kitttieba tat-teoloġija
li għandhom duttrina żgura.
U billi fi żminijietna
l-kultura umana u x-xjenza
mqaddsa qegħdin jimxu ‘l quddiem
b’ritmu ġdid, il-Presbiteri
għandhom jitħeġġu biex
jipperfezzjonaw tajjeb u bla
heda t-tagħrif tagħhom dwar
il-ħwejjeġ ta’ Alla u
tal-bniedem, ħalli b’hekk
jitħejjew aħjar għad-djalogu
man-nies ta’ żmienhom.
Bil-ħsieb li l-Presbiteri jkunu
jistgħu jkomplu u jaġġornaw
l-istudju li jkunu għamlu u
jitgħallmu b'mod li jħalli aktar
frott il-metodi ta’ l-appostolat
u tal-evanġelizzazzjoni,
għandhom jingħatawlhom
bl-attenzjoni kollha għajnuniet
siewja bħalma jistgħu jkunu
l-organizzazzjoni ta’ korsijiet
jew kungressi skond
il-kondizzjonijiet ta’ kull
post, it-twaqqif ta’ Ċentri ta’
studji pastorali, it-twaqqif ta'
biblijoteki, u t-tmexxija tajba
tal-istudji permezz ta’ nies li
jinqalgħu. Barra minn dan,
l-Isqfijiet, kull wieħed għalih
jew magħqudin bejniethom, jaraw
kif isibu l-aħjar mod biex
il-Presbiteri kollha tagħhom, fi
żminijiet determinati, iżda
l-aktar wara ftit snin
mill-ordinazzjoni tagħhom,
ikunu jistgħu jagħmlu kors li
jkunilhom okkażjoni kemm biex
isiru jafu aktar dwar il-metodi
pastorali u x-xjenzi teoloġiċi,
kemm biex jisaħħu fil-ħajja
spiritwali u biex jikkomunikaw
ma’ ħuthom fis-saċerdozju
l-esperjenzi appostoliċi tagħhom.
B’mezzi addattati bħal dawn u
oħrajn bħalhom għandha ssir
attenzjoni speċjali biex
tingħata għajnuna
lill-kappillani ġodda u ‘l dawk
kollha li jintbagħtu fuq xi
xogħol pastorali ġdid jew
f’djoċesi oħra jew f’pajjiż
ieħor.
Fl-aħħarnett
l-Isqfijiet għandhom jieħdu
ħsieb kbir biex xi wħud
mill-Presbiteri tagħhom
jingħataw għal studju aktar
profond tax-xjenzi mqaddsa,
ħalli b'hekk ma jonqsu qatt
l-għalliema tajba
għall-formazzjoni tal-kleru;
jieħdu ħsieb ukoll biex
lis-saċerdoti l-oħra u
lill-fidili tingħatalhom
għajnuna ħalli jiksbu t-tagħlim
meħtieġ għalihom, u biex b'dan
ix-xogħol ta' riċerka tingħata
spinta lil dak il-progress sħiħ
u tajjeb fix-xjenzi mqaddsa, li
hu għal kollox meħtieġ
għall-Knisja.
Rimunerazzjoni xierqa
20.
Il-Presbiteri, mogħtijin
għas-servizz ta’ Alla fil-qadi
tal-uffiċċju fdat lilhom,
ħaqqhom jirċievu rimunerazzjoni
xierqa, għax “il-ħaddiem ħaqqu
ħlasu” (Lq 10, 7),
u għax “il-Mulej ordna lil dawk
li jxandru l-evanġelju, jgħixu
mill-Evanġelju” (1 Kor 9, 14).
Għalhekk, sakemm ma jkunx maħsub
xort’oħra għal rimunerazzjoni
xierqa tal-Presbiteri, il-fidili
stess, li għall-ġid tagħhom huma
jkunu qegħdin jaħdmu, għandhom
tassew l-obbligu li jaħsbu biex
jgħixu onestament u kif
jixirqilhom. L-Isqfijiet huma
obbligati jwissu l-fidili fuq
dan id-dmir tagħhom. Huma
għandhom jieħdu ħsieb - kull
wieħed għad-djoċesi tiegħu, iżda
jkun aħjar li l-Isqfijiet li
qegħdin jaħdmu fl-istess
territorju jingħaqdu flimkien -
li jsiru xi normi kif tingħata
għajnuna xierqa u kif imiss
għall-ħajja ta’ dawk li jkunu
qegħdin jaqdu jew ikunu qdew xi
uffiċċju b’servizz lill-Poplu
ta’ Alla. Ir-rimunerazzjoni li
jirċievi kull wieħed, li trid
titqies kemm skont in-natura
tal-istess uffiċċju u kemm skond
il-kondizzjonijiet tal-post u
taż-żmien, għandha tkun
fundamentalment l-istess għal
dawk kollha li jkunu jinsabu
fl-istess ċirkustanzi; għandha
tkun biżżejjed biex tilħaq
il-bżonnijiet tagħhom; barra
minn hekk, għandha tipprovdi
l-mezzi biex il-Presbiteri jkunu
jistgħu jagħtu l-ħlas mistħoqq
lil dawk li jkunu jaqduhom, iżda
wkoll biex huma jgħinu b’xi mod
lil min ikun fil-bżonn; dan
il-ministeru mal-foqra kien
dejjem miżmum f’ġieh kbir
mill-Knisja sa mill-bidu tagħha.
Terġa’ wkoll, b’din
ir-rimunerazzjoni li tingħata
lill-Presbiteri għandha tkun
tali li biha huma jkunu jistgħu
ta’ kull sena jieħdu vaganzi
biżżejjed kif jistħoqqilhom;
l-Isqfijiet huma fid-dmir jaraw
li l-Presbiteri jseħħilhom
jieħdu l-vaganzi tagħhom.
L-aqwa importanza
għandha tingħata lill-uffiċċju
nnifsu li l-ministri mqaddsa
jkunu qegħdin jaqdu. Għalhekk
is-sistema hekk imsejjaħ
benefiċjali għanda tispiċċa, jew
għallanqas tiġġedded b’mod li
l-parti benefiċjali, jew il-jedd
għar-renti tas-somma mħollija
b'rabta mal-uffiċċju, tibda
titqies bħala ħaġa sekondarja,
filwaqt li l-post ewlieni
fil-liġi jibda jingħata
lill-istess uffiċċju
ekkleżjastiku. Mil-lum ‘il
quddiem b'uffiċċju ekkleżjastiku
għandna nifhmu kull dmir mogħti
bħala stabbli għal skop
spiritwali.
Fond komuni u previdenza soċjali
21.
Wieħed għandu iżomm dejjem
quddiem għajnejh l-eżempju
tal-fidili fl-ewwel żmien
tal-Knisja f’Ġerusalemm, fejn
“kellhom kollox flimkien” (Atti
4, 32) u “kien jitqassam kollox
skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed”
(Atti 4, 35). Għalhekk jixraq
ħafna li, għallinqas f’dawk
il-postijiet fejn il-għajnuna
tal-kleru tiġi kollha kemm hi,
jew fil-biċċa l-kbira minnha,
mill-offerti tal-fidili, il-ġid
li jingħata għal dan il-ħsieb
jinġabar minn xi istituzzjoni
djoċesana amminstrata mill-Isqof
bil-għajnuna ta’ saċerdoti
delegati u, jekk ikun utli, ta’
lajċi esperti f'materja
ekonomika. Barra minn dan hu ta'
min jixtieq ukoll li, kemm
jista’ jkun, f’kull djoċesi jew
territorju ssir kaxxa komuni
tal-ġid, li biha l-Isqfijiet
jkunu jistgħu jlaħħqu ma’
l-obbligi l-oħra lejn kull min
jagħti xi servizz lill-Knisja,
kif ukoll jagħtu xi għajnuna lil
dawk id-djoċesijiet li jkunu
fil-ħtieġa; bl-istess mezz ukoll
id-djoċesijiet aktar għonja
jkunu jistgħu jgħinu djoċesijiet
oħra aktar fqar, biex iż-żejjed
ta’ dawk jagħmel tajjeb
għan-nieqes ta’ dawn.
F’din il-kaxxa komuni, li
għandha ssir l-ewwelnett
mill-offerti tal-fidili,
jitqiegħed ukoll ġid ieħor minn
għejun oħra li għandhom ikunu
determinati b’liġi.
Fin-nazzjonijiet fejn
il-previdenza soċjali għadha
mhix organizzata sewwa,
il-Konferenzi Episkopali jridu
jaħsbu biex, dejjem skond
il-liġijiet ekkleżjastiċi u
ċivili, ikun hemm jew istituti
djoċesani, ukoll jekk miġburin
f’federazzjoni waħda bejniethom,
jew istituti mwaqqfa għal
diversi djoċesijiet flimkien,
inkella assoċjazzjoni magħmula
għal territorju sħiħ; bihom,
taħt għajnejn il-Ġerarkija,
jinħaseb biżżejjed għal dik li
jgħidulha prevenzjoni jew
assistenza sanitarja xierqa, u
wkoll għall-għajnuna meħtieġa
tal-Presbiteri morda, invalidi
jew xjuħ. Is-saċerdoti,
imqanqlin minn spirtu ta’
solidarjetà sħiħa ma’ ħuthom,
għandhom jagħtu l-għajnuna
tagħhom lill-istituti hekk
imwaqqfa, b’hekk ikunu qegħdin
jixxierku mal-aħwa fil-hemm
tagħhom,
u fl-istess ħin, mingħajr ma
jkollhom għalfejn jitħassbu
għall-ġejjieni tagħhom, ikunu
jistgħu b’ħeffa aktar jgħixu ta’
fqar skond l-ispirtu evanġeliku
u jagħtu rwieħhom
għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Dawk li huma responsabbli
għandhom jagħmlu kemm jistgħu
biex istituti bħal dawn ta’
diversi nazzjonijiet ikunu
marbutin bejniethom, ħalli
tiżdied u tissaħħaħ il-qawwa
tagħhom u jilħqu wkoll bnadi
oħra.
Għeluq u Eżortazzjoni
Fiduċja f'Alla fil-qadi
tal-missjoni għolja
22.
Dan is-Sinodu Mqaddes, waqt li
jżomm quddiem għajnejh kemm hena
ġġib magħha l-ħajja
tas-saċerdot, ma jistax ma
jiftakarx ukoll
fid-diffikultajiet li
l-Presbiteri jiltaqgħu magħhom
fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja
tal-lum. Jaf ukoll kemm qegħdin
jitbiddlu l-kondizzjonijiet
ekonomiċi u soċjali u l-istess
drawwiet tal-bnedmin, u kemm,
fil-ġudizzju tal-bnedmin, qed
jitqalleb l-ordni tal-valuri, hu
għalhekk li l-ministri
tal-Knisja, anzi xi drabi
l-fidili wkoll, qegħdin iħossu
ruħhom qishom barranin
għad-dinja u jfittxu b’taqtiq
ta’ qalb b’liema mezzi
u
klima tajba jistgħu
jikkomunikaw magħha. Għax
it-tfixkil ġdid li qed iħabbat
il-fidi, in-nuqqas ta’ frott li
donnu jkun hemm wara li wieħed
ikun ħadem, u l-imrar li jġarrbu
l-Presbiteri meta jsibu ruħhom
weħidhom, huma kollha ħwejjeġ li
jistgħu jwaqqgħuhom fil-periklu
li jaqtgħu qalbhom.
B’danakollu d-dinja li
llum hi fdata lir-Rgħajja
tal-Knisja, biex jgħożżuha u
jservuha, hija l-istess waħda li
Alla hekk ħabbha li għaliha ta
l-Iben il-Waħdieni tiegħu.
U tassew, din id-dinja, li
minkejja x-xkiel tal-ħafna
dnubiet hi wkoll mogħnija
b'riżorsi mhux żgħar, tagħti
lill-Knisja ġebel ħaj
li jingħaqad fil-bini
tal-għamara ta’ Alla fl-Ispirtu.
L-istess Spirtu s-Santu, waqt li
jħeġġeġ lill-Knisja biex tiftaħ
triqat ġodda u tersaq lejn
id-dinja tal-lum, inebbaħha
wkoll u jqanqalha biex tadatta
kif jixraq il-ministeru
saċerdotali.
Jiftakru l-Presbiteri, li
fil-qadi ta’ dmirijiethom m’huma
qatt weħidhom, iżda megħjunin
bil-qawwa ta’ Alla li jista’
kollox: mela bit-twemmin tagħhom
fi Kristu, li sejħilhom għal
sehem fis-saċerdozju tiegħu,
għandhom jagħtu rwieħhom
bil-fiduċja kollha
għall-ministeru tagħhom, għax
jafu li Alla għandu l-qawwa
jkattar fihom il-karità.
Jiftakru wkoll li bħala sħab
tagħhom għandhom ukoll lil
ħuthom kollha fis-saċerdozju,
anzi lill-fidili kollha
tad-dinja. Għax il-Presbiteri
lkoll jaħdmu id f’id huma u
jħabirku biex iseħħ il-pjan ta’
Alla ta’ salvazzjoni, jiġifieri
l-Misteru ta’ Kristu, jew
is-sagrament moħbi sa minn
mijiet ta’ snin f’Alla,
dan il-pjan, iżda, ma jseħħx
kollu jekk mhux bil-mod il-mod,
bil-kollaborazzjonitad-diversi
ministeri fil-bini tal-Ġisem ta’
Kristu, sakemm dan jilħaq
il-milja taż-żmien tiegħu. Dan
kollu, billi hu moħbi ma’ Kristu
f’Alla,
nistgħu nagħrfuh l-iżjed
bil-fidi. Għax il-mexxejja
tal-Poplu ta’ Alla jeħtieġ li
jimxu bil-fidi, fuq l-eżempju
tal-bniedem tal-fidi, ta’
Abraham, li għax emmen “obda
...... biex imur f'art li kien
ser jirċievi b’wirt: u telaq,
bla ma kien jaf fejn sejjer”
(Lhud 11, 8). Min iqassam
il-misteri ta’ Alla jista’
tassew jixxiebaħ mar-raġel li
żara’ l-għalqa, li fuqu l-Mulej
qal: “Rieqed jew imqajjem,
bil-lejl jew bin-nhar,
iż-żerriegħa tinbet u tikber,
anqas hu ma jaf kif” (Mk 4, 27).
Mill-bqija, meta
l-Mulej Ġesú qal: “Agħmlu
l-qalb, jiena rbaħt id-dinja”
(Ġw 16, 33), lill-Knisja tiegħu
ma wegħedhiex rebħa sħiħa f’din
id-dinja!. Dan is-Sinodu Mqaddes
jifraħ tabilħaqq xħin jara li
l-art, miżrugħa biż-żerriegħa
tal-Evanġelju, f’ħafna bnadi
bħalissa qiegħda tagħti l-frott
taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu
tal-Mulej li jimla d-dinja, u li
qajjem spirtu tassew missjunarju
fil-qlub ta’ bosta saċerdoti u
fidili. Għal dan kollu s-Sinodu
Mqaddes jiżżiħajr minn qalbu
lill-Presbiteri kollha tad-dinja
; u “lil dak Alla li, bis-setgħa
tiegħu li taħdem fina, għandu
l-qawwa li jagàħmel kollox
bil-wisq iżjed milli aħna
nistgħu nitolbu jew naħsbu, lilu
l-glorja permezz tal-Knisja u
permezz ta’ Kristu Ġesú” (Ef 3,
20-21)
7 ta' Diċembru 1965
Il-votazzjoni fuq dan
id-dokument kienet hekk:
Iva 2390 Le 4
(Total 2394).
Referenzi
...
|