Id-Dokumenti ta' Vatikan II u Konċilji oħra ...

DIGRIET

TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II

FUQ IL-FORMAZZJONI SAĊERDOTALI

“OPTATAM TOTIUS”

 

28 ta' Ottubru 1965

 

WERREJ

I – 1. Dwar il-Programm ta’ Formazzjoni Saċerdotali li għandu jsir f’kull Nazzjon

II – 2-3. Aktar ħidma biex jikbru l-Vokazzjonijiet Saċerdotali

III - 4-7. Dwar is-Seminarji Maġġuri

IV - 8-12. Dwar il-Formazzjoni Spiritwali

V - 13-18. Dwar ir-Reviżjoni tal-Istudji Ekkleżjastiċi

VI - 19-21. Dwar il-Formazzjoni Pastorali

VII - 22. Dwar il-Perfezzjonament tal-Formazzjoni wara l-Kors tal-Istudji

Għeluq

 


 

 

DIGRIET DWAR

IL-FORMAZZJONI SAĊERDOTALI

“OPTATAM TOTIUS”

 

Il-Konċilju Mqaddes jagħraf sewwa illi t-tiġdid mixtieq tal-Knisja kollha jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-ministeru tas-saċerdoti, imqanqal mill-ispirtu ta’ Kristu[1]. Għalhekk il-Konċilju jxandar li l-formazzjoni saċerdotali għandha importanza mill-akbar u jiddikjara wħud mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hija tinbena. B'dawn il-prinċipji minn naħa jitwettqu liġijiet magħrufa u ppruvati bħala tajbin bl-esperjenza tas-sekli; min-naħa l-oħra jissawru oħrajn ġodda li jwieġbu għall-Kostituzzjonijiet u d-Digrieti ta’ dan il-Konċilju Mqaddes u għaċ-ċirkostanzi mibdula tal-lum. Ladarba s-saċerdozju kattoliku hu wieħed, dan l-aġġornament fil-formazzjoni saċerdotali huwa meħtieġ għas-saċerdoti kollha, kemm dawk tal-kleru djoċesan u kemm dawk tal-kleru reliġjuż, hu x'inhu r-rit tagħhom; u għalhekk il-preskrizzjonijiet li ġejjin, li jolqtu direttament lill-kleru djoċesan, għandhom ikunu applikati għas-saċerdoti kollha, bl-addattamenti meħtieġa.

 I - DWAR IL-PROGRAMM TA' FORMAZZJONI SAĊERDOTALI LI GĦANDU JSIR F'KULL NAZZJON

1. Minħabba l-fatt li n-nazzjonijiet u t-territorji huma ħafna fil-għadd u daqshekk differenti minn xulxin, ma jistgħux isiru ħlief liġijiet ta' natura ġenerali. Għalhekk f'kull nazzjon u f'kull rit partikolari għandu jinbeda “Pjan ta’ Formazzjoni Saċerdotali”. Dan għandu jkun stabbilit mill-Konferenza tal-Isqfijiet[2], rivedut minnhom kull tant żmien u approvat mis-Santa Sede. B’dan il-programm ta' formazzjoni l-liġijiet universali jkunu addattati skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-post u taż-żmien, b'mod illi l-formazzjoni saċerdotali tkun dejjem taqbel mal-ħtiġijiet pastorali ta’ dawk l-inħawi fejn is-saċerdoti jkunu jridu jaqdu l-ministeru tagħhom.

II -  AKTAR ĦIDMA BIEX JIKBRU L-VOKAZZJONIJIET SAĊERDOTALI

2. It-tħabrik għall-vokazzjonijiet[3] huwa dmir tal-komunità nisranija kollha; dan id-dmir għandha taqdih qabelxejn billi tgħix ħajja għalkollox nisranija. L-iżjed li jistgħu jikkontribwixxu għal dan huma l-familji u l-parroċċi: il-familji, għax jekk jgħixu bi spirtu ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ tjieba, isiru qishom l-ewwel seminarju għall-ulied; il-parroċċi, għax iż-żgħażagħ jieħdu sehem attiv fil-ħajja kotrana tagħhom. Is-surmastrijiet fl-iskejjel, u dawk kollha li b’xi mod għandhom f’idejhom il-formazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, l-aktar l-għaqdiet kattoliċi, għandhom ifittxu li jedukaw liż-żgħażagħ fdati f’idejhom b’mod li dawn jintebħu bis-sejħa t’Alla u jimxu warajha bil-qalb. Is-saċerdoti kollha għandhom juru l-ħeġġa appostolika tagħhom l-iżjed billi jħabirku għall-vokazzjonijiet. Huma għandhom jiġbdu r-ruħ taż-żgħażagħ għas-saċerdozju bl-istess ħajja tagħhom, umli, ħabrieka, mgħoddija fl-hena tal-qalb, bl-imħabba saċerdotali ta' bejniethom u bil-ħidma tagħhom id f’id bħal aħwa.

Huwa dmir tal-isqfijiet li jqanqlu l-membri tal-merħla tagħhom biex jaħdmu għall-vokazzjonijiet, u li jfittxu jgħaqqdu sfiq il-forzi u l-ħidmiet kollha tagħhom għal dan l-iskop; bla ma jibżgħu minn ebda sagrifiċċju huma għandhom jgħinu, bħal missirijiet, lil dawk li huma jaħsbu li huma msejħin biex jaqdu lill-Mulej.

Din il-ħidma ħabrieka u magħquda tal-poplu kollu t’Alla għall-vokazzjonijiet twieġeb għall-ħidma tal-Providenza Divina. Għax Alla, lil dawk il-bnedmin li jagħżel biex ikollhom sehem fis-saċerdozju ġerarkiku ta’ Kristu, jagħnihom bil-kwalitajiet xierqa u jgħinhom bil-grazzja tiegħu; fl-istess ħin huwa jqabbad il-ministri leġittimi tal-Knisja biex jistudjaw lil dawk il-kandidati li b’fehma safja u b’libertà sħiħa jitolbu li jitressqu għal uffiċċju hekk kbir, jaraw jekk humiex tajbin għalih, isejħulhom jekk isibuhom tajbin, u jikkonsagrawhom bis-siġill tal-Ispirtu s-Santu għall-qima t’Alla u għas-servizz tal-Knisja[4].

Dan is-Sinodu Mqaddes jirrakkomanda ħafna qabelxejn dawk li huma l-għajnuniet tradizzjonali għall-ħidma id f’id ta’ kulħadd, bħalma huma t-talb bla waqfien u l-penitenza nisranija u l-formazzjoni dejjem aħjar tal-fidili permezz tal-predikazzjoni u bit-tagħlim tal-katekiżmu u permezz tad-diversi strumenti tal-komunikazzjoni soċjali li bihom jitfissru l-ħtieġa, in-natura u l-importanza tal-vokazzjoni saċerdotali. Barra minn dan, il-Konċilju jordna li l-attività pastorali kollha mmirata biex trawwem il-vokazzjonijiet tkun ippjanata b’mod metodiku u koerenti, u daqstant ieħor imħaddma bi prudenza u żelu minn dawk l-organizzazzjonijiet inkarigati mill-promozzjoni tal-vokazzjonijiet li, skont id-dokumenti pontifiċji rilevanti, diġà twaqqfu jew se jitwaqqfu fit-territorju tad-djoċesijiet individwali, reġjuni jew nazzjonijiet.  Ukoll, ma għandha titwarrab l-ebda għajnuna proposta mill-psikoloġija moderna jew mir-riċerka soċjoloġika[5].

Il-ħidma għat-tkattir tal-vokazzjonijiet għandha ssir b’qalb kbira, u tkun tħares lil hinn mit-trufijiet ta’ din jew ta’ dik id-djoċesi, nazzjon, familja reliġjuża jew rit; hija għandha tqis il-ħtiġijiet tal-Knisja kollha kemm hi, u b’mod speċjali tkun ta’ għajnuna għal dawk it-territorji fejn il-bżonn tal-ħaddiema għall-għalqa tal-Mulej tkun tinħass qed tagħfas aktar.

3. Fis-seminarji minuri, imwaqqfin biex ikabbru ż-żrieragħ tal-vokazzjoni li jkunu għadhom kemm nibtu, it-tfal studenti għandhom jitħejjew b'taħriġ reliġjuż speċjali, u qabel xejn b’direzzjoni spiritwali xierqa, biex jimxu wara Kristu l-Feddej bi spirtu ġeneruż u b’qalb safja.  Taħt id-direzzjoni paterna tas-superjuri tagħhom, u bil-koperazzjoni tal-ġenituri, ir-rutina ta’ kuljum għandha tkun addattata għall-età, il-karattru u l-istadju ta’ żvilupp tal-adoloxxenti, kif ukoll tkun konformi għal kollox man-normi ta’ psikoloġija sana.  L-istudenti għandhom jingħataw opportunitajiet xierqa biex iżommu kuntatti soċjali u kulturali u wkoll kuntatt mal-familja tagħhom[6]. Barra minn dan, id-direttivi li ser jingħataw f'dan li ġej għas-seminarji maġġuri għandhom ikunu applikati wkoll għas-seminarji minuri sa fejn ikunu jaqblu mal-iskop u n-natura tagħhom. Il-programmi ta’ studju għandhom jitfasslu b'mod illi l-istudenti jkunu jistgħu jkompluhom band’oħra, jekk jiddeċiedu li jħaddnu stat ieħor ta’ ħajja.

L-istess ħsieb u attenzjoni għandhom jingħataw lix-xtieli ta’ vokazzjonijiet fost l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ f’dawk l-istituti speċjali li skont iċ-ċirkostanzi lokali jservu wkoll ta’ seminarji minuri; l-istess għandu jsir mat-tfal u ż-żgħażagħ li jkunu qegħdin jirċievu l-formazzjoni tagħhom jew fi skejjel oħra jew b'metodi oħra ta’ edukazzjoni. Fl-aħħar nett għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-istituti u inizjattivi oħra mwaqqfin għal dawk li jwieġbu għas-sejħa t’Alla meta jkunu diġà adulti.

III – DWAR IS-SEMINARJI MAĠĠURI

4. Is-seminarji maġġuri huma meħtieġa għall-formazzjoni saċerdotali. Bihom l-edukazzjoni kollha tal-istudenti trid timmira biex tagħmilhom tassew rgħajja tal-erwieħ, fuq il-mudell ta' Sidna Ġesù Kristu, Saċerdot u Ragħaj[7]. Għalhekk huma għandhom jitħejjew għall-ministeru tal-kelma billi jifhmu dejjem aħjar il-kelma rivelata ta’ Alla, jagħmluha tagħhom bil-meditazzjoni, ifissruha b'kelmithom u  b'ħajjithom; jitħejjew għall-ministeru tal-kult u tat-tqaddis billi bit-talb u biċ-ċelebrazzjonijiet imqaddsa tal-liturġija jkomplu l-opra tas-salvazzjoni permezz tas-sagrifiċċju Ewkaristiku u tas-sagramenti; jitħejjew għall-ministeru ta’ rgħajja billi jagħrfu jirrappreżentaw fost il-bnedmin lil Kristu, li ''ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra'' (Mk 10,45; cf. Ġw 13, 12-17), u jagħrfu jsiru l-ilsiera ta’ kulħadd biex jirbħu lil ħafna (cf. 1 Kor 9, 19).

Għalhekk l-aspetti kollha tal-edukazzjoni spiritwali, intellettwali u  dixxiplinari għandhom jorbtu lkoll flimkien f’nisġa waħda għal dan l-iskop pastorali. Għalih is-superjuri u l-għalliema, b'ubbidjenza u b'fedeltà lejn l-awtorità tal-isqof, għandhom iħabirku għalenija u b'ħeġġa kbira.

5. L-edukazzjoni tajba tal-istudenti tiddependi minn liġijiet magħmulin b'għerf, u l-iżjed minn edukaturi kompetenti. Għalhekk is-superjuri u l-għalliema fis-seminarji għandhom jintgħażlu minn fost l-aħjar nies[8] u b'attenzjoni u jitħejjew b'tagħlim sod, b'esperjenza pastorali xierqa u b'formazzjoni spiritwali u pedagoġika speċjali. Jeħtieġ għaldaqstant li biex jintlaħaq dan l-iskop jitwaqqfu istituti apposta jew għall-anqas ikunu organizzati korsijiet xierqa u kull tant żmien isiru laqgħat għas-superjuri tas-seminarji.

Min-naħa tagħhom, is-superjuri u l-għalliema għandhom jifhmu sewwa li r-riżultat tal-formazzjoni tas-seminaristi jiddependi ħafna mill-mod kif jaħsbu u jġibu rwieħhom huma; taħt it-tmexxija tar-rettur huma għandhom ikunu magħqudin sfiq flimkien fl-ispirtu u fil-ħidma bejniethom u flimkien mas-seminaristi huma għandhom jiffurmaw dik il-familja li twieġeb għat-talba tal-Mulej: “biex ikunu ħaġa waħda” (cf. Ġw 17,11), u tkabbar fl-istudenti l-ferħ għas-sejħa tagħhom. Imbagħad l-isqof, bi ħsieb u b'għożża kbira, m'għandu jehda qatt milli jħeġġeġ lil dawk li jaħdmu fis-seminarju, u juri ruħu mal-istess seminaristi missier tassew fi Kristu. Fl-aħħar nett is-saċerdoti kollha għandhom iqisu s-seminarju bħala l-qalb tad-djoċesi, u jagħtuh bil-qalb l-għajnuna tagħhom[9].

6. Bi ħsieb u b'attenzjoni skont l-età u l-progress tagħhom, wieħed għandu jistħarreġ il-kandidati għal dik li hi intenzjoni retta u għażla ħielsa tagħhom, biex jara jekk humiex tajbin spiritwalment, moralment u intellettwalment għas-saċerdozju, u jekk għandhomx is-saħħa fiżika u psikika meħtieġa għalih; jitqiesu wkoll l-inklinazzjonijiet naturali li jkollhom u li għandhom mnejn ikunu wirtu mill-familja. Il-kandidati għandhom ikunu mistħarrġa wkoll dwar il-ħila tagħhom li jerfgħu l-piżijiet tas-saċerdozju u li jaqdu d-dmirijiet pastorali[10].

Fl-għażla tal-istudenti u matul il-prova kollha li ssirilhom wieħed għandu japplika strettament il-kriterji meħtieġa għal għażla tajba; dan għandu jsir ukoll meta sfortunatament ikun hemm nuqqas ta' saċerdoti[11]. Alla mhux ser iħalli l-Knisja tiegħu nieqsa mill-ministri jekk jitmexxew ’il quddiem il-kandidati li jkun jixirqilhom, waqt li dawk li ma jkunux tajbin għas-saċerdozju jkunu indirizzati fil-waqt u bl-imħabba għal dmirijiet oħra, u jkunu megħjuna jagħrfu s-sejħa tagħhom ta’ nsara u jingħataw għall-appostolat bħala lajċi.

7. Fejn id-djoċesijiet, waħda waħda, ma jistgħux ikollhom u jżommu tajjeb is-seminarju tagħhom, għandhom jitwaqqfu u jitmexxew 'il quddiem seminarji komuni għal għadd ta' djoċesijiet flimkien jew għal reġjun jew nazzjon sħiħ. B'hekk tingħata lill-istudenti, b'mod li jħalli iżjed frott, formazzjoni soda, li f’din il-ħaġa għandha titqies bħala l-aqwa liġi. Dawn is-seminarji, sew jekk ikunu regjonali, sew jekk ikunu nazzjonali, għandhom jitmexxew skont statuti magħmulin mill-isqfijiet interessati[12] u approvati mis-Sede Appostolika. Fis-seminarji fejn hemm għadd kbir ta’ seminaristi, waqt li tinżamm tmexxija waħda u formazzjoni xjentifika għal kulħadd, is-seminaristi għandhom jitqassmu bi kriterji xierqa fi gruppi iżgħar biex b'hekk tintlaħaq aħjar il-formazzjoni personali ta’ kull wieħed minnhom.

IV -  DWAR IL-FORMAZZJONI SPIRITWALI

8. Il-formazzjoni spiritwali għandha tkun marbuta sfiq mal-formazzjoni dottrinali u pastorali. L-iżjed bl-għajnuna tad-direttur spiritwali[13], hija għandha tingħata b’mod li s-seminaristi jitgħallmu jgħixu l-ħin kollu f’għaqda familjari mal-Missier permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu fl-Ispirtu s-Santu. ’Il quddiem, bl-ordinazzjoni sagra huma jkunu se jirċievu xebh ma’ Kristu s-Saċerdot; għalhekk għandhom jidraw jgħixu miegħu f'għaqda intima ta' ħbieb, u jibqgħu mxierka miegħu matul ħajjithom kollha[14]. Il-misteru tal-Għid Tiegħu għandhom jgħixuh hekk li jkunu jafu jressqu lejh u jdaħħlu fih il-poplu li għad ikun fdat lilhom. Għandhom ikunu mgħallma jfittxu lil Kristu fil-meditazzjoni fidila tal-kelma ta' Alla, fis-sehem attiv tagħhom fil-misteri mqaddsa tal-Knisja, speċjalment fl-Ewkaristija u fl-uffiċċju divin[15], fl-isqof tagħhom li jibgħathom għand il-bnedmin, u fil-bnedmin li fosthom jintbagħtu, l-iżjed fil-fqar, fiż-żgħar, fil-morda, fil-midinbin u f'dawk li ma jemmnux. B’fiduċja ta’ wlied għandhom ikollhom imħabba u devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa Marija, li Kristu Ġesù, hu u jmut fuq is-Salib, taha lid-dixxiplu tiegħu bħala omm.

Is-seminaristi għandhom ikunu mħajra ħafna josservaw dawk l-għamliet ta’ taħriġ ta’ tjieba li l-Knisja ilha ħafna tagħmel użu minnhom b'qima u bi frott; iżda wieħed irid iqis illi l-formazzjoni li tingħatalhom ma tkunx mibnija biss fuq dan it-taħriġ, anqas m’għandha tkun biss edukazzjoni tas-sentiment reliġjuż. Aktar minn hekk is-seminaristi għandhom ikunu mgħallma jgħixu skont il-mudell tal-Evanġelju, jitwettqu fil-fidi, fit-tama u fil-karità, b'mod illi fit-taħriġ ta’ dawn il-virtujiet jiksbu spirtu ta’ talb[16], isaħħu l-virtujiet l-oħra, u jikbru fil-ħeġġa biex jirbħu l-bnedmin kollha għal Kristu.

9. Il-misteru tal-Knisja, imfisser prinċipalment minn dan is-Sinodu Mqaddes, għandu jiddaħħal fil-ħajja tas-seminaristi hekk illi jintrabtu mal-Vigarju ta’ Kristu b’rabta umli ta’ mħabba ta' wlied, u, meta jsiru saċerdoti, ikunu kooperaturi fidili tal-isqof tagħhom u jaħdmu id f'id ma’ ħuthom is-saċerdoti. B'hekk huma jagħtu xhieda ta' dik l-għaqda li biha l-bnedmin jinġibdu lejn Kristu[17]. Jitgħallmu jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja kollha, skont kif jgħid Santu Wistin: “Daqskemm wieħed ikun iħobb il-Knisja, daqshekk ieħor ikollu fih l-Ispirtu s-Santu”[18]. Is-seminaristi għandhom jifhmu sewwa li huma mhumiex magħmulin biex jaħkmu fuq l-oħrajn, anqas biex jiġru wara l-ġieħ tad-dinja, iżda biex jagħtu rwieħhom kollha kemm huma għas-servizz t’Alla u għall-ministeru pastorali. Bi ħrara partikolari għandhom jitrabbew fl-ubbidjenza saċerdotali, fi stil  ta’ ħajja ta’ faqar, u fl-ispirtu taċ-ċaħda[19], hekk illi jidraw jinfatmu bil-qalb minn dak kollu li, għalkemm hu tajjeb fih innifsu, ma jaqbilx mal-ħajja tagħhom, u  jsiru jixbhu lil Kristu msallab.

Lis-seminaristi wieħed għandu jiftħilhom għajnejhom dwar il-piżijiet li bihom ikunu se jitgħabbew, u m’għandu jiġi moħbi minnhom ebda toqol tal-ħajja saċerdotali; u dan, mhux biex huma jħarsu biss lejn il-perikli li ser jiltaqgħu magħhom fil-ħidma li hemm lesta għalihom, imma biex jidraw jiksbu saħħa kemm jistgħu għall-ħajja spiritwali mill-istess ħidma pastorali tagħhom.

10. Dawk is-seminaristi li, skont il-liġijiet qaddisa u sħaħ tar-rit proprju tagħhom, josservaw it-tradizzjonijiet meqjuma taċ-ċelibat saċerdotali, għandhom ikunu edukati b’attenzjoni kbira għal dan l-istat. Fih huma jiċħdu għall-għaqda taż-żwieġ minħabba fis-Saltna tas-Smewwiet (cf. Mt 19,12), jingħaqdu mal-Mulej bi mħabba mhux diviża li twieġeb sħiħ għall-Patt il-Ġdid[20], jagħtu xhieda tal-qawmien għall-ħajja li ġejja (cf. Lq 20,36)[21], u jiksbu l-aħjar għajnuna biex jitħarrġu l-ħin kollu f’dik il-karità perfetta li biha jseħħilhom isiru kollox għal kulħadd fil-ministeru saċerdotali tagħhom[22]. Huma għandhom iħossu b’kemm radd ta’ ħajr għandu jitħaddem dan l-istat, mhux bħala sempliċi preskrizzjoni tal-liġi tal-Knisja, iżda bħala don għażiż li għandhom jitolbuh bl-umiltà lil Alla, don li, imqanqlin u megħjunin mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għandhom iħaffu biex iwieġbu għalih bil-libertà u b'qalb kbira.

Is-seminaristi għandhom jagħrfu kif imiss id-dmirijiet u d-dinjità taż-żwieġ nisrani, li hu sinjal tal-imħabba bejn Kristu u l-Knisja (cf. Ef 5,22-23); imma għandhom jifhmu wkoll illi l-verġnità kkonsagrata lil Kristu hija ogħla [23], b'mod illi b’għażla għal kollox ħielsa, magħmula bi ħsieb u b'qalb kbira, jagħtu rwieħhom lill-Mulej b’għotja sħiħa tar-ruħ u l-ġisem.

Is-seminaristi għandhom ikunu mwissija dwar il-perikli li jheddu l-kastità tagħhom l-iżjed fis-soċjetà tal-lum[24]. Megħjunin minn mezzi divini u umani, huma għandhom jagħrfu jinsġu ċ-ċaħda għaż-żwieġ mal-istat tagħhom hekk illi ċ-ċelibat mhux talli ma jkunilhomx ta' saram għall-ħajja u l-ħidma tagħhom, iżda biex bih jiksbu ħakma akbar fuq ruħhom u ġisimhom, jikbru f'maturità iżjed sħiħa u jħossu wisq aħjar l-hena mwiegħda fl-Evanġelju.

11. Għandhom jitħarsu b’reqqa l-kriterji tal-edukazzjoni nisranija li għandhom ikunu pperfezzjonati skont l-aħħar sejbiet tal-psikoloġija u l-pedagoġija. Għalhekk, b'sistema ta' formazzjoni mfassla b'għerf u li tkun taqbel mal-età tagħhom, is-seminaristi għandhom jitwasslu għall-maturità umana meħtieġa. Din il-maturità tintwera b’abbiltà emottiva u bil-ħila li wieħed ikollu biex jieħu deċiżjonijiet tqal maħsuba bil-għaqal u jagħmel ġudizzju sewwa dwar ġrajjiet u bnedmin. Huma għandhom jidraw jagħġnu tajjeb in-natural tagħhom, isawru karattru qawwi, u, in ġenerali, jitgħallmu jħobbu dawk il-virtujiet li huma hekk għeżież fost il-bnedmin u li bihom il-ministru ta’ Kristu jkun tassew miġjub min-nies[25]. Virtujiet bħal dawn huma s-sinċerità tal-qalb, il-ġibda qatt nieqsa għall-ġustizzja, l-irġulija tal-kelma mogħtija, il-ġentilezza f'kull ma wieħed jagħmel, il-modestja fid-diskors, flimkien mal-karità.

Id-dixxiplina tal-ħajja tas-seminarju għandha titqies mhux biss bħala għajnuna qawwija għall-ħajja komunitarja u għall-karità, iżda bħala parti meħtieġa tal-formazzjoni kollha biex wieħed jikseb il-ħakma fuqu nnifsu, biex il-personalità tiegħu tikseb maturità sħiħa, u biex isawwar fih id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha li huma tal-akbar għajnuna biex il-ħidma tal-Knisja ssir sewwa u tħalli l-frott. Iżda d-dixxiplina għandha titħaddem b’mod illi fis-seminaristi titrabba dispożizzjoni interna li ġġegħilhom jaċċettaw l-awtorità tas-superjuri b’konvinzjoni personali, jiġifieri għax hekk iħossu fil-kuxjenza li għandhom jagħmlu (cf. Rum 13,5), u għal raġunijiet sopranaturali. Iżda r-regoli tad-dixxiplina għandhom ikunu applikati skont l-età tas-seminaristi, hekk li huma bil-mod il-mod jitgħallmu jitrażżnu, jużaw bil-għaqal il-libertà tagħhom, jiżviluppaw l-ispirtu ta' inizjattiva[26], u jidraw jaħdmu id f’id flimkien ma’ ħuthom l-oħra u mal-lajċi.

Il-programm tal-ħajja kollha fis-seminarju, imsawwar kollu mill-imħabba għat-tjieba u s-skiet u mill-ħeġġa għall-għajnuna lil xulxin, għandu jimmira li jħejji lis-seminaristi, sa miż-żmien tas-seminarju, għal dik il-ħajja li tistenniehom meta jsiru saċerdoti.

12. Il-formazzjoni spiritwali trid tistrieħ fuq sies sod; is-seminaristi għandhom iħaddnu s-sejħa tagħhom għax ikunu għamlu għażla deliberata. Għalhekk ikun id-dmir tal-isqfijiet li jistabbilixxu perjodu ta’ żmien li fih is-seminaristi jkollhom tħejjija spiritwali aktar intensa. Ikun ukoll dmir tagħhom li jaraw ikunx f'waqtu li jwaqqfu għal żmien l-istudji jew jorganizzaw xi taħriġ pastorali ħalli jkunu jistgħu jippruvaw iżjed u aħjar jekk il-kandidati jkunux tajbin għas-saċerdozju.  Skont iċ-ċirkostanzi reġjonali, imiss lill-istess isqfijiet jiddeċiedu jekk l-età tal-kandidati għall-Ordni Sagri għandhiex tkun ogħla minn dik mitluba bħalissa mid-dritt komuni, u li jiddeterminaw ukoll ikunx f'waqtu li l-istudenti, wara li jkunu temmew il-kors teoloġiku, jeżerċitaw għal xi żmien l-ordni tad-djakonat qabel ma jitressqu għas-saċerdozju.

V - DWAR IR-REVIŻJONI TAL-ISTUDJI EKKLEŻJASTIĊI 

13. Qabel jibdew speċifikament l-istudji ekkleżjastiċi, is-seminaristi jridu jkunu ħadu dik il-formazzjoni umanistika u xjentifika li jinħtieġ li jkollhom żgħażagħ oħra f’pajjiżhom biex ikunu jistgħu jibdew studji aktar għolja; barra minn dan, huma għandhom isiru jafu l-Latin li bih huma jkunu jistgħu jifhmu u jużaw l-għejun ta' daqstant xjenzi u dokumenti tal-Knisja[27]. Hu meħtieġ ukoll l-istudju tal-ilsien liturġiku proprju għal kull rit, filwaqt li għandu jiġi inkoraġġit ukoll l-istudju tal-ilsna tal-Iskrittura Mqaddsa u tat-Tradizzjoni.

14. Fir-reviżjoni tal-istudji ekkleżjastiċi li trid issir, wieħed għandu l-ewwel nett iżomm quddiem għajnejh illi l-materji filosofiċi u teoloġiċi jkunu koordinati aħjar, u kollha jimmiraw biex quddiem il-moħħ tal-istudenti jinfetaħ dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, li jolqot l-istorja kollha tal-bniedem,  jinfluwixxi l-ħin kollu fuq il-Knisja, u jaħdem l-aktar permezz tal-ministeru saċerdotali[28].

Biex din il-viżjoni ta' Kristu tingħata ċar lill-istudenti sa mill-bidu tal-formazzjoni tagħhom, l-istudji ekkleżjastiċi għandhom jibdew b’kors introduttiv li għandu jieħu tul ta’ żmien xieraq. Matul dan il-kors il-misteru tas-salvazzjoni għandu jkun imfisser b’mod li l-istudenti jifhmu s-sens, l-istruttura u l-iskop pastorali tal-istudji ekkleżjastiċi, u fl-istess ħin ikunu megħjuna biex jagħmlu l-fidi s-sies u r-ruħ ta’ ħajjithom u jitwettqu fil-vokazzjoni tagħhom billi jħaddnuha b’għotja tagħhom infushom u b'qalb ferħana.

15. Il-materji filosofiċi għandhom ikunu mgħallma b’mod li l-istudenti jaslu biex jiksbu għarfien sod u sħiħ dwar il-bniedem, id-dinja u Alla. Dan għandu jsir fuq il-bażi ta' wirt filosofiku li s-siwi tiegħu ma jintemmx[29], waqt li jitqiesu wkoll l-għarfien filosofiku aktar modern, l-aktar dak li għandu l-akbar influwenza fuq in-nazzjon tas-seminaristi, kif ukoll l-aħħar żviluppi fix-xjenzi moderni. B'hekk l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu sewwa l-mentalità tal-lum, u jitħejjew kif jixraq għad-djalogu man-nies ta’ żmienhom[30]. It-tagħlim dwar l-istorja tal-filosofija għandu jsir b’mod li l-istudenti, waqt li jsiru jafu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi diversi, jagħrfu jżommu dawk fosthom li huma tajbin, u jsiru kapaċi jaraw fejn huma l-għeruq tal-erruri u jikkonfutawhom.

L-istess metodu ta' tagħlim għandu jqanqal lill-istudenti biex minn naħa jħobbu l-verità, ifittxuha bir-reqqa, josservawha u jippruvawha, u min-naħa l-oħra jagħrfu bl-onestà kollha li l-ħila ta' għarfien tal-bniedem għandha l-limiti tagħha. Għandha tingħata attenzjoni kbira lir-rabta li hemm bejn il-filosofija u l-veri problemi tal-ħajja u bejn il-filosofija u l-kwistjonijiet li jħabbtu l-imħuħ tal-istudenti. Dawn għandhom ikunu megħjuna biex jifhmu sewwa r-relazzjoni li hemm bejn l-argumenti filosofiċi u l-misteri tas-salvazzjoni, misteri li fit-teoloġija jkunu studjati fid-dawl ogħla tal-fidi.

16. Il-materji teoloġiċi, fid-dawl tal-fidi u taħt it-tmexxija tal-maġisteru tal-Knisja[31], għandhom ikunu mgħallma b’mod li l-istudenti jixorbu bir-reqqa d-duttrina kattolika mir-rivelazzjoni divina, jidħlu fil-qalba tagħha, u jagħmluha l-ikel tal-ħajja spiritwali tagħhom[32], biex iseħħilhom ixandruha, ifissruha u jħarsuha fil-ministeru saċerdotali tagħhom.

L-istudenti għandhom jirċievu taħriġ sewwa fl-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa, li għandha tkun qisha r-ruħ tat-teoloġija kollha[33]. Wara introduzzjoni xierqa huma għandhom jibdew jitħarrġu fil-metodu tal-eseġeżi u jitgħallmu jagħrfu liema huma l-akbar temi tar-rivelazzjoni divina. Mill-qari u l-meditazzjoni ta’ kuljum tal-Kotba Mqaddsa huma jieħdu l-ħeġġa u l-ikel tagħhom[34].

It-teoloġija dommatika għandha titqassam b’mod li l-ewwel jitfissru l-istess temi bibliċi. Imbagħad għandu jintwera lill-istudenti x'sehem taw is-Santi Padri tal-Knisja tal-Lvant u tal-Punent ħalli jgħaddulna u jfissrulna sewwa u bil-fedeltà kull waħda mill-veritajiet rivelati. Wara għandha tiġi ppreżentata lill-istudenti l-istorja tad-dommi u kif din torbot mal-istorja ġenerali tal-Knisja[35]. Imbagħad, sabiex jifhmu aħjar u bis-sħiħ, safejn jista' jkun, il-misteri tas-salvazzjoni, l-istudenti għandhom jitħarrġu biex bl-għajnuna ta’ tfittxija spekulattiva, fid-dawl tat-tagħlim ta’ San Tumas, jidħlu fil-fond u jitgħallmu jaraw ir-rabta ta’ bejniethom[36]. Huma għandhom ikunu mgħallma jaraw dejjem il-preżenza  u l-ħidma ta’ dawn il-misteri fl-azzjonijiet liturġiċi[37] u fil-ħajja kollha tal-Knisja. Għandhom ukoll jitgħallmu jfittxu s-soluzzjonijiet tal-problemi tal-bniedem fid-dawl tar-rivelazzjoni, japplikaw il-veritajiet eterni tagħha għaċ-ċirkostanzi umani li dejjem jinbidlu, u jgħadduhom lill-bnedmin ta’ żmienhom b’mod li jkunu jistgħu jifhmuhom[38].

Hekk ukoll il-materji teoloġiċi l-oħra għandhom jiġġeddu permezz ta’ kuntatt aqwa u aktar ħaj mal-misteru ta’ Kristu u mal-istorja tas-salvazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex it-teoloġija morali tkun ipperfezzjonata; it-tifsir xjentifiku tagħha, imsaħħaħ iżjed bit-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa, għandu jdawwal il-vokazzjoni għolja tal-fidili fi Kristu u l-obbligu tagħhom li jagħtu frott fl-imħabba għall-ħajja tad-dinja. Hekk ukoll fit-tifsir tad-dritt kanoniku u fit-tagħlim dwar l-istorja tal-Knisja, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh il-misteru tal-Knisja, skont il-kostituzzjoni dommatika “Dwar il-Knisja” mxandra minn dan is-Sinodu Mqaddes. Il-liturġija mqaddsa, li għandha titqies bħala l-għajn ewlenija u neċessarja tal-ispirtu tassew nisrani, għandha tkun mgħallma skont dak li jingħad fl-artikli 15 u 16 tal-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa[39].

Waqt li jitqiesu kif imiss id-diversi ċirkostanzi reliġjużi, l-istudenti għandhom ikunu orjentati wkoll biex isiru jafu aħjar il-knejjes u l-komunitajiet ekkleżjali mifruda mis-Sede Appostolika Rumana, ħalli jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-ħidma għat-twaqqif mill-ġdid tal-għaqda bejn l-Insara kollha, skont id-direttivi ta’ dan il-Konċilju Mqaddes[40].

L-istudenti għandhom jingħatalhom ukoll tagħrif dwar ir-reliġjonijiet l-oħra li huma l-aktar imxerrda f’dan jew f’dak ir-reġjun ħalli jifhmu aħjar dak kollu li, skont ir-rieda t’Alla, hemm tajjeb u veru fihom, jitgħallmu jwarrbu l-erruri, u jseħħilhom iwasslu d-dawl kollu tal-verità lil dawk li huma mingħajru.

17. L-iskop tat-tagħlim dottrinali m’għandux ikun biss dak ta’ komunikazzjoni ta' tagħrif, iżda dak li l-istudenti tingħatalhom formazzjoni ġenwina u profonda. Għalhekk jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-metodi tat-tagħlim. Din ir-reviżjoni trid issir f’dak li jolqot il-lezzjonijiet, diskussjonijiet u seminars, kif ukoll fl-andament tal-istudju min-naħa tal-istudenti, kemm jekk dan isir privatament jew fi gruppi. Għandu jittieħed ħsieb sewwa biex it-taħriġ kollu jkun koerenti u sod, jitnaqqsu l-materji u l-lezzjonijiet żejda, u jitwarrbu dawk il-kwistjonijiet li jew illum bilkemm fadlilhom xi importanza jew jistgħu jitħallew għal studji akkademiċi ogħla.

18. Ikun id-dmir tal-isqfijiet li jieħdu ħsieb li żgħażagħ li jkollhom l-attitudni u juru l-virtù u l-abbiltà meħtieġa, jintbagħtu f’fakultajiet speċjali ta’ istituzzjonijiet jew universitajiet sabiex jieħdu taħriġ f’livelli xjentifiċi ogħla fix-xjenzi sagri u f’materji oħra meqjusa importanti fil-mument. Madankollu m'għandha tkun bl-ebda mod traskurata l-formazzjoni spiritwali u pastorali tagħhom, l-iżjed jekk ikunu għadhom ma ordnawx saċerdoti.

VI - DWAR IL-FORMAZZJONI PASTORALI

19. Il-ħsieb u l-ħrara pastorali li għandhom jimirħu fil-formazzjoni kollha tas-seminaristi[41] jitolbu li jingħatalhom taħriġ sewwa f'dak kollu li għandu xi importanza partikolari għall-ministeru sagru, l-aktar fil-katekeżi u l-predikazzjoni, fil-kult liturġiku, fl-amministrazzjoni tas-sagramenti, fl-opri tal-karità, fl-għajnuna li għandha tingħata lil dawk li tbiegħdu mit-triq it-tajba jew li ma jemmnux, u fil-bqija tad-dmirijiet pastorali. Għandhom jitħarrgu bir-reqqa fl-arti tad-direzzjoni tal-erwieħ, li biha huma jkunu jistgħu jmexxu l-ulied kollha tal-Knisja sabiex dawn qabelxejn jagħrfu jgħixu għalkollox ħajja nisranija li tkun tassew appostolika u jaqdu d-dmirijiet tal-istat tagħhom; għandhom jitgħallmu wkoll jgħinu bl-istess ħeġġa qaddisa r-reliġjużi rġiel u nisa biex jibqgħu jżommu sal-aħħar fil-grazzja tal-vokazzjoni tagħhom u, kulħadd skont l-ispirtu tal-istitut tiegħu, jimxu ’l quddiem fiha[42].

In ġenerali, l-istudenti għandhom irawmu fihom dawk id-dispożizzjonijiet naturali xierqa li jiswew ħafna għad-djalogu mal-bnedmin, bħalma huma l-kapaċità li jisimgħu lill-oħrajn u li, bi spirtu ta’ mħabba, jiftħu qalbhom għaċ-ċirkustanzi u ħtiġijiet varji tal-bnedmin[43].

20. L-istudenti għandhom jiġu mgħallma jagħmlu użu mill-għajnuniet li jistgħu jinkisbu minn materji bħall-pedagoġija, il-psikoloġija u s-soċjoloġija[44], dejjem skont metodi xierqa u skont id-direttivi tal-awtorità ekkleżjastika. Hekk ukoll għandhom jitħarrġu bir-reqqa biex iqanqlu u jgħinu l-ħidma appostolika tal-lajċi[45], u biex imexxu ’l quddiem għamliet differenti ta’ appostolat u dawk li l-iżjed jagħtu frott. Għandhom jimtlew b’dak l-ispirtu tassew kattoliku li jisboq it-trufijiet tad-djoċesi, tan-nazzjon u tar-rit, u jidraw jgħinu fil-ħtiġijiet tal-Knisja kollha, u jkunu dejjem lesti fl-ispirtu li jxandru l-Evanġelju kullimkien[46].

21. Iżda, minħabba li huwa meħtieġ li l-istudenti jitgħallmu jħaddmu l-arti tal-appostolat mhux fit-teorija biss iżda fil-prattika wkoll, u biex ikunu kapaċi jaħdmu kemm fuq inizjattiva tagħhom kemm id f'id mal-oħrajn, għalhekk matul il-kors tal-istudji, u wkoll fi żmien il-vaganzi, għandhom jiġu assenjati proġetti prattiċi biex jitħarrġu fil-prattika pastorali. Dan għandu jsir metodikament, wara li titqies l-età tal-istudenti u l-kundizzjonijiet lokali, skont kif, fil-prudenza tagħhom, jiġġudikaw l-isqfijiet, u taħt id-direzzjoni ta’ nies esperti fil-ħidma pastorali. Iżda m'għandu qatt jintesa illi l-akbar qawwa tiġi minn mezzi sopranaturali[47].

VII - DWAR IL-PERFEZZJONAMENT TAL-FORMAZZJONI WARA L-KORS TAL-ISTUDJI

22. Il-formazzjoni saċerdotali, l-aktar minħabba ċ-ċirkostanzi fis-soċjetà tal-lum, għandha tissokta u tkun ipperfezzjonata wkoll wara li jintemm il-kors tal-istudji fis-seminarju[48]. Imiss lill-konferenzi ta’ kull nazzjon individwali illi jużaw l-aħjar mezzi ħalli jintlaħaq dan l-iskop. Fost dawn il-mezzi hemm l-istituti pastorali li jaħdmu flimkien ma’ parroċċi magħżulin apposta, il-laqgħat li jsiru kull tant żmien determinat, u proġetti addattati li bihom il-kleru żagħżugħ jintroduċi ruħu bil-mod il-mod fil-ħajja saċerdotali u l-ħidma appostolika, bl-aspetti spiritwali, intellettwali u pastorali taghhom, li jkun jista’ jġeddidhom u jiżviluppahom dejjem iżjed.

Għeluq

Il-Padri ta’ dan il-Konċilju Mqaddes, waqt li jkomplu x-xogħol mibdi mill-Konċilju ta' Trentu, bil-fiduċja kollha jafdaw f’idejn is-superjuri u l-għalliema tas-seminarji d-dmir li jiffurmaw lis-saċerdoti ta' Kristu tal-ġejjieni fl-ispirtu tat-tiġdid imqanqal mis-Sinodu Mqaddes. Huma jħeġġu bil-qawwa kollha lil dawk kollha li qed iħejju għall-ministeru saċerdotali biex jifhmu tajjeb illi t-tama tal-Knisja u s-salvazzjoni tal-erwieħ qegħdin jitħallew f’idejhom. Ħa jilqgħu mela bil-qalb id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet, u jaħsdu kotra kbira ta’ frott li jibqa’ għal dejjem.

 

28 ta' Ottubru 1965

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2318,  Le 3 (Total 2321)

 

[1] Kristu stess ried li l-progress tal-poplu t’Alla jkun jiddependi l-iżjed mill-ministeru tas-saċerdoti. Dan jidher ċar mill-kliem li qal il-Mulej meta lill-Appostli u lis-suċċessuri u l-kooperaturi tagħhom għamilhom xandara tal-Evanġelju, mexxejja tal-poplu l-magħżul ġdid, u dispensaturi tal-misteri ta' Alla. Dan jikkonfermawh it-tagħlim tas-Santi Padri u l-Qaddisin u diversi dokumenti tal-Papiet. Ara minn tal-ewwel dawn li ġejjin: S. PIJU X, Eżortazzjoni lill-kleru Haerent animo4 Aww 1908, S. Pii X Acta IV, pp.237-264; PIJU XI, IE Ad Catholici Sacerdotii, 20 Diċ 1935: AAS 28 (1935), l-aktar pp.37-52; PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23  Set 1950: AAS 42 (1950), pp.657-702; ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii Nostri Primordia, 1 Aww 1959: AAS 51 (1959), pp.545-579; PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963: AAS 55 (1963), pp.979-995.

[2] Il-formazzjoni saċerdotali kollha, jiġifieri l-organizzazzjoni tas-seminarju, il-formazzjoni spiritwali, il-programm tal-istudji, il-ħajja komuni u d-dixxiplina tas-seminaristi, u l-eżerċitazzjonijiet pastorali, għandhom kollha jkunu addattati għaċ-ċirkostanzi lokali differenti. Dan l-addattament, f’dak li jolqot il-prinċipji ewlenin, għandu jkun in-norma komuni: il-konferenzi episkopali jagħmluh għall-kleru sekolari, u s-superjuri kompetenti fil-linja tagħhom għall-kleru regolari, cf. KA Sedes Sapientiae, Statuti Ġenerali maħruġin magħha, art. 19. Fost il-ħwejjeġ ewlenin li qed inikktu lill-Knisja llum, l-aqwa waħda hi li kważi kullimkien jinħass nuqqas kbir ta' vokazzjonijiet.

[3] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae: “... l-għadd tas-saċerdoti, kemm fil-pajjiżi kattoliċi u kemm fl-artijiet tal-missjoni, fil-biċċa l-kbira mhuwiex ilaħħaq mal-ħtiġijiet li dejjem qegħdin joktru.” AAS 42 (1950), p.682; ĠWANNI XXIII: “Il-problema tal-vokazzjonijiet ekkleżjastiċi u reliġjużi tinsab kuljum fil-ħsieb u l-ħrara tal-Papa ... hija t-tnehida tat-talb tiegħu, ix-xewqa mħeġġa ta’ qalbu.” Mid-diskors lill-Kungress Internazzjonali dwar il-Vokazzjonijiet għall-Istati tal-Perfezzjoni, 16 Diċ 1961: OP, 17 Diċ 1961.

[4] PIJU XII, KA Sedes Sapientiae, 31 Mej 1956: AAS 48 (1956), p.357; PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963: AAS 55 (1963), pp.984ss.

[5] Ara l-ewwel nett: PIJU XII, Motu proprio Cum Nobis ''dwar l-Opra Pontifiċja tal-Vokazzjonijiet Saċerdotali li għandha titwaqqaf fis-Sagra Kongregazzjoni għas-Seminarji u l-Universitajiet tal-Istudji'', 4 Nov 1941: AAS 33 (1941), p.479; l-Istatuti u n-Normi maħruġin mal-Motu proprio mill-istess Kongregazzjoni, 8 Set 1943; Motu proprio Cum supremae ''dwar l-Opra Pontifiċja Primarja tal-Vokazzjonijiet Reliġjużi”, 11 Frar 1955: AAS (1955), p.266, flimkien mal-Istatuti u n-Normi maħruġin magħhom mis-Sagra Kongregazjoni għar-Reliġjużi, ibid., pp.298-301; VAT II, Digriet dwar it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża, n.24; Digriet dwar l-uffiċċju pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja, n.15.

[6] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Set 1950: AAS 42 (1950), p.685.

[7] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.28: AAS 57 (1965), p.34.

[8] Cf. PIJU XI, IE Ad Catholici Sacerdotii, 20 Diċ 1935: AAS 28 (1936), p.37: “L-ewwel nett għandha ssir sewwa l-għażla tas-superjuri u tal-għalliema ... F’dawn il-kulleġġi mqaddsa qiegħdu saċerdoti mżejnin bl-ogħla virtù; issibuhiex bi tqila li taqilgħuhom minn fuq dmirijiet oħra li, fid-dehra, tistħajjilhom iktar importanti iżda li tassew ma jistgħux jixxebbhu ma’ dan id-dmir ewlieni li ebda ħaġa oħra ma tista’ toqgħod floku.” Dan il-prinċipju tal-għażla tal-aħjar nies jerġa' jisħaq fuqu Piju XII fl-IA mibgħuta lill-Ordinarji tal-Brażil, 23 Apr 1947: Discorsi e Radiomessaggi, IX, pp.579-580.

[9] Dwar dan id-dmir komuni tas-saċerdoti li jgħinu lis-seminarji, cf. PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963: AAS 53 (1963), p.984.

[10] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Set 1950: AAS 42 (1950), p.684; cf. ukoll l-ittri ċirkulari tas-Sagra Kongregazzjoni għas-Sagramenti, Magna equidem lill-Ordinarji lokali, 27 Diċ 1935, n.10. Għar-reliġjużi cf. Statuta Generalia maħruġin mal-KA Sedes Sapientiae, 31 Mej 1956, art.33; PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963: AAS 55 (1963), pp.987s.

[11] Cf. PIJU XI, IE Ad Catholici Sacerdotii, 20 Diċ 1935, AAS 28 (1936), p.41.

[12] Qed jiġi stabbilit li l-isqfijiet kollha għandhom jieħdu sehem fit-tiswir tal-Istatuti għas-seminarji reġjonali jew nazzjonali b'deroga għall-kan. 1357, par. 4 tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku.

[13] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Set 1950: AAS 42 (1950), p.674; Sagra Kongregazzjoni għas-Seminarji u l-Universitajiet tal-Istudji, La formazione spirituale del candidato al sacerdozio, Città del Vaticano, 1965.

[14] Cf. S. PIJU X, Eżortazzjoni lill-kleru kattoliku Haerent animo, 4 Aww 1908: S. Pii X Acta IV, pp.242-244; PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Set 1950: AAS 42 (1950), pp.659-661; ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii Nostri Primordia, 1 Aww 1959: AAS 51 (1959), pp.550s.

[15] Cf. PIJU XII, IE Mediator Dei, 20 Nov 1947: AAS 39 (1947), pp.547ss u 572s; ĠWANNI XXIII, EA Sacrae Laudis, 6 Jan 1962: AAS 54 (1962), p.69; VAT IIK dwar il-Liturġija Mqaddsa, 26 Set 1964, art. 16 u 17: AAS 56 (1964), pp.104s; Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, Istruzzjoni biex titħaddem sewwa l-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa, 26 Set 1964, nn.14- 17: AAS 56 (1964), pp.880s.

[16] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii Nostri Primordia, AAS 51 (1959), pp.599s.

[17] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.28: AAS 57 (1965), pp.35s.

[18] S. WISTIN, In Ioannem tract. 32,8: PL 35,1646.

[19] Cf. PIJU XII, EA Menti NostraeAAS 42 (1950), pp.662s, 685, 690; ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii Nostri Primordia: AAS 51 (1959), pp.551-553; 556s;  PAWLU VI,  IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), pp.634s; VAT II, KD dwar il-Knisja, qabelxejn n.8: AAS 57 (1965), p.12.

[20] Cf. PIJU XII, IE Sacra Virginitas, 25 Mar 1954: AAS 46 (1954), pp.165ss.

[21] Cf. S. ĊIPRIJAN, De habitu virginum, 22: PL 4,475; S. AMBROĠ, De Virginibus, I, 8,52: PL 16,202s.

[22] Cf. PIJU XII, EA Menti NostraeAAS 42 (1950), p.663.

[23] Cf. PIJU XII, IE Sacra Virginitas, l.c., pp.170-174.

[24] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, l.c., pp.664 u 690s.

[25] Cf. PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, 4 Nov 1963: AAS 55 (1963), p.991.

[26] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrael.c., p.686.

[27] Cf. PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum, l.c., p.993.

[28] VAT II, KD dwar il-Knisja, nn.7 u 28: AAS 57 (1965), pp.9-11, 33s.

[29] Cf. PIJU XII, IE Humani Generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950), pp.571-575.

[30] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), pp.637ss.

[31] Cf. PIJU XII, IE Humani Generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950), pp.567-569; Diskors Si diligis, 31 Mej 1954: AAS 46 (1954), pp.314s; PAWLU VI, Diskors li għamel fl-Università Pontifiċja Gregorjana, 12 Mar 1964: AAS 56 (1964), pp.364s; VAT IIKD dwar il-Knisja, n.25: AAS 57 (1965), pp.29-31.

[32] Cf. S. BONAVENTURA, Itinerarium Mentis in Deum, Prol., n.4: “(Ħadd) m’għandu jaħseb li għalih hu biżżejjed il-qari mingħajr l-unzjoni, it-tfittxija mingħajr id-devozzjoni, it-tfittix li ma joħloqx stagħġib, l-osservazzjoni mingħajr il-ferħ, it-tħabrik mingħajr it-tjieba, ix-xjenza mingħajr il-karità, l-intelliġenza mingħajr l-umiltà, l-istudju mingħajr il-grazzja t’Alla, il-kontemplazzjoni  mingħajr l-għerf imnebbaħ minn Alla.” S.  BONAVENTURA, Opera Omnia, V. Quaracchi, 1891, p.296.

[33] Cf. LJUN XIII, IE Providentissimus Deus, 18 Nov 1893: ASS 26 (1893-94), p.283.

[34] Cf. Kummissjoni Pontifiċja Biblika, Istruzzjoni dwar kif għandu jsir sewwa t-Tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa, 13 Mej 1950: AAS 42 (1950), p.502.

[35] Cf. PIJU XII, IE Humani Generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950), pp.568s: “... ix-xjenzi sagri dejjem iġeddu żgħożithom bl-istudju tal-għejun imqaddsa; għall-kuntrarju, l-ispekulazzjoni li tittraskura li tistħarreġ dejjem iżjed id-depożitu tal-fidi tisfa mingħajr frott, kif turina l-esperjenza.”

[36] Cf. PIJU XII, Diskors lis-seminaristi, 24 Ġun 1939: AAS 31 (1939), p.247: “Meta wieħed jirrikmanda t-tagħlim ta’ San Tumas b’daqshekk ma jeqridx l-emulazzjoni għat-tiftix u t-tixrid tal-verità. Anzi wieħed aktar iqanqalha u jagħtiha direzzjoni żgura.'' PAWLU VI, Diskors li għamel fl-Università Pontifiċja Gregorjana, 12 Mar 1964: AAS 56 (1964), p.365: “(L-għalliema) ... għandhom jisimgħu bil-qima leħen id-Dutturi tal-Knisja li fosthom San Tumas għandu post ewlieni; għax il-qawwa tal-ġenju tad-Duttur Anġeliku hi hekk kbira, imħabbtu għall-verità hija hekk sinċiera, ogħla u hekk kbir huwa l-għerf tiegħu fit-tiftix tal-veritajiet l-aktar għolja, fit-tifsir tagħhom u fil-mod kif jgħaqqadhom flimkien u juri r-rabta ta' bejniethom, illi t-tagħlim tiegħu huwa l-aqwa mezz mhux biss biex iħares is-sisien tal-fidi iżda wkoll biex jinkiseb b’ġid u fiż-żgur il-frott ta' progress xjentifiku b'saħħtu.” Cf. ukoll id-diskors lis-VI Kungress Tomistiku Internazzjonali, 10 Set 1965.

[37] Cf. VAT IIK dwar il-Liturġija Mqaddsa, nn.7 u 16: AAS 56 (1964), pp.100s u 104s.

[38] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), pp.640s.

[39] VAT II, K dwar il-Liturġija Mqaddsa, nn.10, 14, 15, 16; Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, Istruzzjoni biex titħaddem sewwa l-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa, 26 Set 1964, nn.11 u 12: AAS 56 (1964), pp.879s.

[40] Cf. VAT II, Digriet dwar l-Ekumeniżmu, nn.1, 9, 10: AAS 57 (1965), pp.90 u 98s.

[41] L-ideal perfett ta' ragħaj jista' jittieħed mid-dokumenti tal-aħħar Papiet li jittrattaw ċar dwar il-ħajja, il-kwalitajiet u l-formazzjoni tas-saċerdoti. Fost dawn id-dokumenti minn tal-ewwel huma:

SAN PIJU X, Eżortazzjoni lill-kleru Haerent Animo, S. Pii X Acta, IV, pp.237ss.;

PIJU XI, IE Ad Catholici Sacerdotii: AAS 28 (1936), pp.5ss.;

PIJU XII, EA Menti Nostrae: AAS 42 (1950), pp.657ss.;

ĠWANNI  XXIII, IE Sacerdotii Nostri PrimordiaAAS 51 (1959), pp.545ss.;

PAWLU VI, IA Summi Dei Verbum: AAS 55 (1963), pp.979ss.

Ħafna tagħrif dwar il-formazzjoni pastorali jingħata fl-Enċikliki Mystici Corpus (1943), Mediator Dei (1947), Evangelii Praecones (1951), Sacra Virginitas (1954), Musicae Sacrae Disciplina (1955), Princeps Pastorum (1959), u l-KA Sedes Sapientiae (1956) għar-reliġjużi.

Piju XII, Ġwanni XXIII u Pawlu VI fid-diskorsi tagħhom lis-seminaristi u lis-saċerdoti sikwit fissru kif għandu jkun il-mudell ta' ragħaj tajjeb.

[42] Dwar l-importanza tal-istat ta’ ħajja li jikkonsisti fil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi ara VAT II, KD dwar il-Knisja, Kap. VI: AAS 57 (1965), pp.49-53; Digriet dwar it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża.

[43] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964) passim, l-aktar f’pp.635s u 640ss.

[44] Cf. qabelxejn ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961), pp.401ss.

[45] Cf. l-aktar VAT II, KD dwar il-Knisja, n.33: AAS 57 (1965), p.39.

[46] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.17: AAS 57 (1965), pp.20s.

[47] Għadd kbir ta' dokumenti tal-Papiet iwissu kontra l-perikli li wieħed jittraskura fil-ħidma pastorali l-iskop sopranaturali jew li wieħed, għall-inqas fil-prattika, ma jagħtix importanza lill-mezzi sopranaturali; ara l-iżjed id-dokumenti msemmija fin-nota 41.

[48] Ħafna dokumenti riċenti tas-Santa Sede jisħqu fuq li għandha tittieħed kura speċjali tas-saċerdoti ġodda. Qabelxejn ta’ min ifakkar dawn:

PIJU XII, Motu proprio Quandoquidem, 2 Apr 1949: AAS 41 (1949), pp.165-167; AE Menti Nostrae, 23 Set 1950: AAS 42 (1950); KA (għar-reliġjużi) Sedes Sapientiae, 31 Mej 1956, u l-Istatuti Ġenerali maħruġin magħha; diskors lis-saċerdoti Convicto sacerdotal ta’ Barċellona, 14 Ġun 1957, Discorsi e Radiomessaggi, XIX, pp.271-273; PAWLU VI, diskors lis-saċerdoti tal-Istitut Gian Matteo Giberti, tad-djoċesi ta’ Verona, 11 Mar 1964.