Home | Miġbura minn Harry Agius Ordway | |
Kif ilkoll nafu hemm żewġ kategoriji ta’ tobba. Hemm dawk li huma t-tobba li jieħdu ħsieb il-kura ġenerali, jew partikulari, ta’ ġisimna biex infiequ minn xi gwaj, ħafif jew tqil, li nkunu għaddejin minnu; u hemm tobba li jieħdu ħsieb ir-ruħ tagħna biex ifejquna, u biex dan il-fejqan mhux jgħinna biss biex ngħixu aħjar ma’ l-oħrajn, u fil-grazzja t’Alla matul ħajjitna, imma jservina għal kemm hi twila l-eternità. F’dan l-aħħar każ qed nirreferu għas-saċerdot, li bil-għajnuna tiegħu waqt il-Qrar, u naturalment bis-saħħa ta’ Sagramenti oħra, bħalma hu s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda, jgħinna niksbu l-fejqan u s-saħħa fir-ruħ tagħna. Madankollu, maż-żmien, u l-aktar issa, fi żmienna, is-saċerdot lil ħadd ma tisma’ jsejjaħlu bħala ‘tabib tar-ruħ’. U dan minkejja l-fatt li l-Knisja sa mill-ibgħad żmenijiet kellha dawn it-‘tobba’ jew ‘dutturi tagħha’, kellha ‘erwieħ qaddisa’, kellha l-profeti li lkoll kienu jagħtu preskrizzjonijiet għas-saħħa u għall-qdusija. Għalkemm iż-żewġ kategoriji ta’ tobba għandhom għan wieħed…il-fejqan, imma peress li l-bżonnijiet huma differenti… dak fiżiku u dak spiritwali, il-preskrizzjonijiet huma differenti. Ilkoll nistgħu nobsru kemm eluf ta’ preskrizzjonijiet, jew riċeti differenti, jiktbu kuljum it-tobba tagħna f’dawn il-gżejjer. Min-naħa tagħhom id-‘dutturi’ tal-Knisja minn żmien għal żmien dejjem taw l-istess preskrizzjonijiet… talb ta’ spiss biex iżommna fil-paċi, nibqgħu maqgħudin ma’ Alla, u li nkunu karitattivi kemm mal-ħbieb kif ukoll ma’ l-għedewwa tagħna.
Għaldaqstant ser ngħaddulkom il-ħsieb ta’ kull wieħed mid-Dutturi tal-Knisja flimkien ma’ talbiet li tnisslu minn mexxejja u għalliema tal-Knisja lill-istess Duttur biex jidħlu għalina quddiem Alla.
San Ġwann Damaxxena: “Ngħaqqdu ruħna mal-Verġni Marija, it-tama tagħna, bħalma vapur jiġi ankrat fis-sod.” Nitolbu: “San Ġwann Damaxxena, itlob għalina biex dejjem ikollna fehma sħiħa fil-medjazzjoni materna tal-Madonna.”
San Basilju il-Kbir: “Is-silenzju hu l-bidu tal-purifikazzjoni tar-ruħ.” Nitolbu: “San Basilju, itlob għalina biex inkunu fidili u nsibu ħin għal silenzju qaddis kuljum.”
San Atanasju: “L-Iben kollu qdusija tal-Missier ġie fostna biex iġedded lill-bniedem li kien maħluq xbieha tiegħu.” Nitolbu: “San Atanasju, itlob għalina biex ma naħsbux li aħna kollox u nieqfu hemm.”
San Efrajm is-Sirjan: “Il-Mulej li hu ‘l fuq minn kull qies, iqies in-nutriment ta’ kull wieħed minna u jagħtina l-barkiet tiegħu skond l-aptit tagħna.” Nitolbu: “San Efrajm, itlob għalina biex ix-xewqat tagħna jkunu puri.”
San Ċirillu ta’ Ġerusalemm: “Ħalli l-verità ta’ Alla tingasta f’ruħek u ssir l-ewwel ġebla tal-pedament tagħha.” Nitolbu: “San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, itlob għalina biex naqilgħu l-grazzja li ngħixu bil-qawwa tal-verità.”
San Gregorju Nażjażemu: “Adurawh lil dak li kien imdendel fuq Salib minħabba fikom, anki jekk intom stess imdendlin hemm.” Nitolbu: “San Gregorju Nażjażemu għinna niksbu l-perseveranza biex nitolbu waqt is-siegħa tal-prova u tan-niket.”
San Ġwann Kriżostmu: “Meta juri l-pjagi Tiegħu, Kristu jkun qed juri dak li nkiseb bis-Salib, li bih Hu jagħti dak kollu li hu tajjeb, li hi l-Paċi.” Nitolbu: “San Ġwann Kriżostmu aqlagħna l-grazzja li niksbu l-qawwa li naċċettaw it-tbatija f’ħajjitna.”
San Illarju: “Fil-preżenza t’Alla, ħallu l-fehim li jipprova jifhem u jammetti l-limitazzjonijiet tiegħu.” Nitolbu: “San Illarju għinna niksbu qalb mimlija bl-istagħġib quddiem l-Misteru t’Alla.”
San Ambroġ: “Araw kemm għandhom sidien dawk li ma jridux li jkollhom l-uniku Sid, il-Mulej.” Nitolbu: “San Ambroġ agħtina l-għajnuna biex ikollna qalb mimlija b’fehma waħda u soda.”
San Ġilormu: “Meta s-suppervja tkabbar lill-bniedem, tbaxxih fl-istess waqt, għax bid-dnub tagħmlu għadu ta’ Alla.” Nitolbu: “San Ġilormu nitolbuk tgħinna nkunu umli, sempliċi, u mansweti.”
San Wistin: “Dan hu l-velenu ta’ l-iżbal tiegħek: li tippretendi li tagħmel li l-grazzja ta’ Kristu tidher fl-eżempju Tiegħu u mhux fil-grazzja tal-persuna Tiegħu.” Nitolbu: “San Wistin aqlagħlna l-grazzja li nimxu fil-ħbiberija ta’ Kristu.”
San Ċirillu ta’ Lixandra: “Għaliex l-Iben hu Alla minn Alla, b’mod mill-aktar misterjuż, Hu jgħaddi dan l-unur lilna.” Nitolbu: “San Ċirillu ara li nakkwistaw sehem akbar mis-sehem ta’ Ġesù bħala Iben.”
San Pietru Krisolgu: “Dak li juri l-ħniena u jġorr l-imħabba qatt ma jħossu mdejjaq.” Nitolbu: “San Pietru Krisolgu nitolbuk tidħol għalina biex ikollna qalb li taf tħenn.”
San Ljun il-Kbir: “Ma kien hemm l-ebda raġuni oħra għal l-Iben t’Alla li jitwieled għajr dik li jkun jista’ jmut fuq l-għuda tas-Salib.” Nitolobu: “San Iljun il-Kbir idħol għalina biex ikollna l-grazza li ngħannqu s-Salib b’ Ġesù Kristu msallab.”
San Gregorju l-Kbir: “Bix-xieraq li l-Ispirtu s-Santu deher taħt forma ta’ Lsien tan-Nar f’kull qalb li daħal, u għadu jidħol, għax Hu jkebbes f’dak li jkun ix-xewqa għal l-Eternità Tiegħu.” Nitolbu: “San Gregorju eħlisna mill-bruda li ttellfilna l-ħerqa spiritwali.”
San Iżodoru ta’ Sevilja: “Kull tama qiegħda fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Tiddubitax, toqgħodx taħsibha, qatt taqta’ qalbek mill-ħniena ta’ Alla.” Nitolbu: ”San Iżodoru ta’ Sevilja aqlagħlna l-grazzja ta’ l-indiema u li nqerru ta’ spiss.”
Il-Venerabbli San Bede: ”Meta tistaqsi ’l Alla għall-ġustizzja tas-Saltna Tiegħu tkun prinċipalment qed tistaqsi għall-Fidi, għat-Tama, u għal l-Imħabba.” Nitolbu: ”Venerabbli San Bede għinna niksbu l-għan tal-ġustifikazzjoni matul ħajjitna.”
San Pietru Damjan: “Il-Misteru ta’ l-għaqda ġewwenija tal-Knisja qatt ma jista’ jiġi mħassar fl-integrità tagħha.” Nitolbu: “San Pietru Damjan idħol għall-Knisja biex tiġġedded fil-qdusija.”
San Anselmu: “L-aktar ħaġa importanti għalik għandha tkun kif twaqqaf ir-Renju ta’ Alla f’qalbek, u b’hekk l-ħajja ta’ ruħek għandha tkun il-ħajja ta’ Alla nnifsu.” Nitolbu: “San Anselmu għinna niksbu l-grazzja li ngħixu għal Alla.”
San Bernard ta’ Clairvaux: “Alla ma xtaqx li jkollna xi ħaġa li m’għaddietx minn ħdan Marija.” Nitolbu: “San Bernard idħol għalina biex inkabbru d-devozzjoni tagħna fl-Imqaddsa Verġni Marija.”
Sant’Antnin ta’ Padova: “Kuntent hu dak il-bniedem li kliemu hu mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu u mhux minn żniedu.” Nitolbu: “Sant’Antnin ta’ Padova għinna biex it-taħdit tagħna jkun mimli qdusija.”
San Albertu l-Kbir: “Bis-sempliċità kollha u bil-kunfidenza kollha ntelaq bla ebda ħsieb ta’ xejn aktar fil-providenza bla heda ta’ Alla.” Nitolbu: “San Albertu għinna nintelqu, bla dubju ta’ xejn, għar-rieda ta’ Alla.”
San Bonavventura: “Meta l-ġisem hu maħkum minn spirtu qaddis, ir-ruħ tinħakem minn paċi u ferħ ġewwenin.” Nitolbu: “San Bonavventura idħol għalina biex nintelqu f’ħajja ta’ spirtu mimli qdusija.”
San Tumas Akkwinu: “Kristu ma kenx ikun daqstant intimament maqgħqud magħna li kieku kellna biss naqsmu mill-qawwa Tiegħu; kemm hu ferm aħjar li hu tana verament lilu nnifsu.” Nitolbu: “San Tumas għinna niksbu mħabba aktar profonda għal l-Ewkaristija Mqaddsa.”
Santa Katerina ta’ Siena: “Agħmel dar ċkejkna fil-ġenb ta’ Kristu Msallab biex ikollok konoxxenza qaddisa tiegħek innifsek.” Nitolbu: “Santa Katerina ta’ Siena idħol għalina biex niksbu l-grazzja li nkunu nafu lilna nfusna.”
Santa Tereża ta’ Ġesù (Avila): “Il-Mulej ma jimpurtaħx iżżejjed għal l-importanza tal-ħidmiet tagħna daqskemm għal l-imħabba li biha nagħmluhom.” Nitolbu: “Santa Rita ta’ Avila għinna biex dak li nagħmlu nagħmluh b’intenzjoni pura u mimlija mħabba.”
San Pietru Kanasju: “Ħallu d-dinja tissodisfa lilha nfisha fil-ġennijiet tagħha. Imma aħna, midfunin fil-fond tal-pjagi ta’ Kristu, għax għandna nkunu mwerwra?” Nitolbu: “San Pietru Kanasju saħħaħna fid-determinazzjoni, fil-fiduċja, u fit-tama.”
San Robertu Bellarminu: “Għalkemm hu tajjeb li wieħed jagħmel minn kollox biex iżomm il-paċi u l-għaqda ‘mma mhux aqwa mill-mogħdrija li nħossu għad-difetti ta’ l-oħrajn.” Nitolbu: “San Robertu idħol għalina biex ikollna l-paċenzja, it-tolleranza, il-mogħdrija, u l-ispirtu tal-maħfra.”
San Ġwann tas-Salib: “La darba r-rieda jkun messa Alla nnifsu, qatt ma tkun sodisfatta b’xejn għajr b’Alla.” Nitolbu: “San Ġwann tas-Salib għinna niksbu bidla qaddisa li tmexxi x-xenqat tagħna kollha.”
San Lawrenz ta’ Brindisi: “Kontra d-Dinja, il-Ġisem, u x-Xitan, il-kelma ta’ Alla qisha xabla li tfarrak kull dnub.” Nitolbu: “San Lawrenz ta’ Brindisi idħol għalina biex niksbu mħabba profonda għall-Kelma ta’ Alla.”
San Franġisk de Sales: “Fuq l-għuda tas-Salib, il-qalb ta’ Ġesù rat qalbek u ħabbitha.” Nitolbu: “San Franġisk de Sales għinna biex inkunu kapaċi nagħtu lilna nfusna lil l-imħabba bla tarf ta’ Ġesù.”
San Alfonz Liguori: “Dak li ma jieqafx jitlob ma jistax ikompli joffendi lil Alla.” Nitolbu: “San Alfonz Liguori għinna biex niksbu fedeltà fit-talb u ħerqa profonda spiritwali.”
Santa Tereża ta’ Liseux: “Dak li jogħġob lil Alla hu li jarani nħobb ix-xejn u l-faqar tiegħi, u l-imħabba għamja li għandi fil-ħniena Tiegħu.” Nitolbu: “Santa Tereża ta’ Liseux idħol għalina ħalli jkollna l-grazzja ta’ spiritwalità żagħżugħa.”
|