Laikos

Ara aktar talbiet ...

TALBIET TAL-QUDDIES

al-Jiem Ferjali tal-Avvent

Avvent 1 – It-Tnejn

Kolletta: Agħtina l-grazzja, Mulej, Alla tagħna, li nistennew bil-ħerqa l-miġja ta’ Kristu Ibnek, biex, meta jiġi u jħabbat, isibna nishru fit-talb ferħana fit-tifħir tiegħu. Hu, li hu Alla, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid li inti nnifsek tajtna; agħmel li l-qima li nagħtuk bihom fuq l-art tħejjina għall-frott tal-fidwa li int tagħtina fis-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-misteri li għalihom inġbarna jkunu ta’ ġid għalina; għallimna bihom inħobbu l-ħwejjeġ tas-sema u li fil-mixja tagħna fost dak kollu li jgħaddi, minn din id-dinja stess nintrabtu ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 1 – It-Tlieta

Kolletta: Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ilqa’ t-talb tagħna, u fi tjubitek għinna fit-tiġrib tagħna, biex nitfarrġu bid-dehra ta’ Ibnek li ġej fostna, u qatt iżjed ma nitniġġsu bit-taħsir tal-imgħoddi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek, ilqa’ t-talb umli u s-sagrifiċċju tagħna, u, fejn ma jwasslux il-merti tagħna, agħtina l-għajnuna int, fil-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna dan l-ikel tas-sema, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej, biex, bis-sehem li nieħdu f’dan il-misteru, tgħallimna nqisu bil-għaqal is-siwi tal-ħwejjeġ tad-dinja norbtu qalbna mal-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 1 – L-Erbgħa

Kolletta: Mulej, Alla tagħna, ħejjilna qlubna bil-qawwa tiegħek, biex, meta jiġi Kristu Ibnek, ikun jistħoqqilna noqogħdu miegħu fil-mejda tal-ħajja ta’ dejjem u nirċievu minn idejh l-ikel tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li ma nonqsu qatt noffrulek bil-qima dan is-sagrifiċċju, li bih jiġġedded il-misteru qaddis li int waqqaft, u b’qawwa kbira sseħħ is-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbu, Mulej, il-ħniena tiegħek, biex, b’din l-għajnuna qaddisa li ħadna, neħilsu minn ħtijietna, u nitħejjew tajjeb għall-festa li ġejja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 1 – Il-Ħamis

Kolletta: Qanqal, Mulej, is-setgħa tiegħek u, b’qawwa kbira agħtina l-għajnuna biex il-laqgħa tagħna miegħek, imfixkla bi dnubietna, titħaffef bil-grazzja u l-maħfra tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid li inti nnifsek tajtna; agħmel li l-qima li nagħtuk bihom fuq l-art tħejjina għall-frott tal-fidwa li int tagħtina fis-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-misteri li għalihom inġbarna jkunu ta’ ġid għalina; għallimna bihom inħobbu l-ħwejjeġ tas-sema li, fil-mixi tagħna fost dak li jgħaddi, minn din id-dinja stess nintrabtu ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 1 – Il-Ġimgħa

Kolletta: Qanqal, Mulej, is-setgħa tiegħek, u ejja: ħarisna u biegħed minna t-tiġrib li qiegħed jheddidna minħabba dnubietna, u eħlisna u salvana minnu. Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek, ilqa’ t-talb umli u s-sagrifiċċju tagħna, u, fejn ma jwasslux il-merti tagħna, agħtina l-għajnuna int, fil-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna dan l-ikel tas-sema, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej, biex, bis-sehem li nieħdu f’dan il-misteru, tgħallima nqisu bil-għaqal is-siwi tal-ħwejjeġ tad-dinja, u norbtu qalbna mal-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 1 – Is-Sibt

Kolletta: Alla, int bgħatt lil Ibnek il-waħdieni fid-dinja biex jeħles lill-bnedmin mill-jasar tad-dnub; agħtina l-grazzja u l-ħniena li bil-qima kollha qegħdin nistennew minnek, ħalli naslu għall-premju tal-ħelsien tassew. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li ma nonqsu qatt noffrulek bil-qima dan is-sagrifiċċju, li bih jiġġedded il-misteru qaddis li int waqqaft, u b’qawwa kbira sseħħ is-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbu, Mulej, il-ħniena tiegħek, biex, b’din l-għajnuna qaddisa li ħadna, neħilsu minn ħtijietna, u nitħejjew tajjeb għall-festa li ġejja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 


 

Avvent 2 – It-Tnejn

Kolletta: Jitla’ quddiemek, Mulej, it-talb umli li qegħdin nagħmlulek, biex dan is-servizz tagħna jwassalna biex niċċelebraw b’qalb safja il-misteru kbir tal-Inkarnazzjoni ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid li inti nnifsek tajtna, agħmel li l-qima li nagħtuk bihom fuq l-art tħejjina għall-frott tal-fidwa li int tagħtina fis-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-misteri li għalihom inġbarna jkunu ta’ ġid għalina; għallimna bihom inħobbu l-ħwejjeġ tas-sema li, fil-mixi tagħna fost dak kollu li jgħaddi, minn din id-dinja stess nintrabtu ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 2 – It-Tlieta

Kolletta: Alla, inti wrejt is-salvazzjoni tiegħek lid-dinja kollha, minn tarf għall-ieħor; agħtina li nistennew bil-ferħ it-twelid glorjuż tas-Salvatur tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek, ilqa’ t-talb umli u s-sagrifiċċji tagħna, u, fejn ma jwasslux il-merti tagħna, agħtina l-għajnuna int, fil-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna dan l-ikel tas-sema fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej, biex, bis-sehem li nieħdu f’dan il-misteru, tgħallimna nqisu bil-għaqal is-siwi tal-ħwejjeġ tad-dinja, u norbtu qalbna mal-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 2 – L-Erbgħa

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, li tridna nħejju t-triq għal Kristu l-Mulej, fil-ħniena tiegħek agħtina li n-nuqqas ta’ saħħa tagħna ma jkun ta’ ebda tfixkil għalina, li qegħdin nistennew fostna t-tabib tas-sema li jfarraġna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li ma nonqsu qatt noffrulek bil-qima dan is-sagrifiċċju, li bih jiġġedded il-misteru qaddis li int waqqaft, u b’qawwa kbira sseħħ is-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbu, Mulej, il-ħniena tiegħek, biex, b’din l-għajnuna qaddisa li ħadna, neħilsu minn ħtijietna, u nitħejjew tajjeb għall-festa li ġejja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 2 – Il-Ħamis

Kolletta: Qanqal il-fehma tagħna, Mulej, biex inħejju t-triq lil Ibnek il-waħdieni, ħalli, bil-miġja tiegħu fostna, jistħoqqilna naqduk b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid innifsek li inti tajtna; agħmel li l-qima li nagħtuk bihom fuq l-art tħejjina għall-frott tal-fidwa li int tagħtina fis-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-misteri li għalihom inġbarna jkunu ta’ ġid għalina; għallimna bihom inħobbu l-ħwejjeġ tas-sema li, fil-mixi tagħna fost dak kollu li jgħaddi minn din id-dinja stess nintrabtu ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 2 – Il-Ġimgħa

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, agħti lill-poplu tiegħek il-grazzja li jistenna b’ħerqa kbira l-miġja ta’ Ibnek il-waħdieni, biex, kif għallimna l-istess Salvatur tagħna, nishru ħa mmorru nħaffu biex nilqgħuh bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek, ilqa’ t-talb umli u s-sagrifiċċju tagħna, u, fejn ma jwasslux il-merti tagħna, agħtina l-għajnuna int, fil-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna dan l-ikel tas-sema, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej, biex, bis-sehem li nieħdu f’dan il-misteru, tgħallimna nqisu bil-għaqal is-siwi tal-ħwejjeġ tad-dinja, u norbtu qalbna mal-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 2 – Is-Sibt

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, warrab minn qlubna d-dlamijiet, dawwalhom bid-dija tas-sebħ tiegħek, biex il-miġja ta’ Ibnek il-waħdieni turi li aħna wlied id-dawl. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li ma nonqsu qatt noffrulek bil-qima dan is-sagrifiċċju, li bih jiġġedded il-misteru qaddis li waqqaft, u b’qawwa kbira sseħħ is-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbu, Mulej, il-ħniena tiegħek, biex, b’din l-għajnuna qaddisa li ħadna, neħilsu minn ħtijietna, nitħejjew tajjeb għall-festa li ġejja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 


 

Avvent 3 – It-Tnejn

Kolletta: Fil-ħniena tiegħek, Mulej, isma’ t-talb tagħna u, bil-grazzja ta’ Ibnek li ġej iżurna, dawwal id-dlamijiet ta’ qalbna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid li inti nnifsek tajtna; agħmel li l-qima li nagħtuk bihom fuq l-art tħejjina għall-frott tal-fidwa li int tagħtina mis-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-misteri li għalihom inġbarna jkunu ta’ ġid għalina; għallimna bihom inħobbu l-ħwejjeġ tas-sema li, fil-mixi tagħna fost dak li jgħaddi, minn din id-dinja stess nintrabtu ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 3 – It-Tlieta

Kolletta: O Alla, int għamiltna ħolqien ġdid permezz ta’ Ibnek il-waħdieni; ħares bit-tjieba lejn l-għemil tal-ħniena tiegħek, u, fil-miġja ta’ Ibnek, naddafna minn kull ħażen tal-imgħoddi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek, ilqa’ t-talb umli u s-sagrifiċċji tagħna, u, fejn ma jwasslux il-merti tagħna, agħtina l-għajnuna int, fil-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna dan l-ikel tas-sema, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej, biex, bis-sehem li nieħdu f’dan il-misteru, tgħallimna nqisu bil-għaqal is-siwi tal-ħwejjeġ tad-dinja norbtu qalbna mal-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 3 – L-Erbgħa

Kolletta: Agħtina , nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, li l-festa solenni li qegħdin inħejju f’ġieħ Ibnek tkun għalina ta’ għajnuna f’din il-ħajja u twassalna għall-premju ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Nitolbuk, Mulej, li ma nonqsu qatt noffrulek bil-qima dan is-sagrifiċċju, li bih jiġġedded il-misteru qaddis li int waqqaft, u b’qawwa kbira sseħħ is-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Nitolbu, Mulej, il-ħniena tiegħek, biex, b’din l-għajnuna qaddisa li ħadna, neħilsu minn ħtijietna, u nitħejjew tajjeb għall-festa li ġejja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 3 – Il-Ħamis

Kolletta: O Alla, ħares lejna, qaddejja tiegħek bla ma jistħoqqilna, imnikktin minħabba ħtijietna, u ferraħna bil-miġja tas-Salvatur tagħna, Ibnek il-waħdieni, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, l-offerti li qegħdin nagħmlulek mill-ġid li inti nnifsek tajtna; agħmel li l-qima li nagħtuk bihom fuq l-art tħejjina għall-frott tal-fidwa li inti tagħtina fis-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-misteri li għalihom inġbarna jkunu ta’ ġid għalina; għallimna bihom inħobbu l-ħwejjeġ tas-sema li, fil-mixi tagħna fost dak li jgħaddi, minn din id-dinja stess nintrabtu ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Avvent 3 – Il-Ġimgħa

Kolletta: O Alla li tista’ kollox, bil-grazzja tiegħek qanqalna u ibqa’ ieqaf magħna, biex aħna, li b’xewqa kbira qegħdin nistennew il-miġja ta’ Ibnek il-waħdieni, niksbu kull għajnuna meħtieġa għall-ħajja f’din id-dinja u fl-oħra. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Taffi, Mulej, il-korla tiegħek, ilqa’ t-talb umli u s-sagrifiċċji tagħna, u, fejn ma jwasslux il-merti tagħna, agħtina l-għajnuna int, fil-ħniena tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna dan l-ikel tas-sema, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk, Mulej, biex, bis-sehem li nieħdu f’dan il-misteru, tgħallimna nqisu bil-għaqal is-siwi tal-ħwejjeġ tad-dinja, u norbtu qalbna mal-ħwejjeġ tas-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 


 

Ferji tal-Avvent – 17 ta’ Diċembru

Kolletta: Alla, li ħlaqt il-bniedem u fdejtu, int ridt li Ibnek isir bniedem minn Omm li baqgħet dejjem Verġni; fil-ħniena tiegħek ilqa’ t-talb tagħna, biex Ibnek il-waħdieni li sar bniedem bħalna, jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla, Hu, li hu Alla, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Qaddes, Mulej, l-offerti tal-Knisja tiegħek; agħtina li, b’dawn il-misteri qaddisa, ikun jistħoqqilna nitwettqu b’ħobż is-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li tqarbinna b’ikel is-sema, nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, biex timliena bix-xewqa li quddiem Kristu Ibnek, li ġej, inkunu niddu bħal imsiebaħ kollha dawl, mixgħula mill-Ispirtu qaddis tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Ferji tal-Avvent – 18 ta’ Diċembru

Kolletta: Nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, biex aħna, li ilna ħafna mtaqqla u mjassra bil-madmad tad-dnub, naqilgħu l-ħelsien bit-twelid ġdid ta’ Ibnek li qegħdin nistennew, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: F’ġieħ ismek, Mulej, se noffrulek dan is-sagrifiċċju biex naqilgħu l-grazzja tiegħek, u jkun jistħoqqilna sehem fil-ħajja bla tmiem ta’ Ibnek, li miet biex ħeles lilna mill-mewt, Ġesù Kristu Sidna li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Naħsbu, Mulej, fuq it-tjieba tiegħek, f’nofs it-tempju tiegħek, biex nitħejjew kif jixraq għall-festa solenni li ġejja tal-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ferji tal-Avvent – 19 ta’ Diċembru

Kolletta: Alla, int għoġbok turina d-dija tas-sebħ tiegħek bit-twelid ta’ Ibnek mill-Verġni Mqaddsa Marija; agħtina li, b’fidi sħiħa, inqimu l-misteru ta’ din il-ġrajja tal-għaġeb, u nġeddu dejjem it-tifkira tagħha b’ġieħ li jistħoqqilha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ħares lejn dawn l-offerti dgħajfa li aħna ġibna fuq l-altar tiegħek; imlihom bil-qawwa tiegħek, biex jiġu kkonsagrati lilek. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Niżżuk ħajr għal kulma tajtna, o Alla li tista’ kollox: fil-ħniena tiegħek nissel fina x-xewqa tal-ġrajja li sejra sseħħ fostna, ħalli b’qalb safja nilqgħu t-twelid tas-Salvatur tagħna bil-ġieħ kollu li jistħoqqlu. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Ferji tal-Avvent – 20 ta’ Diċembru

Kolletta: Alla, il-Verġni bla tebgħa, imħabbra mill-Anġlu, laqgħet fil-ġuf tagħha l-Verb Etern tiegħek, u, mimlija bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu saret għamara ta’ Alla; nitolbuk li, bl-istess umiltà tagħha, norbtu qalbna mar-rieda tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħares, Mulej, lejn is-sagrifiċċju liema bħalu li sejrin noffrulek, biex, bis-sehem tagħna f’dan il-misteru, nirċievu dak kollu li nistennew u li b’fidi kbira nittamaw li jingħatalna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Bl-għajnuna tiegħek, Mulej, ħares lilna li inti titma’ bl-ikel tas-sema, biex ingawdu l-frott tal-misteri tiegħek, u nithennew fi sliem tassew. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Ferji tal-Avvent – 21 ta’ Diċembru

Kolletta: Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ilqa’ t-talb li aħna, il-poplu tiegħek, qegħdin nagħmlulek, biex, kif nifirħu b’Ibnek il-waħdieni fil-miġja tiegħu fostna bħala bniedem, hekk ukoll niksbu l-premju tal-ħajja ta’ dejjem meta jiġi fis-setgħa tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ħares bis-sliem, Mulej, lejn il-Knisja tiegħek, ilqa’ l-offerti li qiegħda tagħmillek: għax kont int, fil-ħniena tiegħek, li tajtha l-grazzja li toffrihomlok; u, bil-qawwa tiegħek, biddilhom għalina fis-sagrament tas-salvazzjoni tagħna. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li l-poplu tiegħek isib dejjem ħarsien qawwi f’dawn il-misteri qaddisa, li fihom jieħu sehem, u li b’tjieba sħiħa joqgħod taħt is-setgħa tiegħek ħalli jikseb dejjem iżjed is-salvazzjoni fir-ruħ u l-ġisem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Ferji tal-Avvent – 22 ta’ Diċembru

Kolletta: Alla, int ħarist lejn il-bniedem imwaqqa’ fil-jasar tal-mewt, u għoġbok tifdih bil-miġja ta’ Ibnek il-waħdieni; agħtina, nitolbuk, li, kif bl-umiltà kollha nistqarru li hu sar bniedem bħalna, hekk ukoll nissieħbu miegħu, il-Feddej tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Qalbna qawwija fi tjubitek, Mulej, nersqu bl-offerti tagħna lejn l-altar imqaddes: saffina bil-grazzja tiegħek, biex nitnaddfu bil-qawwa tal-istess misteri li bihom qegħdin naqduk. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Agħmel, Mulej, li aħna niksbu l-qawwa tas-sagrament li bih tqarbinna, biex, meta jasal is-Salvatur tagħna, jistħoqqilna mmorru nilqgħuh b’għemil xieraq, u naqilgħu l-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Ferji tal-Avvent – 23 ta’ Diċembru

Kolletta: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, issa li riesqa l-festa tat-twelid ta’ Ibnek bħala bniedem aħna, qaddejja tiegħek bla ma jistħoqqilna, nitolbuk li jħenn għalina l-Verb tiegħek li għoġbu jsir bniedem minn Marija Verġni u għammar fostna, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Ilqa’, Mulej, bħala tpattija sħiħa, din l-offerta li biha nagħtuk qima perfetta, biex niċċelebraw b’fehma safja t-twelid tal-Feddej tagħna fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li tqarbinna bl-ikel tas-sema, fil-ħniena tiegħek, Mulej, agħtina s-sliem, biex, bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna, nistennew u nilqgħu kif jixraq lil Ibnek l-għażiż li ġej fostna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ferji tal-Avvent – 24 ta’ Diċembru (Quddiesa ta’ Filgħodu)

Kolletta: Ħaffef, nitolbuk, Mulej Ġesù, la tiddawwarx, biex aħna, li nittamaw fi tjubitek, ikollna l-għajnuna u l-faraġ tal-miġja tiegħek. Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba fuq l-Offerti: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, ilqa’ l-offerti tagħna, biex it-tqarbina tagħna bihom tnaddafna minn ħtijietna, u jkun jistħoqqilna nistennew b’qalb safja l-miġja glorjuża ta’ Ibnek, Ġesù Kristu Sidna, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Talba wara t-Tqarbin: Issa li ħadna r-ruħ bid-don tiegħek tal-għaġeb, agħtina, Mulej, li, kif qegħdin nitħejjew għat-twelid imqaddes ta’ Ibnek, hekk ukoll b’ferħ kbir niksbu d-doni tiegħu ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.