Laikos

Aktar fuq is-Sinodu ...

TALB GĦAL QABEL U MATUL IS-SINODU 2023

 

TALBA UNIVERSALI - INTERĊESSJONIET

GĦALL-QUDDIESA TAL-ĦADD

 

 

Għall-XXV u s-XXVI Ħadd  taż-żmien ta’ Matul is-sena – A, li jaħbtu qabel il-ftuħ tal-Assemblea tas-Sinodu nipproponu dawn it-Talbiet Universali.

 

 

Għall-Knisja kollha lejlet il-ftuħ tal-Ewwel Sessjoni tal-Assemblea tas-Sinodu: biex dik il-qawwa tal-Evanġelju, li tagħtiha l-ħajja u taħdem fiha, tagħmilha bħad-dielja tal-parabbola, realtà li fiha l-bnedmin kollha jsibu s-sens għall-ħajja, kelma li tgħodd għalihom u nifs ta’ tama. Nitolbu.

 

Għall-isqfijiet u għal dawk kollha li se jieħdu sehem f’din l-Assemblea tas-Sinodu: biex jagħtu kas il-leħen tal-Ispirtu s-Santu biex iwelldu proposti li jiswew lill-Poplu ta’ Alla ħalli huwa u jikber fil-komunjoni jkollu sehem veru fil-ħajja tal-Knisja u jkun xhud tassew tal-Evanġelju fid-dinja kollha. Nitolbu.

 

Għat-Teoloġi: ħa jkunu msieħba mill-għerf u l-għarfien tar-rivelazzjoni huma u jirriflettu u jaħdmu flimkien waqt is-Sinodu biex id-don tal-fidi jsir ħajja għall-poplu kollu ta’ Alla. Nitolbu.

 

Għaż-żgħażagħ li dejjem ifittxu l-verità, ix-xhieda ġenwina, dak li hu sewwa u tassew, u spiritwalità profonda: biex permezz ta’ dan is-sinodu, iħossuhom dejjem iżjed parti essenzjali mill-ħajja u l-missjoni tal-Knisja fit-taqlib tad-dinja tal-lum, hekk li b’ħajjithom jagħtu messaġġ ta’ tama li tiġi mil-laqgħa ma’ Ġesù. Nitolbu.

 

Għalina lkoll, miġbura f’għaqda sħiħa ma’ ħutna mxerrdin mad-dinja: biex waqt li nithennew fit-tjieba tal-Mulej li jiġi jiltaqa’ magħna fit-tqarbin bil-Ġisem u d-Demm tiegħu, naqilgħu mingħandu l-grazzja li nħarsu b’mod ġdid lejn il-proxxmu tagħna u nagħtu xhieda fid-dinja li fiha ngħixu.  Nitolbu.

 


 

 

IL-XXVI ĦADD MATUL IS-SENA

BARKA FL-AĦĦAR TAL-QUDDIESA

 

Din il-barka tista’ tintuża mis-saċerdot fi tmiem il-Quddiesa.

Iċ-ċelebrant jistieden għat-talb.

Ħuti għeżież, Ġesù wiegħed li jkun f’nofs id-dixxipli tiegħu kull darba li jiltaqgħu f’ismu. Fil-jiem li ġejjin, il-Papa Franġisku se jiftaħ l-ewwel sessjoni tas-sittax-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, f’Ruma. Ejjew nitolbu fuqna l-Barka tal-Mulej u nerfgħu qlubna lejn Alla, biex l-Ispirtu s-Santu jseddaqna fl-għaqda ta’ bejnietna, iwassalna għall-verità sħiħa u jdawwal lil dawk li qed jieħdu sehem fl-Assemblea tas-Sinodu.

 

Imbagħad tingħata l-Barka.

 

Iċ-ċelebrant, iħares lejn il-ġemgħa, b’idejh miftuħa, jgħid:

Il-Mulej, magħkom.

 

U l-ġemgħa twieġeb:

U miegħek ukoll.

 

Imbagħad, id-djaknu jew jekk ma jkunx qed jassisti djaknu, iċ-ċelebrant stess, jistieden lill-ġemgħa bil-kliem: Baxxu raskom għall-barka. Imbagħad iċ-ċelebrant b’idejh miftuħa fuq il-ġemgħa jgħid il-kliem tal-barka u wara kulħadd iwieġeb: Ammen.

 

Alla Missierna, li ħafna drabi u b’ħafna modi,

kellimna permezz tal-profeti,

imexxi lilkom u l-Knisja kollha fil-verità tal-Kelma tiegħu

u fl-għarfien tar-rieda tiegħu.

R.        Ammen.

 

L-Iben ta’ Alla mibgħut fil-milja taż-żminijiet

biex juri lill-bnedmin l-għana bla qies tal-ħniena tal-Missier

iħariskom fl-għaqda sħiħa miegħu u ma’ ħutkom kollha.

R.        Ammen.

 

L-Ispirtu s-Santu jwassal lilkom u l-Assemblea tas-Sinodu,

għall-għarfien tas-sinjali taż-żminijiet

biex filwaqt li tkun marbuta dejjem u f’kollox mar-rieda ta’ Alla

issaħħu l-għaqda sħiħa fil-ħajja tal-Knisja għax-xandir tal-Evanġelju.

 

U l-barka ta’ Alla li jista’ kollox,

il-Missier X u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu

tinżel fuqkom u fuq l-għeżież tagħkom,

u tibqa’ magħkom għal dejjem.

R.        Ammen.

 


 

TALBA UNIVERSALI - INTERĊESSJONIET

F’ĠURNATA FERJALI

 

 

Din il-proposta ta’ talba tal-Ġemgħa tista’ tintuża fi ġranet ferjali kemm fil-Quddies u kemm fl-Għosrien (minflok il-Preċi).

 

 

Inressqu dan it-talb tagħna lill-Ispirtu s-Santu, Ħallieq u Mulej tal-Knisja li jmexxiha fil-medda taż-żmien u bi ħlewwa jħeġġiġha biex timxi ’l quddiem. Ngħidulu:

 

R.        Ejja, Mulej, Spirtu Qaddis, li ġġedded kollox.

 

Ejja Spirtu Qaddis, ruħ tal-Knisja: iġma f’għaqda sħiħa u agħti l-frott lit-tħabrik, it-tama u kull xewqa tajba ta’ kull min jagħti sehmu fl-Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Nitolbu.

 

Ejja Nifs ħlejju ta’ Alla, li f’Ġesù tħeġġeġ mill-ġdid il-fjamma tnemnem u tiddrtitta mill-ġdid il-qasba mgħawġa. Nitolbu.

 

Ejja Spirtu Ħallieq, li ssaħħaħ mill-ġdid l-għadam niexef, tiġbor mill-ġdid lill-mitlufa u ġġib mill-ġdid il-ftehim fost dawk li ma jagħrfux lil xulxin. Nitolbu.

 

Ejja Nar iħeġġeġ ta’ Alla, li ssaffi kull ħsieb ħażin, teqred u tibdel kull niket f’hena ta’ ħajja ġdida. Nitolbu.

 

Ejja Ġmiel taż-żgħir u l-fqir, saħħaħ l-għarusa tal-Ħaruf bid-dmugħ ta’ dawk li jħobbu l-paċi u dawk li għandhom l-għatx għall-ġustizzja. Nitolbu.

 

Ejja, maħfra ta’ Alla u agħtina n-nifs tiegħek li jgħaqqadna mill-ġdid u jagħmilna tassew aħwa. Nitolbu.

 

Ejja, Għerf tas-sema u imla bil-grazzji tiegħek lill kull min hu miġbur għas-Sinodu. Nitolbu.

 

Ejja Tama tal-Knisja u qajjem fiha ħolm u xewqat skont il-qalb ta’ Alla, dak li f’għajnejn il-bnedmin jidher li ma jista qatt iseħħ. Nitolbu.

 

(Ilqa’ Mulej dawn it-talbiet tagħna u agħtina li fid-dawl tiegħek naraw id-dawl biex bil-qawwa tiegħek isseħħ fina r-rieda kollha mħabba tiegħek. Bi Kristu Sidna.

R.        Ammen.)