Il-Misteri tar-Rużarju tal-Verġni Mqaddsa Marija
Tal-Ferħ
(it-Tnejn u s-Sibt)
1. Meta l-anġlu Gabrijel ħabbar lil sidtna Marija li kellha tkun omm Alla.
2. Meta sidtna Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta.
3. Meta sidna Ġesù Kristu twieled fl-għar ta’ Betlehem.
4. Meta sidtna Marija ppreżentat lil binha Ġesù fit-tempju.
5. Meta sidtna Marija tilfet lil binha Ġesù u, wara tlitt ijiem, sabitu fit-tempju jiddisputa mad-dutturi.
Tal-Tbatija
(it-Tlieta u l-Ġimgħa)
1. Meta sidna Ġesù Kristu għamel l-orazzjoni fl-ort u għereq l-għaraq tad-demm.
2. Meta sidna Ġesù Kristu kien marbut mal-kolonna u fflaġellat.
3. Meta sidna Ġesù Kristu kien inkurunat bix-xewk.
4. Meta sidna Ġesù Kristu kien mgħobbi s-salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju.
5. Meta sidna Ġesù Kristu kien mislub fuq is-salib u, wara tliet sigħat ta’ l-agunija, miet.
Tal-Glorja
(l-Erbgħa u l-Ħadd)
1. Meta sidna Ġesù Kristu qam minn bejn l-imwiet.
2. Meta sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema.
3. Meta sidna Ġesù Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli.
4. Meta sidtna Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.
5. Meta sidtna Marija ġiet inkurunata mit-Trinità qaddisa, u mgħollija fuq il-kori kollha ta’ l-anġli.
Tad-Dawl
(il-Ħamis)
1. Meta sidna Ġesù Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan.
2. Meta sidna Ġesù Kristu wera min hu fit-tieġ ta’ Kana.
3. Meta sidna Ġesù Kristu ħabbar is-saltna ta’ Alla u sejjaħ għall-indiema.
4. Meta sidna Ġesù Kristu tbiddel quddiem l-appostli fuq il-muntanja Tabor.
5. Meta sidna Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija, it-tifkira tal-misteru ta’ l-Għid.
Litanija tal-Verġni Mqaddsa Marija
Aġġornata bit-tliet invokazzjonijiet ġodda mill-Papa Franġisku fl-20 ta' Ġunju 2020
Mulej, ħniena. Mulej, ħniena.
Kristu, ħniena. Kristu, ħniena.
Mulej, ħniena. Mulej, ħniena.
Kristu, ismagħna. Kristu, ismagħna.
Kristu, ilqa’ t-talb tagħna. Kristu, ilqa’ t-talb tagħna.
Missier Etern Alla. Ħenn għalina.
Iben Alla li fdejt id-dinja.
Spirtu Qaddis Alla.
Trinità Qaddisa Alla wieħed.
Imqaddsa Marija. Itlob għalina.
Imqaddsa Omm Alla.
Imqaddsa xebba tax-xbejbiet.
Omm ta’ Kristu.
Omm il-Knisja.
Omm tal-ħniena.
Omm tal-grazzja ta’ Alla.
Omm it-tama.
Omm l-iżjed safja.
Omm l-iżjed nadifa.
Omm u xebba.
Omm bla tebgħa.
Omm li tistħoqq l-imħabba.
Omm tal-għaġeb.
Omm tal-parir it-tajjeb.
Omm ta’ min ħalaqna.
Omm ta’ min salvana.
Xebba kollok għaqal.
Xebba li tistħoqq kull qima.
Xebba li tistħoqq kull foħrija.
Xebba kollok setgħa.
Xebba kollok ħniena.
Xebba dejjem marbuta m’Alla.
Mera tal-qdusija.
Tron tal-għerf.
Bidu tal-ferħ tagħna.
Għamara tal-Ispirtu s-Santu.
Għamara ta’ kull grazzja.
Għamara ta’ kull tjieba.
Warda mistika.
Torri ta’ David.
Torri tal-avorju.
Dar tad-deheb.
Arka tar-Rabta l-ġdida.
Bieb tas-Sema.
Kewkba ta’ filgħodu.
Saħħa tal-morda.
Kenn tal-midinbin.
Faraġ tal-migranti.
Faraġ tal-imnikktin.
Għajnuna tal-Insara.
Sultana tal-Anġli.
Sultana tal-Patrijarki.
Sultana tal-Profeti.
Sultana tal-Appostli.
Sultana tal-Martri.
Sultana tal-Konfessuri.
Sultana tal-Verġni.
Sultana tal-Qaddisin kollha.
Sultana mnissla mingħajr l-ewwel tebgħa.
Sultana mtellgħa s-Sema.
Sultana tar-Rużarju Mqaddes.
Sultana tal-Familja.
Sultana tal-Paċi.
Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja: aħfrilna nitolbuk, Mulej.
Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja: ismagħna nitolbuk, Mulej.
Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja: ħenn għalina.
V/. Itlob għalina, Qaddisa Omm Alla.
R/. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Kristu.
Nitolbu
O Alla, li ridt li mat-tħabbira tal-Anġlu, l-Iben tiegħek isir bniedem fil-ġuf tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħtina nitolbuk, lilna li nistqarruha Omm Alla, li nkunu megħjunin mit-talb tagħha. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.