Laikos

Aktar fuq iż-Żjara Appostolika tal-Papa Franġisku f'Malta ...

IL-PAPA – ĠIE U MAR: X'BAQA'?

Kitba tal-Kan. Richard N. Farrugia

 

Ngħixu f’dinja mgħaġġla u dan iwassalna biex ngħaddu minn ħafna esperjenzi, u anki mumenti ta’ sinifikat storiku, imma li ma jkollniex iċ-ċans li nieqfu biex nomogħduhom u naħsbu fuq il-mod kif ikunu laqtuna.

 

Iż-żjara tal-Papa Franġisku fit-2 u t-3 ta’ April 2022 kienet eżempju ċar ta’ dan: sa ftit jiem qabel ma rifes fuq il-gżejjer tagħna, it-talk of the town kienet il-kampanja elettorali. Sa ġimgħa qabel konna qed nivvutaw, u fil-jiem ta’ wara saru ċ-ċelebrazzjonijiet mill-partit rebbieħ. Mhux soltu li ġrajja bħal din ma tokkupax l-attenzjoni tal-poplu tagħna; imma wara kollox din iż-żjara wrietna li Malta nbidlet u m’għadhiex dik tal-1990 meta laqgħet għall-ewwel darba lis-Suċċessur ta’ Pietru. Dan fih innifsu hu diġà wieħed mill-effetti tal-miġja tal-Papa Franġisku: il-Knisja f’pajjiżna m’għadhiex dik li kienet, l-influwenza tagħha fis-soċjetà mhijiex dik li kellha darba, it-twemmin Nisrani mhuwiex il-prijorità tal-maġġoranza. Allura ż-żjara ta’ Papa mhix ser twaqqaf jew tinfluwenza l-aġenda ta’ nazzjon jew il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

 

Iżda dan mhuwiex il-kwadru kollu. Għaliex minkejja li ma kienx hawn spirtu ta’ ħeġġa partikulari, meta l-Papa wasal l-Ajruport internazzjonali ta’ Malta – biex ngħid hekk qisu bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa! – il-pajjiż ma baqax miexi fir-ritmu tas-soltu tiegħu. Mhux biss għax ingħalqu bosta toroq għal sigħat twal – għall-inkonvenjenza u t-tgergir ta’ x’uħud – imma wkoll għaliex ħafna ħassew il-bżonn li joħorġu u jaraw lil dan il-bniedem, ta’ fama dinjija, persuna anzjana imma b’għajnejn li jinfdu u b’kelma sinċiera u kredibbli f’dinja ta’ ħafna kliem u ftit fatti. Xi ħaġa ħeġġet u ġibdet in-nies u dawk it-toroq li fil-ġimgħat ta’ qabel kienu kkaratterizzati mill-pika tal-partiġjaniżmu politiku, issa laqgħu poplu wieħed Malti u Għawdxi li xtaq joħroġ, isellem u jifraħ. Dan hu wkoll effett ta’ dan il-vjaġġ appostoliku: minkejja l-ħafna għagħa u aljenazzjoni li l-bniedem tal-lum jista’ jkollu, dan ma jfissirx li ma jistax jintmess f’qalbu. Għax il-bniedem, hu min hu u hi min hi, jibqa’ bniedem, u qalbu maħluqa għal ferħ partikulari li hu frott tas-sewwa, tas-sliem, tal-imħabba li tħaddan, tagħder u taħfer. Bosta jaraw fil-Papa Franġisku din il-ħarsa ta’ ħniena, ta’ mħabba awtentika, ta’ interess ġenwin, ta’ familjarità, ta’ viċinanza, li tnissel paċi u ferħ f’dak li jkun.

 

X’ħarġu jaraw in-nies, aktar ma bdew jgħaddu s-sigħat tal-Papa fostna u aktar bdew jimlew it-toroq tagħna? Bniedem ta’ Alla, bniedem differenti, bniedem li jġorr miegħu spirtu ta’ hena tal-qalb. Smajt diversi esperjenzi ta’ persuni li stqarrew miegħi li huwa u għaddej il-Papa ħassew ċertu ferħ li ma jistgħux jispjegawh. U dan il-ferħ ma kienx frott xi preparazzjoni twila spiritwali għaż-żjara tal-Papa, imma kien il-ferħ ta’ sid ta’ ħanut il-Belt li qalli li meta l-Papa kien fi triqtu lejn il-Palazz tal-Granmastru, xiref ftit fil-bieb tal-ħanut u rah għaddej: “Imma, Father, dak il-ħin ħassejt fija ċertu ferħ u paċi li ma nafx nispjegah”. Hekk ukoll dawk li mlew it-toroq ewlenin ta’ Għawdex minn fejn għadda l-Papa: “Father, ma nafx x’inhi, imma xħin kien għaddej kelli fija paċi kbira…”. Iva, il-Mulej jaħdem b’ħafna modi u allura anki meta l-ġrajjiet ma jimxux skont l-iskemi tagħna – bħalma f’dan il-każ xtaqna li kieku jkun hemm aktar ġabra fost l-Insara tagħna fil-ġimgħat ta’ qabel iż-Żjara Papali biex iħejju ruħhom għal din il-ġrajja tant kbira – ma jfissirx li kollox mitluf jew li l-Mulej ma jsibx it-toroq tiegħu ta’ kif jasal għand il-bniedem.

 

Għal min kellu x-xorti jkun fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu, din iż-żjara ħalliet l-effett ta’ esperjenza ta’ Knisja fejn wara sentejn ta’ pandemija li firditna u fixklitna ftit mhux ħażin, stajna nduqu s-sbuħija li ninġabru nitolbu u nifirħu flimkien. Għad-dell tal-Verġni Marija, fil-preżenza tal-Papa kien hemm tassew imħaddna l-Knisja mxerrda mad-dinja kollha, u ħassejna lkoll il-wens li qegħdin fl-għors tad-dar, għax l-Omm tinsab fostna u r-Ragħaj qiegħed magħna. U ftakarna kemm hu sabiħ li nitolbu flimkien, li nesprimu l-fidi tagħna, u li ningħaqdu lkoll sabiex infaħħru lill-Mulej. Aħna u naraw lill-Papa miġbur fis-skiet quddiem il-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu, tgħallimna xi jfisser inżuru dan is-Santwarju bħala wlied li nintelqu f’idejn din l-Omm tagħna. Doqna kemm aħna mbierka li l-Mulej fil-providenza tiegħu għoġbu li Ommu Marija ssejħilna bid-djalett tagħna proprju minn dik ix-xbieha tagħha. Għarafna xi jfisser inħallu l-Ispirtu ta’ Alla jidħol fina u jibnina bħala komunità ta’ fidi. Rajna l-kariżmi li jżejnu l-Knisja Għawdxija f’dawk kollha li kienu involuti fl-organizzazzjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni.

 

Il-Knisja f’pajjiżna mhijiex l-istess wara l-miġja tal-Papa Franġisku għax ma tistax tibqa’ l-istess! L-effetti ta’ din il-miġja qegħdin ukoll fil-“ħasliet Papali” li rċivejna: ħasliet ta’ missier li jħobb lil uliedu u jixtiqilhom l-aqwa ġid, lil Ġesù. Mhumiex ħasliet fis-sens ta’ twiddiba li tumilja, imma ħasliet għaliex jiffriskawna kemm bħala soċjetà u kemm bħala Knisja u jaħsluna bin-nida tal-Ispirtu s-Santu. Ikun tajjeb li dawn il-ħasliet inħalluhom ixarrbu dejjem aktar il-pori ta’ qalbna.

 

Fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta l-Papa tkellem dwar pajjiżna bħala l-warda tal-irjieħ u elenka bosta sfidi li għandna quddiemna. Mess il-pjaga tal-korruzzjoni, tal-illegalità, tar-regħba bla xebgħa, tal-kilba għall-flus, tal-ispekulazzjoni tal-bini. Kemm fil-Palazz u kemm f’Ħal Far fost l-immigranti tkellem fuq il-ħtieġa li nilqgħu, li nkunu port sigur, u li ma nibżgħux minn dawk iċ-ċaħdiet magħmulin għall-ġid tal-ħajja tal-bniedem li hu teżor ta’ Alla. Stedinna nkunu laboratorju tal-paċi, aħna u nħarsu l-memorja ta’ ġensna u ma ninqatgħux mill-għeruq tagħna biex ma ninħakmux minn idea ta’ prosperità falza ddettata mill-qligħ, mill-konsumiżmu, mid-dritt li kulħadd għandu jedd għal kollox. Qalilna sabiex ngħożżu l-valur tal-ħajja kontra l-mentalità tal-iskart u tat-traskuraġni.

 

“Ħasla” oħra kienet dik li tana bħala komunità Nisranija f’pajjiżna. L-omelija li l-Papa għamel f’Ta’ Pinu hi riflessjoni mill-isbaħ fuq x’inhi l-missjoni tal-Knisja f’pajjiżna llum. Qajjimna minn dak l-atteġġjament ta’ superfiċjalità, li nikkuntentaw ruħna bil-qoxra ta’ prattika reliġjuża li mhijiex għajr ripetizzjoni tal-passat. Qalilna ma nrattbux l-isfidi li għandna quddiemna frott il-kriżi tal-fidi, l-apatija u l-indifferenza li hawn fostna, speċjalment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa. Saħaq magħna sabiex aktar milli ninkwetaw fuq il-prestiġju soċjali tagħna, ninkwetaw fuq kif ser ngħixu l-essenzjal tal-fidi tagħna, jiġifieri, il-ħbiberija ma’ Kristu u x-xandir tal-Evanġelju. Tana wkoll il-missjoni biex niżviluppaw l-arti tal-akkoljenza, kemm bejnietna bħala djoċesijiet u kemm mal-oħrajn, speċjalment mal-aħwa msallba mit-tbatija, mill-miżerja, mill-faqar u mill-vjolenza. Tennielna b’qawwa, qisu ried li tibqa’ tirbombja ġewwa fina, li l-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza.

 

Il-mod ta’ kif din il-ħasla ġiet milqugħa huwa wkoll parti mill-effetti. Kien hemm min kemm fix-xandir u kemm fl-għażla tal-kliem li jirrapporta qagħad lura milli jwassal il-messaġġ sħiħ tal-Papa u pjuttost iffiltrah bħallikieku d-diskorsi tal-Papa kienu xi lip service biex inħossuna tajjeb. Din is-selezzjoni tista’ wkoll tiġri lilna billi nibqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħna bħala Nsara u bħala Knisja, bla ma nieħdu bis-serjetà dak li l-Ispirtu s-Santu qed jgħidilna permezz tal-Papa. Il-mod kif nilqgħu – jew ma nilqgħux – dawn il-ħasliet, se jkollu żgur effett fuqna: bħala soċjetà nistgħu nitħammġu aktar jew nissaħħu f’ħidma biex nissaffew u ninbnew fuq valuri tassew umani li jsejsu politika ta’ veru progress uman u soċjali; filwaqt li bħala Knisja nistgħu jew inkomplu nimmuffaw f’libsa ta’ fidi li qed teqdiem, billi ninvestu f’faċċata li hi nieqsa minn fidi interjuri aħna u ninkwetaw ruħna fuq il-prestiġju soċjali hekk li nispiċċaw tassew insiru irrilevanti għax nieqsa mill-profezija, jew inkella nagħmlu l-wisa’ lill-Ispirtu s-Santu biex niġġeddu fil-laqgħa personali ma’ Kristu, fis-smigħ attent tal-Kelma ta’ Alla, fis-sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja, u fil-pjetà popolari li tesprimi fidi ħajja. Kif qalilna l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel fuq il-Fosos tal-Furjana, Ġesù jistedinna biex bħala Knisja nerġgħu nibdew mill-ġdid fl-iskola tal-Vanġelu, fl-iskola ta’ Alla tat-tama li dejjem jissorprendina.

 

Il-Papa ġie u mar – x’baqa’? Baqa’ dak li ser nagħrfu nħarsu f’qalbna u nibqgħu naħsbu fuqu. Baqa’ l-ferħ ta’ Ġesù u tal-Vanġelu tiegħu. Baqa’ s-sbuħija tal-Knisja bħala komunità li temmen. Baqa’ l-parti tagħna fuq kif ser inwieġbu għal dak li qalilna u wettaq fostna l-Papa: jekk ninjorawh, allura tibqa’ magħna l-korruzzjoni tal-ħajja soċjali u ekkleżjali; jekk nilqgħuh, tibqa’ magħna dik il-konsolazzjoni li tqawwina biex inkomplu nimxu wara Ġesù, f’għaqda ma’ Pietru, permezz ta’ Ommna Marija, b’dik il-ħeġġa tal-Appostlu Missierna Pawlu u b’dik il-ħlewwa liema bħalha ta’ missirijietna. Jibqa’ fina l-ferħ ta’ Knisja li tevanġelizza!

 

 

 

Publikat f'Il-Belt Victoria, Rivista tal-Parroċċa ta' San Ġorġ, Għawdex, ħarġa ta' Jannar-April 2022, Nru 205