NEMMNU KOLLOX MILL-BIBBJA?

Minn Joe Galea

Tiltaqa’ ma’ min jistaqsi jekk għandnex nemmnu dak kollu li hemm fil-Bibbja. Jekk għandniex nieħdu l-Bibbja b’kelma, anke meta hemm stejjer li probabbli mhux hekk ġraw.

 

Il-Bibbja hi ktieb meraviljuż, li fih rakkonti miktubin tant tajjeb. Imma dawn jirrakkuntaw storja waħda. Fiċ-ċentru ta’ din l-istorja kbira hemm Alla, u dak li għamel għad-dinja u għall-umanita’. Imma xi drabi jkollna raġun nistaqsu jekk xi stejjer minnhom hux veru li ġraw, meta nħarsu lejhom fid-dawl tal-progress li sar maż-żmien fit-tagħlim u fix-xjenza.

 

L-ewwelnett irridu niftakru li l-Bibbja nkitbet ħafna żmien ilu. Hemm ġrajjiet ta’ 2000 sena qabel Kristu, bħal fi żmien Abraham. U r-rakkonti li nsibu fil-Bibbja ma nkitbux min-nies li għexu f’dak iż-żmien, imma nkitbu ħafna wara li ġraw. Studjużi tal-Bibbja jaħsbu li l-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, li jitkellem fuq ġrajjiet kbar u ta’ importanza, inkiteb fl-epoka ta’ David u Salamun, jiġifieri għas-sena 1200 qabel Kristu, u ġie editjat iktar ‘il quddiem għas-sena 400, jiġifieri bogħod ħafna mill-2020 wara Kristu kif aħna llum. Ir-rakkonti tal-Bibbja, sakemm inkitbu, għaddew bil-kelma minn ġenerazzjoni għall-oħra, dik li nsejħulha t-tradizzjoni.

 

Inżommu wkoll f’moħħna li l-Bibbja nkitbet minn nies ta’ kultura ferm differenti minn tagħna. U ma nistgħux nieħdu vers barra mill-kuntest tiegħu. Li nieqfu fuq vers, u forsi li jkun interpretat ħażin, jista’ jwassalna għall-iżball. Lanqas ma għandna naqraw test għall-interess letterarju, ġografiku jew storiku. Imma rridu nieħdu l-Bibbja bħala ħaġa waħda, b’messaġġ wieħed, li hu l-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem. Il-Bibbja rridu noħduha fl-insieme tagħha u b-direzzjoni waħda, lejn il-misteru tal-Fidwa filwaqt li naraw Alla xi jrid jgħidilna llum.

 

Ma ninsewx ukoll li min kiteb l-Iskrittura kienu bnedmin, għalkemm kellhom l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Imma l-element uman jibqa’ hemm, anke l-istil tal-awturi tal-Bibbja. Niftakru wkoll li sa żmien Galileo Galilei, 600 sena ilu, kienu jaħsbu li x-xemx iddur mad-dinja, li d-dinja mhix tonda u jekk tmur lejn it-tarf tal-baħar, taqa’. Allura ma tiskantax li ssib rakkont fil-Bibbja li jsemmi fenomenu ‘il kontra tal-liġi tan-natura, bħal storja li nsibuha f’wieħed mill-ewwel kotba tal-Bibbja, meta x-xemx waqfet mid-dawrien tagħha biex baqa’ d-dawl tal-jum, biex il-Lhud setgħu ikomplu u jirbħu l-battalja. (Wara kollox, sal-lum għadna ngħidu li “tiegħla x-xemx”, jew “ix-xemx nieżla!”) Niltaqgħu ukoll ma storja fejn għandna ħmar li jitkellem u jikkorregi lil sidu, profeta jismu Balam, li ma kienx se jobdi l-kmand t’Alla. Imma minn dan kollu toħrog profezija tassew importanti dwar il-Messija.

 

Il-Knisja, fit-tradizzjoni tagħha, tgħidilna biex nagħmlu distinzjoni f’dak li hu s-sens letterarju tal-Bibbja. Xi drabi, fi stejjer li jkunu diffiċli biex nemmnuhom, ikun hemm allegorija, bħal meta l-Lhud, fi żmien Mose’, għaddew mill-Baħar l-Aħmar, li nfired fi tnejn biex ikunu jaħarbu mill-Eġizzjani. Dan ir-rakkont hu nterpretat bħala sinjal tar-rebħa li kellu jagħmel Kristu fuq id-dnub, u allura s-Sagrament tal-Magħmudija.

 

Aħna ma nistgħux nagħżlu mill-Bibbja ‘a la carte’. Fil-fatt il-Knisja tistedinna tistedinna biex ma nkunux ħfief li nwarrbu t-Testment il-Qadim bl-iskuża li bit-Testment il-Ġdid, il-Qadim għadda żmienu.

 

Min se jieħu l-Bibbja kelma b’kelma, jista’ jibqa’ bl-impressjoni li Alla, f’ċertu żmien, kien favur il-gwerer, speċjalment jekk jieqaf fuq l-ewwel kotba. Xi drabi jkun hemm bżonn li niċċaraw dak li ma nifhmux. Meta nkunu l-Quddies u nisimgħu xi storja jew espressjoni li tkun stramba għalina llum, mhux biżżejjed li noħorġu mill-Knisja u ngħidu: “Ma fhimna xejn!”, jew: “Din tqila biex temminha!” Imma nistaqsu lil min jista’ jfehmna aħjar. Il-Bibbja hi ktieb ta’ bnedmin li kellhom xewqa għal Alla. Din ix- xewqa għandha tkun tagħna wkoll.