TAGĦRIF ĠENERALI DWAR IL-BIBBJA

Il-Kelma, “Bibbja” ġejja mill-Grieg (τὰ βιβλία), li tfisser “il-Kotba”.  Kliem ieħor użat minflok il-kelma, “Bibbja”, huma "l-Iskrittura Mqaddsa" jew inkella, “il-Kotba Mqaddsa”.

Il-Bibbja mhix ktieb wieħed, imma hija magħmula minn ġabra ta’ 73 ktieb, imqassma f’żewġ taqsimiet, imsejħa Testmenti. Dawn huma (a) It-Testment il-Qadim, u (b) It-Testment il-Ġdid.  Kultant dawn huma magħrufa wkoll bħala, “ir-Rabta l-Qadima” u “ir-Rabta l-Ġdida”.  Jfissru l-istess il-frażijiet, “il-Patt il-Qadim” u “il-Patt il-Ġdid.”  Iż-żewġ kelmiet, “Rabta” jew “Patt” jirreferu għall-Patt li Alla nnifsu għamel mal-popli tiegħi, l-ewwel wieħed mal-poplu Lhudi fit-Testment il-Qadim, u t-tieni wieħed mal-poplu nisrani fit-Testment il-Qadim.

Il-Kotba tat-Testment il-Qadim kienu miktuba qabel it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu filwaqt li dawk tat-Testment il-Ġdid inkitbu wara. 

Fit-Testment il-Qadim insibu 46 ktieb. Dawn huma:-

Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, Dewtoronomju, Ġożwè, Mħallfin, Rut, iż-żewġ kotba ta’ Samwel, iż-żewġ kotba tas-Slaten, iż-żewġ kotba tal-Kronaki, Esdra u Neħemija, Tobit, Ġuditta, Ester, iż-żewġ kotba tal-Makkabin, Ġob, Salmi, Proverbi, Koħelet, Il-Għanja ta’ l-Għanjiet, Għerf, Bin Sirak, Isaija, Ġeremija, Lamentazzjonijiet, Baruk, Eżekjel, Danjel, Ħosegħa, Ġoel, Għamos, Għabdija, Ġona, Mikea, Nahum, Habbakuk, Sofonija, Ħaġġaj, Żakkarija, Malakija – għat-Testment il-Qadim.  (Kultant il-ktieb ta’ Ġeremija u dak tal-Lamentazzjonijiet huma kunsidrati bħala ktieb wieħed.  F’dan il-każ allura n-numru ta’ kotba jkun meqjus bħala 45 minflok 46.)

L-għan prinċipali tat-Testment il-Qadim kien li jħejji l-miġja ta’ Kristu, is-salvatur tad-dinja.  Iżda anke llum, dawn il-kotba huma parti tal-Iskrittura Mqaddsa u ma jistgħux jitħallew barra. (ara KKK 121-123)

Fit-Testment il-Ġdid insibu 27 ktieb.  Dawn huma:-

L-Evanġelji ta’ San Mattew, San Mark, San Luqa u San Ġwann, l-Atti ta’ l-Appostli, l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, l-ewwel u t-tieni Ittra lill-Korintin, lill-Galatin, lill-Efesin, lill-Filippin, lill-Kolossin, l-ewwel u t-tieni Ittra lit-Tessalonkin, l-ewwel u t-tieni Ittra lil Timotju, lil Titu, lil Filemon, l-Ittra lill-Lhud, l-Ittra ta’ San Ġakbu, l-ewwel u t-tieni Ittra ta’ San Pietru, it-tliet Ittri ta’ San Ġwann, l-Ittra ta’ San Ġuda, l-Aposkalissi -  għat-Testment il-Ġdid.

Il-Kelma ta’ Alla tikseb il-milja tagħha fit-Testment il-Gdid.  Fih insibu l-erba’ Evanġelji, li huma l-qalba tal-Iskrittura kollha għux huma l-aqwa xhieda tal-ħajja u t-tagħlim tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. (ara KKK 124-127)

Dawn il-kotba inkitbu minn persuni differenti u tul żminijiet differenti.

Il-Knisja temmen u tgħallem li dawn l-awturi kienu kollha ispirati kemm biex jiktbu, iżda wkoll fil-kitba tagħhom.  Fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika naqraw illi dawn il-kotba ispirati jgħallmu l-verità.  Kull ma qalu l-awturi ispirati jew agjografi, għandna nqisuh bħallikieku qalu l-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk dawn il-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu b’mod żgur, bil-fedeltà kollha u bla żball il-veritajiet li Alla ried jitniżżlu fil-Kotba Mqaddsa għas-salvazzjoni tagħna. (KKK paragrafu 107)   Dan ifisser li l-ispirazzjoni tal-Kotba Mqaddsa tgħodd biss fir-rigward ta’ dawn il-veritajiet u għalhekk fil-Bibbja wieħed m’għandu jfittex la tagħrif xjentifiku u lanqas storiku. Madankollu ma jfissirx li fil-Bibbja ma hemmx rakkonti ta’ grajjiet u dwar personaġġi storiċi.

Għaliex l-awtur ta’ kull ktieb tal-Bibbja kien ispirat fil-kitba tiegħu, għalhekk nistgħu ngħidu li minbarra l-awtur uman, kull ktieb kellu wkoll Awtur Divin, li nebbaħ lill-awturu uman.  Dan l-Awtur Divin huwa l-Ispirtu s-Santu.

Minħabba din l-Ispirazzjoni Divina u s-sehem importanti tal-awturi umani, għalhekk il-Bibbja nistgħu niddeskrivuha bħala, “Il-Kelma ta’ Alla miktuba mill-bniedem.”

L-Ispirazzjoni ma tfissirx li l-Awtur Divin iddetta t-test lill-awtur uman.  Il-bniedem li kiteb kien awtur tassew u mhux sempliċi skriba li kiteb dak li kien iddettat lilu.  Fil-kitba huwa uża t-tagħrif li kellu, l-istil tiegħu u l-inteliġenza tiegħu, l-istess kif jagħmel kull awtur ieħor.  Iżda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ veritajiet li Alla ried iwassal lill-bniedem, kull awtur uman tal-Kotba Mqaddsa kien imħares minn kull żball.

Minkejja li għandna l-Bibbja, madankollu il-poplu nisrani mhux poplu tal-ktieb. Il-Kristjaneżmu huwa r-reliġjon tal-“Kelma ta’ Alla” li qabel inkitbet kien imlissna b’mod ħaj u verbali. (ara KKK 108).  Fuq kollox din il-Kelma ħadet il-ħajja fil-persuna tal-Mulej Ġesù. (ara Ġwanni 1:14)

Għaliex il-Bibbja hija Ispirata mill-Ispirtu s-Santu, allura l-Interpretazzjoni tagħha trid issir ukoll fid-dawl ta’ l-istess Spirtu s-Santu.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jrid jiftħilna moħħna biex nifhmu l-Iskrittura. (ara KKK 109-111)

Hemm tliet kriterji għall-Interpretazzjoni tajba tal-Kotba Mqaddsa.  Dawn huma, (a) Trid tingħata attenzjoni kbira għal dak li hemm fl-Iskrittura Mqaddsa u għall-unità tagħha; (b) L-Iskrittura trid tinqara fit-“Tradizzjoni ħajja tal-Knisja kollha”; (c) Trid tingħata attenzjoni għall-“analoġija tal-fidi”. (ara KKK 112)

L-interpretazzjoni tal-Bibbja trid tkun konformi mat-tagħlim tal-Knisja u r-responsabilta’ finali tagħha hija f’idejn il-Maġisteru tal-Knisja. Il-Maġisteru huwa kompost mill-Papa u l-Isqfijiet.