IT-TALB: KSIR IR-RAS

Mbagħad Ġesù qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f'belt wieħed imħallef, li la kien jibża' minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F'dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, 'Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.' Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, 'Mhux għax nibża' minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejjqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra tiksirli rasi.'  U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x'jgħid l-imħallef il-ħażin. Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?  Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?” (Lq 18:1-8)

U allura forsi jkun hemm min jistaqsi, “Mela t-talb lil Alla, ksir ir-ras?”

Altru li mhux hekk. Kristu jgħid: “Isimgħu ftit x'jgħid l-imħallef il-ħażin.”  Mela huwa l-imħallef il-ħażin li jimxi b’dan il-mod. Darba, f’kuntest simili Ġesù kien qabbel lil Alla ma’ missier ta’ din id-dinja u qal, “Jekk intom, nies ħziena tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeg tajba, kemm aktar Missierkom li hi fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu?” (Mt 7:11)  Li qed jipprova jagħmel Kristu fiż-żewġ każi huwa li jgħidilna li jekk aħna, nies ħżiena wkoll kapaċi nagħmlu t-tajjeb, kemm aktar Alla!

Imma għaliex il-persistenza fit-talb?  Għaliex aħna mħeġġin nkunu perseveranti? Ma naqtgħux qalbna, imma nibqgħu nitolbu?

Ħafna drabi aħna nkejlu l-effikaċja tat-talb mir-riżultat li jidher li niksbu.  Jekk jiena nintebah li qlajt dak li tlabt, allura t-talb tiegħi kien tajjeb għax ħalla l-frott.  Jekk le allura nikkonkludi li kien ħażingħaliex minn dak li jidher, ma ksibt ebda riżultat.

Imma l-qawwa tat-talb, mhix fir-riżulktat li minn barra jidher li nkun ksibt.  Il-qawwa tat-talb huwa minnu nnifsu.  Mill-fatt li jiena qiegħed inkun direttament f’kuntatt ma’ Alla nnifsu. U allura, jekk niksibx eżattament dak li tlabt jew le huwa rrelevanti. Għaliex ħadd qatt ma jista’ jidħol f’kuntatt dirett ma’ Alla u ma jiksibx ħwejjeġ kbar.  Huwa jiena nista qatt noħroġ fix-xemx u ma nisħonx?  L-istess it-talb.   Huwa espożizzjoni tal-bniedem għas-sħana divina ta’ Alla. Sħana li tħeġġeġ ir-ruħ u tkebbes il-qalb. U għalhekk kemm jekk naqla, kif ukoll jekk ma naqlax dak li nikseb, xorta waħda għandi nippersevera fit-talb tiegħi.  “Itolbu bla ma tieqfu.”  (Ef 6:18)

Għalhekk, il-perseveranza fit-talb mhix biex trattab qalb Alla jew iddawwarlu ħsiebu. Alla huwa mħabba u ħniena bla qjies. Il-provodenza tiegħu hija bla tarf. Fuq kollox Alla qatt ma jista jibdel ħsiebu għax Alla ma jinbidilx. 

Minflok, il-perseveranza fit-talb qegħda propju biex trattab ras il-bniedem u tħejjih aħjar biex ikun jista’ jilqa’ l-grazzji kbar li Alla ħejja għalih sa mill-eternità.  Il-perseveranza fit-talb qegħda biex ftit, ftit terġa tifforma fina dik l-imaġni divina li tlifna bid-dnub.  Tgħina biex ftit, ftit, insiru nixbħu lilu, f’dak li nagħmlu, f’dak li nixtiequ, f’dak li nitolbu. Tagħmel minna mixtla fertili biex fiha tixxettel u tikber iż-żerriegħa tal-fidi, li Kristu nnifsu tant fittex f’dawk li kienu jersqu jitolbuh.

Forsi kien għalhekk li Ġesù għalaq ir-rakkont tiegħu b’dik id-domanda: “Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”