IT-TALB: FUQ L-EŻEMPJU TA' MARIJA

Forsi l-aktar popolari fost it-talb tagħna huwa dak ta’ petizzjoni li bih aħna nitolbu minn għand Alla dak li nkunu neħtieġu. Huwa talb importanti li diversi drabi, kien Kristu nnifsu ħeġġiġna biex nagħmluh. Huwa talb li Ġesù jippreżentah fi kliem tant sempliċi: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu u ssibu; ħabbtu u jiftħulkom.” (Mt 7:7)

Mill-banda l-oħra, meta neżaminaw it-talb ta’ petizzjoni tagħna, spiss insibuh tant komplikat b’ħafna diskors żejjed, bi klawsoli u frażijiet li minn daqqiet taħsbek qed taqra xi kuntrat legali.  Spiss huwa talb kundizzjonat li tistħajlek dħalt f’xi akkordju ma’ Alla li jekk jagħtik dak li titolbu, inti twettaq il-parti tiegħek – tixgħel xema’, tmur pellegrinaġġ, jew tagħmel xi opra tajba.

Jekk niflu sewwa it-talb tagħna ta’ petizzjoni, nintebħu li spiss nippretendu li nuri lil Alla kif dan għandu jaqtalna xewqitna. Nagħtuh il-mod u l-manjiera kif l-aħjar jilqa’ t-talba u jsolvilna l-problemi tagħna. Minn għalina li lil Alla se ngħidulu aħna x’għandu jagħmel u x’se tkun l-aħjar soluzzjoni għalina.

Sempliċità – Imbagħad għandna lil Marija, omm Ġesù li fil-manjiera tat-talba tagħha waqt it-tieġ ta’ Kana, toffrilna mudell ta’ talb mill-aktar sempliċi.  Malli intebħet bil-problema ta’ l-għarajjes, daret lejn Ġesù u qaltlu: “M’għandhomx inbid.” (Ġw 2:3)

Din kienet it-talba ta’ Marija. “M’għandhomx inbid.” Sempliċi u bla ħafna diskors u paroli żejda.  Ressqet il-problema f’riġlejn Ġesù, imbagħad ħalliet f’idejh.  Ma ppruvatx issiblu s-soluzzjoni hi.  Żgur li lanqas hi qatt ma mmaġinat x’kien se jagħmel, imma kella ċertezza li xi ħaġa kien se jagħmel żgur.

Fidi – It-talba ta’ Marija lil Ġesù kienet talba ġejja mill-fidi sħiħa li hija kellha fih. Hi ma kellha bżonn ebda sinjal biex temmen. Kien l-ewwel miraklu li wettaq. L-evanġelista jgħidilna, “Kien l-ewwel fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli emmnu fih.” (Ġw 2:11)  Imma għal Marija, li hi d-dixxiplu per eċċellenza, ma kien meħtieġ ebda sinjal.  Hi emmnet qabel ma rat. Hi ma kellha ebda ħtieġa li tara, kif kellhom l-appostli, kif kellu Tumas. “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.” (Ġw 20:29)   Fit-tislima ta’ Eliżabetta, insibu l-konferma ta’ dan: “Imbierka dik li emmnet li jseħh kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej.” (Lq 1:45) Għalhekk imbierka.

Tama – Is-semplità tat-talba ta’ Marija ġejja wkoll mit-tama tagħha.  Mhix tama fiergħa mibnijja fuq wegħdiet umani imma fuq il-fiduċja li kellha li l-ħniena ta’ Alla tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. (Lq 1:50)  Tama, li anke f’dak il-mument, permezz ta’ binha Ġesù, Alla kien se juri l-ħniena tiegħu.

Imħabba – It-talba ta’ Marija kienet fuq kollox waħda mqanqla mill-imħabba kbira li kellha f’qalbha, mhux biss lejn Alla imma wkoll għall-oħrajn. U din l-imħabba tagħha lejn il-proxxmu urietha fit-talba stess li għamlet lil binha Ġesù.  “M’għandhomx inbid.”  Aktarx li l-għarajjes infushom kienu għadhom lanqas biss intebħu bil-problema tagħhom.  Imma hija indunat u resqet f’isimhom it-talba tagħha quddiem binha.

Agħmlu kull ma jgħidilkom hu – Fuq kollox Marija tgħidilna biex nagħmlu dak li jgħidilna l-Mulej. Spiss jista jkollna f’moħħna soluzzjonijiet oħra għall-problemi tagħna, li jkunu differenti għal kollox mis-soluzzjoni li jkollu Alla għalina. Imma fiċ-ċertezza li huwa jaf iktar minna u li jrid il-ġid tagħna ferm aktar milli naħsbu aħna stess, rridu nintelqu f’idejħ u nagħmlu dak li jgħidilna hu, fil-Kotba Mqaddsa, fit-tagħlim tal-Knisja, fiċ-ċirkustanzi diversi tal-ħajja tagħna.  Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.  Kultant l-attitudni tagħna hija waħda kuntrarja.  Nistennew li hu jagħmel kull ma ngħidulu aħna.

U għalhekk l-eżempju ta’ talb li toffrilna Marija huwa wieħed ta’ sempliċità fil-kliem.  Huwa wieħed ta’ fidi, tama u mħabba fil-fundament.  Huwa wieħed ta’ rabta mar-rieda ta’ Alla fl-għajxien. Jalla, b’għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, t-talb tagħna wkoll ikun imfassal fuq dak li talbet u għexet hi.