IT-TALB: FIL-KAMRA TIEGĦEK TA' ĠEWWA

“U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta' wiċċ b'ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f'salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta' ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.” (Mt 6:5-6)

Kultant, il-ħajja tal-bniedem nistħajjilha bħal dar kbira magħmula minn bosta kmamar.  Uħud minnhom miftuħin beraħ biex kull min irid, jista jidħol jew jittawwal fihom.  Għalhekk huma sbieħ u mżejjna b’kull tlellix biex b’hekk in-nies tħares u tammira. L-oħrajn huma mitluqa u traskurati, mimlijja b’kull xorta ta’ imbarazz. L-aqwa li fihom ma jidħol ħadd. 

Il-ħajja spiritwali ta’ uħud mill-Fariżej ta’ żmien Kristu, kienet identika.  Ġesù xebbaħhom ma’ oqbra mbajjda li minn barra kienu sbieh u jlellxu, imma minn ġewwa kienu mimlija għadam u kull xorta ta’ ħmieġ.  It-talb tagħhom kienu jagħmluh biss għall-wiċc l-oħrajn, biex in-nies tfaħħarhom u żżommhom b’nies tajba.  Ir-reliġjon tagħhom kienet biss waħda ta’ fuq il-qoxra.  Lil Alla qatt ma ħallewh jidħol ‘il ġewwa f’ħajjithom. Kienu bħal dik iċ-ċagħka li minkejja bosta snin fl-ilma, taqsamha u minn ġewwa ssibha xotta.  Il-qoxra tagħhom ta’ barra tant tkun xriefet li tirreżisti kull indħil.

U jiena?  Lil Alla qatt ħallejtu jidħol ‘il ġewwa f’ħajti.  Qatt stedintu jidħol fil-kmamar l-aktar moħbija tal-eżistenza tiegħi?  Anke jekk huma mudlama, ħalli jdawwalhom.  Anke jekk huma maħmuġa ħalli jnaddafhom.  Anke jekk jintnu ħalli jfewwaħhom.  L-istess kif għamel ma’ Żakkew f’Ġeriko. (Lq 19:1-12)  L-istess kif għamel ma’ Marija f’Betanja. (Ġw 12:1-8)  L-istess kif għamel ma’ tant oħrajn li laqgħuh f’darhom u f’ħajjithom.

Forsi mhux dak li ried jgħid Kristu?  “Idħol fil-kamra tiegħek ta' ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi.”   Forsi mhux din l-isbaħ talba li nista’ nagħmillu lil Alla, biex jidħol f’kull rokna ta’ dari?  Mhux biss f’dik tal-ġebel fejn ngħammar, imma f’ħajti kollha.

Hekk biss tkun ħajti kollha ssir talba waħda, mhux biss fil-kamra ta’ ġewwa, imma anke f’dawk ta’ barra.  Talba vera u sinċiera, b’mod li l-qoxra tiegħi tal-wiċċ tkun mera ta’ dak li hemm fil-qiegħ.  “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Misserkom li hu fis-smewwiet.” (Mt 5:16) 

Forsi f’din hija d-differenza fundamentali bejn dak li kienu jwettqu l-Fariżej u dak li talab minna Kristu. L-iskop tagħhom kien li n-nies tfaħhar lilhom, imma dak tagħna għandu jkun biss il-glorja tal-Missier.