IT-TALB: NERFGĦU QLUBNA 'L FUQ

Meta kont żgħir, niftakarhom jgħiduli li t-talb huwa l-irfiegħ tal-qalb lejn Alla. Forsi mhux hekk jistedinna ċ-ċelebrant fil-bidu tat-talba ewkaristika. “Nerfgħu qlubna ‘l fuq.”  U aħna inwieġbu, “Nerfgħuhom lejn il-Mulej.”

Imma nistaqsi jien,  aħna ma nemmnux li Alla qiegħed fis-sema, fl-art u kullimkien?  Ma ngħidux li aħna lkoll tempji ta’ l-Ispirtu s-Santu u li Alla qiegħed qabel xejn ġewwa fina?  Allura hemm għalfejn nerfgħu qlubna ‘l fuq? U ‘il fuq, ‘il fejn? Lejn is-sħab?  Forsi kultant nistħajjel li Alla jgħix fis-sħab?  Ma jkunx iktar faċli għalija li nħares madwari biex nilmaħ lil Alla u nkellmu?  Mhux eħfef li nidħol daħla fija nnifsi u hekk nitkellem ma’ Alla li jgħammar hemm ġew?

Illum naf li Alla qiegħed f’kull post li fih jiena kapaċi nsibu.  Imma Alla jinsab ukoll f’dak l-imkien, li minħabba n-natura dgħajfa u mħassra tiegħi, jiena ma nilmħux. Jekk minn hawn isfel nitkellem ma’ Alla li qiegħed fis-smewwiet, allura naf li huwa qiegħed hemm fuq.  Jekk minkejja d-dnub tiegħi kapaċi niskopri lil Alla ġewwa fija u hemm nitħaddet miegħu, allura naf li huwa qiegħed hemm ukoll.   Jekk napprezza l-ġmiel tal-ħolqien li hawn madwari u fih nilmaħ il-Ħallieq, allura naf li Alla qiegħed madwari. U jekk fit-tbissima tilma ta’ tarbija ċkejkna nilmaħ ħarset Alla, allura naf li dak il-wiċċ uman qed jirrifletti ix-xbieha divina.

Imma Alla qiegħed ukoll f’dawk il-postijiet li fihom ma nista’ nilmħu b’xejn għax fihom hemm id-dlam, mhux dak materjali, imma tar-Ruħ.  Alla qiegħed ukoll f’dawk il-persuni li l-istil ta’ ħajja tagħhom xejn ma jħallilhom dak ix-xebh li hu żejjen fihom sa mill-bidu. Huwa qiegħed ukoll f’dawk il-postijiet fejn id-dnub u l-ħażen jidhru jsalltnu rebbieħa.

U ladarba Alla qiegħed f’dawn il-postijiet u f’dawn il-persuni, minkejja li jiena ma nistax narah, lili qiegħed jistedinni biex infittxu u niskoprih hemm ukoll. Anzi jridni li f’dawn il-postijiet u għal dawn il-persuni, jiena nkun l-preżenza ħajja u attiva tiegħu biex kull min iħares lejja, mhux lili jara imma lilu.

“Iftaħ qalbek għalija anke hawn, avolja dan huwa ta’ sfida għalik, avolja dan jitlob minnek sagrifiċċju, minkejja li biex tagħmel dan jeħtieġlek tiċħad saħansitra lilek nnifsek.  Tfittixnix biss fejn tħossok komdu, anke jekk għal dan jeħtieġlek ċċedi dak kollu ta’ madwarek, l-art soda ta’ taħtek u li fuqha bnejt is-sigurtà tiegħek.

“Idħol ġewwa fik u lili ssibni hemm. Ħares ‘l barra minnek u jiena hemm ukoll.  Tbaxxa u tara kemm tbaxxejt jien. Erfa’ qalbek ‘il fuq u tinduna kemm ħafna aktar lesta li tgħollik l-imħabba tiegħi.”

U għalhekk li nerfa’ qalbi ‘l fuq huwa li niftaħha għal Alla biex huwa jidħol f’ħajti u biex inħalli lilu jdaħħalni f’tiegħu.

Li nerfa’ qalbi ‘l fuq huwa li ninqata’ minn dak ta’ madwari mhux biex ninsih u nwarrbu, imma biex noffrih kollu lilu, ħalli huwa jkun jista’ jrodduli lura jfuħ u sabiħ.

Għax it-talb mhux ħarba mir-realtà imma propju l-għarfien tagħha.  It-talb huwa dak ir-rigal tas-sema li bih nista’ nħares lejn id-dinja mill-għajnejn ta’ Alla.