IS-SAGRAMENTI TAD-DĦUL FIL-ĦAJJA NISRANIJA (3)

L-EWKARISTIJA

L-Ewkaristija mqaddsa tagħlaq ir-riti tad-dħul fil-ħajja nisranija. Dawk li kisbu d-dinjita’ tas-saċerdozju regali permezz tal-Magħmudija u saru xebh ma’ Kristu bil-Konfermazzjoni, permezz ta’ l-Ewkaristija jissieħbu flimkien mal-komunità kollha fis-sagrifiċċju stess tal-Mulej.

“L-Ewkaristija hi l-għajn u l-quċċata tal-ħajja nisranija kollha” jistqarr il-Konċilju Vatikan II  “Is-sagramenti l-oħra, l-istess bħall-ministeri kollha ekklesjastiċi u l-ħidmiet ta’ l-appostolat huma kollha marbutin ma’ l-Ewkaristija u jwasslu għaliha. Dan għaliex fl-Ewkaristija jinsab l-għana spiritwali kollu tal-Knisja, jiġifieri Kristu nnifsu, l-Għid tagħna”.

Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tgħaqqadna mal-Liturġija tas-sema u hekk aħna ngħixu minn qabel il-ħajja ta’ dejjem meta Alla jkun kollox f’kollox. Fi ftit kliem, l-Ewkaristija tiġbor fiha l-fidi tagħna kollha u hi l-quċċata ta’ din il-fidi:

L-għana bla qjies ta’ dan is-sagrament jidher mill-ħafna ismijiet li ngħatawlu. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet ifakkarna f’xi aspetti tiegħu. Dan is-sagrament issejjaħ:

- Ewkaristija għaliex hu radd ta’ ħajr ta’ ħajr lil Alla. Il-kelmiet “eucharisrein” u “eulogein”   ifakkru l-barkiet tal-Lhud li jħabbru – l-aktar waqt l-ikel – l-għeġubijiet ta’ Alla, il-ħolqien, il-fidwa u t-tqaddis.

- L-ikla tal-Mulej għax is-sagrament hu l-Ikla li l-Mulej għamel mad-dixxipli tiegħu awl il-lejl qabel bata għalina u hu antiċipazzjoni ta’ l-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf f’Ġerusalemm tas-sema.

- Il-qsim tal-ħobż għaliex dan ir-rit, proprju ta’ l-ikla tal-Lhud, Ġesù użah huwa u jbierek u jaqsam il-ħobż bħala dak li hu f’ras il-mejda u l-aktar fl-Aħħar Ikla. Hu f’dan il-ġest li d-dixxipli għarfu lil Kristu meta ltaqgħu miegħu wara l-Qawmien tiegħu mill-imwiet. L-ewwel insara kienu jsejħu l-ġemgħat ewkaristiċi tagħhom “qsim il-ħobż” . Dan il-ġest ifisser li dawk kollha li jieklu mill-ħobża waħda maqsuma, Kristu, jingħaqdu miegħu, u m’huwiex ħlief ġisem wieħed miegħu.

Ġemgħa ewkaristika, għaliex l-Ewakristija tiġi ċċelebrata fil-ġemgħa ta’ l-insara, li hi dehra tal-Knisja (ara 1 Kor 11,17-34).                           

- Tifkira tal-Passjoni u l-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet.

- Sagrifiċċju qaddis għax iġedded is-sagrifiċċju waħdieni ta’ Kristu u fih tinsab ukoll l-offerta tal-Knisja; jissejjaħ ukoll is-sagrifiċċju mqaddes tal-Quddiesa, “sagrifiċċju ta’ tifħir”; sagrifiċċju spiritwali, sagrifiċċju safi  u qaddis, għax itemm is-sagrifiċċji kollha tal-Patt il-Qadim u hu wisq aqwa minnhom kollha.

- Liturġija qaddisa u divina għax il-Liturġija kollha tal-Knisja issib il-qofol tagħha u l-espressjoni l-aktar għolja tagħha fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament; minħabba f’hekk ukoll dan is-sagrament jissejjaħ ċelebrazzjoni tal-Misteri Qaddisa. Nitkellmu wkoll dwar is-Santissimu Sagrament, jew Sagrament imqaddes għaliex hu s-Sagrament tas-sagramenti. B’dan l-isem jissejħu l-ispeċi ewkaristiċi merfugħin fit-tabernaklu.

- Tqarbin, għaliex hu permezz ta’ dan is-sagrament li aħna ningħaqdu ma’ Kristu, li jagħtina nieklu l-Ġisem u d-Demm tiegħu biex nagħmlu ġisem wieħed megħu; jissejjaħ ukoll il-ħwejjeġ qaddisa (“ta hagia; sancta”) – hu l-ewwel tifsir tal-frażi “xirka tal-qaddisin”, li fuqha jitkellem is-Simbolu ta’ l-Appostli – ħobż ta’ l-anġli, ħobż tas-sema ħaj, duwa ta’ l-immortalità, vjatku.......

- Sancta Missa bil-latin u mill-kelma latina ħarġu Messa bit-taljan. Mass bl-ingliż, Messe bil-franċiż.......għaliex il-Liturġija li fija jseħħ il-misteru tas-salvazzjoni, tintemm billi l-insara jintbagħtu (“missio”) – morru agħmlu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħkom ta’ kull jum. Bil-Malti ngħidu Quddiesa għaliex il-Liturġija li tiċċelebra dan is-sagrament hi Liturġija qaddisa u divina kif rajna aktar ‘il fuq.

 

L-Ewkaristija fil-Pjan tas-salvazzjoni

 

IX-XBIHAT TAL-ĦOBŻ U L-INBID

Fil-qalba taċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewakristija għandna l-ħobż u l-inbid li, bi kliem il-Mulej  u l-invokazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. B’fedeltà sħiħa għall-ordni tal-Mulej, il-Knisja tkompli tagħmel, b’tifkira tiegħu, sa ma jerġa jiġi fil-glorja, dak li għamel awl il-lejl qabel il-Passjoni tiegħu. “Ħa l-ħobż.....”.  “Ħa l-kalċi bl-inbid.....” Il-ħobż u l-inbid, waqt li b’misteru jsiru l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, jibqgħu jfissru ukoll it-tjieba tal-ħolqien. Għalhekk, fl-offertorju, inroddu ħajr lill-Ħallieq għall-ħobż u l-inbid, frott “tax-xogħol tal-bniedem”, iżda qabel xejn huma “frott ta’ l-art” u “frott tad-dielja”, doni tal-Ħallieq. Fil-ġest ta’ Melkisedek, sultan u qassis, “li ħareġ bil-ħobż u l-inbid” il-Knisja tara x-xbieha ta’ l-offerta tagħha.

Fi żmien il-Patt il-Qadim kienu joffru b’sagrifiċċju l-ħobż u l-inbid ma’ l-ewwel frott ta’ l-art, b’sinjal ta’ radd il-ħajr lill-Ħallieq. Iżda l-ħobż u l-inbid kisbu wkoll tifsir ġdid bl-Eżodu: il-ħobż bla ħmira, il-ħobż ażżmu li l-Lhud jieklu kull sena fl-Għid, ifakkar il-ħeffa li biha ħarġu ħielsa mill-Eġittu; it-tifkira tal-manna fid-deżert bla heda tfakkar lil Iżrael li għandu jgħix bil-ħobż tal-Kelma ta’ Alla . Fl-aħħrnett il-ħobż ta’ kull jum hu l-frott ta’ l-Art imwiegħda, rahan tal-fedeltà ta’ Alla għall-wegħdiet tiegħu. “Il-kalċi mbierek” fi tmiem l-ikla ta’ l-Għid tal-Lhud, mal-ferħ li jagħti l-inbid fil-festi, iżid dimensjoni eskatoloġika, jiġifieri hu tħabbira tal-miġja tal-Messija u t-twaqqif mill-ġdid ta’ Ġerusalemm. Ġesù waqqaf l-Ewkaristija tiegħu, billi ta’ tifsir ġdid u għal dejjem lill-barka tal-ħobż u tal-kalċi bl-inbid.

Il-mirakli tat-tkattir tal-ħobż, meta l-Mulej ħa l-ħobżiet, berikhom, qasamhom u tahom lid-dixxipli biex jitimgħu l-folla, kien x-xbieha t-tkattir bla qjies tal-ħobża waħda ta’ l-Ewkaristija tiegħu. Is-sinjal ta’ l-ilma mibdul fi nbid f’Kana ġa jħabbar is-Siegħa tal-glorifikazzjoni ta’ Ġesù. Juri li għad isseħħ l-ikla tat-tieġ fis-Saltna tal-Missier, fejn il-fidili jixorbu l-inbid ġdid li sar id-Demm ta’ Kristu.

L-ISTITUZZJONI TA’ L-EWKARISTIJA                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                       

It-tliet Evanġelji sinottiċi u San Pawl ħallewlna r-rakkont ta’ l-istituzzjoni ta’ l-Ewkaristija; San Ġwann, min-naħa tiegħu, ħallielna kliem Ġesù fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, kliem li kienu tħejjija għall-istituzzjoni ta’ l-Ewkaristija. Kristu wera lilu nnifsu bħala l-ħobż ħaj li niżel mis-sema.

Ġesù għażel żmien il-Għid biex jagħmel dak li kien ħabbar f’Kafarnahum: jagħti Ġismu u Demmu lid-dixxipli tiegħu:

Wasal jum l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw il-ħaruf ta’ l-Għid. Ġesù bagħat lil Pietru u lil Ġwanni u qalilhom: “Morru ħejjulna l-ikla ta’ l-Għid ħalli nieklu l-ħaruf.....Marru......u ħejjew l-ikla ta’ l-Għid. Meta sar il-ħin qagħad fuq il-mejda flimkien ma’ l-Appostli. U qalilhom: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla ta’ l-Għid qabel ma nbati. Għaliex m’iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għal kollox is-Saltna ta’ Alla”.......Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom: agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid f’demmi, id-demm li jixxerred għalikom”

Ġesù, huwa u jiċċelebra l-Aħħar Ikla ma’ l-Appostli tiegħu waqt l-ikla ta’ l-Għid, ta t-tifsir sħiħ u definittiv ta’ l-Għid tal-Lhud. Dan għaliex il-mogħdija ta’ Ġesù għal għand il-Missier permezz tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu, imħabbra minn qabel fl-Aħħar Ikla u ċċelebrata fl-Ewkaristija, ittemm l-Għid tal-Lhud u tħabbar minn qabel l-Għid ta’ l-aħħar tal-Knisja fil-glorja tas-Saltna.

 

Bl-ordni lid-dixxipli li jtennu l-ġesti tiegħu u kliemu “sa ma jerġa’ jiġi,” Ġesù ma riedx biss li ssir it-tifkira tiegħu u ta’ kull ma għamel. Ried ċelebrazzjoni liturġika, permezz ta’ l-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, li tkun tifkira (“memoriale”) tal-ħajja, tal-Mewt, tal-Qawmien mill-imwiet tiegħu u ta’ l-interċessjoni tiegħu quddiem il-Missier. Sa mill-bidu l-Knisja obdiet din l-ordni tal-Mulej. Għall-Knisja ta’ Ġerusalemm intqal: Kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim l-Appostli u fil-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb....Kull jum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja.

L-insara kienu jiltaqgħu għall-“qsim tal-ħobż” l-aktar “l-aktar jum tal-ġimgħa”, jiġifieri f’jum il-Ħadd, f’jum il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. Minn dak iż-żmien ‘il hawn, iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija baqgħet dejjem issir, b’mod li llum insibuha kullimkien fil-Knisja, bl-istess struttura li kellha fil-bidu. Għadha fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja.

Il-Liturġija ta’ l-Ewkaristija għandha struttura fundamentali li baqgħet dejjem l-istess tul iż-żminijiet kollha, mill-bidu sa llum. Għandha żewġ mumenti tassew importanti, li jagħmlu għaqda waħda bejniethom:

- il-Liturġija tal-Kelma, bil-qari, bl-omelija u t-talba tal-fidili;

- il-Liturġija ewkaristika, bil-preżentazzjoni ta’ offerti tal-ħobż u l- inbid, ir-radd ta’ ħajr ma’ tulu ssir il-konsagrazzjoni ta’ l-offerti, u t-tqarbin.

IĊ-ĊELEBRAZZJONI

Il-ġemgħa. L-insara jinġabru fl-istess post għall-ġemgħa ewkaristika. Kristu nnifsu hu r-Ras, hu li hu l-attur prinċipali fl-Ewkaristija. Hu l-Qassis il-Kbir tal-Patt il-Ġdid. Hu nnifsu jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni kollha kemm hi, għalkemm ma jidhirx; l-isqof jew is-saċerdot jippresiedi bħala rappreżentant tiegħu u dak li jagħmel jagħmlu fil-persuna ta’ Kristu; jitkellem wara l-qari, jilqa’ l-offerti u jgħid t-talba ewkaristika. Kulħadd għandu parti attiva fiċ-ċelebrazzjoni, kulħadd skond il-manjiera tiegħu: il-letturi, dawk li jwasslu l-offerti, dawk li jqarbnu, u l-poplu kollu; l-Amen li tingħad minn kulħadd turi din il-parteċipazzjoni.

Il-Liturġija tal-Kelma: “il-kitba tal-profeti” jiġifieri l-qari mit-Testment il-Qadim, u “it-tifkiriet ta’ l-Appostli” l-ittri u l-Evanġelji tagħhom; wara l-omelija, li tħeġġeġ biex il-Kelma tiġi milqugħa bħala dak li tassew hi, il-Kelma ta’ Alla u ssir bil-fatti, jiġu l-interċessjonijiet għall-bnedmin kollha,

L-offertorju: jitwasslu mbagħad fuq l-artal, drabi f’purċissjoni, il-ħobż u l-inbid li jiġu offerti mis-saċerdot, f’isem Kristu, waqt is-sagrifiċċju ewkaristiku fejn isiru l-Ġisem u d-Demm tiegħu. Huma l-istess ġesti ta’ Kristu fl-Aħħar Ikla, “huwa u jieħu f’idejh il-ħobż u l-kalċi”.

Sa mill-bidu l-insara, flimkien mal-ħobż u l-inbid għall-Ewkaristija, kienu jġibu d-doni tagħhom ħa jaqsmuhom ma’ dawk li jkunu jinsabu f’xi ħtieġa. Din id-drawwa tal-ġabra, drawwa li hu dejjem żmienha, issib l-ispirazzjoni tagħha fl-eżempju ta’ Kristu stess, li ftaqar biex nistagħnew aħna.

Bit-talba ewkaristika, talba ta’ radd il-ħajr u ta’ konsagrazzjoni, naslu fil-qalba u l-qofol taċ-ċelebrazzjoni:      Fil-prefazju il-Knisja trodd ħajr lill-Missier, bi Kristu, fl-Ispirtu s-Santu, għall-għemejjel kollha tiegħu, għall-ħolqien, għall-fidwa, u għall-qdusija. Il-ġemgħa kollha tingħaqad imbagħad mat-tifħir dejjem sejjer li l-Knisja tas-sema, l-anġli u l-qaddisin kollha, ikantaw lil Alla, tliet darbiet qaddis. Fl-epiklesi il-Knisja titlob lill-Missier biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu (jew il-qawwa tal-barka tiegħu) fuq il-ħobż u l-inbid, biex bis-setgħa tiegħu, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, u biex dawk kollha li jieħdu sehem fl-Ewkaristija jkunu ġisem wieħed u ruħ waħda bejniethom (xi tradizzjonijiet liturġiċi għandhom l-epiklesi wara l-anamnesi). Fir-rakkont ta’ l-istituzzjoni l-qawwa tal-kliem u ta’ l-għemil ta’ Kristu setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu jagħmlu pereżeneti sagramentalment, taħt ix-xbihat tal-ħobż u ta’ l-inbid, il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, is-sagrifiċċju li offra fuq is-salib darba għal dejjem. Fl-anamnesi (jew tifkira) li tiġi wara, il-Knisja tfakkar il-Passjoni, il-Qawmien mill-imwiet, il-miġja mill-ġdid ta’ Kristu fil-glorja; tippreżenta lill-Missier l-offerta ta’ Ibnu li jerġa’ jħabbibna miegħu. Fl-interċessjonijiet il-Knisja turi li l-Ewkaristija tiġi ċċelebrata f’għaqda sħiħa ma’ kollha kemm hi l-Knisja, ta’ l-art u tas-sema, tal-ħajjin u tal-mejtin, f’rabta sħiħa mar-ragħajja tal-Knisja: il-Papa, l-isqof tad-djoċesi, il-presbiterju u d-djakni, u ma’ l-isqfijiet kollha tad-dinja, flimkien mal-Knejjes tagħhom.

Fit-tqarbin, wara t-talba tal-Mulej u l-qsim tal-ħobż, l-insara jirċievu “l-ħobż tas-sema ħaj” u “l-kalċi tas-salvazzjoni”, il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li ġie mogħti “għall-ħajja tad-dinja”

Mela rridu nqisu l-Ewkaristija

—     bħala radd ta’ ħajr u ta’ tifħir lill-Missier,

           bħala tifkira sagrifiċjali ta’ Kristu u tal-Ġisem tiegħu;

           bħala preżenza ta’ Kristu permezz tal-qawwa tal-Kelma tiegħu   u ta’ l-Ispirtu  tiegħu.

L-Ewkaristija hi sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr lill-Missier, barka li biha l-Knisja turi l-ħajr tagħha lil Alla għall-ġid kollu li jagħmel, għal kull ma wettaq bil-ħolqien, bil-fidwa u bit-tqaddis. L-Ewkaristija hi qabel xejn radd ta’ ħajr.

L-Ewkaristija hi wkoll sagrifiċċju ta’ tifħir, li bih il-Knisja tkanta l-glorja ta’ Alla f’isem il-]olqien kollu. Dan is-sagrifiċċju ta’ tifħir jista’ jsir biss bi Kristu: hu jgħaqqad lill-fidili mal-persuna tiegħu, mat-tifħir u t-talb tiegħu, b’mod li s-sagrifiċċju ta’ tifħir lill-Missier il-Knisja toffrih bi Kristu u ma’ Kristu biex jiġi milqugħ fih.

L-Ewkaristija hi t-tifkira ta’ l-Għid ta’ Kristu, it-tiġdid u l-offerta sagramentali tas-sagrifiċċju waħdieni tiegħu, fil-Liturġija tal-Knisja, li hi l-Ġisem tiegħu. Fit-talbiet ewkaristiċi kollha nsibu, wara l-kliem ta’ l-istituzzjoni, talba msejħa anamnesi jew tifkira.Fil-fehma tal-Kotba Mqaddsa t-tifkira m’hijiex biss tifkira ta’ ġrajjiet ta’ l-imgħoddi, imma tħabbira ta’ l-għeġubijiet li Alla għamel mal-bnedmin . Fiċ-ċelebrazzjoni liturġika ta’ dawn il-ġrajjiet, dawn b’xi mod isiru preżenti u attwali.

It-tifkira tieħu tifsira ġdida fit-Testment il-Ġdid. Meta l-Knisja tiċċelebra l-Ewkaristija, hija tagħmel it-tifkira ta’ l-Għid tal-Mulej, u dan iseħħ: is-sagrifiċċju li Kristu offra darba għal dejjem fuq is-salib jibqa’ dejjem ta’ llum. Għax hi tifkira ta’ l-Għid tal-Mulej, l-Ewkaristija hi wkoll sagrifiċċju. Il-karattru sagrifiċjali ta’ l-Ewkaristija jidher mill-kliem stess ta’ l-istituzzjoni: “Dan hu Ġismi li jingħata għalikom” u “Dan il-kalċi hu l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom” . Fl-Ewkaristija Kristu jagħti l-istess ġisem li ngħata għalina fuq is-salib, l-istess demm “li xxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet”.  L-Ewkaristija mela hi sagrifiċċju tagħmel preżenti s-sagrifiċċju tas-salib, għaliex hi t-tifkira tiegħu u tagħti l-frott tiegħu:

L-Ewkaristija hi wkoll is-sagrifiċċju tal-Knisja. Il-Knisja, li hi l-Ġisem ta’ Kristu, tissieħeb fl-offerta tar-Ras tagħha. Miegħu, hi tiġi offruta kollha kemm hi. Tissieħeb ma’ l-interċessjoni tiegħu għall-bnedmin kollha quddiem il-Missier. Fl-Ewkaristija, is-sagrifiċċju ta’ Kristu jsir ukoll sagrifiċċju tal-membri tal-Ġisem tiegħu. Il-ħajja ta’ l-insara, it-tifħir, it-tbatijiet, it-talb, ix-xogħol tagħhom jingħaqdu ma’ dawk ta’ Kristu u ma’ l-offerta sħiħa tiegħu, u hekk jiksbu siwi ġdid. Is-sagrifiċċju ta’ Kristu li jseħħ fuq l-artal jagħti lill-ġenerazzjonijiet kollha ta’ l-insara l-okkażjoni biex jissieħbu ma’ l-offerta tiegħu.

Il-Knisja kollha tingħaqad ma’ l-offerta u l-interċessjoni ta’ Kristu. Il-Papa, mogħti l-ministeru ta’ San Pietru fil-Knisja, hu msieħeb f’kull ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija fejn ismu jissemma bħala sinjal u qaddej ta’ l-għaqda tal-Knisja kollha. L-Isqof tal-post hu dejjem responsabbli ta’ l-Ewkaristija ukoll jekk jippresidiha saċerdot; isem l-isqof jissemma biex ifisser li hu l-president tal-Knisja partikulari, imdawwar bil-presbiterju tiegħu u bl-assistenza tad-djakni. Il-komunità kollha wkoll titlob għall-ministri kollha li għaliha u magħha joffru s-sagrifiċċju ewkaristiku:

Ma’ l-offerta ta’ Kristu jingħaqdu mhux biss il-membri tiegħu li għadhom hawn fuq l-art, imma wkoll dawk li ġa qegħdin fil-glorja tas-smewwiet. Hu f’għaqda mal-Verġni mqaddsa Marija, hija u tagħmel it-tifkira tagħha, flimkien ma’ dik tal-qaddisin kollha, li l-Knisja toffri s-sagrifiċċju ewkaristiku. Fl-Ewkaristija l-Knisja tkun qisha qiegħda ħdejn is-salib ma’ Marija f’rabta sħiħa ma’ l-offerta u l-interċessjoni ta’ Kristu.

Is-sagrifiċċju ewkaristiku noffruh ukoll għall-mejtin, li “mietu fi Kristu u għad m’huwiex għal kollox safja mit-tinġis tad-dinja”, biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dawl u l-hena ta’ Kristu:

Il-preżenza ewkaristika ta’ Kristu tibda mill-mument tal-konsagrazzjoni u tibqa’ sakemm jibqgħu l-ispeċi ewkaristiċi. Kristu hu kollu tagħhom, hekk li l-qsim tal-ħobż ma jaqsamx lil Kristu.Fil-Liturġija tal-Quddiesa, aħna nuru l-fidi tagħna fil-preżenza reali ta’ Kristu taħt l-ispeċi tal-ħobż u ta’ l-inbid billi, fost ġesti oħra, ninżlu għarkopptejna, jew inbaxxu rasna sewwa b’sinjal ta’ adorazzjoni tal-Mulej. “Il-Knisja Kattolika tat u tibqa’ tagħti dan il-kult ta’ adorazzjoni li għandu jingħata lill-Ewkaristija mhux biss waqt il-Quddiesa, imma wkoll barra ċ-ċelebrazzjoni tagħha billi tħares b’għożża kbira l-ostji kkonsagrati, meta tippreżentahom lill-insara biex b’solennità kbira jivvenerawhom, u toħroġ bihom f’purċissjoni”.Għall-ewwel l-Ewkaristija kienet tinżamm fit-tabernaklu mħarsa kif hu xieraq biex tkun tista’ tittieħed lill-morda jew tingħata barra mill-Quddiesa li dawk li ma jkunux għall-Quddiesa. Bid-dħul aktar fil-fond tal-fidi fil-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija, il-Knisja għarfet it-tifsir ta’ adorazzjoni fis-skiet tal-Mulej preżenti taħt l-ispeċi ewkaristiċi. Hu għalhekk li t-tabernaklu jrid jitqiegħed f’post mill-aktar xieraq tal-knisja: irid ikun magħmul b’mod li juri u jsaħħaħ il-verità tal-preżenza reali ta’ Kristu fis-sagrament imqaddes ta’ l-artal. Jaqbel ħafna li Kristu ried ikun preżenti fil-Knisja tiegħu b’mod li ma jkunx hemm ieħor bħalu. Għaliex Kristu kien se jħalli lil tiegħu u ma kinux sa jarawh aktar, ried jagħtina l-preżenza sagramentali tiegħu; għax kien sejjer joffri lilu nnifsu fuq is-salib biex isalvana, ried li aħna jkollna t-tifkira ta’ l-imħabba li biha ħabbna “sa l-aħħar”, sa ma tana ħajtu stess. Fil-fatt, bil-preżenza reali tiegħu, Kristu jibqa’ b’mod misterjuż fostna bħala dak li ħabbna u ta ruħu għalina, u jibqa’ taħt l-ispeċi li juruna u jagħtuna din l-imħabba tiegħu.

Il-Quddiesa hi fl-istess ħin ħaġa waħda mat-tifkira sagrifiċjali li fiha jiġġedded għal dejjem is-sagrifiċċju tas-salib u l-ikla mqaddsa ta’ l-għaqda mal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu bit-Tqarbin. Is-sagrifiċċju ewkaristiku kollu kemm hu jrid iġib l-għaqda intima ta’ l-insara ma’ Kristu permezz tat-Tqarbin. Titqarben, jiġifieri tirċievi lil Kristu stess li offra lilu nnifsu għalina.

L-artal, li madwaru l-Knisja tinġabar għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, juri żewġ aspetti ta’ l-istess misteru: l-artal tas-sagrifċċju u l-mejda tal-Mulej, u dan aktar u aktar l-artal nisrani hu simbolu ta’ Kristu stess, preżenti f’nofs il-ġemgħa ta’ l-insara, fl-istess waqt vittma offerta għar-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla u ikel tas-sema li jingħata lilna.

Il-Mulej jagħmlilna stedina ħerqana biex nirċevuh fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija. “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-Ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux Demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” .Biex inwieġbu għal din l-istedina, irridu nħejju ruħna għal dan il-mument hekk kbir u hekk qaddis. San Pawl iħeġġiġna biex ngħarblu l-kuxjenza tagħna: “Kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż  u jixrob il-kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-Ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess”. Min ikun jaf li hu ħati ta’ dnub gravi l-ewwel għandu jirċievi s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni qabel jersaq jitqarben.

Il-Knisja tobbliga lill-insara “jieħdu sehem fil-Liturġija mqaddsa fil-Ħdud u l-festi” u jitqarbnu almenu darba fis-sena, jekk jista’ jkun fi żmien il-Għid, wara li jħejju ruħhom bis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Iżda l-Knisja tirrakkomanda bil-ħerqa kollha lill-insara biex jitqarbnu fil-Ħdud u l-festi, u aktar ta’ spiss ukoll, kull jum ukoll.

Għaliex Kristu hu preżenti sagramentalment f’kull waħda miż-żewġ speċi, it-tqarbin bl-ispeċi tal-ħobż biss hu biżżejjed biex wieħed jirċievi l-frott kollu tal-grazzja ta’ l-Ewkaristija. Għal ragunijiet pastorali dan il-mod tat-tqarbin bl-ispeċi biss tal-ħobż sar leġittimament il-mod abitwali tat-Tqarbin fir-rit Latin. “Is-sura tat-Tqarbin biż-żewġ speċi, minħabba s-sinjal tiegħu, hija sura aqwa, għax f’din is-sura s-sinjal ta’ l-ikla ewkaristika jidher wisq aħjar”. Hija s-sura abitwali tat-Tqarbin fir-riti tal-Lvant.