IS-SAGRAMENTI TAD-DĦUL FIL-ĦAJJA NISRANIJA (1)

IL-MAGĦMUDIJA

Il-Magħmudija, il-Konfermazzjoni u l-Ewkaristija – iqiegħdu l-pedamenti tal-ħajja nisranija kollha. Imweldin għall-ħajja ġdida permezz tal-Magħmudija, l-Insara jissaħħu permezz tas-sagrament tal-Konfermazzjoni u fl-Ewkaristija jirċievu l-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem. B’dan il-mod, permezz tas-sagramenti tad-dħul fil-ħajja nisranija nirċievu dejjem aktar l-għana kollu tal-ħajja ta’ Alla.

IS-SAGRAMENT TAL-MAGĦMUDIJA

Il-Magħmudija hi l-pedament tal-ħajja nisranija kollha, l-għatba tal-ħajja fl-Ispirtu u l-bieb li minnu ngħaddu għas-sagramenti l-oħra. Bil-magħmudija ninħelsu mid-dnub u nitwieldu mill-ġdid bħala wlied Alla, insiru membri ta’ Kristu u nissieħbu mal-Knisja u fil-missjoni tagħha.

Is-sagrament jissejjaħ Magħmudija miċ-ċermonja ċentrali tar-rit li bih iseħħ: tgħammed ifisser “tgħaddas”, “iddaħħal fl-ilma”; “tgħaddas” fl-ilma hu simbolu tad-dfin fil-mewt ta’ Kristu tal-katekumenu, li mill-ilma joħroġ permezz tal-qawmien ma’ Kristu bħala “ħolqien ġdid”.

San Girgor jgħallem li l-Magħmudija hi l-isbaħ u l-ogħla don ta’ Alla. Insejħulha don, grazzja, unzjoni, tidwil, libsa bla ebda taħsir, ħasil ta’ twelid ġdid, siġill, u dak kollu li hu mill-aktar għażiż. Don għax tingħata lil dawk li qatt ma taw xejn: grazzja għax tingħata wkoll lil min hu ħati; Magħmudija għax id-dnub jindifen fl-ilma; unzjoni (dilka) għax min jirċeviha hu kkonsagrat u regali (dawn huma dawk li jirċievu l-unzjoni); tidwil, għaliex hi dawl kollu dija; libsa għax tgħatti l-mistħija kollha tagħna, ħasil għax tnaddafna; siġill għax tħarisna u hi sinjal tas-setgħa ta’ Alla.

Ġesù beda l-ħajja pubblika tiegħu, wara li ġie mgħammed minn Ġwanni l-Battista fil-Ġordan, u wara l-Qawmien tiegħu mill-imwiet Ġesù ta din il-missjoni lill-Appostli: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien”.

Minn nhar Għid il-Ħamsin, il-Knisja tiċċelebra u tamministra l-Magħmudija. San Pietru lill-folla, mqanqla mill-predikazzjoni tiegħu, qalilha: “Indmu u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra tad-dnubiet, u intom tirċievu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu”. L-Appostli u l-kollaboraturi tagħhom kienu jagħtu l-Magħmudija lil kull min kien jemmen fi Kristu: Lhud, nies li kellhom il-biża’ ta’ Alla, pagani. Il-Magħmudija dehret dejjem marbuta mal-fidi: “Emmen fil-Mulej Ġesù u ssalva int u l-familja tiegħek”, qal San Pawl lill-għassies tal-ħabs ta’ Filippi. U l-ġrajja tkompli: “Bla telf ta’ żmien tgħammed l-għassies u niesu kollha”.

Skond San Pawl permezz tal-Magħmudija min jemmen jissieħeb fil-mewt ta’ Kristu, jindifen miegħu biex miegħu jirxoxta: Ma tafux li aħna li tgħammidna fi Kristu, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija, sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.

L-imgħammdin “jilbsu ‘l Kristu”. Permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Magħmudija hi ħasil li jnaddaf, iqaddes u jiġġustifika.

Il-Magħmudija mela hi ħasil bl-ilma li fih “iż-żerriegħa li ma titħassarx” tal-Kelma ta’ Alla tagħti l-ħajja.

Sa minn żmien l-Appostli wieħed isir nisrani permezz ta’ mixja li ma’ tulha hemm ħafna waqfiet li bihom wieħed jagħraf aktar x’qed jintalab minnu. Dan il-mixi jista’ jsir kemm mgħaġġel u kemm bil-mod. Iżda dejjem irid ikollu xi elementi li huma verament essenzjali: it-tħabbira tal-Kelma, l-aċċettazzjoni ta’ l-Evanġelju li titlob konverżjoni, l-istqarrija tal-fidi, il-Magħmudija, l-għoti ta’ l-Ispirtu s-Santu, it-tqarbin.

Ir-riti tad-dħul fil-ħajja nisranija varjaw ħafna tul iż-żminijiet u skond iċ-ċirkostanzi. Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja l-inizjazzjoni nisranija jiġifieri d-dħul fil-ħajja nisranija, kienet żviluppata ħafna, bi żmien twil ta’ katekumenat u għadd ta’ riti ta’ tħejjija wieħed wara l-ieħor, li liturġikament kienu juru t-triq tat-tħejjija tal-katekumenu, u jwasslu għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tad-dħul fil-ħajja nisranija.

Fejn beda jkun hemm Magħmudijiet ta’ trabi, il-Magħmudija bdiet issir f’ċelebrazzjoni waħda li fiha nġabru, fil-qasir ħafna, ir-riti kollha ta’ l-inizjazzjoni nisranija li jiġu qabel il-ħasil bl-ilma. Min-natura tagħha l-Magħmudija tat-trabi titlob katekumenat wara l-Magħmudija. Dan ma għandux ikun biss it-tagħlim li jingħata wara l-Magħmudija, imma għandu jkun l-iżvilupp meħtieġ tal-grazzja tal-Magħmudija waqt li dak li tgħammed jkun qed jikber. Hu proprju dan il-waqt tal-katekiżmu.

Illum għalhekk, fir-riti Latini u Orjentali kollha, l-inizzjajzzjoni nisranija tal-kbar tibda bid-dħul tagħhom fil-katekumenat, biex tilħaq il-qofol tagħha f’ċelebrazzjoni waħda tat-tliet sagramenti flimkien, Magħmudija, Konfermazzjoni u Ewkaristija. Fir-riti tal-Knejjes tal-Lvant, id-dħul fil-ħajja nisranija tat-trabi tibda bil-Magħmudija, u minnufih wara jiġu l-Konfermazzjoni u t-Tqarbin; waqt li fir-rit Ruman l-inizjazzjoni nisranija tibqa’ sejra tul għadd ta’ snin ta’ katekeżi u tilħaq il-milja tagħha aktar tard bil-Konfermazzjoni u l-ewwel tqarbina.

It-tifsir u l-grazzja tas-sagrament tal-Magħmudija jidhru b’mod l-aktar ċar fir-riti taċ-ċelebrazzjoni. Is-sinjal tas-salib,li jindilek fuq il ġbin ta’ dawk li jkunu ser jitgħamdu. fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, hu l-marka ta’ Kristu fuq dak li se jkun tiegħu u jfisser il-grazzja tal-fidwa li Kristu kisbilna permezz tas-salib.

It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla ddawwal lill-kandidati u lill-ġemgħa bid-dawl tal-verità u tqanqal fihom tweġiba ta’ fidi, li ma tistax tkun mifruda mill-Magħmudija. Il-Magħmudija, b’mod partikulari, hi “sagrament tal-fidi” għax hi dħul sagramentali għall-ħajja tal-fidi.

Għaliex il-Magħmudija hi ħelsien mid-dnub u mix-xitan li jħajjar għad-dnub, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija jingħad eżorċiżmu jew aktar minn eżorċiżmu wieħed fuq il-kandidat għas-sagrament. Dan jindilek biż-żejt tal-ketekumeni jew inkella ċ-ċelebrant iqiegħed idu fuqu, u hu jiċħad espliċitament ix-xitan.

L-ilma tal-Magħmudija mbagħad jiġi kkonsagrat permezz ta’ talba ta’ epiklesi (jew dak il-ħin stess taċ-ċelebrazzjoni jew fil-lejl qaddis ta’ l-Għid). Il-Knisja titlob lil Alla biex, permezz ta’ Ibnu, il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu tinżel fl-ilma, biex dawk li se jitgħammdu bih, “jitwieldu mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 3,5).

Jiġi mbagħad ir-rit essenzjali tas-sagrament: il-Magħmudija fiha nnifisha, li tfisser u ġġib il-qerda tad-dnub u d-dħul fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa permezz tax-xebħ mal-Misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu. Il-Magħmudija tingħata, b’mod li jfisser ħafna, permezz ta’ l-immersjoni għal tliet darbiet fl-ilma tal-Magħmudija. Iżda sa minn żmien ilu l-Magħmudija kienet tista’ tingħata ukoll bit-tiswib għal tliet darbiet ta’ l-ilma fuq ras dak li jitgħammed.

Fil-Knisja Latina dan it-tiswib għal tliet darbiet ta’ l-ilma hu msieħeb mal-kliem “N. Jien ngħammdek fl-Isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu”.

Id-dlik biż-żejt tal-griżma, żejt imħallat bil-balzmu, u kkonsagrat mill-isqof, ifisser id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu lill-imgħammed ġdid. Sar nisrani (kristjan) jiġifieri “midluk” mill-Ispirtu s-Santu, imdaħħal fil-Ġisem ta’ Kristu, li hu midluk saċerdot, profeta u sultan. Hawn nissieħbu fil-missjoni ta’ Kristu u għalhekk nistgħu nissieħbu bi frott fil-Liturġija tal-Knisja.

Fil-Liturġija tal-Knejjes tal-Lvant, id-dlik li jsir wara l-Magħmudija hu s-sagrament tal-Griżma jew Konfermazzjoni. Fil-Liturġija Rumana jħabbar it-tieni dilka li tingħata mill-isqof aktar ‘il quddiem, jiġifieri s-sagrament tal-Konfermazzjoni, li jwettaq (“jikkonferma”), biex ngħidu hekk, dak li għamlet id-dilka tal-Magħmudija.

Il-libsa bajda tfisser li l-imgħammed “libes ‘il Kristu” (Gal 3,27): irxoxta ma’ Kristu. Ix-xemgħa mixgħula mill-blandun tħabbar li Kristu dawwal lill-imgħammed ġdid (in-neofita). Fi Kristu, l-imgħammdin huma “dawl tad-dinja”. L-imgħammed ġdid issa hu iben Alla fl-Iben il-waħdieni. Jista’ jgħid issa t-talba ta’ wlied Alla: il-Missierna.

 

Il-barka solenni tagħlaq iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija. Fil-Magħmudija tat-trabi, il-barka ta’ l-omm għandha post speċjali.

Il-Magħmudija hi s-sagrament tal-fidi. Iżda l-fidi teħtieġ komunità ta’ nies li jemmnu. Hi fil-fidi tal-Knisja li kull nisrani jrid jemmen. Il-fidi li tinkiseb fil-Magħmudija, m’hijiex fidi perfetta li laħqet il-kobor sħiħ tagħha, imma hi bidu li hu mistenni li jiġi ‘l quddiem. Lill-katekumenu jew lill-parrinuh issir din il-mistoqsija: “X’titlob mill-Knisja ta’ Alla?” u hu jwieġeb: “Il-fidi”.

Wara l-Magħmudija l-fidi trid tikber fl-imgħammdin kollha, kemm kbar u kemm trabi. Hu għalhekk li kull sena l-Knisja, fil-lejl qaddis ta’ l-Għid, tiċċelebra t-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija.

Biex il-grazzja tal-Magħmudija tista’ tiġi ‘l quddiem, l-għajnuna tal-ġenituri hi importanti ħafna. Hawn ukoll jidħol id-dmir tal-parrinu jew tal-parrina, li għandhom ikunu nsara ta’ fidi sħiħa, li jkollhom il-ħila u jkunu lesti jgħinu l-imgħammed ġdid, tarbija jew kbir li jkun, fit-triq tal-ħajja nisranija. Dmirhom hu vera ħidma ekklesjastika  Il-komunità nisranija kollha, min-naħa tagħha, għandha sehem fir-responsabbiltà għall-iżvilupp u għall-ħarsien tal-grazzja li tkun ingħatat fil-Magħmudija.

Ministri ordinarji tal-Magħmudija huma l-Isqof u s-saċerdot, u, fil-Knisja Latina, id-djaknu wkoll. Fil-każ ta’ ħtieġa, kull persuna, ukoll persuna li mhix mgħammda, tista’ tgħammed, sakemm ikollha l-intenzjoni meħtieġa, billi tgħid il-formula trinitarja. L-intenzjoni meħtieġa hi dik li tagħmel dak li tagħmel dak li tagħmel il-Knisja meta tgħammed,u tgħid il-formula trinitarja tal-Magħmudija mat-tiswib ta’ l-ilma. Ir-raġuni ta’ dan, il-Knisja taraha fir-rieda ta’ Alla li kulħadd isalva, u fil-ħtieġa tal-Magħmudija għas-salvazzjoni . Biex tgħammed trid titfa’ l-ilma fuq ir-ras ta’ min ikun jitgħammed u tgħid, “Jiena ngħammdek, fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.  F’kas ta’ trabi li jkunu għadhom kif twieldu u jkunu fi stat prekarju tal-ħajja, l-ilma jista’ jissawwab billi ixxarrab idejk u ttajjar l-ilma b’subgħajk fuq ir-ras tat-tarbija flok titfa’ l-ilma.

Il-Mulej innifsu jgħid li l-Magħmudija hi meħtieġa għas-salvazzjoni. Hu kkmanda wkoll lid-dixxipli li jħabbru l-Evanġelju u jgħammdu lill-ġnus kollha . Il-Magħmudija hi meħtieġa għas-salvazzjoni ta’ dawk li lilhom tħabbar l-Evanġelju u setgħu jitolbu li jitgħammdu. Il-Knisja ma tafx b’xi mezz ieħor barra l-Magħmudija li jiżgura d-dħul fil-ħajja ta’ dejjem; għalhekk toqgħod attenta ħafna li ma tittraskurax il-missjoni li rċeviet minn għand il-Mulej li tagħti “twelid ġdid mill-ilma u l-Ispirtu” lil dawk kollha li jistgħu jitgħammdu. Alla rabat is-salvazzjoni mas-sagrament tal-Magħmudija, iżda hu m’huwiex marbut bis-sagramenti tiegħu.         

Minn dejjem, il-Knisja kellha konvinzjoni sħiħa li dawk li jġarrbu l-mewt minħabba l-fidi, jiġifieri  mietu martri, għalkemm ma ġewx imgħammdin, jitgħammdu bil-mewt tagħhom għal Kristu u flimkien miegħu. Il-Magħmudija tad-demm, l-istess bħax-xewqa tal-Magħmudija tagħti l-frott tal-Magħmudija, għalkemm ma jkunx hemm is-sagrament.

Għall-katekumeni li jmutu qabel jitgħammdu, ix-xewqa ċara tagħhom li jirċievu l-Magħmudija, flimkien mas-sogħba għal dnubiethom u ma’ l-imħabba, tiżguralhom is-salvazzjoni li ma setgħux jirċievu bil-Magħmudija.

“Għaliex Kristu miet għal kulħadd, u għaliex verament waħda hi s-sejħa ta’ l-aħħar għal kull bniedem, dik ta’ Alla, għandna nemmnu li l-Ispirtu s-Santu joffri lil kulħadd, b’mod li Alla biss jafu, l-possibbiltà li jissieħeb fil-glorja tal-ġenna. Kull bniedem, li ma jafx bl-Evanġelju ta’ Kristu u bil-Knisja tiegħu, li qed ifittex il-verità, u qed jagħmel ir-rieda ta’ Alla kif jaf hu, jista’ jsalva. Nistgħu nissoponu li dawn in-nies kien ikollhom ix-xewqa espliċita tal-Magħmudija kieku kienu jkunu jafu bil-ħtieġa tagħha.

Dwar it-trabi li jmutu mingħajr Magħmudija, il-Knisja ma tistax tagħmel ħaġ’oħra ħlief tafdahom lill-ħniena ta’ Alla, kif tagħmel fir-rit tal-funerali tagħhom. Il-ħniena kbira ta’ Alla li jrid lill-bnedmin kollha jsalvaw u l-ħlewwa ta’ Ġesù mat-tfal żgħar, li ġegħlitu jgħid: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi: iżżommuhomx”, iġegħluna nittamaw li hemm ukoll triq għas-salvazzjoni tat-trabi li jmutu mingħajr Magħmudija. Wisq aktar hi importanti l-istedina tal-Knisja biex trabi ma jinżammux li jmorru għand Ġesù permezz tad-don tal-Magħmudija. Il-Papa Benedittu XVI għamilha ċara li meta il-Knisja tkellmet fuq il-Limbu, kienet qegħdha titkellem fuq l-istat ta’ dawk l-erwieħ tajba li mietu qabel ma miet Ġesù, u mhux għal dawk li jmutu mingħajr Magħmudija.

L-effetti tal-Magħmudija huma:

1 Il-maħfra tad-dnubiet -  Bil-Magħmudija, id-dnubiet kollha jinħafru, id-dnub tan-nisel u d-dnubiet personali kollha flimkien mal-pwieni kollha tad-dnub.Iżda wara l-Magħmudija jibqgħu xi konsegwenzi temporali tad-dnub, li huma t-tbatija, il-mard, il-mewt u n-nuqqasijiet tal-ħajja stess bħalma hi d-dgħufija tal-karattru, u l-bqija; u wkoll ċerta ġibda lejn id-dnub li t-tradizzjoni ssejjaħ konkupixxenza.

2 Tagħmilna Ħolqien Ġdid-          Il-Magħmudija ma tnaddafniex biss mid-dnubiet kollha, imma lil-dak li jitgħammed, tagħmlu “ħolqien ġdid”, iben adottiv ta’ Alla, u “msieħeb fin-natura ta’ Alla”, membru ta’ Kristu  u werriet flimkien ma’ Kristu, tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu. Dan hu t-tagħlim ta’ San Pawl dwar il-Magħmudija

3 Tagħtina l-Grazzja-        It-Trinità Qaddisa tagħti lil min hu mgħammed il-grazzja qaddisa (santifikanti) tal-ġustifikazzjoni li

͟      tagħtina l-ħila nemmnu f’Alla, nittamaw fih u nħobbu permezz tal-virtujiet teologali;

͟        tagħtina s-setgħa li ngħixu u nitmexxew fil-ħidmiet kollha tiegħu mill-Ispirtu s-Santu permezz tad-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu;

͟        tgħina nikbru f’dak li hu sewwa permezz tal-virtujiet morali.

 

4 Membri tal-Knisja-         Il-Magħmudija tagħmilna membri tal-Ġisem ta’ Kristu. Il-Magħmudija ddaħħalna fil-Knisja. Mill-fonti tal-Magħmudija jitwieled il-Poplu waħdieni ta’ Alla tal-Patt il-Ġdid, L-imgħammdin isiru “ġebel ħaj” għall-“bini ta’ dar spiritwali, għal saċerdozju qaddis” jgħid San Pietru. Bil-Magħmudija l-imgħammdin jieħdu sehem mis-saċerdozju ta’ Kristu, jissieħbu fil-missjoni profetika u regali tiegħu, u huma “ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixandru l-glorja ta’ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta’ l-għaġeb”  Il-Magħmudija ssieħeb fis-saċerdozju komuni tal-fidili.

L-imgħammdin huma fid-dmir li jistqarru quddiem il-bnedmin il-fidi li rċevew minn għand Alla permezz tal-Knisja”, u jissieħbu fil-ħidma appostolika u missjunarja tal-Poplu ta’ Alla.

Il-Magħmudija tissiġilla lin-nisrani b’siġill spiritwali li ma jitħassar qatt (il-karattru), li juri li hu ta’ Kristu. Dan is-siġill ma jitħassarx bl-ebda dnub. Mogħtija darba għal dejjem, il-Magħmudija ma tistax tingħata għat-tieni darba.

Is-siġill tas-sagrament jagħti l-ħila u jimpenja lill-insara biex jieħdu sehem attiv fil-Liturġija mqaddsa tal-Knisja u biex jaqdu s-saċerdozju li rċevew fil-Magħmudija permezz tax-xhieda ta’ ħajja qaddisa u ta’ mħabba bil-fatti.