RITI U SIMBOLI FIS-SAGRAMENTI

I. Iċ-Ċelebrant

Il-Liturġija hi “għemil” ta’ Kristu sħiħ. Dawk li jiċċelebrawha ġa qed jiċċelebraw, ’l hemm mis-sinjali, il-Liturġija tas-sema, fejn iċ-ċelebrazzjoni hi kollha kemm hi għaqda u festa. Fil-Ktieb tal-Apokalissi, San Ġwann jiddeskrivi l-Ġenna bħala ċelebrazzjoni liturġika li tagħti ġieh lill-Missier fuq it-tron u lill-Ħaruf, (Ġesù) Hi f’din il-Liturġija ta’ dejjem li l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja jseħbuna, meta niċċelebraw il-Misteru tas-salvazzjoni fis-sagramenti.

Fil-Lituġija, l-aktar fis-sagramenti, hija l-komunità kollha, il-Ġisem ta’ Kristu flimkien mar-Ras tiegħu, li tiċċelebra.  Bil-Magħmudija aħna kollha għandna sehem mill-missjoni ta’ Kristu bħala s-Saċerdot il-Kbir tar-Rabta l-Ġdida.

Ommna l-Knisja tixtieq ħafna li l-fidili kollha jissieħbu f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u jħossu dan it-tisħib li, minħabba l-Magħmudija, hu dritt u dmir tal-poplu nisrani San Pietru jsejjaħlu “ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih”

Iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol. Xi membri huma msejħin minn Alla, fil-Knisja u permezz tal-Knisja, għall-qadi speċjali fi ħdan il-komunità. Dawn il-qaddejja jintgħażlu u jiġu kkonsagrati permezz tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri  li bih l-Ispirtu s-Santu jagħtihom il-ħila li dak li jagħmlu jagħmluh fil-Persuna ta’ Kristu r-Ras, biex jaqdu l-membri kollha tal-Knisja. Il-ministru ordnat jirrapreżenta lil Kristu Saċerdot.

Għall-qadi ta’ l-uffiċċji tas-saċerdozju tal-fidili, hemm imbagħad ministeri partikulari oħra, li ma jiġux ikkonsagrati permezz tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, u li l-uffiċċju tagħhom hu determinat mill-isqfijiet skond it-tradizzjonijiet liturġiċi u l-ħtiġiet pastorali. L-abbatini, il-ministri straordinarji tat-tqarbin, il-letturi, il-kommentaturi u dawk li jagħmlu parti mill-kor jaqdu ministeru li hu tassew liturġiku.

Għalhekk f’kull ċelebrazzjoni tas-sagramenti, il-ġemgħa kollha hi ċ-ċelebrant, kull wieħed skond l-uffiċċju li jkollu, imma dejjem fl-“għaqda ta’ l-Ispirtu”, li jaħdem f’kulħadd.

II.Sinjali u Simboli

Ċelebrazzjoni liturġika tintiseġ b’ħafna sinjali u simboli. Skond il-mod kif Alla jgħallimna ħa niksbu s-salvazzjoni, it-tifsir ta’ dawn is-sinjali u ta’ dawn is-simboli għandu l-għeruq tiegħu fil-ħolqien u fil-kultura tal-bniedem, għandna ħjiel tiegħu fil-ġrajjiet tal-Patt il-Qadim, u jidher sħiħ fil-persuna u l-ħidma ta’ Kristu.

Sinjali mid-dinja tal-bnedmin. Is-sinjali u s-simboli għandhom importanza kbira fil-ħajja tal-bniedem. Għaliex il-bniedem għandu ġisem u ruħ għalhekk hu spiritwali u korporali fl-istess ħin, ifisser u jagħraf il-veritajiet spiritwali permezz ta’ sinjali u simboli materjali. Għaliex il-bniedem min-natura tiegħu hu soċjevoli, jeħtieġlu sinjali u simboli biex ikun jista’ jikkomunika ma’ l-oħrajn, permezz ta’ kliem, permezz ta’ ġesti, permezz ta’ għemil; u ngħidu l-istess ħaġa dwar ir-relazzjonijiet ma’ Alla.

Alla jkellem lill-bniedem permezz tal-ħlejjaq li jidhru. Fl-univers materjali, l-intelliġenza tal-bniedem tista’ tara s-sinjali tal-Ħallieq. Il-lejl u n-nhar, ir-riħ u n-nar, l-ilma u l-art, s-siġra u l-frott tagħha kollha jitkellmu fuq Alla, u huma simboli tal-kobor tiegħu u fl-istess ħin juru wkoll li hu qrib il-bnedmin.Dawn il-ħlejjaq, għax nagħrfuhom bis-sensi tagħna, jistgħu jfissru kemm il-ħidma ta’ Alla li jqaddes il-bnedmin u kemm il-ħidma tal-bnedmin li jagħtu l-qima tagħhom lil Alla. Ngħidu l-istess ħaġa dwar is-simboli u s-sinjali tal-ħajja soċjali tal-bnedmin: il-ħasil u d-dlik, il-qsim tal-ħobż u x-xorb flimkien jistgħu jfissru l-preżenza ta’ Alla li jqaddes u l-ħajr tal-bniedem ghal Dak li ħalqu.

Ir-reliġjonijiet kbar tal-bniedem huma xhieda, spiss b’mod li tassew timpressjona, ta’ dan is-sens kosmiku u simboliku tar-riti reliġjużi. Il-Liturġija tal-Knisja taċċetta, tagħmel tagħha u tqaddes xi elementi tal-ħolqien u tal-kultura tal-bniedem u tagħtihom id-dinjità li jkunu sinjali tal-grazzja, tal-ħolqien ġdid f’Ġesù Kristu.

Sinjali tal-Patt. Il-poplu magħżul minn Alla rċieva minn għandu sinjali u simboli magħżulin li ddeterminaw il-ħajja liturġika tiegħu: m’humiex aktar ċelebrazzjonijiet biss ta’ ċikli kosmiċi u ta’ ġesti soċjali, imma huma ukoll sinjali tal-Patt, sinjali ta’ l-għeġubijiet kbar li Alla għamel ghall-poplu tiegħu. Fost dawn is-sinjali liturġiċi tal-Patt il-Qadim nistgħu nsemmu ċ-ċirkonċizjoni, l-unzjoni u l-konsagrazzjoni tas-slaten u s-saċerdoti, it-tqegħid ta’ l-idejn, is-sagrifiċċji u fuq kollox l-Għid. Il-Knisja f’dawn is-sinjali tara tħabbira tas-sagramenti tal-Patt il-Ġdid.

Sinjali li ttieħdu minn Kristu. Kristu, fil-predikazzjoni tiegħu, spiss għamel użu minn sinjali li ħa mill-ħolqien biex jgħarraf il-misteri tas-Saltna ta’ Alla. Ta l-fejqan jew wettaq kliemu permezz ta’ sinjali materjali jew permezz ta’ ġesti simboliċi. Dilek għajnejn il-għama, bagħat lil għama jinħasel f’Siloam. Meta bagħat it-Tnax, dawn dilku l-morda biż-żejt..Ta tifsir ġdid lill-fatti u lis-sinjali tal-Patt il-Qadim, l-aktar ta’ l-Eżodu u ta’ l-Għid għax hu nnifsu hu t-tifsir ta’ dawn is-sinjali kollha.

Sinjali sagramentali. Wara Għid il-Ħamsin, hu permezz tas-sinjali sagramentali tal-Knisja tiegħu, li l-Ispirtu s-Santu jqaddes. Is-sagramenti tal-Knisja ma neħħewx, imma saffew u għamlu tagħhom l-għana kollu tas-sinjali u tas-simboli tal-ħolqien u tal-ħajja soċjali. Barra dan, wasslu għat-tmiem tagħhom it-tipi u x-xbihat tal-Patt il-Qadim, ifissru u jagħtu s-salvazzjoni li kiseb Kristu, u jħabbru u jantiċipaw il-glorja tas-sema.

Ċelebrazzjoni sagramentali hi laqgħa ta’ wlied Alla ma’ Missierhom, fi Kristu u l-Ispirtu s-Santu, u din il-laqgħa turi ruħha qisha djalogu permezz ta’ għemil u ta’ kliem. Veru li l-azzjonijiet simboliċi fihom infushom huma ġa lingwaġġ, imma hu meħtieġ li l-Kelma ta’ Alla u t-tweġiba għaliha bil-fidi jissieħbu u jagħtu l-ħajja lil dawn l-azzjonijiet, biex iż-żerriegħa tas-Saltna tinbet u tagħti frott għax issib art tajba. Kull azzjoni liturġika tfisser dak li tgħid il-Kelma ta’ Alla, jiġifieri l-inizjattiva ħielsa ta’ Alla flimkien mat-tweġiba bil-fidi tal-poplu tiegħu.

Il-Liturġija tal-Kelma hija parti integranti taċ-ċelebrazzjonijiet sagramentali. Biex imantnu l-fidi ta’ l-insara s-sinjali tal-Kelma ta’ Alla jridu juru s-siwi tagħhom: Il-Ktieb tal-Kelma, il-venerazzjoni li tintwera għalih (purċissjoni, inċens, dwal), il-post tat-tħabbira tal-Kelma (ambone), il-qari b’mod li l-Kelma tinstema’ u tiftieħem, l-omelija tal-ministru li tkompli t-tħabbira, it-tweġib tal-ġemgħa (akklamazzjonijiet, salm responsorjali, litaniji, stqarrija tal-fidi...)

Il-kelma u l-azzjoni liturġika, li bħala sinjali u tagħlim ma’ jistgħux jin­firdu minn xulxin, ikunu tassew dan meta jagħmlu dak li jfissru. L-Ispirtu s-Santu ma jagħtix biss li nifhmu l-Kelma ta’ Alla biex iqajjem fina l-fidi; permezz tas-sagramenti jagħmel ukoll li jseħħu “l-għeġubijiet” ta’ Alla mħabbrin mill-Kelma: iġibilna u jagħtina l-opra tal-Missier li seħħet permezz ta’ Ibnu l-maħbub.