NEMMEN FL-ISPIRTU S-SANTU

Minn Dun Hector Scerri.

Fit-tmien artiklu tal-Kredu, aħna nistqarru li nemmnu fl-Ispirtu s-Santu, it-tielet persuna tat-Trinita’ Qaddisa. Huwa l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben. L-Ispirtu jagħti l-ħajja lill-Knisja u jmexxiha. Idawwal lill-imgħammdin u jagħtihom il-qawwa tiegħu biex jagħtu xhieda fid-dinja.

 

Aħna nagħrfu l-Ispirtu s-Santu fl-Iskrittura li hija ispirata minnu. Nagħrfuh fit-Tradizzjoni tal-Knisja, fil-Maġisteru tagħha, kif ukoll fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti. Niltaqgħu mal-Ispirtu s-Santu fit-talb personali u komunitarju, kif ukoll fil-kariżmi u l-ministeri tal-membri tal-Knisja, fil-ħidma missjunarja, u fix-xhieda ta’ tant u tant bnedmin qaddisa li għexu ħajja tajba u eżemplari.

 

Il-Knisja tgħallimna li l-Ispirtu huwa “ta’ natura waħda mal-Missier u mal-Iben, u ma jistax ikun mifrud minnhom, kemm fil-ħajja tat-Trinita’ fiha nfisha u kemm fl-għoti tal-imħabba lid-dinja” (KKK 689).

 

Hemm diversi simboli tal-Ispirtu s-Santu fl-Iskrittura, kif ukoll fil-ħajja tal-Knisja. Ħa nagħti xi eżempji: l-ilma li jagħti l-ħajja u jnaddaf fil-magħmudija; iż-żejt li jintuża waqt id-dilka f’xi wħud mis-sagramenti; in-nar li jsaħħan, jippurifika u jimla bil-ħeġġa bħal dakinhar tal-ewwel Pentekoste; is-sħaba u d-dawl li kienu wens għall-Poplu tat-Testment il-Qadim. Simbolu ieħor huwa dak tas-siġill li jindika l-effett tal-Ispirtu fina, effett li ma jitħassar qatt.

 

It-Testment il-Ġdid fih diversi episodji li fihom jiddeskrivi l-ħidma attiva tal-Ispirtu s-Santu, mhux biss fir-rakkonti ta’ xi konverżjonijiet, imma wkoll fix-xhieda ta’ kuljum u fl-effetti tal-ħidma tiegħu. Ħa nagħti xi eżempji: “l-imħabba t’Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5,5). Jgħinna fit-talb “għax aħna anqas nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bi kliem” (Rum 8,26). Il-qawwa tiegħu (ara Atti 1,8) tiġi fina b’mod u manjiera li nimxu fih (ara Gal 5,25) u nħaddmu l-frott tiegħu: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5,22-23).

 

Il-Knisja tiċċelebra l-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuqha permezz taċ-ċelebrazzjoni ta’ Pentekoste li dis-sena (2017)  taħbat fil-31 ta’ Mejju. Imma tinsiex li l-Ispirtu s-Santu huwa dejjem magħna. Tirrealizza li inti tempju tal-Ispirtu s-Santu? Kemm titlob lill-Ispirtu s-Santu? Kemm qed tħaddem id-doni li huwa tak?

 

L-Ispirtu s-Santu jgħinna s-sena kollha. Kemm huwa essenzjali li niftħu qalbna u moħħna għal din il-ħidma! Inħalluh jaħdem fina u permezz tagħna. Ejja Spirtu s-Santu, dawwal l-imħuħ tal-fidili tiegħek, kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek u jinħolqu u inti ġġedded il-wiċċ tal-art!