ALLA TRINITÀ

ID-DUTTRINA TAL-KNISJA DWAR ALLA

Aħna l-insara nitgħammdu fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Is-sinjal tas-Salib, li huwa is-sinjal tan-nisrani, aħna nsemmu fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu.

Fil-Kredu aħna nistqarru l-fidi tagħna fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu.

Dawn huma it-tliet persuna tat-Trinità Qaddisa.

Il-Misteru tat-Trinità huwa l-misteru ewlieni tal-fidi u l-ħajja nisranija.  

Huwa l-misteru ta’ Alla fih innifsu.

Huwa l-bidu tal-misteri l-oħra kollha tal-Fidi.  Huwa d-dawl li jdawwalhom.

Huwa wieħed mill-misteri moħbija li ma setgħux ikunu magħrufin kieku ma ġewx rivelati minn Alla.

Bħal fil-Ġudaiżmu u fl-Iżlam, aħna l-insara nemmnu f’Alla wieħed, u bħalhom nistqarruh bħala, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb.

Imma għalina l-Insara, Alla huwa wieħed fi Tliet Persuni. 

Il-Missier huwa Alla.

L-Iben huwa Alla.

L-Ispirtu s-Santu huwa Alla.

Iżda minkejja li dawn huwa Tliet Persuni tassew distinti minn xulxin, fis-sens li wieħed mhux l-ieħor, madanakollu huma mhumiex tliet allat imma Alla Wieħed.

Dan huwa tassew Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb.  Imma fuq kollox huwa Alla ta’ Ġesù Kristu – kif rivelat lilna minnu stess.

 

Ġesu jagħti l-Missjoni lid-dixxipli tiegħu f’isem it-Trinità...

Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordanlhom Ġesù.  Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw.  Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom:

“Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.  Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, u sa l-aħhar taż-żmien.”  Mt 28:16-20

 

It-Trinità m’għandhiex ħlief l-istess ħidma waħda. Iżda kull persuna tagħmel il-ħidma waħda tal-lkoll skond dak li hi personalment.  Alla hu Missier, li minnu ġej kollox, Mulej Ġesù li permezz tiegħu sar kollox u Spirtu s-Santu li fih hemm kollox. Huma l-missjoni divina ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben u l-missjoni divina tad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu li juru x’għandhom tagħhom it-Tliet Persuni divini. (ara KKK 258)

Il-verità rivelata tat-Trinità Qaddisa kienet sa mill-bidu fl-għerq tal-fidi ħajja tal-Knisja, l-aktar permezz tal-Magħmudija.

Insibu wkoll diversi riferenzi għal dan it-twemmin, kemm fil-kotba tat-Testment il-Ġdid kif ukoll fil-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja.

“Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll.” (2Kor 13:13)

Id-dossoloġija (espressjoni ta’ tifħir lil Alla) – Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu – hija waħda mill-eqdem espressjonijiet fil-Knisja li fihom tidher il-formola Trinitarja.