ĠESÙ HUWA S-SALVATUR UNIKU TAL-UMANITÀ KOLLHA

IL-KWISTJONI TAS-SALVAZZJONI UNIVERSALI

Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw. Il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Lumen Gentium (dwar il-Knisja) jgħallimna li  s-sejħa għall-qdusija ġejja mill-istess misteru tal-Knisja, u aktar u aktar mill-ministeru ta’ Kristu nnifsu.

Aħna nistqarru fil-Kredu li l-Knisja hi qaddisa. Dan għaliex Kristu xerred demmu għaliha biex iqaddisha, għaqqadha miegħu u taha l-Ispirtu s-Santu biex imexxiha sal-aħħar taż-żmien. Il-membri kollha tal-Knisja huma għalhekk imsejħin biex ikunu qaddisin, biex ikunu dawl li juru l-qdusija ta’ Alla lid-dinja, u biex jingħaqdu fix-xirka tal-qaddisin għal dejjem fl-istat ta’ qdusija perfetta. Dan hu l-Pjan tas-salvazzjoni li ħejja għalina Alla fil-ħolqien u li kiseb għalina Ġesù bit-tixrid ta’ demmu fuq is-salib.

Ġesù sejħilna għal dan l-istat ta’ Qdusija perfetta. “Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.” Hu tana l-mezzi biex inkunu qaddisin meta bagħat fuq il-Knisja l-Ispirtu s-Santu. Hu dan l-Ispirtu s-Santu li jqanqal lil kull bniedem biex jagħraf u jagħżel dak li hu ġust, tajjeb u sewwa. Bis-saħħa tal-Magħmudija, l-insara jistqarru li jemmnu f’dan l-Ispirtu s-Santu, jirċievu l-għajnuna tiegħu li nsejħulha il-grazzja. B’hekk insiru ulied Alla u werrieta tas-sema. Għalhekk, il-membri kollha tal-Knisja, u dawk li huma fiili lejn Kristu, hi x’inhi s-sejħa tagħhom, huma msejħin biex jilħqu l-milja tal-ħajja nisranija u l-perfezzjoni fl-imħabba li għaliha lkoll imsejħin.

Din is-sejħa għas-salvazzjoni u għall-qdusija hi ndirizzata lejn il-bnedmin kollha. It-triq għall-qdusija u għas-salvazzjoni hi waħda biss. Kristu Ġesù hu waħdu t-triq li twassalna għand Alla. Hu waħdu l-Medjatur li jgħaqqad lill-bnedmin ma’ Alla. Għalhekk f’ismu biss għandna l-maħfra ta’ dnubietna u s-salvazzjoni tagħna.

Kristu ġie biex isalva lill-bnedmin kollha, minn l-ewwel bnedmin li ħalaq Alla u li dinbu, sa l-aħħar bniedem li għad jgħix fid-dinja. Il-Kredu tal-appostli jgħallimna li meta miet, Ġesù niżel il-limbu biex isalva lil dawk kollha li f’ħajjithom għexu ħajja tajba u kienu ħbieb ta’ Alla. Dawn setgħu kienu Lhud jew mill-ġnus l-oħra. Ġesù stess qalilna li għad jiġu nies mil-Lvant u l-Punent u joqogħdu ma’ Abraham fuq il-mejda fis-smewwiet u ulied is-Saltna jkunu mkeċċija ‘l barra. Dan jgħodd ukoll għal dawk li saru insara u rċevew il-magħmudija. Darba oħra Ġesù qal, “mhux min jgħidli Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet: dan jidħol fis-saltna tas-Smewwiet.  Mela, dawk kollha li bis-sinċerità jagħmlu r-rieda ta’ Alla, huma min huma, jsalvaw. Għalkemm m’humiex mgħammdin, xorta huma fil-Knisja ta’ Kristu.

 

Mela biex insalvaw irridu

  1. Nużaw it-talenti u l-ħiliet tagħna kif kien jużhom Ġesù u naraw fihom rigal minn Alla nnifsu biex bihom naqdu lilu f’ħutna l-bnedmin.

  2. Bħal Ġesù rridu nfittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla, il-glorja ta’ Alla u l-ġid ta’ ħutna l-bnedmin.

  3. Għandna nużaw il-ġid tagħna biex bih inwettqu l-kmandament tal-imħabba.

  4. Għandna naċċettaw minn idejn Alla bil-fidi dak kollu li fil-providenza tiegħu jibgħatilna.

Dawn l-erbgħa jistgħu jinġabru f’ żewġ attitudnijiet..

Ħadd ma jista jilħaq dan il-għan jekk ma jkunx mgħejjun minn Alla nnifsu, għax is-salvazzjoni u l-qdusija ta’ kull bniedem hi opra kollha kemm hi ta’ Alla. Hu jistenna mill-bniedem li jikoopera mal-grazzja li jtih għall-ġid tiegħu u tal-bnedmin ħutu. Għalhekk, is-sejħa għall-qdusija u s-salvazzjoni tagħna għandhom dimensjoni kommunitarja. Alla ma jsejħilniex biex nitqaddsu weħidna u l-anqas mhu ser isalvana weħidna. Ser nitqaddsu mal-oħrajn u nsalvaw mal-oħrajn skont is-sejħa tagħna.

 Ġesù waħdu jibqa’ s-salvatur tal-bnedmin kollha, kemm dawk li ġew qablu, kemm dawk li ġew warajh. Lumen Gentium tgħallimna: Fl-aħħarnett dawk li għadhom ma rċevewx l-Evanġelju għandhom  relazzjoni mal-Poplu  ta' Alla b'modi differenti.    Ewlieni fosthomhuwa l-popli li Alla tah it-Testmenti u l-wegħdiet u li minnu twieled Kristu skond il-ġisem.   Dan il-poplu huwa għażiż skond l-għażla li Alla kien għamel minħabba Missirijietu, għax Alla ma jindimx mid-doni u mis-sejħat li jagħmel.   Iżda l-pjan tal-fidwa jħaddan ukoll lil dawk li jagħirfu lill-Ħallieq.  Fost dawn minn ta' l-ewwel huma l-Mussulmani li, waqt li jistqarru l-fidi ta' Abraħam, jaduraw magħna 'l Alla wieħed, ħanin li għad jagħmel ħaqq mill-bnedmin fl-aħħar jum.  U Alla nnifsu m'hux 'il bogħod minn dawk li jfittxu permezz  ta' dellijieit u ta' xbihat ta' Alla mhux magħruf, għaliex Huwa jagħti lil kulħadd il-ħajja u  n-nifs u kollox, u bħala Salvatur, irid li l-bnedmin kollha jsalvaw.  Infatti, dawk li mingħajr ħtija ma jagħirfux l-Evanġelju ta' Kristu u l-Knisja tiegħu iżda fl-istess ħin ifittxu bis-sinċerita'  lil Alla u bl-għajnuna tal-grazzja jippruvaw jagħmlu r-rieda tiegħu kif jaslu jagħirfuha minn dak li tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, jistgħu jiksbu s-salvazzjoni ta' dejjem.   Il-Providenza  ta' Alla lanqas  tiċħad  l-għajnuna meħtieġa għas-salvazzjoni lil dawk li bla ħtija tagħhom għadhom  ma waslux għall-għarfien veru u ċar ta' Alla iżda jagħmlu ħilithom, mhux mingħajr il-grazzja ta' Alla, li jgħaddu ħajja tajba.   Għaliex  dak kollu li hu tajjeb u veru fihom il-Knisja tara  fih  bħal tħejjija biex huma jilqgħu l-Evanġelju, huwa kollu mogħti minn Dak li jdawwal lil kull bniedem sabiex fl-aħħar ikollhom il-ħajja.    Iżda ta' spiss il-bnedmin, imqarrqin mill-ħażen  ippersonfikat, jitilfu fir-raġunamenti tagħhom, jibdlu l-verita' ta' Alla mal-gidba u jservu lill-ħlejjaq aktar milli lill-Ħallieq ; jew inkella jgħixu u jmutu mingħajr Alla f'din id-dinja u hekk jesponu ruħhom għall-agħarr desperazzjoni.  Għalhekk il-Knisja, biex iġġib 'il quddiem il-glorja ta' Alla u s-salvazzjoni tal-bnedminkollha, waqt li tiftakar fil-kmmand ta' Kristu li jgħid:  "Xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu" , tieħu ħsieb li tmexxi 'l quddiem b'ħerqa l-missjonijiet.