L-EVANĠELJU SKONT SAN ĠWANN

Minn Dun Karm Attard

 

Min kitbu

 

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jissemma dixxiplu li hu msejjaħ “id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù”. Fl-Aħħar Ċena dan id-dixxiplu kien mimdud maġenb Ġesù (Ġw 13:23). Fuq il-Kalvarju dan id-dixxiplu kien qiegħed ħdejn il-Madonna, u Ġesù talbu biex jieħu l-Madonna għandu u jieħu ħsiebha hu (Ġw 19:25—27). Wara l-qawmien ta’ Ġesù, dan id-dixxiplu mar jiġri lejn il-qabar flimkien ma’ Xmun Pietru, u kien l-ewwel wieħed fost id-dixxipli li emmen li Ġesù kien qam mill-mewt (Ġw 20:1-9). Xmun Pietru staqsa lil Ġesù dwar il-futur ta’ dan id-dixxiplu, u Ġesù qallu: “X’inhi affarik?” (Ġw 21:20-23). Dwar dan id-dixxiplu, l-Evanġelju jgħidilna: “Dan huwa d-dixxiplu li qiegħed jagħti xhieda għal dan kollu u li kiteb dawn il-ħwejjeġ” (Ġw 21:24). Min kien dan id-dixxiplu? Sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-għorrief dejjem żammew li kien San Ġwann l-Appostlu.

 

Meta nkiteb

 

Dan l-Evanġelju kien l-aħħar wieħed li nkiteb fost l-erba’ kotba ta’ l-Evanġelji li għandna. Il-Vanġeli ta’ San Mark, ta’ San Mattew u ta’ San Luqa nkitbu qablu. L-istudjużi jikkalkolaw li nkiteb madwar is-sena 90. Jiġifieri kienu għaddew madwar sittin sena minn meta Ġesù ħa l-mewt għalina. Matul dawk is-sittin sena San Ġwann kien ħaseb u mmedita ħafna fuq l-opra tal-fidwa li Ġesù kien wettaq għalina. L-Ispirtu s-Santu kien għenu biex jifhem dejjem aktar dak li kien għamel Ġesù (ara Ġw 16:13). U għalhekk f’dan il-Vanġelu għandna mhux biss ir-rakkont ta’ xi ġrajja mill-ħajja pubblika ta’ Ġesù, imma wkoll il-frott tar-riflessjoni profonda li għamel San Ġwann.

 

Għalfejn inkiteb dan il-Vanġelu

 

San Ġwann stess jgħidilna: “Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw 20:30-31). San Ġwann qed jgħidilna ċar li hu ma kitibx kull ma kien jaf fuq Ġesù. Għażel biss ftit episodji. Imma dak li għażel hu biżżejjed biex isaħħaħ il-fidi tagħna f’Ġesù u jħeġġiġna bl-imħabba lejh, ħalli hekk ikollna l-ħajja. X’inhi din “il-ħajja”? Ma tfissirx kemm-il sena ngħixu. Tfisser “il-ħajja ta’ dejjem”. Fi kliem ieħor, mill-istudju ta’ dan il-Vanġelu għandna naslu biex infittxu li ngħixu fil-grazzja ta’ Alla fuq din l-art, biex mal-mewt nidħlu ngawduh fis-sema. Għal San Ġwann din hi l-vera ħajja.

 

Il-Prologu

 

San Ġwann beda l-Evanġelju tiegħu b’Daħla li b’kelma Griega tissejjaħ “Prologu”. F’dan il-Prologu San Ġwann jurina mill-ewwel min hu Ġesù u xi grazzja kbira għandhom dawk li jemmnu fih. Dan il-Prologu San Ġwann iqassmu f’ħames punti:

 

(i) Versi 1-9. Lil Ġesù, San Ġwann isejjaħlu “Ħo Logos” bil-Grieg, jiġifieri “Il-Kelma”. Meta l-Evanġelju nqaleb għal-Latin, il-kelma “Logos” saret “Verbum”. Għalhekk bil-Malti nsibu “Fil-bidu kien il-Verb”. Għaliex isejjaħlu hekk narawh aktar ’il quddiem.

 

San Ġwann jgħidilna li dan il-“Logos” kien minn dejjem; kien ma’ Alla l-Missier, u hu Alla tassew. Ikompli jgħidilna li aħna ħlejjaq tiegħu. Imma mingħand dan il-“Logos” aħna ħadna aktar minn din l-eżistenza; ħadna “l-ħajja” u ħadna “d-dawl”. “Il-ħajja” tfisser ‘il-grazzja’ jew ‘il-fidwa’ u “d-dawl” ifisser ‘ir-rivelazzjoni’, jiġifieri t-tagħlim li Ġesù għallimna, tagħlim li jwassalna fil-glorja ta-Ġenna. Ikompli jgħidilna li Ġesù hu aqwa bil-bosta minn Ġwanni l-Battista.

 

(ii) Versi 10-11. F’dawn il-versi San Ġwann jurina kif Ġesù twieled fost il-Lhud, il-poplu l-magħżul, imma ħafna minn dawn il-Lhud ma emmnux fih.

 

(iii) Versi 12-13. San Ġwann jurina x’jagħmel Alla l-Missier ma’ dawk li jemmnu li Ġesù hu l-Iben tiegħu. Lil dawn Alla l-Missier jadottahom bħala wliedu.

 

(iv) Vers 14. Jekk ħafna mil-Lhud ma emmnux f’Ġesù, aħna l-Insara emminna fih. “Aħna rajna l-glorja tiegħu”, jiġifieri emminna fid-divinità tiegħu.

 

(v) Versi 15-18. Mill-ġdid San Ġwann jgħidilna li Ġesù hu akbar minn Ġwanni l-Battista. Jerġa’ jgħidilna li Ġesù tana żewġ rigali kbar, li huma “il-grazzja u l-verità”, l-istess rigali li fil-versi 1-8 kien sejħilhom “il-ħajja u d-dawl”. U jerġa’ jfakkarna li Ġesù hu tassew Alla, l-Iben il-Waħdieni li qiegħed dejjem “fi ħdan il-Missier”.

 

Minn din l-ispjega nistgħu naraw kif San Ġwann fil-ħames punt qed jirrepeti dak li kien qal fl-ewwel punt. L-ewwel u l-ħames punt jispjeqaw lil xulxin. Nistgħu naraw ukoll il-kuntrast bejn it-tieni u r-raba’ punt. Jekk ħafna mil-Lhud ma emmnux f’Ġesù, aħna l-Insara emminna fih. It-tielet punt, li jifforma ċ-ċentru tal-Prologu, iwieġeb għall-mistoqsija: “Min huma tassew ulied Alla, il-Lhud li ma emmnux, jew aħna l-Insara li emminna f’Ġesù?” It-tweġiba hija ċara: “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (vers 12).

 

Issa nistgħu naraw għaliex lil Ġesù l-Evanġelista jsejjaħlu “Ħo Logos” jiġifieri “Il-Kelma”. Semmejna r-rabta li hemm bejn l-ewwel u l-ħames punt. It-tweġiba tinsab f’dik ir-rabta. Fl-aħħar vers San Ġwann qalilna “Hu għarrafhulna”, jiġifieri “Ġesù għarrafna min hu Alla l-Missier”. Mela Ġesù jissejjaħ “Il-Kelma” għax Hu jirrivelalna l-Missier. Bħalma l-kelma tagħna turi l-ideat ta’ moħħna lill-oħrajn, hekk Ġesù wriena l-Missier. Ġesù hu r-rivelatur tal-Missier.

 

 

L-EWWEL GRUPP TA’ EPISODJI

 

Jidher li San Ġwann fehem jiġbor l-episodji tal-Vanġelu fi gruppi ta’ ħamsa. L-ewwel grupp fih dawn il-ħames episodji:

 

 (1) Ix-xhieda tal-Battista u ta’ l-ewwel dixxipli (1:19-51)

 

 (2) It-tieġ ta’ Kana (2:1-12)

 

 (3) Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa mit-Tempju, u jħabbar il-mewt u l-qawmien tiegħu (2:13-25)

 

 (4) Ġesù jitkellem ma’ Nikodemu (3:1-21)

 

 (5) L-aħħar xhieda tal-Battista (3:22 – 4:3).

 

Bħalma għamel fil-Prologu, hawn ukoll San Ġwann fittex li jorbot il-ħames episodju ma’ l-ewwel wieħed, u r-raba’ episodju mat-tieni. Fl-ewwel u fil-ħames episodju għandna x-xhieda tal-Battista, waqt li t-tieni u r-raba’ episodju jintrabtu flimkien għax fit-tnejn jissemma l-ilma, jiġifieri l-ilma mibdul fi nbid fit-tieġ ta’ Kana, u l-ilma tal-magħmudija fid-diskors ta’ Ġesù ma’ Nikodemu. It-tielet episodju għandu importanza kbira għax jifforma ċ-ċentru ta’ dan il-grupp. Din l-importanza narawha aktar ’il quddiem wara li nkunu tajna l-ispjega ta’ kull episodju.

 

(1) Il-Battista u l-Ewwel Dixxipli (1:19-51)

 

San Ġwann jurina lill-Battista ħdejn il-Ġordan, qiegħed jaqdi l-missjoni tiegħu. Il-mexxejja tal-Lhud jibagħtu delegazzjoni biex jistaqsuh min hu, u l-Battista jistqarr li hu mhuwiex il-Messija. Huwa biss bniedem li għandu l-missjoni li jhejji t-triq għall-Messija. L-għada Ġesù jgħaddi minn dik in-naħa, u l-Battista jurih lin-nies u jistqarr li Ġesù kien il-Ħaruf ta’ Alla u l-Iben ta’ Alla. L-għada Ġesù jerġa’ jgħaddi, u l-Battista jurih lil tnejn mid-dixxipli tiegħu, u dawn imorru wara Ġesù. Wieħed minn dawn id-dixxipli jkun jismu Indrì. Dan imur malajr ifittex lil ħuh Xmun u jgħidlu: “Sibna l-Messija.” Ġesù jilqa’ lil Xmun u jibdillu ismu f’Pietru. L-għada Ġesù jsejjaħ lil Filippu, u dan imur iġib lil ħabibu Natanjel. Malli Ġesù jurih li kien jaf kollox fuqu, Natanjel jistqarr li Ġesù hu l-Iben t’Alla u s-sultan ta’ Israel. Ġesù jwiegħed lil dawn il-ħames dixxipli li “għad jaraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin fuq Bin il-bniedem”.

 

Jekk aħna nqabblu dan ir-rakkont ma’ dak li hemm fil-Vanġeli ta’ San Mark, ta’ San Mattew, u ta’ San Luqa, nsibu ħafna punti li ma jaqblux. F’dawk il-Vanġeli, id-dixxipli jiltaqgħu l-ewwel darba ma’ Ġesù fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galilija, u mhux ħdejn il-Ġordan. F’dawk il-Vanġeli wkoll, id-dixxipli jdumu ħafna ma jindunaw li Ġesù hu l-Messija, u Ġesù ma jibdilx isem Xmun fl-ewwel laqgħa li jkollu miegħu. Għaliex San Ġwann daħħal dawn id-differenzi kollha? Biex l-attenzjoni tagħna ma tmurx fuq ir-rakkont innifsu, imma tmur fuq it-titli li jingħataw lil Ġesù f’dan ir-rakkont. Hawn Ġesù jissejjaħ: (a) Il-Ħaruf ta’ Alla, (b) L-Iben ta’ Alla, (ċ) Il-Messija, (d) Is-Sultan ta’ Israel, (e) Bin il-Bniedem. Dawn kienu titli li bihom l-Insara ta’ żmien San Ġwann kienu jistqarru l-fidi tagħhom f’Ġesù. Dawn it-titli kienu juru min hu Ġesù: (a) il-vittma li Alla l-Missier tana għall-fidwa tagħna, (b) it-Tieni Persuna tat-Trinità Mqaddsa, (ċ) il-Messija mwiegħed fil-Kotba tat-Testment il-Qadim, (d) is-Sultan tagħna l-Insara li nifformaw Israel il-Ġdid, u (e) Bin il-Bniedem li wara t-tbatija daħal fil-glorja. Dawn il-veritajiet, id-dixxipli ta’ Ġesù rawhom ċari wara li rċevew l-Ispirtu s-Santu nhar Għid il-Ħamsin. Imma San Ġwann ried jitfagħhom fuq fommhom sa mill-ewwel laqgħa li kellhom ma’ Ġesù biex jurina mill-ewwel min hu Ġesù.

 

(2) It-Tieġ ta’ Kana (2:1-12)

 

San Ġwann jurina lil Ġesù jagħmel miraklu waqt tieġ li kien qed isir fir-raħal ta’ Kana, billi jibdel kwantità ta’ ilma fi nbid l-aktar tajjeb. Lil dan il-miraklu San Ġwann isejjaħlu “sinjal”

(ara 2:11). Jiġifieri f’dan il-miraklu San Ġwann jixtieqna naraw simbolu ta’ realtà aktar profonda. Ta’ xiex hu simbolu dan il-miraklu? Huwa simbolu tal-bidla li Ġesù ried jagħmel fina. Minn bnedmin ħatja ried jibdilna fi bnedmin ġodda maħsulin bid-demm tiegħu. Fi kliem ieħor Ġesù ġie biex jifdina mill-jasar tad-dnub u joffrilna l-Ġenna. Din il-fidwa li għamel Ġesù nistgħu nqisuha bħala ħolqien ġdid: id-dnub kien farrakna, u Ġesù bil-mewt tiegħu kien se jibnina mill-ġdid. U biex jgħinna naraw dan is-simboliżmu, San Ġwann ippreżentalna t-tieġ ta’ Kana bħala ġrajja li sseħħ “fis-sitt jum”. Kif? Fl-ewwel episodju konna ltaqna diversi drabi mal-kelma “l-għada”. U hekk San Ġwann qassam ir-rakkont tiegħu f’numru ta’ ġranet:

 

 (a) L-ewwel jum: Il-Battista jistqarr li hu kien mibgħut biex ihejji t-triq għall-Messija (1:23)

 

 (b) It-tieni jum: L-għada, il-Battista juri lil Ġesù u jsejjaħlu “Il-Ħaruf ta’ Alla” (1:29)

 

 (ċ) It-tielet jum: L-għada, l-ewwel dixxipli jmorru wara Ġesù (1:35)

 

 (d) Ir-raba’ jum: L-għada Ġesù jsejjaħ lil Filippu (1:43)

 

 (e) Is-sitt jum: “il-pitgħada sar tieġ f’Kana” (2:1).

 

“Is-sitt jum” għandu jfakkarna fis-sitt jum li jsemmi l-Ktieb tal-Ġenesi, il-jum li fih Alla ħalaq il-bniedem ( Ġen 1:26-31). Alla ħalaqna, aħna waqajna, u Ġesù ġie biex jaħlaqna mill-ġdid billi jerfagħna mill-waqgħa.

 

(3) Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa mit-Tempju (2:13-25)

 

F’dan l-episodju San Ġwann jagħmel enfasi fuq it-tħabbira tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Meta Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa mit-Tempju ta’ Ġerusalemm, u l-qassisin jistaqsuh xi prova seta’ jġib biex juri li tassew kellu l-awtorità li jagħmel ħaġa bħal dik, Ġesù jgħidilhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlett ijiem nerġa’ ntellgħu.” U l-Evanġelista jżid jgħidilna li Ġesù kien tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Il-prova l-kbira ta’ l-awtorità ta’ Ġesù kienet se tkun ir-reżurrezzjoni tiegħu. Imma qabel ir-reżurrezzjoni kien se jkun hemm il-mewt. Il-missjoni tal-fidwa Ġesù kien se jwettaqha billi jagħti ħajtu għalina.

 

(4) Ġesù jitkellem ma’ Nikodemu (3:1-21)

 

Nikodemu, wieħed mill-għorrief tal-Lhud, imur għand Ġesù bil-lejl. Mid-dlam tal-lejl, dan il-bniedem sinċier li xtaq jogħġob tassew lil Alla, jersaq lejn Ġesù, “id-Dawl”, kif kien sejjaħlu l-Evanġelista stess fil-Prologu. Nikodemu xtaq isib il-verità. Mit-tweġiba li jagħtih Ġesù fil-vers 3 jidher li dan l-għaref kien staqsieh: ‘X’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?’ Fit-Testment il-Qadim kien meħtieġ li wieħed iħares il-Liġi ta’ Mosè, imma issa li ġie Ġesù, għall-ħajja ta’ dejjem kien meħtieġ li l-bniedem jemmen f’ Ġesù u jaċċetta l-magħmudija bħala l-bidu tat-triq li twasslu fis-sema. Is-salvazzjoni tagħna tibda min-naħa ta’ Alla l-Missier (“Alla hekk ħabb lid-dinja”), tkompli bil-ħidma ta’ l-Iben li ta ħajtu għalina (“Jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem”), u titlob il-kooperazzjoni min-naħa tagħna billi nemmnu f’Ġesù u nħobbuh (“Biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”). Ġesù joffri s-salvazzjoni lil kulħadd, imma mhux kulħadd jilqagħha. X’uħud jagħżlu li jwebbsu rashom fid-dnub: “Id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl”. Imma oħrajn, bħal Nikodemu, jersqu lejn Ġesù u fih isibu s-salvazzjoni: “Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl”.

 

(5) L-aħħar xhieda tal-Battista (3:22 - 4:3)

 

L-Evanġelista jurina li l-folla li bdiet tinġabar madwar Ġesù kienet qiegħda tkun akbar mill-folla li kienet tinġabar madwar il-Battista. Id-dixxipli tal-Battista jitnikktu meta jaraw dan, imma l-Battista jgħidilhom li hekk għandu jkun: “Jeħtieġ li Ġesù jikber u jien niċkien”. Il-Battista jibqa’ jagħti xhieda li Ġesù kien il-Messija, l-Għarus tal-Poplu l-Magħżul. U jifraħ meta jara li l-missjoni tiegħu, dik li jhejji n-nies għall-Messija, kienet irnexxiet.

 

Issa li tajna l-ispjega ta’ kull wieħed minn dawn il-ħames episodji li jifformaw l-ewwel taqsima ta’ dan l-Evanġelju, nistgħu naraw aħjar il-messaġġ li xtaq iwassal l-Evanġelista. Fl-ewwel u fil-ħames episodju, San Ġwann qed jgħidilna: Araw min hu Ġesù. Hu l-Messija; hu l-Iben ta’ Alla. Fit-tieni u fir-raba’ episodju qed jgħidilna: Araw għalfejn Ġesù ġie fostna. Ġie biex jifdina, biex jaħlaqna mill-ġdid, biex jagħtina twelid ġdid. U fl-episodju li jifforma ċ-ċentru u l-fus tat-taqsima, San Ġwann jgħidilna: Araw xi swietlu l-fidwa tagħna lil Ġesù; swietlu ħajtu.

 

 

IT-TIENI GRUPP TA’ EPISODJI

 

F’dan il-grupp insibu dawn il-ħames episodji:

 

 (6) Il-mara Samaritana temmen f’Ġesù (4:4-38)

 

 (7) Is-Samaritani jemmnu f’Ġesù (4:39-45)

 

 (8) L-uffiċjal tas-sultan jemmen f’Ġesù (4:46-54)

 

 (9) Il-Lhud ta’ Ġerusalemm ma jemmnux f’Ġesù (5:1-47)

 

 (10) Il-Lhud tal-Galilija ma jemmnux f’Ġesù (6:1-15).

 

Ejjew nistudjaw dawn l-episodji wieħed wieħed, ħalli mbagħad naraw ir-rabta ta’ bejniethom u l-messaġġ li l-Evanġelista jixtieq iwasslilna.

 

(6) Il-mara Samaritana temmen f’Ġesù (4:4-38)

 

Is-Samaritani kienu jgħixu fin-nofs ta’ l-Art Imqaddsa. Ma kenux jaħmlu lil-Lhud. U lanqas il-Lhud ma kienu jaħmlu lilhom, għax dawn is-Samaritani kienu mnisslin minn Israelin li kienu żżewġu ma’ nies pagani. Kemm jista’ jkun, il-Lhud ma kenux jgħaddu mill-art tas-Samaritani. Imma Ġesù “kellu jgħaddi mis-Samarija”, qalilna l-Evanġelista (4:4). Dawn il-kelmiet ifissru li kienet ir-rieda ta’ Alla l-Missier li Ġesù jgħaddi minn hemm. U Ġesù waqaf ħdejn bir, jistenna li tiġi mara Samaritana timla l-ilma. Għax Ġesù ried joffri lil dik il-mara l-maħfra ta’ dnubietha. Ġesù kien ġie biex isalva lil kulħadd, mhux lil-Lhud biss.

 

Il-mara stagħġbet meta Ġesù talabha ftit ilma. Imma Ġesù wegħidha li Hu kien se joffrilha “ilma ħaj”. Fl-ilsien tagħhom, “ilma ħaj” kien ifisser ‘ilma ġieri’, imma Ġesù nqeda b’dik il-kelma biex jibda d-diskors dwar l-grazzja ta’ Alla, biex juri li Hu biss jista’ jagħtina l-vera ħajja billi jagħmilna ħbieb ma’ Missieru. Bil-mod il-mod Ġesù mexxa lil dik il-mara biex tindem minn dnubietha, u wrieha li hu kien il-Messija. U dik il-mara, mimlija bil-ferħ għall-grazzja li kien taha Ġesù, riedet taqsam il-ferħ tagħha man-nies ta’ beltha. Marret tiġri fosthom u qaltilhom: “Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid dan il-Messija?” (4:29).

 

(7) Is-Samaritani jemmnu f’Ġesù (4:39-45)

 

Is-Samaritani talbu lil Ġesù biex joqgħod magħhom, u Ġesù laqa’ t-talba tagħhom u qagħad jumejn. Matul dawn il-jumejn Ġesù qagħad jgħallimhom, imma mirakli ma għamilx. B’dana kollu, ħafna Samaritani emmnu “minħabba kliemu” (4:41), u mimlija bil-ferħ stqarrew: “Aħna smajnieh u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja” (4:42).

 

(8) L-uffiċjal tas-sultan jemmen f’Ġesù (4:46-54)

 

Fil-belt ta’ Kafarnahum kien jgħix suldat li kellu lil ibnu marid ħafna. Dan is-suldat kien fis-servizz tas-sultan Erodi Antipas. Ma għandniex naħsbu li kien Lhudi. Aktarx li kien pagan. Imma malli sema’ li Ġesù kien wasal f’Kana, dan is-suldat mar jitlob lil Ġesù biex ifejjaqlu lil ibnu. Ġesù qallu: “Mur, ibnek jgħix.” U dak ir-raġel qagħad fuq il-kelma li qallu Ġesù. Emmen qabel ma ra l-miraklu, qabel ma ra jekk ibnu kienx fieq tassew (4:50). X’fidi qawwija!

 

(9) Il-Lhud ta’ Ġerusalemm ma jemmnux f”Ġesù (5:1-47)

 

Ġesù kien qiegħed Ġerusalemm. Kien is-Sibt, il-jum li fih il-Lhud ma setgħux jaħdmu. Ġesù resaq lejn wieħed marid u qallu: “Qum, aqbad friexek u imxi” (5:8). Il-mexxejja tal-Lhud inkorlaw għal Ġesù talli fejjaq f’jum is-Sibt. Għalqu għajnejhom għall-miraklu, u ħaduha kontra Ġesù. Ġesù għamel ħiltu biex jurihom li ma kienx żbalja, imma dawk il-mexxejja ma redux jafu.

 

(10) Il-Lhud tal-Galilija ma jemmnux f’Ġesù (6:1-15)

 

Ġesù tela’ fil-Galilija, qasam l-Għadira, u tema’ l-folla li nġabret madwaru billi għamel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. B’ħames ħobżiet tema’ u xebba’ aktar minn ħamest elef ruħ! Imma jaħasra, dawn il-Lhud tal-Galilija ma fehmux lil Ġesù. Riedu “jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan”, qalilna San Ġwann (6:15). Lil Ġesù għal daqshekk reduh, biex jimlielhom żaqqhom ta’ kuljum bla ma jkollhom għalfejn jaħdmu, imma t-tagħlim tiegħu xejn ma qesuh. It-tweġiba tagħhom ma tistax tissejjaħ “fidi”.

 

Meta nirriflettu fuq dawn il-ħames episodji, naraw li San Ġwann ried ikellimna fuq il-fidi u fuq in-nuqqas tagħha. Ġesù jistieden il-bnedmin biex jemmnu fih ħalli jkollhom il-ħajja ta’ dejjem. Il-barranin, bħalma kienu s-Samaritani u l-uffiċjal tas-sultan, jemmnu f’Ġesù, għalkemm ma jarawx mirakli. Imma l-Lhud, dawk li Alla kien għażilhom bħala l-poplu tiegħu, jaraw il-mirakli u jibqgħu ma jemmnux. San Ġwann juri dan il-kuntrast, u b’hekk jistieden lilna biex inwieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù. Ma għandniex nagħmlu bħal-Lhud ta’ Ġerusalemm jew bħal-Lhud tal-Galilija. Aktar għandna nixbhu lis-Samaritani u lill-uffiċjal ta’ Kafarnahum, li laqgħu l-grazzja li tahom Ġesù u emmnu fih. U ma għandniex għalfejn nistennew mirakli biex nemmnu. Aktar ikollna mertu meta aħna nemmnu f’Ġesù fuq il-kelma tiegħu biss.

 

IĊ-ĊENTRU TAL-VANĠELU

 

(11) Il-ħdax-il episodju, fejn naraw lil Ġesù miexi fuq l-ilma (6:16-21), jifforma ċ-ċentru tal-Vanġelu ta’ San Ġwann. Wara l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, Ġesù baqa’ waħdu fuq l-għoljiet fuq in-naħa tal-Lvant tal-Għadira tal-Galilija, waqt li d-dixxipli tiegħu telgħu fuq id-dgħajsa biex jaqsmu għan-naħa l-oħra. Kien dalam sewwa u l-baħar kien qawwi, u d-dixxipli ma setgħux jilħqu l-art minkejja li bdew jaqdfu kemm jifilħu. F’daqqa waħda jaraw lil Ġesù miexi fuq il-baħar u riesaq lejhom. Għall-ewwel ma jagħrfuhx u jibżgħu, imma Ġesù jgħidilhom: “Jiena hu; la tibżgħux.” Ġesù jitla’ ħdejhom, u minnufih id-dgħajsa tasal max-xatt ta’ Kafarnahum.

 

Dan il-vjaġġ fuq il-baħar minn naħa għall-oħra tal-Għadira fakkar lil San Ġwann f’dak l-episodju tat-Testment il-Qadim meta Alla mexxa lil-Lhud mill-Baħar tal-Qasab. B’dik il-mogħdija mill-baħar, Alla kien ħeles lil-Lhud mill-jasar ta’ l-Eġittu u beda jmexxihom lejn is-Sinaj biex jagħmilhom il-poplu tiegħu. Issa Ġesù kien qed jagħmel xi ħaġa simili. Kien qed jaqbad id-dixxipli li emmnu fih, jeħlishom minn fost il-Lhud li ma emmnux, u jeħodhom għalihom biex jifforma minnhom il-Poplu l-Ġdid ta’ Alla. Fl-imgħoddi Alla kien irrivela ruħu lil-Lhud bl-isem ta’ Jahweh, ‘Dak li hu’. Issa Ġesù jgħid lid-dixxipli “Jiena hu”, espressjoni li għal San Ġwann tfisser id-divinità ta’ Ġesù. Fl-imgħoddi wkoll, Alla kien waqaf mal-poplu tiegħu. Issa Ġesù kien se jieqaf mad-dixxipli tiegħu biex iħarishom fid-diffikultajiet li kien se jkollhom, u għalhekk seta’ jgħidilhom: “La tibżgħux”.

 

 

IT-TIELET GRUPP TA’ EPISODJI

 

Wara li kellimna fuq il-fidi u fuq il-ħidma ta’ Ġesù biex jifforma l-komunità nisranija, San Ġwann għadda biex jagħtina ħames episodji oħra fejn naraw x’uħud mill-veritajiet kbar tar-reliġjon tagħna, u l-oppożizzjoni li Ġesù u l-Insara sabu fix-xandir ta’ dawn il-veritajiet. Il-ħames episodji huma dawn:

 

 (12) Ġesù l-ħobż tal-ħajja (6:22-71)

 

 (13) Ġesù fil-Festa tal-Għerejjex (7:1 – 8:59)

 

 (14) L-Imwieled Agħma u r-Ragħaj it-Tajjeb (9:1 – 10:21)

 

 (15) Ġesù fil-Festa tad-Dedikazzjoni tat-Tempju (10:22-39)

 

 (16) Ġesù l-qawmien u l-ħajja (10:40 – 12:11).

 

Nibdew biex nagħtu daqqa ta’ għajn lejn kull wieħed minn dawn l-episodji biex fl-aħħar inkunu nistgħu naraw ir-rabta ta’ bejniethom u l-messaġġ li ried jagħtina l-Evanġelista.

 

(12) Ġesù l-ħobż tal-ħajja (6:22-71)

 

Dawk il-Lhud li kienu gawdew mill-miraklu tat-tkattir tal-ħobż ġew ifittxu lil Ġesù bit-tama li Ġesù jerġa’ jitmagħhom. Imma Ġesù qalilhom: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (6:27). X’inhu dan l-ikel? Huwa rigal nieżel mis-sema mingħand Alla biex il-bnedmin ikollhom il-ħajja ta’ dejjem: “Il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja” (6:33). Huwa Ġesù nnifsu: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja” (6:35).

 

Il-Lhud ma setgħux jifhmu kif Ġesù kien qed jgħid li Hu niżel mis-sema. Ma kenux jafu li Ġesù kien Alla nnifsu. Minn għalihom li Ġesù kien bin Ġużeppi (6:42). Imma Ġesù baqa’ jinsisti li Hu kien tassew niżel mis-sema, u li kien se jagħtina lilu nnifsu bħala ikel fl-Ewkaristija: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj li niżel mis-sema. Min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem, u l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi, li jingħata għall-ħajja tad-dinja” (6:51).

 

Hawn il-Lhud stagħġbu aktar għax ma setgħux jifhmu kif Ġesù

seta’ jagħtina l-ġisem tiegħu biex nekluh (6:52). Imma Ġesù baqa’ jisħaq li Hu hekk kien se jagħmel: “Jekk ma teklux il-ġisem ta’ Bin il-Bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb (6:53-55).

 

Kien hemm ħafna li sabuha bi tqila biex jemmnu dan it-tagħlim. San Ġwann jgħidilna: “Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli telquh u ma baqgħux imorru warajh” (6:66). Ma kenux biss il-Lhud ta’ żmien Ġesù li ma emmnux it-tagħlim tiegħu dwar l-Ewkaristija. Meta nkiteb dan il-Vanġelu, madwar sittin sena wara l-mewt ta’ Ġesù, kien hemm ukoll ħafna Lhud li ma sarux Insara għax ma setgħux jemmnu li fl-Ewkaristija hemm Ġesù nnifsu. Il-fidi hi rigal ta’ Alla, u l-bniedem irid jikkoopera ma’ Alla biex jilqagħha: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi” (6:65).

 

(13) Ġesù fil-Festa tal-Għerejjex (7:1 – 8:59)

 

Il-Festa tal-Għerejjex kienet waħda mill-festi l-aktar għeżież tal-Lhud. Kienet iddum sejra ġimgħa sħiħa. Kienet tiġi f’Settembru wara l-qtugħ tal-għeneb, u kienet tfakkar lil-Lhud fl-għeġubijiet li Alla kien għamel ma’ missirijiethom meta kienu jgħixu fit-tined qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda. Ġesù tela’ Ġerusalemm għal din il-festa, u hemm tkellem dwar id-divinità tiegħu.

 

(i) L-ewwel tkellem fuq l-oriġini tiegħu. In-nies kienu jaħsbu li Ġesù kien l-iben ta’ Ġużeppi. Kienu jsejħulu “Ġesù ta’ Nazaret”. Għalhekk f’dan l-episodju nisimgħuhom jgħidu: “Dan nafu minn fejn hu” (7:27). Imma Ġesù jgħidilhom: “Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien? Jien ma ġejtx minn rajja, imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. Jiena nafu, għax jien minn għandu ġej, u kien hu li bagħatni” (7:28-29). Ġesù kien qed juri li l-oriġini tiegħu jafha lil Alla l-Missier.

 

(ii) Bħala Alla veru, Ġesù hu l-għajn tal-grazzja. Fil-Festa ta’ l-Għerejjex il-Qassis il-Kbir kien ixerred bomblu ilma fit-Tempju biex ifakkar il-miraklu meta Alla ta l-ilma mill-blata fi żmien Mosè. Ġesù nqeda b’dik l-okkażjoni biex jistqarr li Hu kien se jagħtina “xmajjar ta’ ilma ħaj” (7:38). Fi kliem ieħor, kien se jxerred il-grazzji tiegħu fuq dawk li jemmnu fih: “Min jieħdu l-għatx jiġi għandi, u jixrob min jemmen fija. Kif tgħid l-Iskrittura: Minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.” San Ġwann iżid jgħidilna li b’dawk il-kelmiet dwar l-ilma ħaj, Ġesù kien qed jifhem “għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih” (7:39).

 

(iii) La darba Ġesù hu Alla tassew, seta’ jgħidilna wkoll li hu “id-dawl tad-dinja” (8:12). Fil-Festa tal-Għerejjex, il-Lhud kienu jixegħlu ħafna dwal fit-Tempju biex juru kif il-Liġi li Alla kien tahom fi żmien Mosè kienet bħal dawl li jmexxihom lejn Alla. Imma issa l-liġi tagħna kien se jkun Ġesù nnifsu. Warajh jeħtieġ li nimxu jekk irridu nsalvaw: “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (8:12).

 

(iv) Fit-Testment il-Qadim Alla ried li jkun magħruf fost il-poplu tiegħu bħala “Jahweh”, jiġifieri ‘Dak li hu’. Biex juri kemm hu tassew Alla, Ġesù jieħu dak l-isem għalih innifsu: “Jekk intom ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom” (8:24). “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-Bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu” (8:28).

 

(v) La darba hu Alla, Ġesù seta’ jgħid li hu kien minn dejjem. Għalhekk kien jeżisti qabel Abraham: “Qabel ma kien Abraham, jiena hu” (8:58).

 

Il-Lhud fehmu Ġesù x’kien qiegħed jgħid. Fehmu li qed jgħid li hu Alla. Imma ma emmnux. Anzi “qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu” (8:59). U kif ma emmnux il-Lhud ta’ żmien Ġesù, lanqas ma emmnu l-Lhud li għexu meta San Ġwann kien qed jikteb l-Evanġelju.

  

(14) L-Imwiegħed Agħma u r-Ragħaj it-Tajjeb (9:1 – 10:21)

 

Kien hemm raġel agħma minn twelidu. Ġesù ħenn għalih u tah id-dawl. Mhux biss id-dawl ta’ għajnejh, imma wkoll id-dawl tal-fidi. Ġesù staqsieh: “Temmen inti f’Bin il-Bniedem?” U dak ir-raġel wieġeb: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?” U Ġesù qallu: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek.” U dak ir-raġel inxteħet għarkobbtejh quddiem Ġesù u qallu: “Nemmen, Mulej” (9:35-38).

 

B’kuntrast ma’ dan ir-raġel li emmen, San Ġwann jurina l-Fariżej li, għalkemm ma setgħux jiċħdu li sar miraklu, xorta waħda baqgħu ma emmnux f’Ġesù. Anzi talli dak ir-raġel iddefenda lil Ġesù, dawn il-Fariżej spiċċaw biex keċċewh mis-sinagoga.

 

F’dan il-kuntest Ġesù jsejjaħ lilu nnifsu “il-bieb tan-nagħaġ” u “ir-ragħaj it-tajjeb”, filwaqt li lill-Fariżej ixebbaħhom mal-ħallelin li jidħlu biex jisirqu, u mal-mikri li jaħrab meta jara l-lupu. Għax il-Fariżej ma nqdewx bit-tagħlim li kellhom biex iressqu n-nies lejn Alla, anzi aktar begħduhom minnu. Min-naħa l-oħra Ġesù kien se jagħti ħajtu biex il-merħla tiegħu jkollha “l-ħajja, u ħajja bil-kotra” (10:10).

 

Dak li għamlu l-Fariżej ta’ żmien Ġesù, reġgħu għamluh il-Fariżej li għexu meta San Ġwann kien qed jikteb il-Vanġelu. Għax dawn il-Fariżej ukoll kienu jagħmlu ħilithom biex ma jħallux il-Lhud isiru Nsara. Għalhekk il-kliem li Ġesù qal għall-Fariżej ta’ żmienu kien jgħodd ukoll għalihom. Huma wkoll setgħu jissejħu “ħallelin” u “rgħajja foloz”.

 

(15) Ġesù fil-Festa tad-Dedikazzjoni tat-Tempju (10:22-39)

 

Il-Festa tad-Dedikazzjoni tat-Tempju kienet issir f’Diċembru, u kienet tfakkar il-ġrajja meta Ġuda l-Makkabi kien reġa’ kkonsagra t-Tempju fis-sena 164 Q.K. wara li t-Tempju kien ipprofanat mis-sultan pagan Antijokus Epifanes. Ġesù kien qiegħed Ġerusalemm għal din il-festa u reġa’ tkellem fuq id-divinità tiegħu. Ġesù stqarr li Hu u l-Missier, għalkemm huma żewġ persuni distinti, huma Alla wieħed: “Jiena u l-Missier aħna ħaġa waħda” (10:30). Il-Lhud reġgħu ma aċċettawx il-kelma ta’ Ġesù, u qabdu l-ġebel biex iħaġġruh. Ġesù staqsihom: “Għaliex tridu tħaġġruni?” U l-Lhud weġbuh: “Minħabba d-dagħwa li dgħajt, għax int, li m’intix ħlief bniedem, qiegħed tagħmel lilek innifsek Alla” (10:33) Ġesù jitlobhom iħarsu lejn il-mirakli li kien għamel: “Jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel” (10:38). Għax kieku ma kienx qed jgħid il-verità, Alla ma kienx iħallih jagħmel mirakli. Imma xorta waħda l-Lhud baqgħu ma emmnux!

 

(16) Ġesù l-qawmien u l-ħajja (10:40 – 12:11)

 

 Fost il-ħbieb li kellu Ġesù, kien hemm wieħed jismu Lażżru. Lażżru marad serjament, u ħutu Marta u Marija bagħtu jgħidu lil Ġesù li ħuhom kien marid. Ġesù ħalla xi żmien jgħaddi, biex Lażżru jilħaq imut, ħalli mbagħad imur u jqajmu mill-mewt. Ġesù jagħti t-tifsira ta’ għemilu f’żewġ diskorsi qosra, wieħed ma’ l-Appostli u l-ieħor ma’ Marta.

 

Lill-Appostli Ġesù jgħidilhom: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla. (11:4). Fi kliem ieħor, Ġesù jaf li l-miraklu li se jagħmel se jqanqal lill-mexxejja tal-Lhud biex joqtlu lilu, u jaf ukoll li wara li jmut kien se jqum. Għalhekk il-mewt u l-qawmien ta’ Lażżru kienu se jwasslu għall-glorifikazzjoni ta’ Ġesù.

 

Lil Marta Ġesù jgħidilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (11:25-26). Ġesù, mela, għandu l-qawwa li jagħti l-vera ħajja lil dawk li jemmnu fih: il-ħajja tal-grazzja bħala rebħa fuq id-dnub, u l-ħajja tal-qawmien bħala rebħa fuq il-mewt.

 

Bħalma kien ħabbar Ġesù, il-mexxejja tal-Lhud aktar ħraxu kontra tiegħu u ftiehmu li joqtluh (11:53). Għalhekk xi ġranet wara, meta Marija oħt Lażżru dilket lil Ġesù bil-fwieħa, Ġesù fisser dik id-dilka bħala thejjija għad-difna tiegħu (12:7). Tassew, Ġesù kien se jmut u jkun midfun, imma mbagħad kien se jqum, u b’hekk juri kemm Hu tassew “il-qawmien u l-ħajja”.

 

Issa nistgħu nħarsu lejn il-ħames episodji li studjajna u naraw ir-rabta ta’ bejniethom u l-messaġġ li joħroġ minnhom. L-ewwel episodju (id-diskors fuq l-Ewkaristija) jintrabat mal-ħames wieħed (il-qawmien ta’ Lażżru), għax fit-tnejn Ġesù jwiegħed li jagħtina l-ħajja tassew. Meta jitkellem fuq l-Ewkaristija, Ġesù jgħidilna: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (6:54). U lil Marta Ġesù jgħidilha: “Jiena l-qawmien u l-ħajja” (11:25). It-tieni u r-raba’ episodju jintrabtu flimkien għax fit-tnejn lil Ġesù narawh waqt festa, u d-darbtejn Ġesù jitkellem fuq l-istess suġġett, jiġifieri fuq id-divinità tiegħu. F’dawn l-erba’ episodji stajna naraw l-oppożizzjoni min-naħa tal-Lhud għall-veritajiet kbar li xandar Ġesù. Dik l-oppożizzjoni kompliet ukoll wara l-mewt ta’ Ġesù, u tibqa’ sejra f’kull żmien min-naħa ta’ dawk li ma jemmnux. X’għandu jkun l-atteġġjament tagħna l-Insara quddiem oppożizzjoni bħal din? L-episodju taċ-ċentru, dak ta’ l-imwieled agħma, jagħtina t-tweġiba. Bħall-agħma li ma beżax jiddefendi lil Ġesù, in-Nisrani ma għandux jibża’ jistqarr il-fidi tiegħu.

 

 

IR-RABA’ GRUPP TA’ EPISODJI

 

Ir-raba’ u l-aħħar grupp ta’ episodji fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jitkellem dwar “is-siegħa ta’ Ġesù”. Fil-Festa tal-Għerejjex, meta l-Lhud ippruvaw jaqbdu lil Ġesù, San Ġwann kien qalilna li ma rnexxilhomx “għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx” (7:30 u 8:20). Imma issa, dik “is-siegħa” tasal. X’qed jifhem San Ġwann b’din “is-siegħa”? Qed jifhem il-passjoni, il-mewt, u l-glorifikazzjoni ta’ Ġesù. F’din l-aħħar taqsima tal-Vanġelu, mela, San Ġwann ikellimna fuq din is-siegħa, u jurina l-ġid li ħareġ minnha.

 

Il-ħames episodji ta’ din it-taqsima huma dawn:

 

(17) Ġesù jistqarr li waslet is-siegħa tiegħu (12:12-50)

 

(18) Ġesù fl-Aħħar Ikla mad-dixxipli (13:1 – 17:26)

 

(19) Il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù (18:1 – 19:42)

 

(20) Marija ta’ Magdala ħdejn il-qabar (20:1-18)

 

(21) Ġesù jidher lill-Appostli (20:19 -21:25).

 

Bħalma għamilna fit-taqsimiet l-oħra, ħalli nistudjaw dawn l-episodji wieħed wieħed biex mbagħad inkunu nistgħu naraw ir-rabta ta’ bejniethom u l-messaġġ li joħroġ minnhom.

 

(17) Ġesù jistqarr li waslet is-siegħa tiegħu (12:12-50)

 

San Ġwann jurina lil Ġesù dieħel Ġerusalemm riekeb fuq felu, b’ħafna nies madwaru jxejru l-friegħi tal-palm u jgħajtu: “Imbierek is-sultan ta’ Israel” (12:13). In-nies kienu qegħdin jittamaw li Ġesù se jkun dak is-sultan li jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani. Imma Ġesù kien mibgħut fostna minn Alla l-Missier biex jagħti ħajtu ħalli jeħlisna mill-jasar tad-dnub u jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Ġesù kien jaf li wasal iż-żmien li jieħu l-mewt għalina. Għalhekk stqarr bl-akbar solennità: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-Bniedem ikun igglorifikat. Tassew, tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (12:23-24). Bħal qamħa li tagħti ħajjitha biex tipproduċi sbula ġdida, Ġesù kien se jagħti ħajtu biex aħna jkollna l-vera ħajja. U dan is-sagrifiċċju Ġesù kien se jagħmlu mhux għal-Lhud biss, imma għall-bnedmin kollha: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, niġbed il-bnedmin kollha lejja” (12:32).

 

San Ġwann jurina li ħafna pagani kienu se jilqgħu din il-grazzja mogħtija lilna minn Ġesù, waqt li ħafna mil-Lhud ma kenux se jilqgħuha. Dwar il-pagani, San Ġwann jgħidilna li ġew xi Griegi u qalu lil Filippu: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (12:21). Għal San Ġwann, “li tara lil Ġesù” tfisser li tagħraf lil Ġesù bħala s-salvatur tiegħek u temmen fih. Imma għal-Lhud, San Ġwann jgħidlina: “Ġesù għamel ħafna sinjali quddiemhom, u madankollu baqgħu ma emmnux fih” (12:37). Ġesù ma jisforza lil ħadd. Hu ta ħajtu għalina lkoll, imma biex ikollna l-ħajja li qed joffrilna, hemm bżonn il-kooperazzjoni tagħna.

 

(18) Ġesù fl-Aħħar Ikla mad-dixxipli (13:1 – 17:26)

 

San Ġwann jibda l-episodju ta’ l-Aħħar Ċena b’dan il-kliem sabiħ: “Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (13:1). Ħabbhom għall-aħħar billi ta ħajtu għalihom fuq is-salib. U biex juri dik l-imħabba, fl-Aħħar Ċena Ġesù ħasel ir-riġlejn ta’ l-Appostli tiegħu. Għax dak il-ħasil tar-riġlejn ma kienx ħlief simbolu tal-ħasil ta’ ruħna li Ġesù kien se jwettaq bit-tixrid ta’ demmu fuq is-salib. Għalhekk Ġesù, waqt il-ħasil tar-riġlejn, lil Pietru jgħidlu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem” (13:7).

 

Ġesù jħabbar it-tradiment ta’ Ġuda, u Ġuda jitlaq ’il barra biex imur għand il-mexxejja tal-Lhud. Ġesù jfisser it-tluq ta’ Ġuda bħala l-bidu tal-proċess li kien se jwassal għall-mewt u l-glorifikazzjoni tiegħu: “Bin il-Bniedem huwa igglorifikat” (13:31).

 

Ġesù juri lill-Appostli li l-mewt tiegħu ma kenitx ’il bogħod: “Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom” (13:33). U għalhekk, bħal missier li qed jagħmel it-testment, Ġesù jgħidilhom x’irid minnhom biex ikunu tassew dixxipli tiegħu. Jgħidilhom li għandhom iħobbu lil xulxin bħalma ħabbna hu. Iridna nħarsu lejh bħala l-mudell ta’ l-imħabba tagħna: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (13:34). U jrid ukoll Ġesù li nkunu magħqudin miegħu bħalma l-fergħa tkun magħquda mas-siġra tagħha: “Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija” (15:4).

 

Ġesù jwiegħed lill-Appostli li wara li jitla’ s-sema, jibagħtilhom l-Ispirtu s-Santu, biex ikun id-Difensur tagħhom, li jfakkarhom u jfehimhom dak li kien għallimhom Hu: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ dejjem magħkom... Id-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom” (14:16 u 26).

 

Ġesù jkompli jqawwi l-qalb ta’ l-Appostli billi jħabbrilhom li wara mewtu jerġgħu jarawh: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni... Issa tħossukom imdejqin, imma għad nerġa’ narakom, u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (16:16 u 22).

 

Ġesù jitlob għal dawn l-Appostli: “Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni” (17:11). Il-missjoni tagħhom ma kenitx se tkun ħafifa, għax huma kellhom ixandru lill-bnedmin l-istess tagħlim li kien xandar Ġesù. U bħalma ħafna kienu ħaduha kontra Ġesù, kien se jkun hemm ħafna li jeħduha kontra l-Appostli (15:18-19).

 

Ġesù ma jinsiex lilna l-Insara, li emminna l-kelma li xandrulna l-Appostli. Jitlob li nkunu magħqudin fil-Knisja waħda tiegħu, magħqudin ilkoll fil-fidi u fl-imħabba: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma ukoll ħaġa waħda fina” (17:21).

 

Bi kliem bħal dan Ġesù sellem lill-Appostli qabel ma ħareġ biex iwettaq dak li l-Missier talab minnu “fis-siegħa tiegħu”.

 

(19) Il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù (18:1 – 19:42)

 

San Ġwann jurina lil Ġesù maqbud u marbut fil-ġnien tal-Ġetsemani. Jurihulna quddiem Annas, missier il-mara tal-Qassis il-Kbir Kajfas. Jurihulna quddiem Pilatu. Jurihulna msallab fuq is-salib. Jurihulna minfud b’daqqa ta’ lanza, bid-demm u l-ilma ħerġin mill-kustat tiegħu.

 

Ċerti dettalji li jdaħħal San Ġwann f’dan ir-rakkont iġegħluna nirriflettu biex nifhmu aħjar il-messaġġ li xtaq iwassal l-Evanġelista. San Ġwann ried jurina lil Ġesù bħala l-Messija,

 is-sultan li Alla kien wiegħed lil-Lhud, għalkemm dawn ma laqgħuhx, għax ma redux jemmnu t-tagħlim tiegħu. Għalhekk lil Ġesù nisimgħuh jgħid: “Jiena sultan. Jien għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (18:37).

 

San Ġwann ried jurina lil Ġesù wkoll bħala l-imħallef ta’ kulħadd. Il-mexxejja tal-Lhud kienu għamluha ta’ mħallfin meta kkundannaw lil Ġesù. Pilatu wkoll għamilha ta’ mħallef. Imma Ġesù, l-imħallef ta’ l-istess imħallfin, jgħaddi s-sentenza kemm fuq il-Lhud u kemm fuq Pilatu, u juri min kellu l-akbar ħtija. Lil Pilatu jgħidlu: “Min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar” (19:11).

 

L-Evanġelista ried ukoll jurina lil Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir tagħna. Jurina dan meta jsemmi t-tunika ta’ Ġesù. Jgħidilna li din it-tunika “kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel” (19:23). Kien il-Qassis il-Kbir li kien jilbes tunika bħal din. U skond il-Levitiku, it-tunika tal-Qassis il-Kbir ma kellhiex titqatta’ (Lev 21:10). Għahekk San Ġwann ħa ħsieb iżid x’qalu s-suldati dwar it-tunika ta’ Ġesù: “Ma nqattgħuhiex” (19:24).

 

San Ġwann ikompli jurina lil Ġesù bħala l-Vittma. Ġesù kien il-ħaruf li ta ħajtu għas-salvazzjoni tagħna. Għalhekk San Ġwann jurina lil Ġesù qed imut fuq is-salib fl-istess ħin li fit-Tempju kienu qegħdin jinqatlu l-ħrief li f’dak il-lejl kienu se jittieklu fl-ikla tal-Għid.

 

Fl-aħħarnett San Ġwann ried jurina lil Ġesù bħala Alla tassew, l-għajn tal-grazzja, għax mill-ġenb minfud tiegħu ħareġ l-ilma, simbolu tal-grazzja, kif kien ħabbar hu stess fil-Festa tal-Għerejjex meta qal li minnu kienu se joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj (ara 7:37-39).

 

U dan Ġesù, li “kien jaf minn qabel b’kull ma kien ġej fuqu” (18:4), aċċetta bil-qalb li jbati l-mewt ħarxa tas-salib biex juri kemm iħobb lil Missieru (18:11) u kemm iħobb lilna (13:1). Bir-raġun kollu jixraq li s-siegħa tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù nsejħulha “is-siegħa tal-glorja” tiegħu.

 

(20) Marija ta’ Magdala ħdejn il-qabar (20:1-18)

 

Ġesù miet il-Ġimgħa wara nofs in-nhar. Kien midfun dak in-nhar stess fil-għaxija. San Ġwann jgħidlilna li l-Ħadd fil-għodu kmieni Marija ta’ Magdala marret ħdejn il-qabar ta’ Ġesù u sabitu miftuħ. Meta rat li l-qabar kien vojt, Marija ħasbet li xi ħadd kien ħa l-ġisem ta’ Ġesù. Marret tiġri tagħti l-aħbar lil Pietru u lid-dixxiplu l-maħbub. Dawn ġew u daħlu fil-qabar. L-Evanġelista ma jgħidilniex x’ħaseb Pietru meta ra l-qabar vojt. Imma dwar id-dixxiplu l-maħbub jgħidilna li, mill-pożizzjoni tal-bċejjeċ tal-għażel li bihom kienu keffnu lil Ġesù, dan id-dixxiplu wasal għall-konklużjoni li Ġesù kien qam mill-mewt: “Ra u emmen” (20:8).

 

Din il-konklużjoni ma kenitx żbaljata. Tant li meta d-dixxiplu l-maħbub telaq minn ħdejn il-qabar, Ġesù deher lil Marija ta’ Magdala. Marija riedet ittir bil-ferħ. Niżlet għarkobbtejha quddiem Ġesù u qabditlu riġlejh u ma xtaqitx titilqu. Wara ftit Ġesù qalilha: “Ħallini, għax għadni ma tlajtx għand Missieri, imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom” (20:17).

 

B’dan il-kliem Ġesù juri li l-fidwa tagħna kien wettaqha. Lill-Appostli jsejħilhom “ħutu”, u lil Missieru jsejjaħlu “Missierhom”. Il-mewt u l-qawmien tiegħu, mela, ġabulna din il-grazzja, li dawk kollha li jemmnu f’Ġesù jsiru ħutu u ulied ta’ Alla l-Missier. Dan hu l-frott tas-“siegħa ta’ Ġesù”. Imma kien għad jonqos xi ħaġa oħra. Fl-Aħħar Ċena Ġesù kien wiegħed lill-Appostli li wara li jitla’ għand il-Missier, jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu (ara 14:16 u 16:7). Għalhekk meta jibgħat lil Marija biex tgħid lill-Appostli li kien se jitla’ għand il-Missier, Ġesù riedhom jifhmu li ma jdumux ma jirċievu l-Ispirtu s-Santu. B’hekk “is-siegħa ta’ Ġesù” tilħaq il-milja tagħha.

 

(21) Ġesù jidher lill-Appostli (20:19 – 21:25)

 

L-aħħar episodju jagħtina tliet dehriet li Ġesù għamel lill-Appostli wara li qam mill-mewt. Fl-ewwel dehra, li ssir il-Ħadd fil-għaxija, Ġesù jagħti l-Ispirtu s-Santu lill-Appostli u jżejjinhom bis-setgħa li jaħfru d-dnubiet. B’hekk Ġesù jwassal fit-tmiem “is-siegħa tiegħu”. L-Appostli issa għandhom magħhom id-Difensur, li se jgħinhom jaqdu l-missjoni tagħhom għas-salvazzjoni tal-bnedmin. U għandhom ukoll s-setgħa li jaħfru d-dnubiet ħalli l-fidwa ta’ Ġesù tkun tista’ tiġi applikata għal kull wieħed u waħda minna.

 

Tmint ijiem wara, Ġesù jagħmel dehra oħra lill-Appostli. F’din id-dehra juri l-bżonn tal-fidi. L-Appostlu Tumas ma kienx ma’ sħabu l-Ħadd ta’ qabel, u ma riedx jemmen meta l-Appostli l-oħra qalulu li kienu raw lil Ġesù. Imma issa, meta Ġesù jurih il-pjagi tiegħu u jgħidlu biex imisshom, Tumas jinżel għarkobbtejh quddiem Ġesù u jagħmel stqarrija ta’ fidi. Lil Ġesù jsejjaħlu “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (20:28). U Ġesù jgħidlu: “Int emmint għax rajtni. Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (20:29). Għalhekk xejn ma għandna niddejqu li aħna ma konniex fid-dinja fi żmien Ġesù u ma rajniehx. Aktar għandna xorti kbira li emminna fih fuq it-tagħlim li rċevejna mingħand l-Appostli.

 

It-tielet dehra Ġesù jagħmilha fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galilija. Pietru kien ħa x’uħud mill-Appostli jistadu fuq l-Għadira. Matul il-lejl ma qabdux ħuta waħda, imma fil-għodu jidhrilhom Ġesù, u għall-kelma tiegħu jaqbdu 153 ħuta kbira, “u minkejja daqshekk ħut ix-xibka ma nqasmitx” (21:11). Aħna li nafu li Ġesù ried jagħmel l-Appostli “sajjieda tal-bnedmin” ma għandniex indumu ma nindunaw li din is-sajda hija simbolu tal-missjoni tal-Knisja. Fi żmien Ġesù, l-għorrief kienu jaħsbu li fil-baħar kien hemm 153 razza ta’ ħut. Għalhekk b’dak in-numru San Ġwann irid jgħidilna kif Ġesù jixtieq li l-bnedmin kollha jidħlu fil-Knisja tiegħu. U bħalma x-xibka ma nqasmitx, Ġesù mhux se jħalli l-Knisja tiegħu tinqered. Hu se jibqa’ dejjem magħha biex iħarisha fid-diffikultajiet kollha tagħha.

 

Ġesù jagħlaq l-aħħar dehra b’kelmtejn dwar Pietru u dwar id-dixxiplu l-maħbub. Minnhom it-tnejn ried li jkunu xhieda tiegħu, għalkemm b’mod differenti. Pietru kellu jagħti xhieda ta’ Ġesù billi jkun ir-ragħaj tal-Knisja li bħal Ġesù jagħti ħajtu għall-merħla (21:15-19). Id-dixxiplu l-maħbub kellu jagħti xhieda billi jiktbilna dan l-Evanġelju meraviljuż (21:24).

 

Baqgħalna naraw ir-rabta bejn il-ħames episodji ta’ din it-taqsima. L-ewwel u l-ħames episodju jintrabtu flimkien għax “is-siegħa” li Ġesù jiddikjara li waslet fl-ewwel episodju tilħaq il-milja tagħha fil-ħames episodju meta Ġesù jagħti l-Ispirtu s-Santu lill-Appostli. It-tieni episodju (l-Aħħar Ċena) jintrabat mar-raba’ wieħed (Marija ħdejn il-qabar), għax dak li Ġesù jwiegħed fit-tieni jseħħ fir-raba’. Fit-tieni episodju Ġesù jgħid lill-Appostli: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni” (16:16). Sar-raba’ episodju, dak il-“ftit ieħor” ikun għadda, u Ġesù jidher lil Marija ta’ Magdala biex jibgħatha għand l-Appostli tagħtihom l-aħbar tal-qawmien. L-episodju tan-nofs (Il-Passjoni u l-Mewt) jifforma tassew iċ-ċentru ta’ din it-taqsima, għax jurina lil Ġesù fl-aqwa mument tas-“siegħa” tiegħu, il-mument meta, biex juri l-imħabba kbira li għandu lejn il-Missier u lejna kien lest li jagħti ħajtu fuq is-salib. Għal din l-imħabba kbira min-naħa ta’ Ġesù, San Ġwann jixtieq li min-naħa tagħna nwieġbu wkoll bl-imħabba, ħalli mingħand Ġesù nirċievu l-vera ħajja.

 

Għat-tqassim ta’ dan l-Evanġelju, imxejt fuq il-ktieb “The Genius of John” ta’ Peter F. Ellis. Ellis min-naħa tiegħu mexa fuq studju li kien għamel il-Ġiżwita John Gerhard.